1.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Ġunju 2010

dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ programmi ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku u t-tjur selvaġġ

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4190)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/367/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur, inkluż it-tjur domestiku. L-infezzjonijiet bil-vajrusis tal-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku jagħtu lok għal żewġ forom tal-marda li d-differenza bejniethom tidher mill-kapaċità ta’ tixrid tagħhom. Il-forma ta’ patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma ta’ patoġeniċità għolja tirriżulta f’rati ferm għoljin ta’ mwiet fil-biċċa l-kbira tal-ispeċi tat-tjur domestiku. Din il-marda jista’ jkollha impatt qawwi fuq il-qligħ mit-trobbija tat-tjur.

(2)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistabbilixxi miżuri għall-kontroll ta’ tifqigħ, fit-tjur domestiku u tjur ieħor mhux selvaġġ, tal-influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja (HPAI) u influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità baxxa kkawżati mill-vajrusis tal-influwenza tat-tjur tas-sottotipi H5 u H7 (LPAI), kif iddefinit f’din id-Direttiva. Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula wkoll ċerti miżuri preventivi marbuta mas-sorveljanza u s-sejba minn kmieni tal-vajrusis tal-influwenza tat-tjur.

(3)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula li jridu jiġu implimentati programmi ta’ sorveljanza obbligatorji mill-Istati Membri. Dawn il-programmi ta’ sorveljanza għandhom l-għan li jidentifikaw iċ-ċirkolazzjoni tal-vajrusis LPAI fit-tjur domestiku, b’mod partikolari fl-ispeċi ta’ tjur li jgħix fl-ilma, qabel ma jinxterdu fil-popolazzjoni tat-tjur, biex jistgħu jittieħdu miżuri ta’ kontroll biex tiġi evitata mutazzjoni fil-vajrus HPAI li jista’ jkollha konsegwenzi devastanti.

(4)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula wkoll programmi ta’ sorveljanza li jridu jitwettqu fit-tjur selvaġġ sabiex isir kontribut, fuq il-bażi ta’ assessjar tar-riskju aġġornat regolarment, f’dak li huwa tagħrif attwali dwar it-theddid li ġej mit-tjur selvaġġ fir-rigward ta’ kull vajrus tal-influwenza fit-tjur li joriġina mit-tjur.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/268/KE tat-13 ta’ April 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku u t-tjur selvaġġ li jridu jitwettqu fl-Istati Membri u li temenda d-Deċiżjoni 2004/450/KE (3) ġiet adottata biex jiġu stabbiliti linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi ta’ sorveljanza.

(6)

Mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, l-esperjenza li nkisbet fl-Istati Membri fit-twettiq tal-programmi ta’ sorveljanza u l-iżviluppi fl-għarfien xjentifiku u l-konklużjonijiet li ħarġu mir-riċerka, dawn kollha jindikaw li ċerti speċi ta’ tjur u kategoriji ta’ produzzjoni tat-tjur jinsabu f’riskju ogħla li jiġu infettati bil-vajrusis tal-influwenza tat-tjur minn oħrajn, mingħajr ma wieħed jinsa wkoll il-post fejn tinsab l-azjenda u fatturi oħra ta’ riskju.

(7)

It-theddida tal-introduzzjoni tal-vajrus HPAI tas-sottotip H5N1 mill-Xlokk tal-Ażja lejn l-Ewropa permezz tal-firxa tiegħu lejn il-lvant matul l-2005 tat lok għall-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali biex wieħed ikun lest u jinduna mill-ewwel bit-tip ta’ dan il-vajrus fit-tjur domestiku u dak selvaġġ.

(8)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/731/KE tas-17 ta’ Ottubru 2005 li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għas-sorveljanza tal-influwenza tat-tjur fit-tjur selvaġġ (4) tistipula li l-Istati Membri jagħmlu arranġamenti biex jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar xi mwiet anormali jew tifqigħ sinifikanti ta’ mard li jseħħ fit-tjur selvaġġ u b’mod partikolari tjur selvaġġ li jgħix fuq l-ilma. Irid isir ukoll teħid ta’ kampjuni u ttestjar fil-laboratorju għall-vajrus tal-influwenza tat-tjur.

(9)

Huwa xieraq li r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/731/KE jiġu inklużi fid-Deċiżjoni attwali.

(10)

Mill-2006 sal-2009, ittieħdu kampjuni minn aktar minn 350 000 tajra selvaġġa u ġew ttestjati għall-influwenza tat-tjur. Bħala medja, is-sorveljanza fl-Istati Membri saret bit-teħid ta’ kampjunita’ 75 % ta’ tjur ħaj u 25 % ta’ tjur marid jew mejjet.

(11)

Aktar minn 1 000 tajra misjuba mejta jew morda nstabu pożittivi f’testijiet għall-HPAI tas-sottotip H5N1, filwaqt li madwar ħames tajriet biss mill-kampjun ta’ tajriet ħajjin u b’saħħithom instabu pożittivi għal dan il-vajrus matul dak il-perjodu ta’ erba’ snin. Is-sottotipi LPAI ġew kważi esklużivament iżolati minn kampjuni meħuda minn tajriet ħajjin.

