|
1.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 167/21 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-27 ta’ Jannar 2010
dwar l-Għajnuna mill-Istat C 27/08 (ex N 426/05) implimentata mill-Ġermanja għal Sovello AG (qabel EverQ GmbH)
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 172)
(Il-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/358/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1),
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
B’ittra datata 29 ta’ Awwissu 2005, irreġistrata bħala li waslet fl-1 ta’ Settembru 2005, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar għajnuna li kellha tingħata fil-forma ta’ bonus tal-SME lil EverQ GmbH (minn hawn 'il quddiem: Sovello (2). B’ittri datati 28 ta’ Ottubru 2005, 24 ta’ Jannar 2006 u 4 ta’ April 2006, f’kull każ irreġistrati bħala li waslu fl-istess ġurnata, il-Ġermanja pprovdiet lill-Kummissjoni b’aktar informazzjoni. |
|
(2) |
Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni approvat, taħt ir-referenza C(2006) 2092 finali, il-bonus tal-SME għal Sovello (kawża dwar għajnuna mill-Istat N 426/05 (3). |
|
(3) |
Matul l-eżami tagħha ta’ miżura ta’ għajnuna oħra għal Sovello li ġiet innotifikata (kawża dwar għajnuna mill-Istat C 21/08 (4) - ex N 864/06), il-Kummissjoni skopriet evidenza li d-deċiżjoni dwar il-kawża tal-għajnuna mill-Istat N 426/05 setgħet kienet ibbażata fuq informazzjoni inkompleta/mhux korretta ppreżentata matul il-proċedura ta’ notifika. |
|
(4) |
B’ittra datata 17 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni tat lill-Ġermanja l-opportunità sabiex tikkummenta dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali qabel ma possibbilment tirrevoka d-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2006, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (5). Il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha b’ittri datati 15 ta’ April 2008, irreġistrati bħala li waslu fil-15 u s-16 ta’ April 2008 rispettivament. |
|
(5) |
B’ittra datata 17 ta’ Ġunju 2008 C(2008)2669 finali, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-bonus tal-SME mogħti lil Sovello. |
|
(6) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom. |
|
(7) |
Il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha b’ittra datata 10 ta’ Settembru 2008, irreġistrata bħala li waslet fl-istess ġurnata. Il-Ġermanja ssottomettiet aktar kummenti b’ittri datati 20 ta’ Marzu, 13 ta’ Mejju u 16 ta’ Novembru 2009, irreġistrati bħala li waslu fl-istess ġurnata, rispettivament. Laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi saru fit-2 ta’ April u fit-13 ta’ Ottubru 2009. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment minn partijiet terzi. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA
2.1. Il-proġett
|
(9) |
L-għan tal-proġett ta’ għajnuna (għajnuna reġjonali mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna approvati flimkien mal-bonus innotifikat tal-SME) kien li jinbena impjant ġdid ta’ 30 MWp (Sovello1) biex jiġu mmanifatturati moduli solari (ProdCom kodiċi 32.10.52.37) li jużaw teknoloġija String-Ribbon (7). L-impjant il-ġdid kien l-ewwel sit tal-produzzjoni ta’ Sovello. Il-bini beda f’Diċembru 2004. Il-fabbrika kienet maħsuba li jkollha kapaċità nominali ta’ produzzjoni ta’ 30 Megawatt massimu (8) u li tkun funzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2007. Fil-fatt Sovello1 bdiet il-produzzjoni f’April 2006. |
2.2. Il-benefiċjarju
|
(10) |
Il-benefiċjarju tal-għajnuna nnotifikata huwa Sovello. Sovello ġiet stabbilita bħala impriża konġunta f’Diċembru 2004 minn Q-Cells SE (9) (minn hawn 'il quddiem: Q-Cells) - li kellha 24,9 % tal-ishma - u l-kumpanija Amerikana Evergreen Solar Inc. (minn hawn 'il quddiem: Evergreen) - li kellha 75,1 %. Din is-sitwazzjoni hija riflessa fil-ftehim inizjali prinċipali ta’ impriża konġunta (10) datat 14 ta’ Jannar 2005 (minn hawn 'il quddiem: MJVA1) bejn Evergreen u Q-Cells. Kif indikat fil-MJVA1, qabel id-data ta’ dan il-ftehim, Q-Cells akkwistat Topas 107 V.V. GmbH, kumpanija finta (shell company), li Q-Cells kellha tikkawża li ssir Sovello (f’dak iż-żmien EverQ). L-isem tal-kumpanija finta ġie mibdul għal EverQ fil-11 ta’ Frar 2005. |
|
(11) |
Evergreen tipproduċi moduli solari u tippossjedi privattiva fit-teknoloġija String-Ribbon. Q-Cells hija waħda mill-akbar produtturi ta’ ċelloli solari fid-dinja. L-għan tal-impriża konġunta Sovello l-ewwel kien li tittestja l-vijabilità ekonomika tal-produzzjoni ta’ moduli solari — ibbażata fuq it-teknoloġija String-Ribbon miġjuba minn Evergreen, u l-għarfien dwar il-manifattura taċ-ċelloli u l-esperjenza ta’ Q-Cells fis-suq Ġermaniż — u fi stadju aktar tard li tippermetti l-manifattura industrijali ta’ moduli String-Ribbon. |
|
(12) |
F’Novembru 2005, il-Korporazzjoni għall-Enerġija li Tiġġedded ASA (Norveġja) (minn hawn 'il quddiem: REC) issieħbet fl-impriża konġunta u ħadet sehem ta’ 15 % (ibbażat fuq kuntratt għall-kunsinna tas-silikon lil Sovello), biex Evergreen u Q-Cells naqqsu l-ishma tagħhom għal 64 % u 21 % rispettivament. Din is-sitwazzjoni hija riflessa fit-tieni ftehim tal-impriża konġunta datat 25 ta’ Novembru 2005 (minn hawn ‘il quddiem il-MJVA2) bejn Evergreen, Q-Cells u REC. REC hija fost l-akbar produtturi dinjija ta’ materjali tas-silikon għall-industrija fotovoltajka. |
|
(13) |
Fiż-żmien tan-notifika, Q-Cells u REC kellhom azzjonist konġunt, il-kumpanija b’kapital ta’ riskju Good Energies Investment BV (minn hawn 'il quddiem: Good Energies). Din il-kumpanija kellha 16 % tal-ishma ta’ Q-Cells u 39 % tal-ishma ta’ REC (sitwazzjoni fis-7 ta’ Marzu 2006). L-awtoritajiet Ġermaniżi sostnew li ma kienet teżisti l-ebda relazzjoni ulterjuri bejn Q-Cells, REC u Evergreen apparti l-ishma tagħhom f’Sovello. |
|
(14) |
Mid-19 ta’ Diċembru 2006, l-imsieħba Evergreen, Q-Cells u REC kull waħda kellha sehem ta’ 33,3 % f’Sovello (emenda fil-MJVA2 datata 29 ta’ Settembru 2006). |
|
(15) |
Fil-5 ta’ Frar 2007, Q-Cells ħabbret il-pjani tagħha biex tieħu sehem ta’ 17,9 % f’REC. Fl-istess data, Good Energies ħabbret fi stqarrija għall-istampa li hija kienet se tbigħ is-sehem tagħha f’REC lil Q-Cells u Orkla ASA (26 ta’ Frar 2007). |
|
(16) |
L-istruttura azzjonarja preżenti ta’ Sovello hija rappreżentata fil-figura hawn taħt (sitwazzjoni fit-tielet trimestru tal-2009):
|
|
(17) |
Diversi dokumenti tal-kumpaniji u deċiżjonijiet tal-azzjonisti juru l-iżvilupp ta’ Sovello. Id-dokument bit-titlu “Proġett ‘Sovello’: Kapijiet ta’ Ftehim” (minn hawn ‘il quddiem il-Kapijiet ta’ Ftehim) ġie ffirmat mis-CEOs ta’ Evergreen u Q-Cells qabel il-MJVA1. Dan il-ftehim jispjega transazzjoni possibbli bejn iż-żewġ kumpaniji rigward l-istabbiliment u t-tmexxija ta’ impriża konġunta għall-iżvilupp, manifattura u bejgħ ta’ prodotti solari bbażati fuq it-teknoloġija String-Ribbon. It-test isemmi l-ftehim tal-imsieħba li, sabiex jikkwalifikaw għal ċerti sussidji tal-gvern Ġermaniż, is-sjieda ta’ Q-Cells f’Sovello riedet tkun inqas minn 25 %. Huwa jfittex ukoll li jassigura li ż-żewġ imsieħba jkollhom vuċi fid-deċiżjonijiet importanti tal-kumpanija, u jinkludi dispożizzjonijiet li jindikaw ir-rwol essenzjali ta’ Q-Cells għall-operabilità tal-impriża konġunta. |
|
(18) |
L-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Sovello jagħtu wkoll drittijiet sostanzjali ta’ teħid tad-deċiżjonijiet lil Q-Cells (il-bord superviżorju huwa kompost minn żewġ persuni maħtura minn Evergreen u persuna minn Q-Cells, iżda għal diversi deċiżjonijiet strateġiċi huwa meħtieġ il-qbil ta’ mill-anqas persuna maħtura waħda ta’ kull imsieħeb). |
|
(19) |
Il-MJVA1 jistabbilixxi s-sehem ta’ Evergreen f’Sovello għal 75.1 % u dak ta’ Q-Cells għal 24.9 %. Madankollu, jinkludi l-possibbiltà li Q-Cells iżżid l-interess proprjetarju tagħha għal 50 %, bil-kundizzjoni li dan ma jwassalx għal tnaqqis fl-għotjiet ta’ investiment. Il-MJVA1 jipprovdi wkoll għal ftehimiet oħra possibbli bejn l-imsieħba (dwar servizzi, teknoloġija u kummerċjalizzazzjoni). Fil-prattika, il-moduli prodotti minn Sovello ġew distribwiti minn Evergreen taħt il-marka ta’ Evergreen (sa kmieni fl-2009). |
|
(20) |
Il-MJVA2 jistabbilixxi l-istruttura azzjonarja segwenti: Evergreen 64 %, Q-Cells 21 % u REC 15 %. Huwa jikkonferma l-possibbiltà għal Q-Cells li żżid is-sehem tagħha sal-istess livell ta’ Evergreen, filwaqt li l-possibbiltà li REC iżżid is-sehem tagħha għal 21 % u għal 33,3 % hija soġġetta għal iżjed kuntratti ta’ forniment tas-silikon. |
|
(21) |
It-Tabella I hawn isfel tagħti linja taż-żmien li turi l-iżvilupp ta’ Sovello permezz ta’ dokumenti importanti u deċiżjonijiet tal-kumpanija. Tabella I Żvilupp ta’ Sovello
|
2.3. Spejjeż ta’ investiment u l-iffinanzjar tal-proġett
|
(22) |
Il-proġett jinvolvi spejjeż totali ta’ investiment b’valur nominali ta’ EUR 65 699 302, li EUR 60 873 300 minnhom huma eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. It-Tabella II hawn isfel tagħti analiżi tal-ispejjeż totali ta’ investiment għall-proġett innotifikat. Tabella II Analiżi tal-ispejjeż tal-proġett (valuri nominali)
|
||||||||||||||
|
(23) |
Minbarra l-għajnuna li saret applikazzjoni għaliha, il-proġett ġie ffinanzjat billi ntużaw riżorsi proprji u self mill-banek. It-Tabella III tagħti ħarsa ġenerali tal-iffinanzjar tal-proġett innotifikat. Tabella III Iffinanzjar tal-proġett (valuri nominali)
|
||||||||||||||||
2.4. L-intensità massima tal-għajnuna reġjonali applikabbli
|
(24) |
L-investiment jinsab f’Thalheim, Landkreis Bitterfeld, Saxony-Anhalt, il-Ġermanja, żona assistita skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE, b’limitu ta’ intensità tal-għajnuna ta’ 35 % għotja sħiħa ekwivalenti (GGE - gross grant equivalent), skont il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali (11) (minn hawn ‘il quddiem ir-RAG 1998) u l-mappa tal-għajnuna reġjonali stabbilita għall-Ġermanja u fis-seħħ sal-aħħar tal-2006 (12). |
2.5. L-ammont tal-għajnuna u l-intensità tal-għajnuna
|
(25) |
L-għajnuna taħt skrutinju tikkonċerna bonus tal-SME ta’ 15-il punt perċentwali, innotifikat taħt N 426/05 kif mitlub mid-deċiżjoni tal-approvazzjoni skont l-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (minn hawn ‘il quddiem ir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs) (13), li għandu jingħata bħala żieda mal-għajnuna reġjonali mogħtija lil Sovello fuq il-bażi tal-iskemi eżistenti tal-għajnuna reġjonali, il-Programm Konġunt tal-Gvern Federali/Länder (Gemeinschaftsaufgabe) għat-Titjib tal-Istrutturi Ekonomiċi Reġjonali (għajnuna mill-Istat N 642/02 (14), il-Liġi dwar il-Primjum għall-Investiment (għajnuna mill-Istat N 142a/04 (15). Il-bonus tal-SME jikkorrispondi għal ammont ta’ għajnuna ta’ EUR 9 130 995. |
