10.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Ġunju 2010

dwar il-pajjiżi benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2011, kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 3639)

(2010/318/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u Nru 964/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 732/2008 jistipula l-għoti ta’ arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u governanza tajba għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti skont l-Artikoli 8 u 9 tiegħu.

(2)

Kull pajjiż li qed jiżviluppa li jixtieq jibbenefika minn dan l-arranġament ta’ inċentiv speċjali mill-1 ta’ Lulju 2010 kellu jibgħat talba dwar dan sat-30 ta’ April 2010, flimkien mat-tagħrif komprensiv dwar ir-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti, il-leġiżlazzjoni u l-miżuri li jimplimentaw b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet u l-impenn tiegħu li jaċċetta u jikkonforma bis-sħiħ mal-mekkaniżmu ta’ sorveljanza u reviżjoni previst fil-konvenzjonijiet rilevanti u fl-istrumenti relatati. Biex jingħata dak li jkun talab, il-pajjiż li jkun qed jagħmel it-talba jrid jitqies ukoll bħala pajjiż vulnerabbli kif definit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008.

(3)

Sat-30 ta’ April 2010 il-Kummissjoni kienet rċeviet talba mingħand ir-Repubblika tal-Panama (minn hawn ’il quddiem il-Panama) biex, mill-1 ta’ Lulju 2010, tibbenefika mill-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u governanza tajba.

(4)

It-talba ġiet eżaminata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008.

(5)

L-eżami tat-talba wera li l-Panama tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 732/2008. Għaldaqstant, l-arranġament ta’ inċentiv speċjali għandu jingħata lill-Panama mill-1 ta’ Lulju 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2011.

(6)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008, din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Panama.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni jaqblu mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Preferenzi Ġeneralizzati.

(8)

Din id-deċiżjoni ma taffettwax l-istatus ta’ benefiċjarju skont l-arranġament ma’ kull pajjiż elenkat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/938/KE tad-9 ta’ Diċembru 2008 dwar il-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u governanza tajba stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi ta’ tariffi ġeneralizzati, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (2),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika tal-Panama għandha tibbenefika mill-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u governanza tajba stipulat fir-Regolament (KE) Nru 732/2008 mill-1 ta’ Lulju 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Panama.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Karel DE GUCHT

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 334, 12.12.2008, p. 90.