(12)

Il-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rapporti annwali dwar is-sorveljanza tal-influwenza tat-tjur (5) fl-Unjoni kkompilati mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-UE (LRUE) għall-influwenza tat-tjur, l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel (EFSA) (6)  (7)  (8) u l-ħidma tal-Grupp ta’ Azzjoni dwar is-Sorveljanza tal-Mard fl-Annimali (TFADS) enfasizzaw li għandhom jiġu introdotti ċerti emendi fl-istrateġija attwali ta’ sorveljanza fit-tjur domestiku u t-tjur selvaġġ biex jitrawwem aktar approċċ ibbażat fuq ir-riskju meqjus bħala l-iktar strateġija ta’ sorveljanza xierqa biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu mgħarrfa għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard bil-ħsieb li jitħares it-tjur domestiku u l-azjendi tat-tjur mhux selvaġġ.

(13)

Is-sorveljanza bbażata fuq ir-riskju għandha tikkomplementa s-sistemi ta’ twissija minn kmieni għall-infezzjoni tal-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku, bħal dawk li kienu diġà stipulati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/734/KE tad-19 ta’ Ottubru 2005 li tistabbilixxi miżuri ta’ bijosigurtà biex jonqos ir-riskju ta’ tixrid tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja kkawżata mill-vajrus tal-Influwenza A tas-sottotip H5N1 minn tjur li jgħix fil-beraħ għat-tjur domestiku u tjur ieħor mhux selvaġġ u li tipprovdi għal sistema ta’ twissija minn kmieni f’żoni ta’ riskju partikolari (9) u fil-Kapitolu II(2) tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/437/KE tal-4 ta’ Awwissu 2006 li tapprova Manwal Dijanjostiku għall-influwenza tat-tjur kif stipulat fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/94/KE (10).

(14)

Il-linji gwida għas-sorveljanza tal-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku u tjur selvaġġ stipulati fid-Deċiżjoni 2007/268/KE għandhom għalhekk jiġu riveduti fid-dawl tal-esperjenza u l-għarfien xjentifiku miksuba u jiġu sostitwiti mil-linji gwida stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(15)

Fl-interess tal-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar fil-laboratorju għandhom isiru skont il-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/437/KE, għajr għal indikazzjonijiet mod ieħor.

(16)

Fl-interessi tal-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, waqt l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ sorveljanza fit-tjur selvaġġ, għandhom jitqiesu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar it-tħaris tat-tjur selvaġġ (11) b’mod partikolari fir-rigward tal-pjan ta’ sorveljanza u l-proċeduri ta’ teħid ta’ kampjuni deskritti fit-Taqsimiet 2 u 3 tal-Parti 1 tal-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

(17)

Id-Deċiżjonijiet 2005/731/KE u 2007/268/KE għandhom jitħassru.

(18)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu arranġamenti xierqa ma’ għaqdiet ta’ osservazzjoni u ta’ twaħħil ta’ ċrieki tat-tjur, għaqdiet ta’ kaċċaturi u għaqdiet oħrajn rilevanti sabiex jiġi żgurat li dawn l-għaqdiet jintalbu jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien dwar xi mwiet anormali jew tifqigħ sinifikanti ta’ mard li joħroġ fit-tjur selvaġġ u b’mod partikolari fit-tjur selvaġġ li jgħix fuq l-ilma.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li minnufih wara li l-awtorità kompetenti tkun irċeviet in-notifika, kif stipulat fl-Artikolu 1, u kull meta ebda kawża ċara oħra ta’ mard ma tkun identifikata għajr l-influwenza tat-tjur, l-awtorità kompetenti għandha tara li:

(a)

jinġabru kampjuni xierqa mit-tajriet mejta u jekk ikun possibbli minn tajriet oħra li ġew f’kuntatt mat-tajriet mejta;

(b)

dawn il-kampjuni jkunu suġġetti għal testijiet tal-laboratorju għall-investigazzjoni tal-vajrus tal-influwenza tat-tjur.

2.   Il-proċeduri ta’ ttestjar u ta’ teħid ta’ kampjuni għandhom isiru skont il-Kapitoli minn II sa VIII tal-Manwal Dijanjostiku għall-influwenza tat-tjur approvat bid-Deċiżjoni 2006/437/KE.

3.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien f’każ li t-testijiet tal-laboratorju stipulati fil-paragrafu 1(b) jagħtu riżultati pożittivi għal vajrus tal-infuwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (HPAI).

Artikolu 3

Il-programmi ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku u selvaġġ li għandhom isiru mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2005/94/KE, għandhom jikkonformaw mal-linjigwida stabbiliti fl-Annessi I u II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Mingħajr ħsara għar-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li r-riżultati kollha pożittivi u negattivi kemm tal-investigazzjoni seroloġika kif ukoll dik viroloġika għall-influwenza tat-tjur miksuba bħala parti mill-programmi ta’ sorveljanza għat-tjur domestiku u selvaġġ jitħabbru kull sitt xhur lill-Kummissjoni. Għandhom jintbagħtu permezz tas-sistema onlajn tal-Kummissjoni kull sena sal-31 ta’ Lulju għas-sitt xhur li jiġu qabel din id-data (mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju) u sal-31 ta’ Jannar għas-sitt xhur li jiġu qabel din id-data (mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru).

Artikolu 5

Id-Deċiżjonijiet 2005/731/KE u 2007/268/KE huma revokati.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(2)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(3)  ĠU L 115, 3.5.2007, p. 3.

(4)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 93.

(5)  Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/controlmeasures/avian/eu_resp_surveillance_en.htm

(6)  The EFSA Journal (2005) 266, 1-21; Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of Avian Influenza.

(7)  The EFSA Journal (2008) 715, 1-161, Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of avian influenza and the risks of its introduction into the EU poultry holdings.

(8)  The EFSA Journal (2006) 357, 1-46, Opinion on Migratory birds and their possible role in the spread of highly pathogenic Avian Influenza.

(9)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105.

(10)  ĠU L 237, 31.8.2006, p. 1.