2.6. Valutazzjoni tal-istatus ta’ SME ta’ Sovello fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 426/2005
|
(26) |
Fil-każ tal-SMEs, ir-RAG 1998 jippermetti li l-għajnuna reġjonali għall-investiment tiġi supplimentata b’bonus tal-SME (16). Il-bonus tal-SME lil Sovello ngħata bħala żieda mal-għajnuna reġjonali mogħtija legalment tħat il-Programm Konġunt tal-Gvern Federali Ġermaniż/Länder. |
|
(27) |
Sabiex ikun stabbilit jekk kumpanija tikkostitwix SME, il-Kummissjoni tapplika r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (17) (minn hawn ‘il quddiem ir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs). B’mod partikolari, hija tittestja jekk il-kumpanija tilħaqx ċerti limiti (ammont ta’ persunal, fatturat, total fil-karta tal-bilanċ). F’dawn it-testijiet, tiġi kkunsidrata l-informazzjoni korrispondenti għall-impriżi kollegati (dawk li għandhom influwenza dominanti, prinċipalment billi jkollhom il-maġġoranza ta’ drittijiet tal-vot), filwaqt li l-informazzjoni għall-impriżi msieħba (dawk li jkollhom minimu ta’ 25 % tal-ishma jew drittijiet tal-vot) tiġi kkunsidrata b’mod proporzjonali mas-sehem tagħhom fl-impriża fil-mira. |
|
(28) |
Fid-Deċiżjoni tagħha N 426/05 (ara l-paragrafu 2 hawn fuq), il-Kummissjoni inkludiet fil-kalkolu tagħha l-informazzjoni rilevanti dwar Sovello u dwar Evergreen, iżda mhux l-informazzjoni dwar Q-Cells u REC, billi fiż-żmien tan-notifika u sakemm il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni tal-approvazzjoni tagħha, huma kellhom inqas minn 25 % tal-ishma jew drittijiet tal-vot. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li Sovello kienet SME, u approvat l-għajnuna notifikata. |
3. RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
3.1. L-informazzjoni ġdida
|
(29) |
L-informazzjoni ġdida li skopriet il-Kummissjoni waqt il-valutazzjoni tagħha ta’ miżura oħra nnotifikata ta’ għajnuna għal Sovello tirrigwarda l-MJVA1 bejn Evergreen u Q-Cells dwar il-ħolqien ta’ Sovello, li ma ġiex ippreżentat lill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni preliminari fil-każ N 426/2005. Din l-informazzjoni wasslet għal tħassib li l-imsieħba fl-impriża konġunta kienu żammew artifiċjalment is-sehem ta’ Q-Cells taħt 25 % (inizjalment għal 24,9 %) sabiex jiksbu ammont akbar ta’ għajnuna mill-Istat (inkluż bonus tal-SME), minkejja li Q-Cells kienet rappreżentata fil-bord tal-impriża konġunta permezz ta’ wieħed minn tliet diretturi, bi dritt tal-veto fuq deċiżjonijiet importanti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stiednet lill-Ġermanja sabiex tikkummenta dwar l-intenzjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali qabel ma possibbilment tirrevoka d-deċiżjoni oriġinali tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2006 (ara l-paragrafu 2), skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. |
|
(30) |
B’ittra datata 15 ta’ April 2008, il-Ġermanja ssottomettiet kopja tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Sovello u tal-Kapijiet ta’ Ftehim, kif ukoll kopji notarizzati tal-MJVA1, il-MJVA2 u l-MJVA2 emendat. F’din l-ittra, il-Ġermanja sostniet li fil-każ ta’ Sovello, il-kriterji formali fir-rigward tal-limiti kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni kienu ssodisfati fiż-żmien tan-notifika u li fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs m’hemmx indikati kriterji oħra definiti b’mod ċar u li jistgħu jintużaw fil-prattika. Il-Ġermanja argumentat li dawn il-kriterji formali għall-istabbiliment tal-istatus ta’ SME ta’ impriża għandhom ikunu deċiżivi, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-prevedibilità tal-politika ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-istat. Jekk il-Kummissjoni tħoss li dawn il-kriterji formali m’għadhomx adegwati, hija għandha tikkunsidra li tbiddel ir-regoli applikabbli stess pjuttost milli tbiddel il-prattika tagħha fil-kuntest ta’ każijiet individwali. |
|
(31) |
Il-Ġermanja osservat ukoll li hija la ħbiet u lanqas żammet apposta informazzjoni fiż-żmien tan-notifika, u li l-ishma inizjali tal-azzjonisti (75,1 % għal Evergreen u 24,9 % u Q-Cells) kienu bbażati fuq raġunijiet ekonomiċi. Il-Ġermanja rrimarkat ukoll li s-sehem ta’ Q-Cells fl-impriża konġunta inizjali ma ħelisx lil Sovello mill-iżvantaġġi li tipikament jaffettwaw lil SMEs li jkunu qegħdin jibdew. |
3.2. Konsegwenzi possibbli tal-informazzjoni ġdida għall-valutazzjoni
|
(32) |
Madankollu, il-Kummissjoni sabet li, għalkemm Sovello kienet tissodisfa l-kriterji formali tad-definizzjoni ta’ SME, kien hemm indikazzjonijiet qawwija li dan kien il-każ biss minħabba li s-sehem ta’ Q-Cells f’Sovello nżamm artifiċjalment taħt 25 %, bl-iskop li jinkiseb bonus tal-SME, filwaqt li l-influwenza effettiva ta’ Q-Cells fuq Sovello kienet iżjed b’saħħitha. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li hija trid tkun attenta għall-possibilità li l-istruttura azzjonarja tal-benefiċjarju ġiet immanipulata bil-għan li tkun tista’ ddur mad-definizzjoni ta’ SME. |
|
(33) |
L-informazzjoni ġdida għalhekk wasslet lill-Kummissjoni sabiex tiddubita jekk Sovello fil-fatt kinitx tikkostitwixxi SME skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs. Jekk dan ma kienx il-każ, il-bonus innotifikat u approvat tal-SME ma jkunx kompatibbli mat-TFUE. |
|
(34) |
Qabel ma tirrevoka d-deċiżjoni oriġinali tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2006, li setgħet kienet ibbażata fuq informazzjoni inkompleta/mhux korretta, u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, li jistipula li “il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjoni (…) wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu, fejn id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta pprovduta waqt il-proċedura li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni. Qabel ma tirrevoka deċiżjoni u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4) (…)”. |
4. KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI
|
(35) |
Il-Kummissjoni ma rċevitx osservazzjonijiet minn partijiet interessati. |
5. KUMMENTI MILL-ĠERMANJA
5.1. Bażi legali
5.1.1. L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma japplikax
|
(36) |
Il-Ġermanja hija tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet għar-revoka tad-Deċiżjoni N 426/05 – fuq il-bażi ta’ allegata informazzjoni ġdida – ma jeżistux. Il-Ġermanja ssostni li t-tagħrif li hija pprovdiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tan-notifika tal-kawża N 426/05 la kienet inkompleta u lanqas skorretta, u li għalhekk l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma japplikax. Il-Ġermanja targumenta li l-Kummissjoni ġiet infurmata bil-fatt li Sovello kienet impriża teknoloġika ġdida fl-industrija solari - maħluqa bħala impriża konġunta bejn Evergreen u Q-Cells - li ma qabżitx il-limiti tad-definizzjoni ta’ SME u li kienet esposta għall-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME. Il-Ġermanja ssostni wkoll li la l-MJVA1 u lanqas il-Kapijiet ta’ Ftehim ma fihom informazzjoni ġdida li tista’ tiġġustifika r-revoka tad-Deċiżjoni N 426/05. |
|
(37) |
Il-Ġermanja ssostni li, fuq talba tal-Kummissjoni (ittra datata 30 ta’ Diċembru 2005, D/57570), hija pprovdiet għal Sovello d-dikjarazzjoni mudell annessa mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Dikjarazzjoni mudell dwar l-informazzjoni relatata mal-kwalifika ta’ impriża bħala SME” (18) (minn hawn 'il quddiem: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni Mudell) fil-kuntest tan-notifika, fejn sostniet li Evergreen hija impriża relatata ma’ Sovello u li Sovello hija indipendenti minn Q-Cells. Il-Ġermanja ssottomettiet ukoll dikjarazzjoni ġuramentata minn Q-Cells fejn din iddikjarat li la hija sħab u lanqas kumpanija relatata ma’ Sovello. |
|
(38) |
Il-Ġermanja targumenta li la l-awtoritajiet Ġermaniżi u lanqas Sovello ma raw xi indikazzjoni fir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni Mudell, jew fit-talbiet tal-informazzjoni mill-Kummissjoni, li huma kellhom jissottomettu l-ftehim tal-impriża konġunta matul l-andament tan-notifika. Il-Ġermanja għalhekk hija tal-opinjoni li l-informazzjoni li hija ssottomettiet f’dak iż-żmien kienet kompleta. |
5.1.2. M‘għandhomx jitqiesu kriterji addizzjonali
|
(39) |
Il-Ġermanja tosserva li, filwaqt li r-rakkomandazzjoni preċedenti dwar l-SMEs tal-1996 (19) tiddefinixxi l-SMEs b’referenza għal-limiti kif ukoll għal “kriterju tal-indipendenza”, id-definizzjoni preżenti ta’ SME tiddistingwi biss bejn impriżi awtonomi, imsieħba u relatati. Il-Ġermanja targumenta li r-Regolament preżenti dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs, flimkien mad-definizzjoni ta’ SME, huwa vinkolanti fuq il-Kummissjoni, u ċertament li ma jistax jiġi ristrett billi jiżdiedu kriterji mhux miktuba. La l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidraw tali kriterji mhux miktuba fis-sentenzi tagħhom f’każijiet ibbażati fuq id-definizzjoni l-ġdida ta’ SME. |
|
(40) |
Il-Ġermanja ma taqbilx li l-kriterji tal-indipendenza li ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-Kawża C 91/01 L-Italja vs Il-Kummissjoni (20) (minn hawn 'il quddiem: il-kawża Solar Tech), ibbażati fuq ir-rakkomandazzjoni preċedenti dwar l-SMEs tal-1996, jibqgħu validi għall-każijiet li jridu jiġu valutati fuq il-bażi tad-definizzjoni l-ġdida ta’ SME. Skont il-Ġermanja, li valutazzjoni tkun ibbażata fuq tali kriterji mhux miktuba mhuwiex kompatibbli mal-iskop li tiġi riveduta d-definizzjoni ta’ SME, kif iddikjarat fil-premessa 8 tar-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs: “Sabiex jiġu eliminati d-differenzi li jistgħu jagħtu bidu għad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, sabiex tkun iffaċilitata l-kompetizzjoni, bejn l-inizjattivi tal-Komunità u nazzjonali dwar l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u għal raġunijiet ta’ kjarezza amministrattiva u ċertezza legali, …”. |
|
(41) |
