1.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/39


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Ottubru 2009

Dwar l-għajnuna mill-Istat C 59/07 (ex N 127/06 u NN 13/06) mogħtija mill-Italja fir-rigward ta’ Ixfin SpA

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 8123)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/359/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom (1) skont dawn l-Artikoli, u wara li kkunsidrat l-kummenti mibgħuta,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fit-18 ta’ Novembru 2005 l-Italja adottat digriet li jipprovdi għal għotja ta’ għajnuna għas-salvataġġ fir-rigward ta’ Ixfin SpA (minn hawn ‘il quddiem “Ixfin” jew “l-impriża”). Wara n-notifika tal-awtoritajiet Taljani tat-23 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni inizjalment irreġistrat il-każ bin-numru Nru 127/2006. La darba ġie aċċertat li l-għajnuna kienet diġa’ mogħtija b’effett minn Diċembru 2005 bil-ksur tal-obbligu ta’ waqfien totali, il-każ ġie rreġistrat b’numru differenti, jiġifieri Nru 13/2006.

(2)

Permezz tal-ittra tal-5 ta’ April 2006 il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni, bit-tweġiba tal-Italja tasal fl-ittra rreġistrata fid-29 ta’ Mejju 2006. Fid-9 ta’ Ġunju 2006 saret laqgħa mal-awtoritajiet Taljani, li fiha l-Italja infurmat lill-Kummissjoni li kienet se tippreżenta pjan ta’ ristrutturar.

(3)

Permezz tal-ittra rreġistrata fit-13 ta’ Ġunju 2006, l-Italja infurmat lill-Kummissjoni li, wara talba ta’ Ixfin biex jiżdied l-ammont tal-għajnuna sa EUR 17,3 miljun, l-awtoritajiet Taljani kienu qablu mat-talba proviżorjament, madanakollu, suġġetta għal opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni bl-ittra tad-19 ta’ Ġunju 2006, bit-tweġiba tal-Italja tasal bl-ittra rreġistrata fis-26 ta’ Ġunju 2006.

(4)

Fil-5 ta’ Lulju 2006 il-Kummissjoni bagħtet tfakkira lill-Italja dwar il-pjan ta’ ristrutturar li kien imħabbar.

(5)

B’ittra rreġistrata fid-9 ta’ Awwissu 2006, l-Italja ppreżentat iktar informazzjoni li tikkonferma li l-impriża kienet ġiet iddikjarata bħala falluta mit-Tribunal ta’ Napli (minn hawn ‘il quddiem “it-Tribunal”) fil-5 ta’ Lulju 2006. Wara talba mill-Kummissjoni għal aktar informazzjoni fid-29 ta’ Novembru 2006, l-Italja bagħtet parti mill-informazzjoni mitluba b’ittra tas-7 ta’ Diċembru 2006. Fit-22 ta’ Diċembru 2006 il-Kummissjoni bagħtet tfakkira u talbet lill-Italja beix tibghat l-informazzjoni li kien baqa’, bi spjegazzjoni ta’ liema informazzjoni kienet neċessarja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni staqsiet jekk kienx imbassar l-istralċ tal-impriza, bil-waqfien tal-attivitajiet kummerċjali kollha, fl-aħħar tal-proċediment ta’ falliment, jew jekk kienx hemm il-possibbiltà li l-attivitajiet kummerċjali tal-impriza jkomplu f’xi forma oħra, pereżempju billi tinbiegh bħala impriza attiva.

(6)

L-Italja rrispondiet b’ittra fl-14 ta’ Marzu 2007 li biha kkonfermat il-waqfien ta’ kull attività. Madanakollu fl-istess ittra ċċarat li ma kienx possibbli f’dan l-istadju tindika jekk l-attivitajiet tal-impriża setgħux jerġgħu jibdew, billi ltaqgħet ma’ diffikultajiet biex tiġbor informazzjoni dwar dan. Fl-14 ta’ Ġunju 2007 il-Kummissjoni talbet lill-Italja biex tkun aġġornata dwar kull tip ta’ miżura adottata fir-rigward tal-proċediment ta’ falliment u speċifikat l-informazzjoni li hi tikkunsidra kruċjali.

(7)

F’Ottubru 2007 il-Kummissjoni saret taf mill-ġurnali li kien hemm il-possibbiltà li Ixfin tirċievi għajnuna għar-ristrutturar.

(8)

Fil-11 ta’ Diċembru 2007 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali (2) (minn hawn ‘il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ”), kif ukoll talbet lill-awtoritajiet Taljani biex jirrispondu fi żmien xhar għal numru ta’ mistoqsijiet u stiednet partijiet terzi biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Fis-7 ta’ Jannar 2008 l-Italja talbet estenzjoni tal-limitu li fih setgħet tippreżenta l-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, li ingħatat dakinhar stess sat-12 ta’ Frar 2008. I-Italja tat biss informazzjoni parzjali permezz tal-posta elettronika fil-15 ta’ Jannar 2008, fit-12 ta’ Marzu 2008 u fil-25 ta’ Marzu 2008.

(9)

Fil-25 ta’ Marzu 2008 il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-amminstratur tal-falliment (minn hawn ‘il quddiem “l-Amministratur”) li ġew mibgħuta lill-Italja fit-18 ta’ April 2008 flimkien ma’ talba għal informazzjoni. Fl-24 ta’ April 2008 l-Italja rrispondiet għal din it-talba u kkummentat dwar l-osservazzjonijiet tal-parti terza.

(10)

Il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni bl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008, bit-tweġiba tasal f’ittra tat-30 ta’ Ottubru 2008. L-awtoritajiet Taljani bgħatu t-talba tal-Kummissjoni lill-amministratur, li bgħat iktar informazzjoni fit-18 ta’ Novembru 2008.

