29.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Ġunju 2010

dwar ir-rikonoxximent tal-Iżrael rigward l-edukazzjoni, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' kompetenza

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4227)

(2010/361/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-ittra tat-13 ta' Mejju 2005 mill-Awtoritajiet Ċiprijotti li fiha qed jitolbu r-rikonoxximent tal-Iżrael sabiex jiġu rikonoxxuti ċ-ċertifikati ta' kompetenza maħruġa minn dan il-pajjiż,

Billi:

(1)

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japprovaw iċ-ċertifikati ta' kompetenza tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz rilevanti huwa rikonoxxut mill-Kummissjoni bħala pajjiż li jiżgura konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, 1978, kif emendata (il-Konvenzjoni STCW) (2).

(2)

Wara t-talba tal-Awtoritajiet Ċiprijotti, il-Kummissjoni vvalutat l-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u s-sistemi ta' ċertifikazzjoni fl-Iżrael sabiex tivverifika jekk dan il-pajjiż jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux miżuri xierqa biex ikunu evitati l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Din il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta' spezzjonijiet għat-tfittxija tal-fatti li għamlu l-Esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f'Marzu 2007.

(3)

Meta kienu identifikati nuqqasijiet matul il-valutazzjoni ta' konformità mal-Konvenzjoni STCW, l-Awtoritajiet Iżraeljani pprovdew lill-Kummissjoni l-informazzjoni u l-evidenza rilevanti mitluba dwar l-implimentazzjoni ta' azzjoni korrettiva xierqa u suffiċjenti biex tindirizza l-biċċa l-kbira ta' dawn il-kwistjonijiet.

(4)

In-nuqqasijiet li baqa' rigward it-taħriġ tal-baħħara u l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni jikkonċernaw prinċipalment dispożizzjonijiet legali neqsin dwar aspetti minuri tat-taħriġ ipprovdut mill-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Marittimu, id-denominazzjoni tal-objettivi rilevanti għall-applikazzjoni tas-Sistema ta' Standards ta' Kwalità u r-rekwiżiti tat-taħriġ dwar tekniki ta' salvataġġ personali u l-użu ta' inġenji ta' salvataġġ. Għalhekk l-Awtoritajiet Iżraeljani kienu mistiedna biex jimplimentaw iktar l-azzjoni korrettiva f'dan ir-rigward. Madanakollu, dawn in-nuqqasijiet ma jqajmux dubji dwar il-livell ġenerali ta' konformità tas-sistemi Iżraeljani rigward l-edukazzjoni, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni għall-baħħara mal-Konvenzjoni STCW.

(5)

L-eżitu tal-valutazzjoni ta' konformità u l-evlawazzjoni tal-informazzjoni provduta mill-Awtoritajiet Iżraeljani juru li l-Iżrael jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti tal-Konvenzjoni STCW, filwaqt li dan il-pajjiż ħa miżuri xierqa biex jevita l-frodi fil-ħruġ ta' ċertifikati u għalhekk għandu jkun rikonoxxut mill-Unjoni.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Vapuri (COSS),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iżrael huwa rikonoxxut rigward l-edukazzjoni, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni għall-baħħara, għall-iskop tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' kompetenza maħruġa minn dan il-pajjiż.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tan-notifika tagħha lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(2)  Adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.