Il-Ġermanja targumenta li, sabiex ikun hemm ċertezza legali u trattament indaqs, il-Kummissjoni l-ewwel għandha tippubblika l-bidliet possibbli fid-definizzjoni ta’ SME (inkorporazzjoni ta’ kriterji ġodda addizzjonali), qabel ma tapplika dawn il-bidliet għal każijiet individwali. Barra minn hekk, kieku l-leġiżlatur Ewropew xtaq jikkunsidra l-kriterju ta’ “l-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME”, huwa kien jieħu dan il-kriterju fid-definizzjoni l-ġdida tiegħu ta’ SME. Il-kwistjoni jekk kumpanija ssofrix mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME għalhekk għandha tiġi verifikata billi jintużaw biss il-kriterji formali ta’ SME. Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-istabbiliment ta’ limitu ta’ 25 % għall-impriżi msieħba jkun superfluwu jekk dan il-limitu ma jiġix applikat bħala kriterju fil-prattika. |
|
(42) |
Il-Ġermanja tinnota li l-għan tad-definizzjoni l-ġdida ta’ SME kien li tippermetti li tiġi pprovduta għajnuna lill-SMEs b’mod uniformi u suġġetta għal superviżjoni mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali fuq il-bażi ta’ definizzjonijiet ċari u inekwivoċi. Hija kkonkludiet li d-definizzjoni l-ġdida ta’ SME għalhekk ma tħalli l-ebda lok għad-diskrezzjoni jew għal kundizzjonijiet mhux miktuba. |
5.1.3. Il-kawżi Solar Tech u Pollmeier mhumiex paragunabbli ma’ Sovello
|
(43) |
Il-Ġermanja targumenta wkoll li la l-istruttura azzjonarja u lanqas iċ-ċirkustanzi ekonomiċi tal-kumpaniji msemmija f’Solar Tech u Pollmeier Malchow GmbH & Co. KG v Il-Kummissjoni, (21) li s-sentenzi tagħhom kienu bbażati fuq ir-rakkomandazzjoni preċedenti dwar l-SMEs tal-1996, ma huma paragunabbli mas-sitwazzjoni ta’ Sovello. |
|
(44) |
F’Solar Tech, kumpanija kbira (il-grupp Permasteelisa) kienet tippossjedi biss 24 % tal-benefiċjarju, iżda l-fundatur u l-azzjonist maġġoritarju ta’ dak il-grupp, li kien ukoll il-maniġer ta’ Solar Tech, kellu 46 % tal-kapital, filwaqt li l-kap tal-grupp u membru tal-bord ta’ Permasteelisa, kull wieħed kellu 15 % tal-kapital. Minħabba din l-interdipendenza finanzjarja, l-influwenza possibbli tal-azzjonisti ta’ Permasteelisa u r-rabtiet ekonomiċi u organizzattivi ma’ Permasteelisa, il-Kummissjoni kkonkludiet li Solar Tech ma sofrietx mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME u għalhekk ma ssodisfatx il-kriterju tal-indipendenza. Madankollu, il-Ġermanja tinnota li ż-żewġ azzjonisti fl-impriża konġunta ta’ Sovello — Evergreen u Q-Cells — kienu indipendenti minn xulxin, u l-azzjonista minoritarju Q-Cells ma kellux influwenza fuq Sovello iżjed minn azzjonist li kellu 24,9 % (ara wkoll il-paragrafu 5.3 hawn taħt). |
|
(45) |
F’Pollmeier, il-benefiċjarju, Pollmeier, kienet għal kollox ta’ persuna fiżika permezz ta’ kumpanija intermedjarja. Il-kumpaniji l-oħra kollha kkontrollati minn din il-persuna fiżika kienu attivi fl-istess setturi ekonomiċi jew setturi paralleli. Il-Kummissjoni qieset l-impriżi ta’ din il-persuna fiżika bħala entità ekonomika waħda u ġabret flimkien id-dejta ekonomika u l-għadd ta’ ħaddiema, li b’hekk qabżu l-limiti ta’ SME. Il-Ġermanja tinnota li fiż-żmien tal-ħolqien ta’ Sovello, iż-żewġ azzjonisti kienu indipendenti minn xulxin u kellhom għanijiet differenti (riċerka u żvilupp fit-teknoloġija solari fil-każ ta’ Evergreen u l-produzzjoni ta’ ċelloli solari fil-każ ta’ Q-Cells). Għaldaqstant l-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME ta’ Sovello ma setgħux jiġu kkumpensati bl-integrazzjoni fi grupp ta’ kumpaniji kbar. |
5.1.4. L-ebda eċċezzjoni għall-impriżi konġunti
|
(46) |
Il-Ġermanja ssostni li, fid-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ara l-paragrafu 5), il-Kummissjoni tmur lil hinn mill-awtorità tagħha billi tassumi li benefiċjarju għandu jiġi ttrattat awtomatikament bħala entità ekonomika waħda flimkien mal-imsieħba tiegħu fl-impriża konġunta, u li għalhekk id-dejta finanzjarja u l-għadd ta’ ħaddiema tal-imsieħba kollha fl-impriża konġunta għandhom dejjem jingħaddu flimkien għall-kalkolu tal-limiti tal-SMEs. |
|
(47) |
Il-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni b’dan qiegħda tippretendi l-awtorità li tneħħi grupp sħiħ ta’ impriżi (b’mod speċifiku impriżi konġunti) mill-applikazzjoni tad-definizzjoni legalment vinkolanti ta’ SME u li tapplika kriterji partikolari tal-SMEs għal dan il-grupp ta’ impriżi. Il-Ġermanja tikkontesta li tali setgħa tista’ toħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qrati Ewropej ibbażata fuq ir-rakkomandazzjoni preċedenti dwar l-SMEs tal-1996 jew mill-prattika mgħoddija tal-Kummissjoni. |
5.2. L-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME għal Sovello
|
(48) |
Il-Ġermanja tafferma li, fiż-żmien tan-notifika, bin-numru limitat tagħha ta’ impjegati u r-riżorsi finanzjarji limitati tagħha, Sovello ma sofrietx mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME marbuta mal-iffinanzjar tal-proġett ta’ investiment, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, u l-organizzazzjoni kummerċjali u operattiva tagħha. Il-Ġermanja tirrikonoxxi l-effetti sinerġiċi tal-kooperazzjoni ma’ Evergreen u Q-Cells, iżda ma taqbilx li dawn setgħu kkumpensaw għall-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME għal Sovello. |
5.2.1. Żvantaġġi ta’ SME relatati mal-iffinanzjar
|
(49) |
Il-Ġermanja ssostni li mingħajr għajnuna pubblika Sovello ma kinitx tikseb finanzjament barrani għall-proġett ta’ investiment tagħha f’Thalheim. Hija ssostni li l-proporzjon tal-investiment barrani fil-proġett ta’ Sovello (EUR 8 miljuni, jiġifieri 13 % tal-investiment totali) huwa tipiku għall-SMEs. Il-Ġermanja tgħid ukoll li […] biss mill-[…] banek avviċinati kienu interessati li jiffinanzjaw il-proġett, li wieħed minnhom kien lest biss li jipprovdi EUR […] kapital ta’ ħidma u finanzjament intermedju sa 50 % tal-għajnuna pubblika. Din is-sitwazzjoni jingħad li hija tipika għall-SMEs, mhux għall-kumpaniji l-kbar. |
|
(50) |
Il-Ġermanja ssostni li l-kuntratt ta’ self għall-iffinanzjar barrani ġie konkluż biss fil […] ta’ Novembru 2005. Ma kienx possibbli li jiġu nnegozjati kundizzjonijiet ta’ self favorevoli minħabba l-klassifikazzjoni tal-kreditu […] ta’ Sovello u l-parteċipazzjoni finanzjarja […] tal-azzjonisti (kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja […] ta’ Sovello). Sovello kellha diffikultajiet sabiex tipprovdi garanzija suffiċjenti għas-self (kienet għadha mhijiex is-sid tal-art, il-makkinarju u l-installazzjonijiet kienu għadhom ma ġewx ikkonsenjati, il-bini kien għadu qiegħed jinbena u ma kien hemm l-ebda stokk). L-azzjonisti ma setgħu jipprovdu […] garanzija […] lanqas. |
|
(51) |
Il-Ġermanja ssostni li l-azzjonisti setgħu jġibu biss riżorsi proprji limitati ħafna. Sal-2006, Evergreen biss ipprovdiet finanzjament li qabeż il-kapital tal-ishma u r-riżervi kapitali tagħha. Q-Cells ma kinitx […] ġġib tali kapital żejjed, billi r-riżorsi […] tagħha kienu marbuta […] fil-proġetti ta’ investiment tagħha stess. |
|
(52) |
Il-Ġermanja targumenta li l-proġett ta’ investiment ma setax jitwettaq mingħajr għajnuna mill-istat, inkluż bonus tal-SME. |
5.2.2. Żvantaġġi ta’ SME relatati mal-kummerċjalizzazzjoni
|
(53) |
Il-Ġermanja targumenta wkoll li Sovello kienet iffaċċjata b’riskju kummerċjali sostanzjali, billi kienet għad trid turi li t-teknoloġija String-Ribbon setgħet twassal għal prodotti li setgħu jitpoġġew fis-suq b’mod kummerċjali. Il-fatt li Sovello kellha ftehim ta’ bejgħ ma’ Evergreen ma setax tabilħaqq inaqqas dan ir-riskju billi Evergreen kienet hija stess SME u ma kellha l-ebda għarfien tas-suq Ġermaniż. L-azzjonista l-oħra, Q-Cells, ma kellha ebda esperjenza fil-bejgħ ta’ moduli solari, billi kienet tipproduċi biss ċelloli solari. Barra minn hekk, Q-Cells kienet hija wkoll SME (22) u riedet tikkonċentra fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tagħha stess. |
5.2.3. Żvantaġġi ta’ SME relatati mal-organizzazzjoni kummerċjali u operattiva
|
(54) |
Il-Ġermanja ssostni li l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni kummerċjali u operattiva ta’ Sovello kienu ogħla minn dawk ta’ impriżi kbar. |
5.3. L-influwenza ta’ Q-Cells fuq Sovello
|
(55) |
Il-Ġermanja tiċħad li l-influwenza li seta’ kien hemm ta’ Q-Cells fuq Sovello fiż-żmien tan-notifika kienet akbar mill-influwenza normali ta’ azzjonist li kellu 24,9 % ta’ Sovello. Hija ssostni li tali riskju perċentwali ma kienx insolitu għal proġetti simili ta’ bidu fis-setturi tat-teknoloġija avvanzata. |
|
(56) |
Il-Ġermanja tispjega li kienet Evergreen li ħadet l-inizjattiva biex tibda l-proġett. F’għaxar snin Evergreen kienet nefqet aktar minn USD […] miljun biex tiżviluppa t-teknoloġija String-Ribbon mingħajr ma rnexxielha tagħmilha profittabbli. Il-prezz tal-ishma ta’ Evergreen niżel minn madwar USD 20 fl-2000 għal madwar USD 2 fis-sena 2003-2004. Evergreen kellha żżomm l-akbar kontroll possibbli fuq il-proġett ta’ investiment sabiex tassigura profitt massimu għall-azzjonisti tagħha f’każ ta’ suċċess, iżda ma setgħetx tiġbor kapital suffiċjenti mingħajr il-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ msieħeb kummerċjali. Q-Cells kienet kandidata tajba għaliex, minbarra l-finanzi, hija setgħet iġġib ukoll l-esperjenza tagħha fil-bini ta’ impjanti industrijali fis-settur fotovoltajku u l-għarfien tagħha tat-teknoloġija taċ-ċelloli solari. Għal dawn ir-raġunijiet Evergreen iddeċidiet li tagħżel lil Q-Cells bħala sieħeb fl-impriża konġunta pjuttost milli lil […], li kienet iżjed b’saħħitha finanzjarjament iżda riedet iżjed influwenza. |
|
(57) |
Fiż-żmien meta ġie konkluż il-MVJA1 ma’ Evergreen, Q-Cells diġà kienet investiet fi proġett kbir għall-produzzjoni ta’ ċelloli solari konvenzjonali. Għaldaqstant hija kellha disponibbli biss riżorsi limitati sabiex tinvesti fi proġetti oħra. Skont il-Ġermanja, l-għan tal-parteċipazzjoni ta’ Q-Cells f’Sovello kien li tikseb għarfien dwar teknoloġiji ġodda għall-produzzjoni ta’ wejfers, ċelloli u moduli solari, kif ukoll biex tieħu vantaġġ mill-esperjenza tagħha fl-iżvilupp ta’ fabbriki taċ-ċelloli solari. |
|
(58) |
Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, Q-Cells aċċettat sehem minoritarju ta’ 24,9 %. Il-Ġermanja ssemmi li, bl-applikazzjoni tal-istess loġika, Q-Cells kienet ħadet sehem minoritarju simili (21,19 %) f’CSG Solar AG (23), kumpanija li tipproduċi moduli solari bbażati fuq teknoloġija ta’ tertuqa rqiqa. Il-livell tal-parteċipazzjoni mhux ibbażat biss fuq il-kontribut finanzjarju li tista’ tagħmel iżda wkoll fuq il-kontribut teknoloġiku. |
|
(59) |
Il-Ġermanja tisħaq li l-ishma tal-azzjonisti fil-kapital tal-ishma ta’ Sovello kienu jirriflettu għal kollox l-intenzjonijiet u l-influwenza reali taż-żewġ imsieħba fl-impriża konġunta, u li d-drittijiet tal-vot kienu maqsuma b’dak il-mod. Fil-prattika dan kien ifisser li Evergreen setgħet tieħu deċiżjonijiet kummerċjali importanti waħedha, filwaqt li Q-Cells ma kellhiex din il-possibilità. |