II.   DESKRIZZJONI TAL-GĦAJNUNA

II.1.   Il-benefiċjarju

(11)

Ixfin hija impriża kbira f’Marcianise (Caserta), fir-Reġjun ta’ Campania.

(12)

Ixfin hija kumpanija Taljana attiva fis-settur tal-manifattura b’kuntratt (contract manufacturing) b’attività ta’ produzzjoni u assemblaġġ ta’ bordijiet u prodotti oħra elettroniċi, kif ukoll fis-setturi taċ-ċentri telefoniċi (call centre) u tal-loġistika.

(13)

Sal-1999 Ixfin kienet ikkontrollata mill-grupp Olivetti u l-produzzjoni tagħha kienet tinbiegħ taħt l-isem Olivetti. Fl-1999 Olivetti ddeċidiet li tiddispondi mill-attivitajiet produttivi tagħha u Ixfin ġiet mibjugħa lil Finmek SpA.

(14)

Mill-2003 ‘l hawn Ixfin hija kkontrollata minn Maxfin Srl li min-naħa tagħha hi kkontrollata minn Pufin Srl, kumpanija li topera fis-settur tas-servizzi għall-impriżi (kummerċjali, amministrattivi, loġistiċi) u hija l-kumpanija ewlenija tal-grupp Pufin, li hija tal-familja Pugliese.

(15)

Ixfin tikkontrolla, direttament jew indirettament, erba’ kumpaniji oħra, jiġifieri Nicofin Srl (99 %), Uni.com Partecipazioni Srl (100 %), Uni.com SpA (100 %), Uni.com Ricerche Srl (100 %).

(16)

Id-diffikultajiet ta’ Ixfin bdew, fost l-oħrajn, minħabba li l-impriża kienet taġixxi prinċipalment għal partijiet terzi u għallhekk kienet tiddependi mill-ordnijiet tagħhom. Madanakollu, fl-aħħar għaxar snin, is-suq tal-elettronika rreġistra kriżi ġenerali u l-impriżi li jaħdmu fis-settur għelbuha jew billi żiedu l-effiċjenza permezz ta’ ekonomiji ta’ skala jew billi ċaqalqu l-produzzjoni lejn pajjiżi fejn il-prezz tax-xogħol huwa baxx.

(17)

Malli Ixfin sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ kriżi, inbiegħet f’Marzu 2004 lilinvestitur li kien lest jagħtiha r-riżorsi neċessarji biex terġa tniedi l-attivitajiet tagħha. Madanakollu il-pjan tal-investitur ma twettaqx, u b’hekk diġa’ f’Settembru 2004 l-impriża kellha tiffaċċja kriżi ta’ solvenza. F’Diċembru 2004 il-kumpanija, b’iktar telf ta’ EUR 20 miljun, inbiegħet lura lill-grupp Pufin għal prezz simboliku. F’Diċembru 2004 l-impriża waqqfet l-attivitajiet tagħha.

(18)

Il-qagħda finanzjarja ta’ Ixfin fil-waqt li ġiet mogħtija l-għajnuna hija spjegata fit-tabella li ġejja:

Tabella 1

(f’Eur)

 

Fatturat

Riżultat nett

Dejn fiskali

Dejn mal-INPS

31.12.2003

104 000 000

11 000

9 000 000

20 800 000

31.12.2004

75 000 000

(2 000 000 )

14 800 000

26 100 000

31.5.2005

3 000 000

 (**)

16 000 000  (*)

27 700 000  (*)

II.2.   Il-miżura ta’ għajnuna

(19)

Fit-18 ta’ Novembru 2005 il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku (minn hawn ‘il quddiem “il-Ministeru”) adotta digriet li jipprovdi għall-għotja ta’ għajnuna għas-salvataġġ fir-rigward ta’ Ixfin. Il-finanzjamenti ġew minn fondi mwaqqfa skont id-digriet liġi tal-14 ta’ Marzu 2005, nru 35 (3) (“id-diġriet kompetittività”), li iktar tard ġie emendat mill-Artikolu 11 tal-liġi tal-14 ta’ Mejju 2005, nru 80 (4) u wara kkjarifikat mid-deċiżjoni nru 101 tal-Kumitat Interministerjali għall-Pjanifikazzjoni Ekonomika tad-29 ta’ Ġunju 2005. Din id-deċiżjoni tipprovdi li l-ipproċessar tal-finanzjament ikun suġġett għall-ħruġ ta’ garanzija u l-intervent ikun għas-salvataġġ ta’ impriża f’diffikulta.

(20)

Il-garanzija ġiet mogħtija biex tkopri self minn BancApulia (minn hawn ‘il quddiem “il-bank”) għall-ammont ta’ EUR 15-il miljun bir-rata EURIBOR ta’ tliet xhur b’żieda ta’ 1,25 p.p., jiġifieri b’rata inizjali ta’ 3,591 %. Is-self kien validu għal perjodu ta’ sitt xhur mit-30 ta’ Diċembru 2005.

(21)

L-għajnuna intużat prinċipalment biex titħallas lura parti mid-dejn tal-impriża. L-Italja ssostni li dawn il-ħlasijiet kienu urġenti, billi xi kredituri kienu diġa’ talbu proċedura lit-tribunal biex jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom.

(22)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni li Ixfin kienet talbet biex l-ammont kopert mill-garanzija jiżdied għal EUR 17,3 miljun.

II.3.   L-Istat ta’ falliment ta’ Ixfin

(23)

Fil-5 ta’ Lulju 2006, il-kumpanija ġiet dikjarata falluta uffiċjalment u nbeda l-proċediment ta’ falliment (5).