(11)  ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.


ANNESS I

Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku

1.   Għanijiet tal-programmi ta’ sorveljanza

L-għanijiet tal-programmi ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku huma li l-awtorità kompetenti tkun infurmata dwar il-vajrus tal-influwenza tat-tjur li jkun qed jiċċirkola bil-ħsieb li l-marda tiġi kkontrollata skont id-Direttiva 2005/94/KE bis-saħħa tal-investigazzjoni annwali permezz ta’ sorveljanza attiva għal:

(a)

l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa (LPAI) tas-sottotipi H5 u H7 fit-tjur ta’ ġens it-tiġieġ (jiġifieri tiġieġ, dundjani, fargħun, faġan, perniċi u summien) u r-ratiti biex b’hekk jiġu kkomplementati sistemi oħra attwali ta’ twissija minn kmieni;

(b)

l-LPAI tas-sottotipi H5 u H7 u l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (HPAI) fit-tjur domestiku li jgħix fuq l-ilma (jiġifieri papri, wiżż u kuluvert għall-provvista ta’ ħażna mill-ġdid tat-tjur tal-kaċċa);

2.   Pjan ta’ sorveljanza

It-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar seroloġiku fl-azjendi tat-tjur għandu jsir biex tinstab il-preżenza ta’ antikorpi għall-influwenza tat-tjur, kif iddefinit fid-Direttiva 2005/94/KE.

Din is-sorveljanza attiva tikkomplementa s-sistemi ta’ twissija minn kmieni li diġà teżisti fl-Istati Membri, kif stipulat fid-Deċiżjoni 2005/734/KE u fil-Kapitolu II tal-Manwal Dijanjostiku għall-influwenza tat-tjur approvat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/437/KE (“il-Manwal Dijanjostiku”); b’mod partikolari dawk implimentati fl-azjendi tat-tjur li jitqiesu li jinsabu f’riskju ogħla għall-introduzzjoni tal-influwenza tat-tjur.

Jeżistu żewġ metodi ewlenin ta’ sorveljanza li għandhom għarfien internazzjonali għas-sorveljanza tal-mard fl-annimali: (a) is-sorveljanza bbażata fuq ir-riskju; u (b) is-sorveljanza bbażata fuq teħid ta’ kampjuni rappreżentattivi.

2.1.   Sorveljanza Bbażata fuq ir-Riskju (SBR)

L-SBR għandu jkun il-metodu ppreferut għat-twettiq tas-sorveljanza għall-influwenza tat-tjur b’mod immirat u effiċjenti fir-rigward tar-riżorsi.

L-Istati Membri li jagħżlu dan il-metodu għandhom jispeċifikaw il-mogħdijiet ta’ riskju rilevanti għall-infezzjoni tal-qatgħat ta’ tjur domestiku u l-qafas ta’ teħid ta’ kampjuni għall-azjendi tat-tjur domestiku li jiġu identifikati li jinsabu f’riskju ogħla ta’ infezzjoni mill-influwenza tat-tjur.

Il-kriterji u l-fatturi ta’ riskju elenkati fit-Tqasima 4.1. mhumiex eżawrjenti, iżda jagħtu indikazzjoni ta’ kif jiġi mmirat it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar tal-ispeċijiet tat-tjur domestiku u l-kategoriji ta’ produzzjoni tat-tjur fis-sistemi differenti ta’ trobbija. Skont il-qagħda tas-saħħa individwali tal-annimali fl-Istati Membri kkonċernati, dawn jistgħu jeħtieġu differenzazzjoni individwali.

2.2.   Sorveljanza bbażata fuq Teħid ta’ Kampjuni Rappreżentattiv

Jekk Stat Membru ma jkunx f’qagħda li jwettaq stima biżżejjed bbażata fuq l-evidenza tal-mogħdijiet ta’ riskju għall-infezzjoni tal-qatgħat ta’ tjur domestiku fit-territorju tiegħu, dan għandu jimplimenta sorveljanza bbażata fuq skema ta’ teħid ta’ kampjuni rappreżentattivi. L-għadd ta’ azjendi ta’ tjur domestiku li minnhom irid jittieħdu l-kampjuni jrid jikkorrispondi mal-għadd fit-Tabelli 1 u 2, skont l-ispeċi ta’ tjur.

It-teħid ta’ kampjuni għall-ittestjar seroloġiku għall-influwenza tat-tjur għandu jkun stratifikat f’kull parti mit-territorju tal-Istat Membru kollu, sabiex il-kampjuni jkunu jistgħu jitqiesu bħala rappreżentattivi tal-Istat Membru kollu.

3.   Popolazzjonijiet fil-mira

It-teħid ta’ kampjuni għall-ispeċijiet ta’ tjur li ġejjin u l-kategoriji ta’ produzzjoni għandhom jiġu inklużi fil-programm ta’ sorveljanza:

(a)

tiġieġ li jbidu;

(b)

tiġieġ li jbidu mhux tal-batteriji;

(c)

qrejjaq tat-tiġieġ;

(d)

qrejjaq tad-dundjani;

(e)

qrejjaq tal-papri;

(f)

qrejjaq tal-wiżż;

(g)

dundjani tas-simna;

(h)

papri tas-simna;

(i)

wiżż tas-simna;

(j)

tjur tal-kaċċa fl-azjendi (tal-ispeċi tat-tiġieġ) b’attenzjoni fuq tjur adult bħat-tjur għat-tnissil;

(k)

tjur tal-kaċċa fl-azjendi (tjur li jgħix fuq l-ilma);

(l)

ratiti.