|
(60) |
Il-Ġermanja ssostni sar qbil dwar żieda potenzjali futura fil-parteċipazzjoni ta’ Q-Cells iżda din kienet suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet u għall-kontribuzzjoni tal-kapital żejjed korrispondenti. Waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-MJVA1 kienet li żieda bħal din ma kellhiex tippreġudika l-għajnuna mogħtija lil Sovello. Il-Ġermanja tirrimarka li l-miżura ta’ għajnuna kienet ir-raġuni għaliex il-proġett ta’ investiment sar fil-Ġermanja pjuttost milli fl-Istati Uniti, u li dan mhuwiex f’kontradizzjoni mar-regoli tal-għajnuna mill-istat. Il-Ġermanja ssostni wkoll li Q-Cells ma kellha ebda influwenza fuq id-deċiżjoni u li jekk l-imsieħba fl-impriża konġunta fittxew li jissalvagwardjaw l-iffinanzjar ta’ Sovello, dan ma jikkostitwix ksur jew ħarba mir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat. |
|
(61) |
Fl-opinjoni tal-Ġermanja, hemm distinzjoni bejn l-influwenza li teżisti f’ċertu mument partikolari u l-influwenza li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni bbażata fuq żieda li jista’ jkun hemm fis-sehem ta’ Q-Cells. Il-Ġermanja tisħaq li ma kienx ċert jekk din iż-żieda kinitx se sseħħ, u li ż-żewġ imsieħba kienu jafu li ma kinitx se sseħħ malajr u ċertament mhux qabel ma t-teknoloġija l-ġdida tkun ġiet ippruvata u ttestjata. Fil-fatt, iż-żieda proposta sa 50 % li ssemmiet fil-MJVA1 qatt ma ġiet realizzata. Għall-kuntrarju, fuq il-bażi tat-tieni ftehim (il-MJVA2) datat 22 ta’ Novembru 2005, is-sehem ta’ Q-Cells tnaqqas għal 21 %. Skont il-Ġermanja, dan juri biċ-ċar li m’hemm ebda “mekkaniżmu awtomatiku” li jiġġustifika l-konklużjoni li ġiet stabbilita mill-bidu li Q-Cells kien se jkollha iżjed minn 24,9 % tal-ishma ta’ Sovello. |
|
(62) |
Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-fatt li Q-Cells ipprovdiet uffiċjal eżekuttiv għal Sovello kien biss arranġament tranżitorju (Diċembru 2004 sa April 2005) li ma naqqasx l-influwenza ta’ Evergreen, li wkoll ipprovdiet uffiċjal eżekuttiv mill-bidu tal-impriża konġunta. Barra minn hekk, minħabba l-maġġoranza fuq il-bord superviżorju, Evergreen kellha s-setgħa li taħtar jew tneħħi kwalunkwe uffiċjal eżekuttiv. |
|
(63) |
Il-Ġermanja tiċħad li l-formulazzjoni tal-Kapijiet ta’ Ftehim — fejn is-sjieda ta’ Sovello minn Q-Cells riedet tkun inqas minn 25 % sabiex tikkwalifika għal ċerti sussidji tal-gvern Ġermaniż - kienet tfisser li Q-Cells seta’ kellha iżjed influwenza milli ġustifikata bis-sehem attwali tagħha ta’ 24,9 %. Il-Ġermanja tispjega li l-formulazzjoni tirrifletti sempliċement dak li aktar tard ġie adottat fil-MJVA1, jiġifieri l-intenzjoni taż-żewġ imsieħba li ma jiksru l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-għajnuna mill-gvern. Il-Ġermanja tirreferi wkoll għal paragrafu ieħor fil-Kapijiet ta’ Ftehim li jsemmi li, billi l-operazzjonijiet ta’ Sovello kienu se jirrappreżentaw maġġoranza sostanzjali tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ Evergreen, Evergreen kienet se tkun meħtieġa li jkollha interess maġġoritarju fl-ekwità ta’ Sovello fi żmien qasir. Fl-aħħar nett il-Ġermanja tinnota li l-Kapijiet ta’ Ftehim huwa biss bażi ta’ ħidma bejn l-imsieħba li ma kienx jorbot legalment. |
|
(64) |
Il-Ġermanja tiċħad li l-ftehimiet ma’ Sovello juru li Q-Cells kellha xi influwenza lil hinn mis-sehem tagħha ta’ 24,9 %, fejn tisħaq li kull ftehim bħal dan ġie konkluż bil-kundizzjonijiet tas-suq u li ma kienet teżisti l-ebda relazzjoni ekonomika, finanzjarja, organizzattiva jew xi relazzjoni oħra ulterjuri bejn Q-Cells u Sovello. |
|
(65) |
Il-Ġermanja tikkonkludi li l-bidliet fid-distribuzzjoni tas-sjieda wara t-twaqqif ta’ Sovello mhumiex ibbażati fuq il-MJVA1 oriġinali, iżda huma marbuta mad-dħul ta’ REC fl-impriża konġunta, bil-qbil ta’ din tal-aħħar li tforni kwantitajiet kbar ta’ Silicon lil Sovello bi skambju għal sehem ta’ 15 % fl-impriża konġunta (kif maqbul fil-MJVA2). Wara d-dħul ta’ REC, Evergreen naqqset is-sehem tagħha bi 11,1 % u Q-Cells bi 3,9 %. Skont il-Ġermanja, din hija prova tal-intenzjoni ta’ Q-Cells li tibqa’ azzjonista minoritarja. Kien biss fi stadju aktar tard, meta REC qablet li tforni aktar silikon, u wara li kien ippruvat is-suċċess teknoloġiku ta’ Sovello1, li l-ishma tat-tliet azzjonisti nġiebu kollha għal 33,3 % (emenda fil-MJVA2, datata 29 ta’ Settembru 2006, effettiva mid-19 ta’ Diċembru 2006). |
5.4. Is-sehem ta’ Q-Cells ibbażat fuq il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji
|
(66) |
Il-Ġermanja ssostni li d-drittijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet mogħtija lil Q-Cells fl-impriża konġunta mhumiex insoliti għal impriżi konġunti teknoloġiċi fil-bidu bħal Sovello, u huma paragunabbli ma’ dawk mogħtija lil investituri ta’ kapital b’riskju li jkollhom interess minoritarju. Q-Cells m’għandhiex iżjed influwenza minn dik ta’ azzjonist minoritarju. Hija tat 24,9 % tal-kapital, iżda wkoll l-għarfien tagħha dwar il-manifattura taċ-ċelloli, u għaldaqstant riedet xi influwenza fuq id-deċiżjonijiet relatati mal-kuntratti dwar il-kooperazzjoni tal-impriża konġunta. Il-Ġermanja targumenta li dawn id-drittijiet biex tinfluwenza ċerti deċiżjonijiet korporattivi kienu meħtieġa sabiex titħares Q-Cells, billi altrimenti ma setax jiġi eskluż li Evergreen setgħet tuża l-influwenza tagħha fuq il-maniġment ta’ Sovello b’mod preferenzjali fl-interess tagħha stess. Il-Ġermanja ssostni wkoll li hija prattika komuni li l-azzjonisti minoritarji jitħallew jaħtru membru fil-bord superviżorju. |
|
(67) |
Sabiex issostni l-argument li s-sehem ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells ma kienx determinat mill-ħsieb li tikseb bonus tal-SME, il-Ġermanja tirreferi wkoll għal-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji. L-ewwel nett, l-influwenza ta’ Q-Cells tikkorrispondi mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji. F’dan il-kuntest il-Ġermanja tirreferi għall-Artikoli 50, 61 u 66 tal-Att dwar il-GmbH, li jiddefinixxu ċerti drittijiet tal-azzjonisti minoritarji f’GmbH (li jkollhom minimu ta’ 10 % tal-ishma), bħad-dritt li jitolbu laqgħa tal-azzjonisti, id-dritt li jpoġġu temi fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-azzjonisti, id-dritt li jibdew ix-xoljiment tal-kumpanija, eċċ. Skont il-Ġermanja, l-influwenza ta’ Q-Cells ma tmurx lil hinn minn dak li azzjonist minoritarju f’GmbH b’sehem minimu ta’ 10 % tal-ishma għandu dritt għalih skont il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji. Il-Ġermanja ssemmi bħala raġuni oħra għall-għoti ta’ drittijiet estensivi fit-teħid tad-deċiżjonijiet lil Q-Cells, il-fatt li s-sehem tagħha ta’ 24,9 % biss kien inqas mill-25 % meħtieġ bil-liġi sabiex tikkostiwixxi minoranza li twaqqaf id-deċiżjonijiet. Dan in-nuqqas ta’ protezzjoni legali għal Q-Cells għalhekk kien ikkumpensat bid-drittijiet korrispondenti ta’ teħid tad-deċiżjonijiet mogħtija fuq il-bażi tal-ftehimiet. |
5.5. Sommarju
|
(68) |
Il-Ġermanja tikkontesta l-bażi legali li fuqha bdiet il-proċedura l-Kummissjoni, fejn targumenta li fiż-żmien tan-notifika hija ssottomettiet informazzjoni sħiħa u korretta, u li għaldaqstant l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma japplikax. Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-istatus ta’ kumpanija bħala SME esklussivament fuq il-konformità mal-kriterji formali (l-għadd ta’ ħaddiema u l-limiti finanzjarji) tad-definizzjoni ta’ SME, u mhux iżżid “kriterji mhux miktuba” sabiex tivverifika jekk kumpanija ssofrix mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME. Il-Ġermanja tikkontesta li Sovello kisbet il-bonus tal-SME bi ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, u ssostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar possibilità ta’ manipulazzjoni mhumiex validi. |
|
(69) |
Il-Ġermanja ssostni li, fiż-żmien tan-notifika, Sovello kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-definizzjoni ta’ SME: Q-Cells kellha biss sehem minoritarju ta’ 24,9 % f’Sovello, u la kienet imsieħba u lanqas impriża relatata ma’ Sovello skont it-tifsira tad-definizzjoni ta’ SME. Għalhekk, ma setgħet tiġi kkunsidrata l-ebda dejta minn Q-Cells sabiex jiġu kkalkulati l-limiti tal-SMEs. Il-Ġermanja tiċħad li l-influwenza ta’ Q-Cells fuq Sovello fiż-żmien tan-notifika kienet akbar minn dik ta’ investitur li kellu 24,9 % tal-ishma. Barra minn hekk, il-Ġermanja hija tal-opinjoni li Sovello fil-fatt sofriet mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME, u li mingħajr l-għajnuna mill-Istat, inkluż il-bonus tal-SME, il-proġett ta’ investiment ma kienx jitwettaq. |
6. VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA
6.1. Rimarki preliminari
|
(70) |
Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni approvat bonus tal-SME ta’ 15 % GGE (mogħti bħala żieda mal-għajnuna reġjonali) għal Sovello. Sussegwentement, il-Kummissjoni skopriet evidenza li din id-deċiżjoni inizjali setgħet ittieħdet fuq il-bażi ta’ informazzjoni żbaljata pprovduta man-notifika oriġinali; billi dik l-informazzjoni setgħet ikkostitwiet fattur determinanti fid-deċiżjoni, fis-17 ta’ Ġunju 2008 il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni, bl-iskop li tirrevoka d-Deċiżjoni N 426/05 u tadotta deċiżjoni ġdida. |
6.2. Rekwiżit ta’ notifika, bażi legali u liġi applikabbli
|
(71) |
Il-Ġermanja nnotifikat il-bonus tal-SME għal Sovello b’ittra datata 29 ta’ Awwissu 2005, irreġistrata li waslet fl-1 ta’ Settembru 2005. |
|
(72) |
Il-bonus tal-SME għal Sovello ngħata fil-21 ta’ April 2005 (suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) bħala żieda mal-għajnuna reġjonali mogħtija legalment taħt il-Programm Konġunt tal-Gvern Federali Ġermaniż/Länder. Il-programm jinkludi dispożizzjoni speċifika (24) li titlob li l-Ġermanja tinnotifika individwalment kwalunkwe għoti ta’ bonusijiet tal-SME li jaqbeż il-limitu ta’ notifika individwali fir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs. Ir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs li kien japplika fiż-żmien tan-notifika jippermetti li tingħata għajnuna għall-investiment lill-SMEs b’intensità ta’ 7,5 % għotja netta ekwivalenti (NGE) għal kumpaniji ta’ daqs medju u 15 % NGE għal kumpaniji żgħar fi kwalunkwe post fi ħdan l-UE. Fejn l-għajnuna tingħata f’żona assistita, ir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs jeżenta wkoll għajnuna sal-ammont permess skont ir-RAG 1998 flimkien mal-bonus addizzjonali tal-SME. Madankollu, ir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs ma jeżentax għajnuna għal ċerti proġetti bi spejjeż eliġibbli ta’ aktar minn EUR 25 miljun, jew xi proġett li jkun se jirċievi għajnuna gross li taqbeż EUR 15-il miljun. Għajnuna bħal din trid tiġi nnotifikata individwalment. |