(24)

F’Marzu 2007 il-Ministeru li kellu l-pretenzjoni tiegħu irreġistrata fil-kuntest tal-proċediment ta’ falliment, talab lill-imħallef kompetenti biex ibiddel il-proċediment ta’ falliment fi proċedura ġudizzjarja, li fi tmiemha l-attività tal-impriża setgħet titkompla (minn hawn ‘il quddiem “amministrazzjoni straordinarja”) (6), miżura prevista fid-digriet leġiżlattiv tat-8 ta’ Lulju 1999, nru 270 (minn hawn ‘il quddiem “id-digriet nru 270/1999”).

(25)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, qabel ma bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, saret taf mill-ġurnali li Ixfin setgħet tiġi aċċettata għal amministrazzjoni straordinarja skont il-Ftehim għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Provinċja ta’ Caserta (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”), iffirmat mill-istituzzjonijiet Taljani, mittrejdunjins u mill-organizzazzjoni ta’ min iħaddem, Confindustria. Dan il-Ftehim, iffirmat mill-istituzzjonijiet Taljani, mit-trejdunjins u mill-organizzazzjoni ta’ min iħaddem, Confindustria, jipprovdi għal investiment ta’ bejn l-EUR 40 miljun u EUR 60 miljun, permezz ta’ diversi miżuri. Fuq il-bażi ta’ informazzjoni li kellha l-Kummissjoni f’dak l-istadju, irriżulta li dan il-Ftehim kellu l-għan li jerġa jibda l-produzzjoni u jħares l-impjiegi fis-siti industrijali tal-provinċja ta’ Caserta.

III.   DUBJI LI ESPRIMIET IL-KUMMISSJONI FIL-WAQT LI BDIET IL-PROĊEDURA TAL-EX ARTIKOLU 88(2)

(26)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna għas-salvataġġ mal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà (7) (minn hawn ‘il quddiem “il-linji gwida”).

(27)

Il-Kummissjoni talbet lill-Italja biex tagħti iktar informazzjoni biex turi li Ixfin għandha d-dritt għall-għajnuna u, sabiex turi li kien hemm diffikultajiet kbar wisq biex jiġu affrontati mill-grupp stess, talbet ukoll il-baġits ta’ Pufin u Maxfin.

(28)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għas-salvataġġ mal-linji gwida, il-Kummissjoni tiddubita mill-fatt li kienu rrispettati d-dispożizzjonijiet tal-punt 25, ittra d), tal-linji gwida. Biex tissodisfa dawn id-dispożizzjonijiet, l-għajnuna għas-salvataġġ kellha tkun limitata għall-minimu neċessarju biex iżżomm l-impriża attiva għall-perjodu li fih din l-għajnuna hi awtorizzata. F’dan il-kuntest, l-Italja intalbet iktar informazzjoni dwar l-adegwatezza tal-ammont tal-għajnuna għas-salvataġġ u, fost l-oħrajn, konferma tal-fatt li l-garanzija kienet limitata għal self ta’ EUR 15-il miljun u ma tiżdiedx, kif mitlub mill-impriża, għal EUR 17,3 miljun.

(29)

Barra minn hekk il-Kummissjoni enfasiżżat li l-għajnuna għas-salvataġġ ma kellhiex isservi prinċipalment biex tittardja l-istat ta’ falliment, iżda kellha tmur għar-ristrutturar. Madanakollu, il-Kummissjoni jidrilha għal darb’oħra li l-għajnuna għas-salvataġġ kellha l-uniku għan li tinnegozja mill-ġdid l-iskadenzi tad-dejn u għalhekk issalva l-impriża mill-falliment. Il-Kummissjoni talbet, fost l-oħrajn, provi li juru li Ixfin ippruvat tfassal pjan ta’ ristrutturar f’dak il-perjodu.

(30)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha d-dubji jekk kienx sodisfatt il-punt 25, ittra c), tal-linji gwida, li jipprovdi li l-Istat Membru jippreżenta, fi żmien sitt xhur minn meta bdiet titwettaq il-miżura ta’ għajnuna għas-salvataġġ, pjan ta’ ristrutturar jew ta’ stralċ jew il-provi li tneħħiet il-garanzija.

(31)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet il-dubji dwar jekk il-prinċipju tal-“għajnuna ta’ darba” kif stipulat fil-punt 72 u wara tal-linji gwida kienx rispettat.

(32)

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni esprimiet id-dubji dwar il-fatt li Ixfin kellha għajnuna aġġuntiva (ara il-premessa 25 ta’ din id-deċiżjoni) sabiex tiffaċilita l-proċedura ta’ stralċ. Il-Kummissjoni innutat li, ukoll jekk din l-għajnuna ingħatat skont il-liġi nru 181 tal-1989 (u estensjonijiet suċċessivi), dan ma jagħmilhiex kompatibbli skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fil-każ nru 214/2003, billi din l-awtorizzazzjoni kienet tibbaża, skont kif allegat, fuq l-eskluzjoni skont mill-Artikolu 9 tal-kumpaniji f’diffikultà. Madanakollu Ixfin hija impriżi f’diffikulta skont il-punt 10, ittra c), tal-linji gwida, billi hija suġġetta għal proċediment ta’ falliment. Għalhekk, il-Kummissjoni osservat li kwalunkwe tip ta’ għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata kompatibbli bħala għajnuna għar-ristrutturar biss jekk tissodisfa il-kundizzjonijiet indikati fil-punti 31-51 tal-linji gwida.

(33)

Madanakollu, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda notifika dwar għajnuna għar-ristrutturar, u lanqas ma ġiet infurmata dwar xi pjan ta’ ristrutturar li bih l-għajnuna fil-kwestjoni kienet tista’ tissoddisfa l-kundizzjonijiet mitluba għall-awtorizzazzjoni bħala għajnuna għar-ristrutturar skont il-linji gwida. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha dubji qawwija dwar il-fatt li, ukoll kieku kien jeżisti, il-pjan ta’ ristrutturar kienx juri bil-prova l-profittabbiltà ekonomika u finanzjarja mill-ġdid tal-kumpanija.