Iżda, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali speċifikati kif ġej, jistgħu jiġu inklużi wkoll il-kategoriji ta’ tjur li ġejjin:

(m)

kapuċċelli, iżda biss f’każ li: (i) jinżammu f’għadd sinifikanti fi produzzjoni mhux tal-batteriji u (ii) meta jitqies li jistgħu jkunu ta’ riskju ogħla ta’ infezzjoni mill-influwenza tat-tjur;

(n)

qatgħat privati: dawn ġeneralment għandhom rwol iżgħar fiċ-ċirkolazzjoni u t-tixrid tal-vajrus u li jittieħdu kampjuni minnhom huwa ħela ta’ riżorsi; iżda, f’ċerti Stati Membri l-qatgħat privati jistgħu jkun fihom riskju ogħla ta’ influwenza tat-tjur minħabba l-preżenza tagħhom f’għadd sinifikanti, il-viċinanza tagħhom qrib azjendi kummerċjali tat-tjur, l-involviment tagħhom fil-kummerċ lokali/reġjonali u kriterji u fatturi ta’ riskju oħra kif elenkat fit-Taqsima 4.1. b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-ispeċijiet.

Madankollu, fejn ikun hemm każijiet ta’ ġustifikazzjoni raġonevoli għal dak li huwa livell ta’ riskju għal kategorija ta’ produzzjoni tat-tjur (bħal qrejjaq tat-tiġieġ li jinżammu taħt kundizzjonijiet ta’ bijosigurtà għolja), dawn jistgħu jitħallew barra mill-kampjuni.

4.   Metodu ta’ Sorveljanza Bbażata fuq ir-Riskju (RBS)

L-għażla tal-RBS trid tiġi ddeterminata bi stima fuq livell ta’ Stat Membru, li għandha tqis tal-inqas il-kriterji u l-fatturi ta’ riskju li ġejjin:

4.1.   Kriterji u Fatturi ta’ riskju

4.1.1.   Kriterji u fatturi ta’ riskju għall-introduzzjoni tal-vajrus fl-azjendi tat-tjur minħabba espożizzjoni diretta jew indiretta għat-tjur selvaġġ b’mod partikolari dawk ta’ “l-ispeċi fil-mira” identifikati

(a)

Il-post fejn tinsab l-azjenda tat-tjur qrib żoni tal-ilma, għadajjar, artijiet mistagħdra, lagi, xmajjar jew xtut fejn jista’ jinġabar it-tjur selvaġġ tal-passa li jgħix fuq l-ilma.

(b)

Il-post fejn tinsab l-azjenda tat-tjur f’żoni b’densità għolja ta’ tjur selvaġġ tal-passa, b’mod partikolari ta’ dak it-tjur kkaratterizzat bħala “speċi fil-mira” (SM) għall-osservazzjoni tal-HPAI H5N1 u elenkat fil-Parti 2 tal-Anness II.

(c)

Il-post fejn tinsab l-azjenda tat-tjur qrib postijiet ta’ mistriħ u trobbija ta’ frieħ tat-tjur selvaġġ tal-passa li jgħix fuq l-ilma, b’mod partikolari fejn dawn iż-żoni huma konnessi permezz ta’ ċaqliq ta’ tjur tal-passa ma’ żoni fejn l-HPAI H5N1 huwa magħruf li jfeġġ fit-tjur selvaġġ jew domestiku.

(d)

Azjendi tat-tjur bi produzzjoni mhux tal-batteriji, jew azjendi tat-tjur fejn jinżamm tjur domestiku jew tjur ieħor mhux selvaġġ fil-beraħ fi kwalunkwe post fejn il-kuntatt ma’ tjur selvaġġ ma jistax jiġi pprevenut biżżejjed.

(e)

Livell ta’ bijosigurtà baxx fl-azjenda tat-tjur, inkluż il-metodu ta’ ħażna tal-għalf u l-użu tal-ilma tal-wiċċ.

4.1.2.   Kriterji u fatturi ta’ riskju ta’ tixrid tal-vajrus ġewwa l-azjenda tat-tjur u bejn azjenda u oħra, kif ukoll il-konsegwenzi (l-impatt) tat-tixrid tal-influwenza tat-tjur minn azjenda għal oħra u bejn l-azjendi

(a)

Il-preżenza ta’ aktar minn speċi waħda ta’ tjur fl-istess azjenda tat-tjur, b’mod partikolari l-preżenza ta’ papri domestiċi u wiżż flimkien ma’ speċijiet oħra ta’ tjur.

(b)

It-tip ta’ produzzjoni ta’ tjur u l-ispeċijiet ta’ tjur fl-azjenda li d-dejta ta’ sorveljanza dwarhom uriet rata ta’ osservazzjoni ogħla ta’ infezzjoni tal-influwenza tat-tjur fl-Istat Membru, bħall-azjendi tal-papri u tjur intiż għall-provvista ta’ ħażna mill-ġdid tat-tjur tal-kaċċa (b’mod partikolari l-kuluvert tal-azjendi).

(c)

Il-post fejn tinsab l-azjenda tat-tjur f’żoni li għandhom densitajiet għoljin ta’ azjendi tat-tjur.

(d)

Mudelli kummerċjali, inklużi importazzjonijiet u l-intensità ta’ movimenti marbuta magħhom, kemm diretti kif ukoll indiretti, ta’ tjur u fatturi oħra inklużi vetturi, tagħmir u persuni.

(e)

Il-preżenza ta’ kategoriji ta’ tjur ta’ għomor twil u gruppi ta’ tjur ta’ età differenti fl-azjenda (bħat-tjur li jbid).