|
(73) |
Sabiex tistabbilixxi jekk kumpanija tikkostitwix SME, il-Kummissjoni tapplika r-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs. |
6.3. Valutazzjoni tal-istatus ta’ SME għal Sovello
6.3.1. L-applikabilità tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999
|
(74) |
L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jistipula li “il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjoni (…) wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu, fejn id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta pprovduta waqt il-proċedura li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni. Qabel ma tirrevoka deċiżjoni u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4). … ”. |
|
(75) |
Il-Ġermanja tiċħad illi ssottomettiet informazzjoni skorretta, jew saħansitra inkompleta fi kwalunkwe stadju tal-investigazzjoni preliminari, billi (a) hija ssottomettiet l-informazzjoni kollha mitluba mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Mudell ta’ dikjarazzjoni, u (b) l-ebda wieħed mit-testijiet u d-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ma jeħtieġ li tagħti informazzjoni addizzjonali dwar il-ħolqien ta’ impriża konġunta u/jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ kumpanija. |
|
(76) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni mudell issemmi, madankollu, li l-użu tad-dikjarazzjoni mhuwiex obbligatorju, iżda mfassal sempliċement bħala eżempju possibbli, u li tali dikjarazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-kontrolli u l-investigazzjonijiet previsti fir-regoli nazzjonali jew tal-UE. Matul l-investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni talbet lill-Ġermanja sabiex tissottometti dikjarazzjoni ġuramentata minn Q-Cells li din l-azzjonista ma kienet tissodisfa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(3)(a)-(d) (25) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, jew, jekk dan ma kienx possibbli, li tipprovdi kopja tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Sovello. Fit-28 ta’ Ottubru 2005, l-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew tali dikjarazzjoni ġuramentata minn Q-Cells. Billi l-istruttura azzjonarja ta’ Sovello ġiet immodifikata bl-inkorporazzjoni tat-tielet imsieħeb fl-impriża konġunta (REC) waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni preliminari tal-għajnuna nnotifikata, l-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew dikjarazzjoni ġuramentata minn dan l-azzjonist il-ġdid (fl-4 ta’ April 2006). Id-Deċiżjoni N 426/05 ittieħdet wara investigazzjoni preliminari fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Ġermanja. |
|
(77) |
Il-kwistjoni li kellha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni kienet jekk il-benefiċjarju kienx SME. Jekk, fiż-żmien ta’ investigazzjoni preliminari, ikunu jeżistu dokumenti li jiddikjaraw b’mod espliċitu bil-miktub li l-istruttura azzjonarja ta’ impriża konġunta tkun imfassla b’mod li tikkonforma mad-definizzjoni ta’ SME, jew li turi intenzjoni ċara li tinbidel l-istruttura tal-kumpanija malli jiġi assigurat il-bonus tal-SME, ma jistax jiġi argumentat li informazzjoni bħal din mhijiex għall-inqas rilevanti sabiex jiġi valutat l-istatus ta’ SME tal-impriża inkwistjoni u ma tikkostitwix fattur determinanti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
(78) |
Għaldaqstant, billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti (Kapijiet ta’ Ftehim, Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, MJVA1 u MJVA2), hija ma kellhiex stampa sħiħa tas-sitwazzjoni fattwali rilevanti f’dak iż-żmien, u b’hekk ħadet deċiżjoni inizjali pożittiva dwar il-bonus tal-SME għal Sovello fuq il-bażi ta’ informazzjoni mhux kompleta, u b’hekk skorretta. |
|
(79) |
Il-Kummissjoni tqis illi l-Ġermanja kellha l-obbligu li tissottometti l-informazzjoni kollha li kienet disponibbli f’dak iż-żmien u li kienet rilevanti għad-Deċiżjoni N 426/2005. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-informazzjoni illi pprovdiet il-Ġermanja ma kinitx kompleta u għaldaqstant skorretta. Għaldaqstant huwa applikabbli l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, li jistabbilixxi proċedura oġġettiva li tippermetti lill-Kummissjoni tirtira deċiżjonijiet ħżiena. |
|
(80) |
Taħt il-liġi Ġermaniża, il-Ġermanja kienet obbligata illi tivverifika jekk kienx hemm evażjoni xi tidwir mad-definizzjoni ta’ SME. It-test tal-iskema Ġermaniża (26) li fuq il-bażi tagħha ngħata l-bonus tal-SME jiddikjara b’mod espliċitu li l-istatus ta’ SME huwa eskluż — anki jekk ikunu ssodisfati l-kriterji formali tad-definizzjoni ta’ SME — f’każijiet fejn impriżi kbar ikollhom kontroll fattwali, jew fil-każ ta’ entitajiet ekonomiċi li f’sens ekonomiku ma jistgħux jitqiesu bħala SME. |
6.3.2. L-ammissibilità ta’ “kriterji addizzjonali” għall-valutazzjoni tal-istatus ta’ SME
|
(81) |
Il-Ġermanja targumenta li, billi fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs ma huma definiti l-ebda kriterji oħra għajr il-kriterji formali rigward il-limiti, dawn il-kriterji formali għall-istabbiliment tal-istatus ta’ SME għal impriża għandhom ikunu deċiżivi, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-previdibilità tal-politika tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Ġermanja targumenta wkoll li kriterji oħra possibbli jistgħu jiġu previsti biss fil-kuntest ta’ reviżjoni tad-definizzjoni ta’ SME, u mhux fil-kuntest ta’ każijiet individwali. |
|
(82) |
Fid-definizzjoni tagħha tal-impriżi msieħba, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fil-fatt ma tipprovdix għal kriterji ħlief il-limitu ta’ 25 % tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot. Lanqas ma tinkludi klawsola speċifika kontra t-tidwir mar-Regolament. Madankollu, il-Kummissjoni tgawdi livell ta’ poter diskrezzjonali fil-kamp tal-għajnuna mill-Istat, sabiex jipproteġi s-suq intern kontra distorsjoni mhux ġustifikata tal-kompetizzjoni. |
|
(83) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u trasparenza fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat. Għaldaqstant, valutazzjoni li tmur lil hinn minn dik tal-applikazzjoni tal-kriterji formali għandha fi kwalunkwe każ tkun limitata għal każijiet eċċezzjonali ħafna li jistgħu jiġu kkwalifikati b’mod ċar bħala tidwir mar-Regolament. |
|
(84) |
Madankollu, il-Kummissjoni mhix qiegħda żżid “kriterji addizzjonali” mad-definizzjoni ta’ SME, iżda sempliċement tmur lil hinn minn analiżi purament formali. Dan irid ikun possibbli jekk il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni individwali bbażata fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs. B’dan il-mod il-Kummissjoni tkun qiegħda tassigura li l-bonus tal-SME jingħata biss lil SMEs ġenwini li għalihom id-daqs jirrappreżenta verament żvantaġġ u mhux lil impriżi li permezz ta’ impriżi relatati u/jew imsieħba jkollhom aċċess għal fondi u għajnuna li ma jkunux disponibbli għal kompetituri tal-istess daqs. Sabiex jiġi żgurat li jkunu inklużi biss SMEs ġenwini, irid ikun hemm mod kif jiġu eliminati arranġamenti legali li fihom isir tidwir mad-definizzjoni ta’ SME. Approċċ bħal dan huwa konformi mas-sentenzi mogħtija f’Solar Tech u Pollmeier (ara n-noti 20 u 21 ta’ qiegħ il-paġna), li fihom il-Qrati tal-Unjoni Ewropea aċċettaw ir-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni, tal-bonus tal-SME, meta dan jista’ jwassal għal tidwir mad-definizzjoni. Għaldaqstant huwa impliċitu fid-definizzjoni ta’ SME li din id-definizzjoni ma tapplikax fejn ikun jeżisti tali riskju u l-kriterji jkunu rrispettati fil-forma biss. |
|
(85) |
L-argument tal-Ġermanja li s-sitwazzjoni ta’ Sovello hija differenti minn dik ta’ Solar Tech u Pollmeier, u li dawk id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq ir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs tal-1996 u għalhekk ma japplikawx għad-definizzjoni preżenti ta’ SME, mhijiex rilevanti. Il-kriterji prinċipali fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs tal-1996 sabiex jiġi determinat x’inhi impriża msieħba (sehem ta’ 25 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot) kienu adottati fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs 2003/361/KE u sempliċement irfinuti. Madankollu, billi jista’ jsir tidwir anki mal-iżjed kriterji komprensivi u dettaljati, irid ikun dejjem possibbli li jiġi miġġieled kwalunkwe tentattiv ta’ tidwir mad-definizzjoni applikabbli ta’ SME. Fil-fatt, il-Qrati żammew prinċipju ġenerali ħafna f’dan is-sens - l-ebda tidwir mad-definizzjoni. |
6.3.3. Id-dokumenti tal-kumpanija u s-sitwazzjoni fattwali
|
(86) |
Hemm indikazzjonijiet ċari fid-dokumenti tal-kumpanija (Kapijiet ta’ Ftehim, Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Sovello datati 13 ta’ Jannar 2005, u l-MJVA1) li l-arkitettura inizjali tal-kumpanija kienet imfassla u mmirata sabiex tikseb il-bonus tal-SME. Il-Punt 5 tal-Kapijiet ta’ Ftehim huwa espliċitu ħafna fuq din il-kwistjoni: “Il-Partijiet jifhmu li, sabiex jikkwalifikaw għal għotjiet massimi, huwa fl-interess ta’ JVCo li Q tillimita l-porzjon tal-ekwità tagħha ta’ JVCo sakemm E jew JVCo ma jkunux aktar klassifikati bħala ‘impriżi żgħar jew ta’ daqs medju’ skont ir-regoli għall-għotjiet ta’ investiment, eċċ., jew li din ir-restrizzjoni ssir nulla u bla effett. Bħala tali, is-sjieda ta’ JVCo minn Q trid tkun inqas minn 2 % sabiex tikkwalifika għal ċerti sussidji tal-gvern Ġermaniż ”. (Il-linja taħt hija miżjuda (27)) |
|
(87) |
Din l-intenzjoni ċara hija kkonfermata mill-Artikolu 2.5(c) tal-MJVA1: “Il-Partijiet għandhom jużaw l-aħjar sforzi raġonevoli sabiex jiksbu l-Approvazzjoni tal-Għotja għall-Investiment mill-Gvern malli jkun raġonevolment prattikabbli wara d-Data tal-Għeluq, fosthom, iżda mhux limitata għal, bidliet fl-istruttura ġenerali tal-impriża konġunta, dan il-Ftehim, l-azzjonisti f’VentureCo, l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehimiet Simultanji sabiex jiġi żgurat li VentureCo tassigura l-ammont massimu ta’ Għotjiet għall-Investiment mill-Gvern disponibbli għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju; u sabiex jinkisbu l-fondi neċessarji sabiex jitħallsu lil VentureCo l-ammonti speċifikati fis-Sezzjoni 2.4 (b) u 2.4 (c) meta jkunu dovuti.” (Il-linja taħt hija miżjuda) |