IV.   KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET TALJANI

(34)

Fil-15 ta’ Jannar 2008, intbagħtu lill-Kummissjoni l-minuti tal-laqgħa dwar Ixfin li saret fil-Ministeru fid-9 ta’ Jannar 2008. Minn dawn il-minuti jirriżulta li l-Ministru ddeċieda li jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti li ma’ aċċettatx li Ixfin tidħol f’amministrazzjoni straordinarja.

(35)

Fit-12 ta’ Marzu 2008 l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika li kellhom diffikulta biex jiksbu l-informazzjoni mitluba u talbu soluzzjoni temporanja. Fil-25 ta’ Marzu 2008 l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-allegata għajnuna għar-ristrutturar, ta’ EUR 40 miljun, ma kienetx fil-verità ingħatat lill-Ixfin.

V.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET TERZI

(36)

Il-Kummissjoni riċeviet il-kummenti mingħand l-amministrattur ta’ Ixfin permezz tal-ittra tas-27 ta’ Marzu 2008.

(37)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Istat ta’ falliment ta’ Ixfin, l-amministratur spjega li f’dak il-waqt Ixfin kienet għadha taħt proċediment ta’ falliment. Il-bdil tal-proċediment ta’ falliment għall-amminstrazzjoni straordinarja hija suġġetta għall-kundizzjonijiet proċedurali u sostanzjali. Permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2008, il-Qorti affermat li ma kienux jeżistu kundizzjonijiet biex jirrestawraw l-ekwilibriju ekonomiku lill-impriża u li għalhekk l-istralċ ma setgħax jinbidel f’amministrazzjoni straordinarja. Il-Ministeru appella minn din id-deċiżjoni fil-Qorti tal-Appell ta’ Napli (minn hawn ‘il quddiem “il-Qorti tal-Appell”).

(38)

Barra minn hekk l-amministratur spjega li billi l-impriża tinsab fi proċediment ta’ falliment, l-attività ekonomika waqfet.

(39)

Dwar il-Ftehim, l-amministratur spjega li dan id-dokument ġie adottat mill-Uffiċċju tal-Prim Minstru fl-20 ta’ Ġunju 2007. Fil-25 ta’ Ottubru iltaqa’ grupp ta’ koordinazzjoni li kellu jfassal pjan ta’ investiment iktar preċiż. Madanakollu, kif jirriżulta mill-kummenti tal-amministratur, b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti, ma kien hemm ebda segwitu konkret fuq il-pjan ta’ investiment li baqa’ dokument astratt, mingħajr ma speċifika liema proġetti kellhom ikunu megħjuna u liema riżorsi setgħu jintużaw. L-amministratur barra minn hekk enfasizza li, minbarra din l-għajnuna għas-salvataġġ, ma kienu ingħataw ebda riżorsi pubbliċi oħra għas-salvataġġ u/jew ristrutturar ta’ Ixfin.

(40)

Barra minn hekk, l-amministratur innota li fit-23 ta’ Ġunju Ixfin ippreżentat proġett ta’ pjan ta’ ristrutturar lil Sviluppo Italia SpA, li ma tkompliex minħabba l-falliment tal-impriża. Kienet ukoll mibgħuta kopja ta’ dan il-proġett, mfassal minn konsulent, lill-Kummissjoni.

(41)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-ammont tal-għajnuna għas-salvataġġ, l-amministratur bagħat lill-Kummissjoni t-talbiet għall-għajnuna għas-salvataġġ magħmula minn Ixfin lil Sviluppo Italia SpA fit-30 ta’ Settembru 2005 u fil-11 ta’ Novembru 2005.

(42)

Billi l-Kummissjoni talbet il-baġits ta’ Pufin u Maxfin għall-2004, l-2005 u l-2006, l-amministratur ippreżenta kopja.

(43)

Fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-garanzija statali, l-amministratur iddikjara li fit-3 ta’ Lulju 2006, il-bank talab lill-Ministeru biex iħallas lura s-self garantit.

VI.   KUMMENTI MILL-ITALJA DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET TERZI

(44)

L-awtoritajiet Taljani kkumentaw fuq l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi. Fost l-oħrajn qalu li kapaċi jirrispondu aħjar minn qabel għall-allegazzjonijiet fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(45)

Fir-rigward tal-garanziji statali fuq self ta’ EUR 15-il miljun mogħti mill-bank, l-awtoritajiet Taljani iċċaraw dan li ġej:

(46)

L-ewwel nett, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-garanzija kienet limitata għal self ta’ EUR 15-il miljun u għalhekk ma kienetx ġiet estiża għal EUR 17,3 miljun, u sostnew li l-ammont ta’ għajnuna għas-salvataġġ kien ikkalkulat fuq il-bażi tal-formula li hemm fl-anness tal-linji gwida.

(47)

It-tieni, bl-ittri tal-21 ta’ April 2008 u t-30 ta’ Ottubru 2008, il-Ministru informa lill-Kummissjoni li l-bank sejjaħ lura l-garanzija fuq is-self ta’ EUR 15-il miljun flimkien mal-interessi, għal total ta’ EUR 15 154 457,72, fit-3 ta’ Lulju 2006. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani bagħatu ittra fl-20 Settembru 2006, li turi li l-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi ħallas lill-bank fis-27 ta’ Settembru 2006. Permezz ta’ dan il-ħlas, il-Ministeru kiseb id-drittijiet ta’ kreditur għal dak l-ammont fil-konfront ta’ Ixfin.