4.2.   L-immirar ta’ popolazzjonijiet fir-riskju

Il-livell ta’ mmirar irid jirrifletti l-għadd u d-differenzazzjoni lokali tal-fatturi ta’ riskju preżenti fuq l-azjenda tat-tjur.

L-awtorità kompetenti tista’ tqis fatturi oħra ta’ riskju fl-istima tat-tfassil tal-pjan ta’ sorveljanza li jrid jiġi indikat sewwa u ġġustifikat fil-programm tagħhom ta’ sorveljanza.

4.3.   Immirar ta’ azjendi tat-tjur minn fejn għandu jsir it-teħid ta’ kampjuni

It-Tabelli 1 u 2 jistgħu jintużaw bħala bażi biex jiġi ddeterminat l-għadd ta’ azjendi tat-tjur li minnhom iridu jittieħdu l-kampjuni għal kull popolazzjoni fir-riskju.

5.   Metodu ta’ teħid ta’ Kampjuni Rappreżenttattiv

Fejn isir teħid ta’ kampjuni rappreżenttattiv kif imsemmi fit-Taqsima 2.2, l-għadd ta’ azjendi tat-tjur li minnhom jittieħed kampjun għandu jkun ikkalkulat abbażi taċ-ċifri stabbiliti fit-Tabelli 1 u 2 skont l-ispeċi tat-tjur preżenti fl-azjenda tat-tjur.

5.1.   Għadd ta’ azjendi tat-tjur li minnhom jittieħdu kampjuni għall-ittestjar seroloġiku għall-influwenza tat-tjur

5.1.1.   Għadd ta’ azjendi tat-tjur (għajr azjendi ta’ papri, wiżż u kuluvert) li minnhom iridu jittieħdu kampjuni

Għal kull kategorija ta’ produzzjoni ta’ tjur, għajr dawk tal-papri, wiżż u kuluvert, l-għadd ta’ azjendi tat-tjur li minnhom jittieħed kampjun għandu jiġi ddefinit sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni ta’ mill-inqas azjenda infettata waħda tat-tjur fejn il-prevalenza tal-azjendi tat-tjur infettati hija tal-inqas 5 %, b’intervall ta’ fiduċja ta’ 95 %.

It-teħid ta’ kampjuni għandu jsir skont it-Tabella 1:

Tabella 1

Għadd ta’ azjendi tat-tjur (għajr azjendi ta’ papri, wiżż u kuluvert) li minnhom iridu jittieħdu kampjuni f’kull kategorija ta’ produzzjoni ta’ tjur

Għadd ta’ azjendi għal kull kategorija ta’ produzzjoni ta’ tjur għal kull Stat Membru

Għadd ta’ azjendi tat-tjur li minnhom isir teħid ta’ kampjuni

Sa 34

Kollha

35-50

35

51-80

42

81-250

53

> 250

60

5.1.2.   Għadd ta’ azjendi ta’ papri, wiżż u kuluvert li minnhom isir teħid ta’ kampjuni  (1)

L-għadd ta’ azjendi ta’ papri, wiżż u kuluvert li minnhom jittieħdu kampjuni għandu jiġi ddefinit biex tkun żgurata l-identifikazzjoni ta’ mill-inqas azjenda waħda infettata tat-tjur fejn il-prevalenza tal-azjendi infettati hi tal-inqas 5 %, b’intervall ta’ fiduċja ta’ 99 %.

It-teħid ta’ kampjuni għandu jsir skont it-Tabella 2:

Tabella 2

Għadd ta’ azjendi ta’ papri, wiżż u kuluvert li minnhom isir teħid ta’ kampjuni

Għadd ta’ azjendi ta’ papri, wiżż u kuluvert għal kull Stat Membru

Għadd ta’ azjendi ta’ papri, wiżż u kuluvert li minnhom isir teħid ta’ kampjuni

Sa 46

Kollha

47-60

47

61-100

59

101-350

80

> 350

90

5.2.   Għadd ta’ tjur domestiku (tajriet) li minnhom jittieħdu kampjuni fl-azjenda tat-tjur

Iċ-ċifri msemmija fil-punti 5.2.1 u 5.2.2 japplikaw kemm għall-azjendi tat-tjur li minnhom ittieħdu kampjuni abbażi ta’ sorveljanza bbażata fuq ir-riskju kif ukoll abbażi ta’ teħid ta’ kampjuni rappreżentattivi.

5.2.1.   Għadd ta’ tajriet (għajr papri, wiżż u kuluvert) li minnhom isir teħid ta’ kampjuni fl-azjenda tat-tjur

L-għadd ta’ tajriet li minnhom irid isir teħid ta’ kampjuni fl-azjenda tat-tjur għandu jiġi definit sabiex tkun żgurata probabbilità ta’ 95 % li tiġi identifikata għall-inqas tajra waħda li tirriżulta sero-pożittiva għall-influwenza tat-tjur, jekk il-prevalenza ta’ tajr sero-pożittivi hija ta’ ≥ 30 %.

Kampjuni tad-demm għal eżami seroloġiku għandhom jinġabru mill-kategoriji kollha ta’ produzzjoni tat-tjur u speċijiet ta’ tjur minn tal-inqas 5 sa 10 tajriet (għajr papri, wiżż u kuluvert) għal kull azjenda tat-tjur, u minn barrakki differenti, jekk fl-azjenda jkun hemm iktar minn barrakka waħda.

F’każ li jkun hemm bosta barrakki, il-kampjuni għandhom jittieħdu minn tal-inqas ħames tajriet kull barrakka.