|
(88) |
Diversi elementi jissuġġerixxu li mill-bidu nett, l-intenzjoni ta’ Evergreen u Q-Cells kienet li jagħtu drittijiet indaqs liż-żewġ imsieħba malli jinkiseb il-bonus tal-SME:
|
|
(89) |
Il-Kummissjoni tħoss li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, il-Kapijiet ta’ Ftehim, u l-MJVA1 jagħtu lil Q-Cells livell ta’ influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ Sovello li jmur lil hinn minn dak li azzjonist minoritarju b’parteċipazzjoni ta’ 24.9 % jista’ jistenna skont il-liġi normali dwar il-kumpaniji (għalkemm f’arranġament ta’ impriża konġunta, dan mhux bilfors ikun insolitu). Il-Kapijiet ta’ Ftehim jistipula li: “Il-Governanza ta’ JVCo ġeneralment se tkun strutturata u bbilanċjata biex tqis l-interess ekonomiku ta’ kull Parti f’JVCo u l-fatt li fil-bidu E jrid ikollha livell ogħla ta’ kontroll fuq JVCo b’riżultat tal-materjalità tal-operazzjonijiet ta’ JVCo relattivi mal-operazzjonijiet ta’ E fuq bażi konsolidata. Fl-istess ħin, il-governanza ta’ JVCo għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jassiguraw li kemm E kif ukoll Q ikollhom vuċi kondiviża fl-azzjonijiet importanti ta’ JVCo.” (Il-linja taħt hija miżjuda) |
|
(90) |
Barra minn hekk, il-Kapijiet tal-Ftehim isemmi li l-imsieħba għandhom jiftiehmu li jidentifikaw ċerti deċiżjonijiet korporattivi importanti li jeħtieġu l-kunsens taż-żewġ partijiet, b’mod li jkun maqbul mill-partijiet kollha. |
|
(91) |
Fil-fatt, l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni inizjali ta’ Sovello jipprovdu li:
|
|
(92) |
Il-fatt li Q-Cells għandha drittijiet sostanzjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet jimmina l-argument tal-Ġermanja li Evergreen kienet teħtieġ parteċipazzjoni li taqbeż il-75 % sabiex tipproteġi l-interessi tagħha (u għaldaqstant li l-parteċipazzjoni ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells hija ġġustifikata minn konsiderazzjonijiet oħra apparti t-tidwir mar-regolament). Il-Kummissjoni tinnota li Evergreen fil-fatt għall-ewwel fittxet interess maġġoritarju f’Sovello (kif iddikjarat fil-punt 5 tal-Kapijiet tal-Ftehim: “E dalwaqt se tkun meħtieġa li jkollha interess maġġoritarju fl-ekwità ta’ JVCo”), iżda tali maġġoranza setgħet tinkiseb b’livell differenti ta’ parteċipazzjoni (bejn 51 % u 75 %). |
|
(93) |
L-influwenza ta’ Q-Cells fuq deċiżjonijiet strateġiċi hija kkonfermata mir-rapport annwali 2004 ta’ Evergreen, li jsemmi li: “is-sħubija strateġika tiddependi ħafna fuq l-għarfien espert ta’ Q-Cells”, (Il-linja taħt hija miżjuda) u li: “għalkemm fil-bidu se tkun azzjonista minoritarja fis-sħubija strateġika, Q-Cells se jkollha l-kapaċità li tinfluwenza d-direzzjoni strateġika tas-sħubija strateġika u deċiżjonijiet materjali oħra tas-sħubija strateġika; minħabba f’hekk, jista’ jkun li ma nkunux nistgħu nieħdu ċerti azzjonijiet li aħna nemmnu li jkunu fl-aħjar interessi tagħna, li, minħabbea l-materjalità prevista tas-sħubija strateġika għall-operazzjonijiet kombinati tagħna, tista’ tagħmel ħsara konsiderevoli lin-negozju tagħna; barra minn hekk, jista’ jkollna nwieġbu lil partijiet terzi għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet materjali ta’ Q-Cells fis-sħubija strateġika, liema azzjonijiet jistgħu jagħmlu ħsara lis-sħubija strateġika u lin-negozju tagħna”. (Il-linja taħt hija miżjuda) |
|
(94) |
Is-siltiet li ġejjin mill-Kapijiet tal-Ftehim juru li r-rwol ta’ Q-Cells f’Sovello kien essenzjali għall-operabilità tal-impriża konġunta:
|
|
(95) |
Il-MJVA1 jelenka wkoll firxa sħiħa ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lil Sovello (miż-żewġ imsieħba, Q-Cells u Evergreen): parir ġenerali dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni, għajnuna fl-applikazzjonijiet għall-għotjiet tal-Gvern għall-investiment, għajnuna fl-applikazzjonijiet għall-permessi Ġermaniżi, għajnuna fil-proċess Ġermaniż tal-għażla u r-reklutaġġ ta’ persunal maniġerjali, għajnuna fi kwistjonijiet tat-taxxa, parir rigward l-istruttura korporattiva u organizzattiva, parir u appoġġ rigward attivitajiet ta’ finanzjament, provvediment tal-fornituri tal-imsieħba, parir b’rabta mat-trasferiment tat-teknoloġija tal-imsieħba, appoġġ teknoloġiku, xiri ta’ infrastruttura lokali, riżorsi umani u għajnuna fir-reklutaġġ (Artikolu 9.9 tal-MJVA1). Għalkemm id-dokumenti jsostnu li dawn is-servizzi se jiġu pprovduti b’rata tas-suq jew fuq bażi tal-prezz u aktar, dan kollu juri li hemm relazzjonijiet mill-qrib bejn Sovello u Q-Cells. |
|
(96) |
Stqarrija għall-istampa maħruġa mill-imsieħba fl-24 ta’ Jannar 2005 tgħid li “Il-faċilità proposta hija mistennija li tinbena fuq proprjetà qrib il-fabbriki eżistenti taċ-ċelloli solari ta’ Q-Cells, u għalhekk għandha taqbad sinerġiji b’saħħithom mal-operazzjonijiet ta’ Q-Cells.” |
|
(97) |
Barra minn hekk, Q-Cells akkwistat il-kumpanija inattiva (shelf company) għall-ħolqien ta’ Sovello, u d-diretturi maniġerjali ta’ din il-kumpanija kienu s-CEO u s-CFO ta’ Q-Cells, filwaqt li s-COO ta’ Q-Cells kellu awtorità li jiffirma. |
|
(98) |
Q-Cells ipprovdiet uffiċjal eżekuttiv lil Sovello, u anki jekk il-Ġermanja targumenta li dan kien biss arranġament tranżitorju, u li Evergreen ukoll ipprovdiet uffiċjal eżekuttiv, dan madankollu huwa għal darba oħra indikazzjoni li r-relazzjonijiet bejn Q-Cells u Sovello kienu qrib ħafna, għallinqas fil-bidu tal-impriża konġunta. |
|
(99) |
Il-Ġermanja argumentat li Evergreen kienet innegozjat ma’ msieħba oħra tal-impriża konġunta fuq il-bażi ta’ parteċipazzjoni akbar minn 75 %, iżda naqset li tissottometti evidenza bil-miktub ta’ dawn in-negozjati. F’xi korrispondenza l-Ġermanja offriet li tipprovdi dikjarazzjonijiet ġuramentati minn rappreżentanti ta’ Evergreen u Q-Cells dwar il-konsiderazzjonijiet wara s-sehem ta’ 24.9 %, iżda finalment naqset milli tissottomettihom. |
|
(100) |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument li s-sehem ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells jirriżulta neċessarjament mil-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji u mhuwiex determinat mill-intenzjoni li jinkiseb bonus tal-SME. |
|
(101) |
Il-Kummissjoni mhijiex konvinta mill-argument tal-Ġermanja li l-possibiiltà fil-MJVA1 li Q-Cells iżżid is-sehem tagħha għal 50 % kienet kondizzjonali mhux biss fuq iż-żamma tas-sussidju statali, iżda wkoll fuq deċiżjoni miż-żewġ imsieħba li jespandu l-kapaċità tal-produzzjoni fuq il-bażi tas-suċċess ekonomiku ta’ Sovello1, billi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(6)(c) tal-MJVA1 isostnu: “Finanzjament Addizzjonali. Jekk, b’rabta ma’ Espansjoni tal-Kapaċità jew mod ieħor, VentureCo titlob bil-miktub kemm mingħand E kif ukoll mingħand Q finanzjament addizzjonali minbarra l-Finanzjament Totali tal-Ekwità jew Finanzjament Alternattiv (“Finanzjament Addizzjonali”), u l-Azzjonisti japprovaw iż-żieda korrispondenti tal-kapital skont l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni (“Talba għal Finanzjament Addizzjonali”), għandu japplika dan li ġej:
|
|
(102) |
Wara analiżi bir-reqqa ta’ diversi dokumenti tal-kumpanija, il-Kummissjoni tikkonkludi li, fiż-żmien tan-notifika oriġinali, is-sjieda formali u l-istruttura tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ Sovello, inklużi kemm is-sehem ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells kif ukoll l-influwenza sostanzjali ta’ Q-Cells fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ Sovello, kienet fil-fatt imfassla apposta u essenzjalment sabiex tippermetti lil Sovello tikseb il-bonus tal-SME, filwaqt li fl-istess ħin kien dejjem l-għan taż-żewġ imsieħba strateġiċi li jistabbilixxu s-sħubija fuq termini ugwali ladarba jkun inkiseb il-bonus tal-SME. |
|
(103) |
Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-parteċipazzjoni ta’ Q-Cells hija bbażata fuq il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji. B’mod partikolari hija argumentat li l-iżvilupp b’suċċess tal-impriża konġunta ta’ Sovello kien tant importanti għas-suċċess ekonomiku ta’ Evergreen li Evergreen riedet iżżomm massimu tad-drittijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet u influwenza fuq Sovello u għalhekk ma aċċettatx, għall-ewwel fażi tal-iżvilupp ta’ Sovello, li jkollha ishma u drittijiet tal-vot li ma jaqbżux il-75 %. Dan l-argument jista’ jittieħed biss li jfisser li Evergreen ma kinitx lesta li tagħti ishma u drittijiet tal-vot lil Q-Cells li kienu jaqbżu l-25 %. |
|
(104) |
Sabiex tifhem u tivvaluta l-kredibilità ta’ din il-linja ta’ argument, il-Kummissjoni vverifikat id-dispożizzjonijiet tal-Att Ġermaniż dwar il-GmbH, li huwa l-liġi nazzjonali applikabbli billi Sovello AG dak iż-żmien kienet EverQ GmbH u kienet taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tiegħu. |
|
(105) |
L-Att Ġermaniż dwar il-GmbH joħloq ċerti drittijiet minoritarji statutorji, b’mod partikolari l-Artikoli 50, 61, 66, u 53. Id-drittijiet minoritarji stipulati fl-Artikoli 50, 61, u 66 jirreferu għad-drittijiet ta’ azzjonisti li jaqbżu 10 % tal-voti u għalhekk mhumiex rilevanti għall-valutazzjoni preżenti, billi Q-Cells fil-fatt għandha tali sehem. L-Artikolu 53 tal-Att dwar il-GmbH biss jipprovdi għal dritt minoritarju li Q-Cells mhijiex legalment intitolata għalih minħabba s-sehem tagħha ta’ 24,9 %. Skont l-Artikolu 53, azzjonist minoritarju li jkollu aktar minn 25 % tad-drittijiet tal-vot jista’ jimblokka emenda fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tal-kumpanija limitata. Għaldaqstant Evergreen, bħala azzjonista maġġoritarja bi drittijiet tal-vot li jaqbżu 75 %, setgħet bil-liġi tieħu d-deċiżjonijiet kummerċjali importanti kollha, fosthom dwar bidliet fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni. Jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni u tal-MJVA dwar id-drittijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet ma kinux jipprovdu għal drittijiet addizzjonali ta’ teħid tad-deċiżjonijiet għal Q-Cells, l-argument tal-Ġermanja li Evergreen kienet teħtieġ sehem li jaqbeż 75 % ikun kredibbli, u s-sehem ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells jista’ jkun ġustifikat bħala l-konsegwenza ta’ applikazzjoni stretta tad-drittijiet statutorji u għalhekk ma tistax tiġi preżunta li tirrifletti arkitettura korporattiva artifiċjali mmirata sabiex iddur mad-definizzjoni ta’ SME. |