(48)

It-tielet, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw kopja tal-ittra tat-30 ta’ Novembru 2006 fejn il-Ministeru talab mill-ġdid lill-awtoritajiet kompetenti (Il-Ġudikatura Distrettwali ta’ Napli) biex tippreżenta talba ta’ inklużjoni fil-lista ta’ kredituri, skont l-Artikolu 93 tad-digriet nru 270/1999.

(49)

Fir-rigward tal-falliment ta’ Ixfin, l-awtoritajiet Taljani affermaw li, mid-dikjarazzjoni tal-5 ta’ Lulju 2006, l-impriża baqgħet taħt proċediment ta’ falliment u kkonfermaw l-informazzjoni mibgħuta mill-amministratur f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li r-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Qorti kien għadu pendenti.

(50)

Fir-rigward tal-Ftehim, l-awtoritajiet Taljani ehmżu kopja u spjegaw li dan ma’ jipprovdi għal ebda għajnuna fir-rigward ta’ Ixfin.

(51)

Barra minn hekk l-awtoritajiet Taljani bagħatu lill-Kummissjoni kopja tal-proġett ta’ notifika tal-pjan ta’ ristrutturar li, madanakollu, kif sostnut mill-Italja, ma kienx intbgħat lill-Kummissjoni billi l-Qorti kienet iddikjarat lill Ixfin uffiċjalment falluta.

(52)

Barra minn hekk l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw kopja tal-ftehim dwar is-self li kien konkluż bejn il-bank u Ixfin, fejn jirriżulta li s-self ingħata fit-30 ta’ Diċembru 2005 bit-rata ta’ interess ta’ 3,591 % (ara l-premessa 20 ta’ din id-deċiżjoni) u mhux bir-rata ta’ interess ta’ 3,752 % kif indikat fil-punt 15 tad-deċiżjoni tal-ftuħ fuq il-bażi tal-informazzjoni iniżjalment disponibbli.

VII.   L-AVVENIMENTI SUĊĊESSIVI GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(53)

Bid-deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2008, nnotifikata fil-15 ta’ Lulju 2008, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti jiġifieri il-fatt li m’hemmx il-kundizzjonijiet sostanzjali biex il-falliment jinbidel f’amministrazzjoni straordinarja. Il-Ministeru appella d-deċiżjoni fil-Qorti tal-Kassazzjoni (Corte Suprema di Cassazione), li għadha ma tatx sentenza.

(54)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, skont il-punti minn 66 sa 68 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (8), l-awtoritajiet nazzjonali jistaw jgħinu il-kontinwazzjoni tal-attività ekonomika biss f’miżura li tippermetti rkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna.

VIII.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

VIII.1   Il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat

(55)

L-Artikolu 87(1) tat-trattat tal-KE jistipula li l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi statali taħt kull forma, li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi taħdem favur ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, mhix kompatibbli mas-suq komuni billi għandha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(56)

Il-garanzija fir-rigward ta’ Ixfin ġiet mogħtija minn fondi tal-Istat Taljan, billi Ixfin ma ħallset ebda primjum. Din tat il-possibbiltà lill-Ixfin li tissellef, li bħala kumpanija f’diffikultà finanzjarja, ma kienitx tkun tista’ tissellef mingħajr garanzija statali. Għalhekk, permezz tal-għoti tal-garanzija għas-self, ingħata vantaġġ lill-Ixfin permezz tar-riżorsi statali.

(57)

L-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar hija kkunsidrata fost l-iktar tip ta’ għajnuniet mill-Istat li jgħawwġu s-suq, billi tippermetti li tingħata għajnuna lil impriżi li mingħajr l-intervent statali kienu joħrġu mis-suq. Ixfin kienet attiva fis-suq tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-komponenti elettroniċi kemm għas-settur tal-karrozzi kif ukoll għal dak tat-telekomunikazzjoni. Dawn huma prodotti li huma kummerċjalizzati fis-suq intern tal-UE u s-suq rilevanti tagħhom huwa sovranazzjonali, kif enfasizzat fid-deċiżjoni tal-awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni (9). Barra minn hekk, meta rċeviet l-għajnuna, Ixfin kienet qed tippjana li terġa tibda l-attività ta’ produzzjoni. Il-vantaġġ li l-impriża rċeviet permezz tal-garanzija ippermettilha tadotta miżuri biex isalvaw l-impriża u biex tkun tista’ tkompli l-attività ekonomika għal xi żmien ieħor. Wieħed jista’ għalhekk jikkonkludi li l-għajnuna filkwestjoni tgħawweġ jew tista’ tgħawweġ il-kompetizzjoni u għandha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri billi tiffavorixxi ċerti impriżi.

(58)

Barra minn hekk, il-punt 3.2, ittra a), tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (10) (minn hawn ‘il quddiem “l-Avviż”) jistabbilixxi numru ta’ kundizzjonijiet biex ikun eskluż minn garanzija pubblika l-element ta’ għajnuna mill-Istat. il-benefiċjarju m’għandux ikun f’diffikoltà finanzjarja, il-garanzija m’għandhiex tgħin iktar mit-80 % tas-self attwat u għandu jitħallas primjum favur is-suq. F’dan il-każ, il-garanzija tkopri s-self kollu, ma tħallas ebda primjum u kif jidher hawn taħt fis-sezzjoni VIII.2.1, il-benefiċjarju hija impriża f’diffikultà.

(59)

Għaldaqstant il-miżura hija għajnuna mill-Istat taħt l-artikolu 87(1) tat-trattat tal-KE.