5.2.2.   Għadd ta’ papri, wiżż u kuluvert li minnhom isir teħid ta’ kampjuni fl-azjenda

L-għadd ta’ papri, wiżż u kuluvert li minnhom irid isir teħid ta’ kampjuni fl-azjenda tat-tjur għandu jiġi definit sabiex tkun żgurata probabbilità ta’ 95 % li tiġi identifikata għall-inqas tajra waħda li tirriżulta sero-pożittiva għall-influwenza tat-tjur fejn il-prevalenza ta’ tajr sero-pożittivi hija ta’ ≥ 30 %.

Għandhom jittieħdu għoxrin kampjun (2) ta’ demm għall-ittestjar seroloġiku għal kull azjenda tat-tjur magħżula.

6.   Proċeduri ta’ teħid ta’ kampjuni għall-ittestjar seroloġiku

Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ kampjuni fl-azjenda tat-tjur għandu jkun fl-istess perjodu tal-produzzjoni staġunali għal kull kategorija ta’ produzzjoni ta’ tjur u t-teħid ta’ kampjuni jista’ wkoll isir fil-biċċeriji. Din il-prassi ta’ teħid ta’ kampjuni ma għandhiex tikkomprometti l-approċċ li għandu fil-mira r-riskju skont il-krierji u l-fatturi ta’ riskju elenkati fit-Taqsima 4.1.

Sabiex ikun hemm l-aqwa effiċjenza u biex jiġi evitat ukoll dħul ta’ persuni għal xejn fl-azjendi tat-tjur, it-teħid ta’ kampjuni sa fejn huwa possibbli għandu jsir flimkien ma’ teħid ta’ kampjuni għal finijiet oħra, bħal dak li jsir fil-qafas tal-kontroll tas-Salmonella u l-Mycoplasma. Iżda dan l-abbinament ma għandux ikun ta’ ħsara għar-rekwiżiti għas-sorveljanza bbażata fuq ir-riskju.

7.   Teħid ta’ kampjuni għall-ittestjar viroloġiku

It-teħid ta’ kampjuni għall-ittestjar viroloġiku għall-influwenza tat-tjur ma għandux jintuża bħala alternattiva għall-ittestjar seroloġiku u għandu jsir biss fil-qafas tal-investigazzjonijiet bħala segwitu għar-riżultati tal-ittestjar seroloġiku pożittiv għall-influwenza tat-tjur.

8.   Frekwenza u perjodu għall-ittestjar

It-teħid ta’ kampjuni mill-azjendi tat-tjur għandu jsir kull sena. Iżda, fuq bażi ta’ stima tar-riskju, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu teħid ta’ kampjuni u ttestjar aktar spiss. Il-ġustifikazzjoni għal dan trid issir fid-dettall fil-programm ta’ sorveljanza.

It-teħid ta’ kampjuni għandu jsir skont il-programm ta’ sorveljanza approvat mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-programm.

9.   Testijiet fil-laboratorju

L-ittestjar tal-kampjuni għandu jsir fil-Laboratorji Nazzjonali ta’ Referenza għall-influwenza tat-tjur (LNR) fl-Istati Membri jew f’laboratorji oħra awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u taħt il-kontroll tal-LNR.

It-testijiet fil-laboratorju għandhom jitwettqu skont il-Manwal Dijanjostiku li jistabbilixxi l-proċeduri għall-konferma u d-dijanjostika differenzjali tal-influwenza tat-tjur.

Iżda jekk Stat Membru jixtieq juża testijiet laboratorji li ma jkunux inklużi fil-Manwal Dijanostiku, jew li mhumiex deskritti fil-Manwal ta’ Testijiet Dijanostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), dawn it-testijiet iridu l-ewwel jitqiesu bħala xierqa għal dan il-għan mil-LRUE, abbażi ta’ dejta li tkun ġiet kkonvalidata, qabel ma jintużaw.

Ir-riżultati seroloġiċi pożittivi kollha għandhom jiġu kkonfermati mil-LNR permezz ta’ test tal-inibizzjoni tal-emoagglutinazzjoni, bl-użu ta’ varjanti razzjali magħżula apposta fornuti mil-LRUE:

(a)

għas-sottotip H5:

(i)

ittestjar inizjali bl-użu tat-teal/England/7894/06 (H5N3);

(ii)

ittestjar tal-pożittivi kollha permezz taċ-chicken/Scotland/59(H5N1) sabiex jiġu eliminati l-antikorpi kross-reattivi N3;

(b)

għas-sottotip H7:

(i)

ittestjar inizjali bl-użu tat-turkey/England/647/77 (H7N7);

(ii)

ittestjar tal-pożittivi kollha bl-African Starling/983/79 (H7N1) biex jiġu eliminati l-antikorpi kross-reattivi N7.

Ir-riżultati seroloġiċi pożittivi kollha jridu jiġu segwiti minn investigazzjonijiet epidemjoloġiċi fl-azjenda tat-tjur u minn aktar teħid ta’ kampjuni għall-ittestjar bil-metodi viroloġiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx infezzjoni attiva tal-vajrus tal-influwenza tat-tjur fl-azjenda tat-tjur. Il-konklużjonijiet ta’ dawn l-investigazzjonijiet kollha għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni.

L-iżolati kollha tal-vajrus tal-influwenza tat-tjur għandhom jintbagħtu lil-LRUE bi qbil mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni skont il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-laboratorji nazzjonali ta’ referenza kif preskritt fl-Anness VIII tad-Direttiva 2005/94/KE, sakemm ma tkunx ingħatat deroga kif stipulat fil-paragrafu 4(d) tal-Kapitolu V tal-Manwal Dijanjostiku. Il-vajrusis tas-sottotip H5/H7 għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien lil-LRUE u għandhom ikunu suġġetti għat-testijiet ta’ karatterizzazzjoni standard (nucleotide sequencing/IVPI) skont il-Manwal Dijanjostiku.