|
(106) |
Madankollu, skont il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji, u minkejja l-konformità mad-dispożizzjonijiet statutorja, tapplika l-libertà kuntrattwali, u l-artikoli ta’ Assoċjazzjoni tal-kumpanija jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu protezzjoni akbar minn dik ipprovduta mil-liġi. |
|
(107) |
Din hija eżattament is-sitwazzjoni ta’ Sovello, fejn l-imsieħba stipulaw fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni li t-tnejn li huma jridu jaqblu dwar id-deċiżjonijiet kollha l-importanti, speċjalment dwar tibdil f’dawk l-Artikoli. Jekk — bħal fil-każ preżenti — tiġi maqbula l-unanimità, f’dak il-każ ma tapplikax ir-regola ta’ hawn fuq, billi din tipproteġi biss id-drittijiet ta’ azzjonist minoritarju, iżda ma tillimitax id-drittijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, xejn naturalment ma kien inaqqas id-dritt tal-imsieħba li jdaħħlu l-istess klawsola fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, kieku ma ftehmux fuq sehem ta’ 24,9 % iżda fuq sehem differenti għal Q-Cells. Għalhekk, fil-każ inkwistjoni, l-argument li jagħmel referenza għad-drittijiet tal-azzjonisti minoritarji li jwaqqfu d-deċiżjonijiet, mhuwiex rilevanti. Id-dikjarazzjonijiet tal-Ġermanja għaldaqstant huma kontradittorji; id-drittijiet statutorji ta’ azzjonist maġġoritarju b’maġġoranza li taqbeż il-75 % huma argument irrilevanti meta d-drittijiet sostanzjali ta’ teħid tad-deċiżjonijiet mogħtija minn dik il-maġġoranza jkunu limitati b’kuntratt. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li taħt il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji, m’hemm l-ebda raġuni sabiex jintgħażel perċentwali ta’ 24,9 %. It-tnaqqis temporanju fl-ishma ta’ Q-Cells wara d-dħul ta’ REC fl-impriża konġunta, li nżamm biss għal tliet xhur wara l-approvazzjoni inizjali tal-bonus tal-SME mill-Kummissjoni, ma jbiddilx din l-analiżi. |
|
(108) |
Il-Ġermanja targumenta li f’Novembru 2005 (bid-dħul ta’ REC li kisbet 15 % tal-ishma), u għalhekk qabel ma l-Kummissjoni ħadet id-Deċiżjoni N 426/05 dwar il-bonus tal-SME, (1) il-MJVA1 kien abolit u ġie sostitwit mill-MJVA2, u (2) is-sehem ta’ Q-Cells tnaqqas għal 21 %. |
|
(109) |
B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tivvaluta każ fuq il-bażi tal-fatti kif ikunu jeżistu fiż-żmien tan-notifika, sakemm l-Istat Membru ma jimmodifikax espliċitament in-notifika. Madankollu, f’każ fejn kumpanija ma tkunx diġà SME (anki jekk ikunu ġew irrispettati formalment il-limiti ta’ SME) fiż-żmien tan-notifika oriġinali, u f’kuntest ta’ tidwir possibbli mad-definizzjoni ta’ SME, il-Kummissjoni hija partikolarment viġilanti fl-iċċekkjar ta’ bidliet sussegwenti li jiġu kkomunikati lilha wara n-notifika oriġinali. F’dan il-każ, il-modifiki fl-istruttura tal-azzjonisti li ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni wara n-notifika oriġinali ma jistgħux ibiddlu l-valutazzjoni legali. L-intenzjoni preżunta li s-sjieda ta’ Q-Cells tinżamm b’mod artifiċjali taħt 25 % ma nbidlitx bil-bidliet iżjed tard fl-istruttura tal-kumpanija (qabel id-Deċiżjoni N 426/2005 dwar il-bonus tal-SME), u l-influwenza qawwija ta’ Q-Cells fuq Sovello nżammet fil-MJVA2. |
|
(110) |
Il-fatt li l-influwenza ta’ Q-Cells fl-impriża konġunta inizjali qabżet is-sehem tagħha ta’ 24,9 % huwa kkonfermat ukoll mill-MJVA2, li jipprovdi li, kieku kellhom jitħallsu lura parti mill-għotjiet, it-tliet imsieħba kienu se jsellfu l-ammont li ried jitħallas lura, lil Sovello, fuq il-bażi tal-ftehim segwenti: REC tagħti self b’mod proporzjonali mal-perċentwali tas-sjieda tagħha u l-bqija tas-self jinqasam b’mod ugwali bejn Evergreen u Q-Cells. |
|
(111) |
Ir-regoli wara li REC issieħbet fl-impriża konġunta huma stipulati fil-MJVA2. Il-MJVA2 jipprovdi li, wara talba għal finanzjament addizzjonali, sew jekk tkun marbuta ma’ espansjoni tal-kapaċità jew mod ieħor, Q-Cells tista’ żżid il-parteċipazzjoni tagħha għall-istess livell ta’ Evergreen (Artikolu 3.5.c). Suġġett għal kuntratt ieħor għall-forniment tas-silikon li ġie ffirmat qabel il-[…], REC tista’ żżid l-ishma tagħha għal 21 %, billi tikseb 6 % mingħand Evergreen (Artikolu 3.4). Fil-każ ta’ talba għal finanzjament addizzjonali, u xorta suġġett għal kuntratt ieħor dwar il-forniment tas-silikon, REC tista’ żżid l-ishma tagħha f’Sovello għal 33,3 % (Artikolu 3.5.d), jiġifieri l-istess livell ta’ Evergreen u Q-Cells. Id-deċiżjoni interna tal-kumpanija li tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni ttieħdet fl-aħħar ta’ Ġunju 2006. Il-parteċipazzjoni ugwali tat-tliet imsieħba ġiet maqbula madwar tliet xhur wara l-approvazzjoni inizjali tal-bonus tal-SME min-naħa tal-Kummissjoni, meta Q-Cells u REC it-tnejn żiedu s-sehem tagħhom għal 33,3 % (MJVA2 emendat). |
|
(112) |
Ir-regoli dwar il-ħatra tad-diretturi u l-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet inżammu fil-biċċa l-kbira tagħhom: taħt il-MJVA2, kemm Q-Cells kif ukoll REC kellhom id-dritt jaħtru direttur wieħed (tnejn, ladarba s-sehem tagħhom jaqbeż 30 %), u d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-maġġoranza tad-diretturi, bil-kundizzjoni li jridu jaqblu għallinqas tnejn mit-tliet kumpaniji proprjetarji. Għal darba oħra, dan imur lil hinn mis-setgħat ta’ teħid tad-deċiżjonijiet li azzjonist minoritarju jista’ jistenna f’sitwazzjoni normali ta’ kumpanija (għalkemm jista’ jkun inqas insolitu f’impriża konġunta). |
|
(113) |
Barra minn hekk, kienet Q-Cells li daħħlet lil REC fl-impriża konġunta. Q-Cells kellha relazzjonijiet mill-qrib ta’ klijent u fornitur ma’ REC u s-sussidjarji tagħha ScanModule AB, Glava, l-Iżvezja (“ScanModule”), ScanCell AS, Narvik, in-Norveġja (“ScanCell”), u ScanWafer ASA, Høvik, Glomfjord, Porsgrunn, in-Norveġja. Fil-fatt, REC kienet tforni s-silikon u kienet il-fornitur ewlieni tal-wejfers għal Q-Cells, u Q-Cells kienet tbigħ parti sinifikanti tal-produzzjoni taċ-ċelloli tagħha lil ScanModule. Iċ-ċelloli prodotti minn ScanCell kienu jinbiegħu fis-suq minn Q-Cells. Barra minn hekk, fl-2004 ġie konkluż ftehim verbali bejn Q-Cells u REC rigward il-bejgħ u s-servizzi ta’ għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni min-naħa ta’ Q-Cells fin-Norveġja. Barra dan, jeżistu wkoll rabtiet ċari permezz ta’ M. Brenninkmeijer, li kien membru tal-bord superviżorju kemm ta’ Q-Cells kif ukoll ta’ REC, kif ukoll direttur maniġerjali ta’ Good Energies, il-kumpanija li kellha 16 % tal-ishma fi Q-Cells u 39 % tal-ishma f’REC (ara s-sezzjoni 2.2). Ġiet maħluqa struttura simili għal CSG Solar, li fiha kemm Q-Cells kif ukoll REC kienu azzjonisti minoritarji u s-CEO ta’ Q-Cells kif ukoll M. Brenninkmeijer kienu membri tal-bord superviżorju. |
|
(114) |
Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tħoss li kemm fiż-żmien tan-notifika kif ukoll fiż-żmien tad-Deċiżjoni N 426/05, is-sjieda formali u l-istruttura tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ Sovello kienet imfassla apposta sabiex Sovello tkun tista’ tikseb il-bonus tal-SME (billi s-sehem ta’ Q-Cells jinżamm taħt 25 %), filwaqt li fl-istess ħin dejjem kien l-għan taż-żewġ imsieħba strateġiċi, li aktar tard saru tlieta, (REC tassigura d-disponibilità tas-silikon) li jistabbilixxu s-sħubija fuq termini ugwali ladarba jinkiseb il-bonus tal-SME. Fil-fatt, tliet xhur wara li l-Kummissjoni approvat il-bonus tal-SME, bidla fil-MJVA2 ikkonferiet sjieda indaqs (33,3 % kull waħda) lit-tliet imsieħba. |
6.3.4. Kalkolu tal-limitu ta’ SME bis-suppożizzjoni li Q-Cells għandha sehem ta’ 25 %
|
(115) |
Skont l-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju huma definiti bħala impriżi li:
|
|
(116) |
Il-kalkolu ta’ dawn il-limiti jiddependi fuq l-istruttura tal-kumpanija kkonċernata (jekk tkun impriża awtonoma jew impriża imsieħba/relatata skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs). Skont l-Artikolu 4 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, id-dejta rilevanti għan-numru ta’ impjegati u l-limiti finanzjarji sabiex ikun determinat jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna huwiex SME, hija dik relatata mal-aħħar perjodu approvat ta’ kontabilità u kkalkulata fuq bażi annwali. Skont l-Artikolu 6 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, għall-kalkolu tal-limiti ta’ SME trid tiġi kkunsidrata d-dejta tal-impriżi relatati/imsieħba (100 % għall-impriżi relatati, u għall-impriżi msieħba, proporzjon li jirrifletti s-sehem tagħhom, jiġifieri mill-anqas 25 %). |
|
(117) |
B’konsegwenza tal-konsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li Q-Cells kienet tkun ikklassifikata bħala impriża msieħba ta’ Sovello (jiġifieri bħal li kieku kellha sehem ta’ 25 %) fid-deċiżjoni oriġinali kieku l-Kummissjoni ġiet ipprovduta bl-informazzjoni kollha rilevanti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni reġgħet ikkalkulat il-limiti ta’ SME għal Sovello kif definiti fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs. |
|
(118) |
Minħabba s-sehem maġġoritarju tagħha, Evergreen kienet impriża relatata ma’ Sovello. Dan ifisser li għall-kalkolu tal-limiti ta’ SME kellha tiġi kkunsidrata 100 % tad-dejta tagħha. Id-dejta użata għal Evergreen tirrigwarda s-sena 2004 (215-il impjegat, u fatturat annwali ta’ EUR 18,9 miljun u total fil-karta tal-bilanċ ta’ EUR 36,5 miljun). Fl-istess sena, Sovello ma kellhiex impjegati, l-ebda fatturat u karta tal-bilanċ ta’ EUR 0,025 miljun. Fl-aħħar tal-2004, Q-Cells kellha 350 impjegat, fatturat annwali ta’ EUR 128,7 miljun u total fil-karta tal-bilanċ ta’ EUR 105,6 miljun. |
|
(119) |
Il-Kummissjoni reġgħet ikkalkulat il-limiti ta’ SME għal Sovello billi inkludiet 100 % tan-numru ta’ impjegati, il-fatturat u t-total fil-karta tal-bilanċ għal Sovello (dejta ppreżentata man-notifika), 100 % tad-dejta għal Evergreen (impriża relatata, dejta kif kienet fl-2004 ippreżentata man-notifika), u 25 % tad-dejta għal Q-Cells. Fuq il-bażi ta’ din il-kalkolu, il-limiti kollha ta’ SME huma maqbuża u b’hekk Sovello ma tikkwalifikax għal status ta’ SME u għalhekk mhijiex intitolata li tirċievi bonus tal-SME. |
|
(120) |
Il-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni donnha tassumi li impriża konġunta għandha awtomatikament tiġi ttrattata bħala entità ekonomika waħda flimkien mal-imsieħba tagħha fl-impriża konġunta, u b’hekk tiżviluppa u tapplika kriterji partikolari tal-SME għall-impriżi konġunti. Il-Kummissjoni ssib li l-valutazzjoni tal-każ preżenti turi li dan l-argument mhuwiex validu. B’mod konformi mal-Artikolu 6 tar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, il-Kummissjoni kkunsidrat biss id-dejta ta’ Q-Cells pro-rata (25 %) billi hija tħoss li s-sehem ta’ Q-Cells inżamm b’mod artifiċjali taħt dan il-limitu. |