VIII.2   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni

(60)

Id-derogi skont l-Artikolu 87(2) tat-trattat tal-KE ma japplikawx għal dan il-każ. Fir-rigward tad-derogi skont l-Artikolu 87(3) tat-trattat tal-KE, billi l-għan prinċipali tal-għajnuna huwa li terġa’ ġġib vijabbiltà fit-tul lill-impriża, tista’ tkun applikata biss id-deroga skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-trattat tal-KE li tippermetti għajnuna jekk din ikollha l-għan li tiżviluppa ċerti attivitajiet jew ċerti reġjuni ekonomiċi, sakemm ma tbiddilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. L-għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni ibbażata fuq l-Artikolu 87(3)(c) tat-trattat tal-KE biss jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffkultà.

VIII.2.1.   Eliġibbiltà tal-impriża f’diffikultà biex tibbenefika mill-għajnuna mill-Istat

(61)

Skont il-punt 9 tal-linji gwida, il-Kummissjoni ssostni li impriża hija f’diffikultà meta ma jirnexxilhiex, bir-riżorsi tagħha jew minn riżorsi li tista’ tieħu mill-proprjetarji/azzjonisti u mill-kredituri, twaqqaf it-telf li, fin-nuqqas ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi, iwassalha kważi żgur għall-falliment ekonomiku, f’qasir żmien jew fi żmien medju. Il-punt 11 tal-linji gwida jippreċiża li s-sintomi karatteristiċi ta’ impriża f’diffikultà huwa l-livell ta’ telf dejjem jikber, it-tnaqqis fid-dħul, iż-żieda fl-istokk, l-eċċess fil-kapaċità, it-tnaqqis fil-likwidità, iż-żieda fid-dejn u fil-piż tal-imgħax, kif ukoll it-tnaqqis jew it-telf totali tal-valur nett tal-assi. It-tabella nru 1 turi li waqt li d-dejn żdied, il-likwidità naqset u d-dħul naqas minn EUR 104 miljuni għal EUR 3 miljuni fi żmien 17-il xahar biss.

(62)

Skont il-punt 10, ittra c) tal-linji gwida, impriża tkun ikkunsidrata f’diffikultà ukoll meta tkun fil-kundizzjoni stipulata mil-liġi nazzjonali fejn jista’ jinbeda kontriha konkors tal-kredituri għall-falliment. F’dan il-każ, is-sinjali ta’ falliment, jiġifieri l-inkapaċità tal-impriża li tilħaq l-obbligi tagħha fil-ħin, kienu diġa’ jidhru minn Settembru 2004. Barra minn hekk, l-Italja sostniet li tat l-għajnuna għas-salvataġġ qabel l-avviż minħabba l-esiġenzi urġenti ta’ likwidità tal-impriża. Fl-aħħar nett, l-imħallef kompetenti ddikjara l-falliment ta’ Ixfin fil-5 ta’ Lulju 2006.

(63)

Wara li kkunsidrat dan kollu, il-Kummissjoni temmen li Ixfin hija impriża f’diffikultà skont il-punti 10 u 11 tal-linji gwida.

(64)

Madanakollu għandu jkun enfasiżżat li, skont il-punt 13 tal-linji gwida, impriża li tagħmel parti minn grupp jew tittieħed minn grupp ma tistax bi prinċipju tibbenefika minn għajnuniet għas-salvataġġ u għar-ristrutturar, ħlief jekk jista’ jkun ippruvat li d-diffikultajiet tagħha huma speċifiċi għaliha u ma jirriżultawx minn allokazzjoni arbitrarja tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp, u li dawn id-diffikultajiet ikunu serji wisq biex ikunu solvuti mill-grupp innifsu.

(65)

Ixfin hija parti mill-grupp Pufin. L-ewwel nett għandu jkun innutat li Ixfin diġa’ għandha dejn ta’ EUR 3,7 miljun mal-kumpanija ewlenija tagħha Maxfin. It-tieni, wara l-ftuħ tal-investigazzjoni formali l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw lill-Kummissjoni l-baġits ta’ Maxfin tat-30 ta’ April 2005, tat-30 ta’ April 2006 u tat-30 ta’ Ġunju 2006 u l-baġits ta’ Pufin tat-30 ta’ Ġunju 2004, tat-30 ta’ Ġunju 2005 u tat-30 ta’ Ġunju 2006. Ir-riżultati finanzjarji ta’ Pufin u Maxfin bejn l-2003 u l-2005 jidhru fit-tabella nru 2. Minn din it-tabella jidher li la s-sitwazzjoni ta’ Maxfin u lanqas dik ta’ Pufin ma kienu tajbin biex ikollhom ir-riżorsi neċessarji għal Ixfin f’livell li jitqabbel ma’ għajnuna għas-salvataġġ moghti mill-Italja. It-tielet, il-mezzi finanzjarji tas-sussidjarji ta’ Ixfin mhumiex biżżejjed biex jagħtu biżżejjed riżorsi biex isalvaw lil Ixfin. Għaldaqstant jista’ jiġi konkluż li la Pufin, la Maxfin u lanqas is-sussidjarji ta’ Ixfin ma setgħu jiffinanzjaw is-salvataġġ ta’ Ixfin u għalhekk id-diffikultajiet ta’ Ixfin kienu gravi wisq biex ikunu solvuti mill-grupp stess.

Tabella 2

(f’Eur)

 

2003

2004

2005

Maxfin

20 037 975

2 529 725

(997)

Pufin

12 710 759

(148 361 )

(24 349 )

(66)

Sabiex jitneħħew id-dubji tal-Kummissjoni rigward il-fatt li d-diffikultajiet tal-impriżi kienu intrinsiċi u mhux riżultat ta’ tqassim arbitraju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp, l-awtoritajiet Taljani l-ewwel nett bagħtu informazzjoni li turi li d-diffikultajiet tal-impriża kienu minħabba ħafna fatturi, tnaqqis fl-ordnijiet min-naħa tal-klijenti prinċipali tagħha, u żieda fid-dejn, b’mod partikolari wara li l-impriża kienet amministrata mill-investitur bejn Marzu u Diċembru 2004 (kif speċifikat fil-premessa 17 ta’ din id-deċiżjoni). It-tieni, l-awtoritajiet Taljani ppreċiżaw li l-kumpanija ewlenija, wara li xtrat lil Ixfin, m’għamlet ebda tranżazzjoni li turi tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp.