Għandhom jintużaw il-protokolli speċifiċi pprovduti mil-LRUE biex jintbagħtu l-kampjuni u l-materjal dijanjostiku. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jkun hemm skambju tajjeb ta’ informazzjoni bejn l-LRUE u l-LNR.


(1)  Jiġi applikat livell ogħla ta’ fiduċja fl-osservazzjoni ta’ azjendi ta’ papri u wiżż li jirriżultaw pożittivi minħabba l-evidenza li l-azjendi ta’ papri u wiżż infettati x’aktarx li jinstabu inqas mit-tjur tal-ispeċi tat-tiġieġ bi programmi ta’ sorveljanza passiva jew b’sistemi ta’ osservazzjoni minn kmieni.

(2)  Iż-żieda fid-daqs tal-kampjun meta mqabbel ma’ 5.2.1. hija meħtieġa minħabba s-sensitività tat-test dijanostiku meta jintuża fit-tajr li jgħix fuq l-ilma.


ANNESS II

PARTI 1

Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur selvaġġ

1.   Għanijiet ta’ sorveljanza

L-għan tal-programm ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur selvaġġ huwa l-osservazzjoni f’waqtha tal-HPAI tas-sottotip H5N1 fit-tjur selvaġġ sabiex jitħares it-tjur fl-azjendi tat-tjur u tiġi ssalvagwardata s-saħħa pubblika veterinarja.

2.   Pjan ta’ sorveljanza

(a)

Sorveljanza bbażata fuq ir-riskju (SBR) għandha tiġi implimentata bħala sistema ta’ sorveljanza ‘passiva’ permezz ta’ investigazzjoni fil-laboratorju ta’ tjur selvaġġ moribond jew tjur li jinstab mejjet u għandha tiġi speċjalment diretta lejn speċijiet ta’ tjur li jgħixu fuq l-ilma.

(b)

Tjur selvaġġ, b’mod partikolari tjur li jpassi u jgħix fuq l-ilma, li jkun ġie ppruvat li huwa f’riskju ogħla li jiġi infettat bil-vajrus HPAI H5H1 u li jittrażmetti dan il-vajrus, l-‘ispeċijiet fil-mira’ (SM), għandu jkun fil-mira b’mod speċifiku.

(c)

Żoni qrib tal-baħar, għadajjar u kanali tal-ilma fejn instab tjur mejjet; u b’mod partikolari meta dawn iż-żoni jkunu qrib ħafna ta’ azjendi tat-tjur, speċjalment f’żoni fejn hemm densità għolja ta’ azjendi tat-tjur, għandhom ikunu fil-mira.

(d)

Kooperazzjoni mill-qrib ma’ epidemjoloġi u ornitologi u l-awtorità kompetenti għall-konservazzjoni tan-natura għandha tiġi żgurata waqt it-tfassil tal-programm ta’ sorveljanza, b’għajnuna fl-identifikazzjoni tal-ispeċijiet u l-ottimizzazzjoni tat-teħid ta’ kampjuni adattat skont is-sitwazzjoni nazzjonali.

(e)

Jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika għall-vajrus HPAI H5N1 tkun teħtieġ hekk, għandhom jittejbu l-attivitajiet ta’ sorveljanza biż-żieda tal-għarfien u t-tfittxija attiva u l-monitoraġġ għal tjur selvaġġ moribond jew mejjet, b’mod partikolari għal dawk li huma fl-SM. Din tista’ tkun ġejja mis-sejba tal-vajrus HPAI H5N1 fit-tjur domestiku u/jew tjur selvaġġ fl-Istati Membri ġirien u pajjiżi terzi jew pajjiżi li huma konnessi permezz tal-moviment ta’ tjur selvaġġ li jpassi, b’mod partikolari dak tal-SM lejn l-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-każ għandhom jitqiesu r-rotot ta’ passa speċifiċi u l-ispeċijiet ta’ tjur selvaġġ, li jistgħu jvarjaw fl-Istati Membri differenti.

3.   Proċeduri ta’ teħid ta’ kampjuni

(a)

Il-proċeduri ta’ teħid ta’ kampjuni għandhom jitwettqu skont il-Manwal Dijanjostiku.

(b)

Kampjuni mill-kloaka u trakeali/orofarinġali u/jew kampjuni mit-tessuti ta’ tjur selvaġġ li jinstab mejjet jew moribond għandhom jittieħdu għall-osservazzjoni molekolari (PCR) u/jew għall-iżolazzjoni virali.

(c)

Trid tingħata attenzjoni speċifika għall-ħażna u t-trasport tal-kampjuni skont il-paragrafi 5 u 6 tal-Kapitolu IV tal-Manwal Dijanostiku. L-iżolati kollha tal-vajrus tal-influwenza tat-tjur ta’ każijiet fit-tjur selvaġġ għandhom jintbagħtu lil-LRUE, sakemm ma tkunx ingħatat deroga kif stipulat fil-paragrafu 4(d) tal-Kapitolu V tal-Manwal Dijanostiku. Il-vajrusis tas-sottotip H5/H7 għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien lill-EURL u għandhom ikunu suġġetti għat-testijiet ta’ karatterizzazzjoni standard (nucleotide sequencing/IVPI) skont il-Manwal Dijanjostiku.

(d)

It-teħid ta’ kampjuni ma għandux jibqa’ sejjer lil hinn mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ sorveljanza.