6.4. L-ebda ħtieġa għall-bonus tal-SME
|
(121) |
Billi l-limiti ta’ SME ġew maqbuża, m’hemmx bżonn jiġi investigat aktar jekk Sovello tassew sofrietx mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME u jekk l-għoti tal-bonus tal-SME kienx meħtieġ għal dawk ir-raġunijiet. Il-Ġermanja xorta waħda telenka diversi “żvantaġġi ta’ SME” li jingħad li ffaċċjat Sovello (ara s-sezzjoni 5.2). Dwar l-aċċess limitat għall-finanzi, u l-argument tal-Ġermanja li, mingħajr bonus tal-SME, il-proġett ta’ investiment ma kienx jitwettaq, il-Kummissjoni tinnota li l-MJVA1 jipprovdi għal modi sabiex jinkiseb “finanzjament alternattiv” f’każ li ma jimmaterjalizzawx is-sussidji tal-gvern. Il-MJVA2 jipprovdi għal kumpens għall-obbligi ta’ ħlas lura tal-għotja mit-tliet imsieħba fl-impriża konġunta (permezz ta’ self lil Sovello, ara l-paragrafu 110). Il-Kummissjoni għalhekk mhijiex konvinta li l-investiment ma kienx iseħħ mingħajr il-bonus tal-SME. Rigward ir-riskju kummerċjali, il-Kummissjoni tħoss li dan huwa kkumpensat mill-possibbiltà li Sovello tistrieħ fuq l-esperjenza kombinata ta’ Evergreen (għad-distribuzzjoni u l-bejgħ), Q-Cells (preżenza fis-suq Ġermaniż) u REC (attiva fis-suq tal-moduli solari permezz tas-sussidjarji tagħha) (ara l-paragrafu 113). Il-Kummissjoni twarrab l-argument tal-Ġermanja li Sovello kellha spejjeż operattivi u kummerċjali ogħla minn impriżi kbar, billi rċeviet appoġġ sostanzjali mingħand Q-Cells, kif deskritt fil-paragrafi 94 u 95, u kienet assigurat aċċess għas-silikon permezz ta’ REC (fl-2005 kien hemm aċċess ristrett serju għall-provvista fl-industrija solari). |
|
(122) |
Il-Kummissjoni tħoss li l-valutazzjoni tagħha bbażata fuq l-informazzjoni l-ġdida turi li, permezz tal-imsieħba tagħha fl-impriża konġunta, li kienu attivi fl-istess settur industrijali, Sovello kellha aċċess potenzjali għal fondi u għajnuna li ma kinux disponibbli għal kompetituri tal-istess daqs li ma kinux appoġġati minn impriżi relatati jew imsieħba. Kuntrarju għall-argumenti tal-Ġermanja, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-bonus tal-SME li ngħata lil Sovello ma kienx meħtieġ sabiex jassigura l-iffinanzjar tal-investiment. |
6.5. Konklużjoni
|
(123) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Sovello ma kinitx eliġibbli għall-bonus tal-SME ta’ 15 %, u li l-bonus tal-SME li ngħata mhuwiex kompatibbli mas-suq intern. |
|
(124) |
Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni hija fil-prinċipju obbligata li tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna inkompatibbli mingħand il-benefiċjarju, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni adottata fis-7 ta’ Ġunju 2006 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat N 426/05 hija rrevokata.
Artikolu 2
L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 9 130 995 bil-prezzijiet tal-2007 mogħtija b’mod illegali mill-Ġermanja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, favur Sovello, mhijiex kompatibbli mas-suq intern.
Artikolu 3
1. Il-Ġermanja għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2.
2. L-ammonti li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tħallset l-għajnuna lill-benefiċjarju sal-irkupru attwali tagħhom.
3. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (29).
4. Il-Ġermanja għandha tħassar il-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 b’effett mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun immedjata u effettiva.
2. Il-Ġermanja għandha tassigura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 5
1. Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Ġermanja għandha tissottometti l-informazzjoni segwenti lill-Kummissjoni:
|
(a) |
l-ammont totali (prinċipali u mgħax) li jrid jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju; |
|
(b) |
deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tiġi osservata din id-Deċiżjoni; |
|
(c) |
dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna. |
2. Il-Ġermanja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2. Hija għandha tissottometti immedjatament, meta tiġi mitluba biex tagħmel dan mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tiġi osservata din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax li diġà jkunu ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2010.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 253, 4.10.2008, p. 23.
(2) Fl-24 ta’ Novembru 2008, EverQ GmbH ġiet it<sp>trasformata f’Aktiengesellschaft imsejħa Sovello AG. Sabiex jiġi faċilitat il-ft<sp>ehim tad-deċiżjoni, se jintuża l-isem kurrenti ‘Sovello AG’, anki għall-perjodu li jippreċedi l-bidla fl-isem.
(3) ĠU C 270, 7.11.2006, p. 2.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/697/KE (ĠU L 237, 9.9.2009, p. 15).
(6) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(7) It-teknoloġija String-Ribbon hija proċess kontinwu fejn wajers twal maħlula minn irkiekel, jgħaddu minn tidwib tas-silikon u jiġbdu “żigarella” tas-silikon minn dan it-tidwib. Iż-żigarella tiġi miġbura b’mod perjodiku u maqtugħa f’biċċiet iżgħar (wejfers solari). Il-wejfers imbagħad jiġu mnaddfa u jgħaddu minn iżjed ipproċessar (diffużjoni ta’ POCl3, inċiżjoni, kisi SiN kontra r-riflessi, metallizzazzjoni u kundizzjonament) f’ċelloli solari. L-aħħar stadju jikkonsisti fl-armar taċ-ċelloli f’moduli solari (pannelli).
(8) Megawatt peak (MWp) tikkorrispondi għal 1 000 000 Watt peak (Wp). Watt peak hija unità ta’ kejl għall-kapaċità (output nominali) taċ-ċelloli solari u tal-moduli solari. Il-Watt peak huwa l-istandard li ġeneralment jintuża fl-industrija fotovoltajka sabiex titkejjel il-kapaċità teknika tal-moduli solari; dan jesprimi l-output nominali tal-modulu f’kundizzjonijiet standard ta’ test.
(9) Ibbażata f’Thalheim, Saxony-Anhalt, il-Ġermanja. Preċedentement Q-Cells AG.
(10) Dan il-MJVA1 huwa disponibbli fuq l-Internet fuq: http://www.secinfo.com/dsvRx.z7n.d.htm
(*1) Koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali.
(11) ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.
(12) Għajnuna Statali N 641/02 – Ġermanja – Mappa tal-G<sp>ħajnuna Statali Reġjonali għall-Ġermanja (2004-2006).
(13) ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33.
(14) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2003 (ĠU C 284, 27.11.2003, p. 5).
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2005 (ĠU C 235, 23.9.2005, p. 4).
(16) Bonus ta’ 10 % għall-SMEs li qegħdin f’żoni skont l-Artikolu 107(3)(c), u 15 % għall-SMEs li qegħdin f’żoni skont l-Artikolu 107(3)(a).
(17) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(18) ĠU C 118, 20.5.2003, p. 5.
(19) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE (ĠU L 107, 30.4.1996, p. 4).
(20) Sentenza tal-Qorti tal-Prim‘Istanza tad-29 ta‘ April 2004, fil-Kawża C 91/01 [2004] Ġabra I-04355.
(21) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2004, fil-kawża T-137/02 [2004] Ġabra II-03541.
(22) Fit-2 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni kkonkludiet li Q-Cells kienet SME, u approvat bonus tal-SME għal Q-Cells fid-Deċiżjoni tagħha N 457/04 (ĠU C 131, 28.5.2005, p. 11).
(23) Fit-3 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni kkonkludiet li CSG Solar kienet SME, u approvat bonus tal-SME għaliha fid-Deċiżjoni tagħha N 122/05 (ĠU C 235, 23.9.2005, p. 3); fid-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni kkonkludiet li CSG Solar kienet għadha SME, u approvat bonus ieħor tal-SMEs għaliha fid-Deċiżjoni tagħha N 335/06 (ĠU C 232, 27.9.2006, p. 2).
(24) “Ir-rekwiżiti ta’ notifika individwali għall-SMEs skont it-tifsira tad-definizzjoni Komunitarja, li jistgħu jinstabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 70/2001, iridu jiġu osservati bl-istess mod bħall-obbligi taż-żamma tar-rekords u r-rappurtar skont l-Artikolu 9 tal-istess Regolament.” It-test oriġinali bil-Ġermaniż jaqra: “Die Einzelnotifizierungspflichten für KMUs im Sinne der Gemeinschaftsdefinition, die sich aus Artikel 6 der KMU-Verordnung 70/2001 ergeben, werden ebenso eingehalten wie die in Artikel 9 derselben Verordnung vorgeschriebenen Aufzeichnungs- und Mitteilungspflichten”.
(25) L-Artikolu 3(3)(a)-(d) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs jipprovdi skont kif ġej:
‘Impriżi relatati’ huma impriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom:
|
(a) |
impriża li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’impriża oħra; |
|
(b) |
impriża li jkollha d-dritt taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri tal-amministrattiv, l-amministrazzjoni jew il-korp sorveljanti ta’ xi impriża oħra; |
|
(c) |
impriża li jkollha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq impriża oħra skont ftehim li jkun intlaħaq ma’ dik l-impriża l-oħra jew skont id-dispożizzjonijiet tal-memorandum jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni; |
|
(d) |
impriża li tkun azzjonista fi jew membru ta’ impriża oħra, li tikkontrolla waħidha, skont ftehim ma’ azzjonisti fi jew membri ta’ dik l-impriża, maġġoranza tad-drittijiet tal-voti tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-impriża. |
(26) It-33 pjan ġenerali għall-Programm Konġunt tal-Gvern Federali/Länder (Gemeinschaftsaufgabe) għat-Titjib tal-Istrutturi Ekonomiċi Reġjonali: “Sabiex jiġu determinati l-limiti għall-intrapriżi indipendenti, l-intrapriżi msieħba u l-intrapriżi relatati, għandhom jintużaw il-metodi ta’ kalkolu stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-SMEs. Dawn il-kriterji ta’ valutazzjoni m’għandhomx jiġu evitati minn intrapriżi li, filwaqt li formalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal status ta’ SME, ikunu fil-fatt ikkontrollati minn impriża jew impriżi akbar. L-entitajiet legali kollha li jiffurmaw grupp ekonomiku li jkollu importanza ekonomika akbar minn dik ta’ intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju jridu jiġu esklużi.”
(27) ‘JVCo’ tfisser EverQ (Sovello), ‘Q’ tfisser Q-Cells, u ‘E’ tfisser Evergreen.
(28) “VentureCo” tfisser EverQ; “Q” tfisser Q-Cells. L-Avviż tal-Impunità tal-Għotja huwa l-konferma bil-miktub tal-awtoritajiet Ġermaniżi li ż-żieda fis-sjieda hija possibbli skont ir-regolamenti applikabbli dwar l-għotjiet mingħajr ma twassal għal tnaqqis tal-għotja jew obbligu ta’ ħlas lura.