(67)

Għalhekk il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha, tikkunsidra li Ixfin tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati mill-punt 13 tal-linji gwida.

VIII.2.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni

(68)

Biex għajnuna għas-salvataġġ tkun kompatibbli mas-suq komuni għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-punt 25 tal-linji gwida.

(69)

Skont il-punt 25, ittra a) tal-linji gwida, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tikkonsisti minn sostenn tal-likwidità fil-forma ta’ garanziji fuq self jew f’self. Fiż-żewġ każijiet, l-għajnuna għandu jkollha rata ta’ interess almenu daqs ir-rata użata fuq self mogħti lil impriżi b’saħħithom.

(70)

L-ewwel nett, f’dan il-każ l-għajnuna għas-salvataġġ tikkonsisti f’sostenn għall-likwidità (ara l-premessa 20 ta’ din id-deċiżjoni). Fir-rigward tar-rata ta’ interess, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-konklużjonijiet preliminari tagħha li dehru li din tikkorrispondi għar-rata applikata normalment għall-impriżi b’saħħithom. Fil-fatt, billi r-rata tal-interess applikata għas-self suġġett għall-garanzija kienet ta’ 3,591 %, iżda r-rata ta’ riferenza tal-Kummissjoni għall-Italja hija ta’ 4,08 %, il-Kummissjoni tikkonkludi li din mhix ekwivalenti għar-rati li jingħataw normalment għall-impriżi b’saħħithom. Għalhekk il-Kummissjoni temmen li l-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil Ixfin ma tissodisfax il-kritierji tal-punt 25, ittra, a), tal-linji gwida.

(71)

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-punt 25, ittra b) tal-linji gwida, f’dan il-każ, il-Kummissjoni temmen li huma sodisfatti billi l-għajnuna għas-salvataġġ saret biex ittaffi diffikultajiet soċjali gravi u m’għandhiex effetti negativi fuq l-Istati Membri l-oħra.

(72)

Skont il-punt 25, ittra d) tal-linji gwida l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tkun limitata għall-ammont neċessarju biex l-impriża tinżamm attiva fiż-żmien li fih ġiet awtorizzata l-għajnuna. l-ammont neċessarju għandu jkun ibbażat fuq il-bżonn ta’ likwidità tal-impriża li ġie mit-telf. Il-Kummissjoni tinnota li, għalkemm kien konformi mal-formula biex tistabbilixxi l-bżonn ta’ likwidità ta’ impriża fl-anness tal-linji gwida, l-ammont ta’ għajnuna huwa ta’ iktar minn EUR 10 miljuni u l-awtoritajiet Taljani ma tawx biżżejjed elementi biex jispjegaw għaliex dan l-ammont hu verament l-ammont neċessarju biex Ixfin tibqa’ attiva. Għahekk, il-Kummissjoni temmen li ma kienx hemm provi biżżejjed biex juru li l-ammont ta’ għajnuna kien il-minimu neċessarju biex l-impriża tinżamm attiva fiż-żmien tas-salvataġġ, kien stipulat mill-punt 25, ittra d) tal-linji gwida.

(73)

Skont il-punt 25, ittra e), tal-linji gwida, l-għajnuna għandha tingħata f’konformità mal-prinċipju tal-“għajnuna ta’ darba” kif stipulat fil-punt 72 u wara tal-linji gwida. L-awtoritajiet Taljani affermaw li l-prinċipju tal-“għajnuna ta’ darba” kien sodisfatt, jiġifieri li l-impriża ma kienitx ħadet għajnuna oħra għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar fl-aħħar għaxar snin. Għalhekk il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha, tikkunsidra li Ixfin tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati mill-punt 25, ittra e) tal-linji gwida.

(74)

F’dan il-każ, il-perjodu ta’ sitt xhur li fih tista’ tingħata għajnuna għas-salvataġġ skont il-punt 25, ittra c) tal-linji gwida, beda fit-30 ta’ Diċembru 2005 u spiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2006. Skont il-punt 25, ittra a), l-aħħar sentenza, tal-linji gwida, is-self għandu jkun mogħti lura u l-garaziji għandhom jieqfu fi żmien ta’ mhux iktar minn 6 xhur minn meta l-impriża ingħatat l-ewwel parti. Barra minn hekk, mill-punt 25, ittra c) l-aħħar sentenza, “fil-każ ta’ għajnuna mhux notifikata, [l-Istat Membru għandu jippreżenta], fi żmien sitt xhur mill-ewwel implimentazzjoni tal-miżura, pjan ta’ ristrutturar jew ta’ stralċ inkella prova li s-self intradd lura kompletament sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-għajnuna ta’ salvataġġ ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni”. Eċċeżżjoni għal din ir-regola hija stipulata fil-punt 26 tal-linji gwida, meta l-Istat Membru jippreżenta pjan ta’ ristrutturar jew ta’ stralċ fi żmien sitt xhur. F’dan il-perjodu ma ġie ppreżentat ebda pjan ta’ ristrutturar jew ta’ stralċ lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-garanzija ġiet imħallsa fit-3 ta’ Lulju 2006 u Ixfin ma ħallsitx lura s-self li rċeviet. L-għajnuna għas-salvataġġ fir-rigward ta’ Ixfin għalhekk mhix ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni.