4.   Testijiet fil-laboratorju

It-testijiet fil-laboratorju għandhom jitwettqu skont il-Manwal Dijanjostiku.

L-ittestjar ta’ kampjuni għandu jsir fl-LRN fl-Istati Membri jew minn laboratorji oħra awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u taħt il-kontroll tal-LRN.

Iżda jekk Stat Membru jixtieq juża testijiet laboratorji li ma jkunux inklużi fil-Manwal Dijanostiku jew li mhumiex deskritti fil-Manwal ta’ Testijiet Dijanostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-OIE, dawn it-testijiet iridu l-ewwel jitqiesu bħala xierqa għal dan il-għan mill-EURL, abbażi ta’ dejta li tkun ġiet kkonvalidata, qabel ma jintużaw.

Għandu jsir skrining inizjali bl-użu tal-ġene M tal-PCR, segwit minn ittestjar rapidu tar-riżultati pożittivi għall-H5 li għandhom isiru fi żmien perjodu ta’ mhux aktar minn ġimagħtejn. F’każ ta’ riżultat pożittiv għall-H5, għandha ssir analiżi kemm jista’ jkun malajr tas-sit tal-fissura biex jinstab jekk għandhiex motif ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (HPAI) jew influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa (LPAI). Fejn jiġi kkonfermat l-H5 HPAI, trid issir malajr analiżi ulterjuri biex jiġi determinat it-tip N, minkejja li dan jista’ jipproduċi biss evidenza biex jiġi eliminat l-N1.

5.   Azzjoni ta’ segwitu

Fil-każ ta’ konferma ta’ każijiet pożittivi ta’ HPAI H5 (N1) (1), għandhom japplikaw il-miżuri ta’ kontroll stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/563/KE tal-11 ta’ Awwissu 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fit-tjur selvaġġ fil-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/115/KE (2).

Bħala parti mill-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi, huwa importanti li jiġu identifikati żoni konnessi ma’ dawn il-każijiet biex possibbilment jitbassru attakki ulterjuri ta’ influwenza tat-tjur, b’mod partikolari f’żoni ta’ rilevanza għall-produzzjoni tat-tjur, bħal żoni b’densità għolja ta’ azjendi tat-tjur.

PARTI 2

Lista ta’ speċijiet ta’ tjur selvaġġ li jrid ikun fil-mira għat-teħid ta’ kampjuni u ttestjar għall-influwenza tat-tjur – “speċijiet fil-mira” (SM)

Nru

Isem xjentifiku

Isem Komuni

1.

Accipiter gentilis

Northern Goshawk

2.

Accipiter nisus

Eurasian Sparrowhawk

3.

Anas acuta

Northern Pintail

4.

Anas clypeata

Papra tal-munqar wiesa’

5.

Anas crecca

Sarsella komuni

6.

Anas penelope

Silfjun (Eurasian Wigeon)

7.

Anas platyrhynchos

Kuluvert

8.

Anas querquedula

Sarsella ħamra

9.

Anas strepera

Gadwall

10.

Anser albifrons albifrons

Il-Wiżża l-kbira tal-maskra bajda (Razza Ewropea)

11.

Anser anser

Wiżża Greylag

12.

Anser brachyrhynchus

Wiżża ta’ saqajha roża

13.

Anser erythropus

Il-Wiżża ż-żgħira tal-maskra bajda

14.

Anser fabalis

Wiżża tal-ful

15.

Ardea cinerea

Russett Griż

16.

Aythya ferina

Papra komuni

17.

Aythya fuligula

Papra tal-baħar

18.

Branta bernicla

Wiżża Brent

19.

Branta canadensis

Wiżża tal-Kanada

20.

Branta leucopsis

Wiżża Artika

21.

Branta ruficollis

Wiżża sidirha aħmar

22.

Bubo bubo

Kokka imperjali

23.

Buteo buteo

Bies komuni (buzzard)

24.

Buteo lagopus

Bies saqajh ħorox

25.

Cairina moschata

Papra Muscovy

26.

Ciconia ciconia

Ċikonja

27.

Circus aeruginosus

Bugħadam aħmar

28.

Cygnus columbianus

Bewick’s Swan

29.

Cygnus cygnus

Żinna

30.

Cygnus olor

Ċinju mutu

31.

Falco peregrinus

Bies

32.

Falco tinnunculus

Spanjulett

33.

Fulica atra

Tiġieġa tal-baħar

34.

Larus canus

Gawwija komuni

35.

Larus ridibundus

Gawwija rasha sewda

36.

Limosa limosa

Girwiel

37.

Marmaronetta angustirostris

Sarsella

38.

Mergus albellus

Mergante żgħir Ewroażjatiku

39.

Milvus migrans

Astun iswed

40.

Milvus milvus

Astun aħmar

41.

Netta rufina

Papra bl-għalla ħamra

42.

Phalacrocorax carbo

Margun

43.

Philomachus pugnax

Gerwiel

44.

Pica pica

Ċawla Ewroażjatika

45.

Pluvialis apricaria

Pluviera Ewroażjatika

46.

Podiceps cristatus

Blonġun tal-għalla kbira

47.

Podiceps nigricollis

Blonġun sekond

48.

Porphyrio porphyrio

Tiġieġa ħamra fil-vjola tal-art mistagħdra

49.

Tachybaptus ruficollis

Blonġun terz

50.

Vanellus vanellus

Venewwa


(1)  Il-miżuri ta’ kontroll tal-mard iridu jiġu implimentati fuq bażi ta’ konferma tal-HPAI H5 u suspett tal-N1.

(2)  ĠU L 222, 15.8.2006, p. 11.