VIII.2.3.   Għajnuna għar-ristrutturar

(75)

Il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra l-għajnuna għas-salvataġġ bħala miżura għar-ristrutturar. L-ewwel nett, ma ntbagħat ebda pjan għar-ristrutturar lill-Kummissjoni. It-tieni, l-għajnuna għas-salvataġġ ma tissodisfax dak li hemm stipulat fil-punt 31 u wara tal-linji gwida, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà tal-miżuri għar-ristrutturar mas-suq komuni. Għalhekk il-Kummissjoni m’għandhiex elementi oħra li jħalluha taċċetta li l-għajnuna għas-salvataġġ hija kompatibbli bħala miżura għar-ristrutturar.

(76)

Fir-rigward ta’ dik meqjusa bħala l-għotja ta’ għajnuna għar-ristrutturar, fuq informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjonijiet formali, tneħħew id-dubji dwar il-fatt li Ixfin ingħatat għajnuna għar-ristrutturar (ara il-premessa 32 tad-deċiżjoni). Għalhekk, billi l-eżistenza tal-għajnuna għar-ristrutturar ma kienetx ikkonfermata l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni saret irrelevanti.

IX.   KONKLUZJONI

(77)

Il-Kummissjoni tagħlaq il-proċedura għall-investigazzjoni formali li nfetħet bid-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 rigward għajnuna għas-salvataġġ mogħtija illegalment u allegata għajnuna għar-ristrutturar.

(78)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat f’forma ta’ garanzija fuq self ta’ EUR 15-il miljun, illegalment mogħtija mill-Italja fir-rigward ta’ Ixfin SpA, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-trattat tal-KE, mhix kompatibbli mas-suq komuni. L-Italja għandha tirkupra l-għajnuna li mhix kompatibbli mingħand il-benefiċjarju.

(79)

Biex tistabbilixxi l-ammont tal-għajnuna, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 4.1, ittra a) tal-komunikazzjoni, li tgħid li “għal kumpaniji f’diffikultà, garanti tas-suq, jekk ikun hemm, jitlob fiż-żmien meta ssir il-garanzija ħlas ta’ primjum għoli meta wieħed iqis ir-rata mistennija ta’ inadempjenza. Jekk il-probabbiltà li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-element tal-għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija”.

(80)

Minħabba d-diffikultajiet finanzjarji gravi li kienet tinsab fihom Ixfin fil-mument li ingħatatilha l-garanzija, il-Kummissjoni temmen li kien wisq improbabbli li l-impriżi setgħet tieħu self bankarju fuq is-suq mingħajr l-għajnuna mill-Istat; il-Kummissjoni tikkonkludi għaldaqstant li l-ammont tal-għajnuna jikkorispondi għat-totalità tal-ammont tas-self.

(81)

L-investigazzjoni formali dwar dik meqjusa bħala għajnuna għar-ristrutturar tingħalaq, billi f’dan is-sens ma ġiet ikkonfermata ebda għajnuna għar-ristrutturar lil Ixfin,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanzija, illegalment mogħtija mill-Italja bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-trattat tal-KE, biex tagħmel tajjeb għas-self miftiehem fit-30 ta’ Diċembru 2005 minn BancApulia lil Ixfin, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u mhux kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   L-Italja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom miżjud magħhom l-interessi mid-data meta tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data meta ġew irkuprati.

3.   L-imgħax għandu jkun ikkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitlu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (11).

4.   L-Italja għandha tikkanċella l-ħlas kollu ta’ għajnuna pendenti kif imsemmi fl-Artikolu 1 b’effett mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ notifika.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xaharejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tressaq l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u imgħaxijet) li għandhom jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet adottati jew stipulati biex tikkonforma ma’ din id-deċiżjoni;

(ċ)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie obbligat iħallas lura l-għajnuna.

2.   L-Italja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tkun irkuprata bis-sħiħ. Hija għandha tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà jkunu ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Tibgħat ukoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammont ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet diġà irkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Ir-Repubblika Taljana hija d-destinatarja ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 30, 2.2.2008, p. 21.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(*)  Awwissu 2005.

(**)  Ebda informazzjoni disponibbli.

(3)  ĠU Taljan nru 62 tas-16.3.2005.

(4)  ĠU Taljan nru 111 tal-14.5.2005.

(5)  Il-Kummissjoni, skont l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni Taljana, bit-terminu “proċediment ta’ falliment” tifhem proċedura ġudizzjarja li tibda fil-waqt li kumpanija tiġi kkunsidrata falluta. Imħallef tal-qorti fallimentari jippresjedi l-każ, waqt li amministratur jieħu ħsieb it-tqassim tal-assi tad-debitur u kumitat ta’ kredituri jirrappreżenta l-kredituri kollha. Skont din il-proċedura issir lista tal-kredituri prioritarji skont in-normi stabbiliti fil-kodiċi ċivili Taljan biex jintleħqu l-pretensjonijiet tal-kredituri permezz tal-bejgħ tal-assi tal-kumpanija, li normalment iseħħ permezz tal-istralċ tal-impriża.

(6)  Il-Kummissjoni, skont l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni Taljana attwali, bit-terminu “amministratur straordinarju” tifhem proċedura amministrattiva li tkun applikata għal kumpaniji kbar falluti (normalment b’iktar minn 1 000 ħaddiem) fuq bażi ta’ “pjan ta’ ristrutturazzjoni” biex ikun evitat falliment. Jigifieri hija proċedura bi skop ta’ riorganizzazzjoni tal-kumpanija, u mhux għall-istralċ tagħha. Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4.7.2006 fil-każ NN 16/06, CIT (ĠU C 244, 11.10.2006, p. 14).

(7)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(8)  ĠU C 272, tal-15.11.2007, p. 4.

(9)  Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Provvedimento (Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni) n. 11479 tal-5.12.2002, Pufin/Finmek Automotive-Nicofin.

(10)  ĠU C 155, tal-20.6.2008, p. 10.

(11)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.