8.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Ġunju 2010

li tawtorizza kontrolli fiżiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 li għandhom jitwettqu fi stabbilimenti approvati tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel f’Ċipru

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 3525)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/313/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal- 24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009, jistabbilixxi regoli dwar dawk il-kontrolli, inklużi l-kontrolli fiżiċi li jridu jitwettqu fil-punti magħżulin ta’ dħul fl-Unjoni Ewropea. Dan jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti minimi għal dawn il-punti ta’ dħul u jipprevedi lista ta’ dawk il-punti ta’ dħul li għandha ssir disponibbli għall-pubbliku mill-Istati Membri fuq l-Internet.

(2)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 jipprevedi li l-Kummissjoni, fuq talba ta’ Stat Membru, tista’ tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ ċerti punti magħżula ta’ dħul, li joperaw taħt limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, biex iwettqu l-kontrolli fiżiċi fl-istabbilimenti tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.

(3)

Permezz ta’ ittra bid-data tas-26 ta’ Ottubru 2009, Ċipru rrefera għall-qagħda ġeografika speċifika tal-punti magħżula ta’ dħul tal-Ajruport ta’ Larnaca u l-Port ta’ Limassol, kif ukoll għad-daqs żgħir tal-gżira, u talab lill-Kummissjoni biex tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk il-punti ta’ dħul biex iwettqu l-kontrolli fiżiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 fl-istabbilimenti ta’ ċerti operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel.

(4)

Permezz ta’ ittra bid-data tad-9 ta’ Frar 2010, Ċipru assigura lill-Kummissjoni li: se jkunu approvati biss, għat-twettiq tal-kontrolli fiżiċi, l-istabbilimenti tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għall-punti magħżula ta’ dħul stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 669/2009; il-livell ta’ riżorsi allokati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Ajruport ta’ Larnaca u l-Port ta’ Limassol ikun tali li l-attivitajiet ta’ kontroll imwettqa f’dawk il-punti magħżula ta’ dħul ma jiġux imxekkla jew milquta ħażin mill-possibbiltà li l-kontrolli fiżiċi jitwettqu ‘l bogħod mill-istabbilimenti tagħhom; u l-kunsinni magħżula għall-kontrolli fiżiċi fl-istabbilimenti tal-operaturi tan-negozju tal-għalf jew tal-ikel se jibqgħu taħt il-kontroll kontinwu tal-awtoritajiet kompetenti tal-punti magħżula ta’ dħul ikkonċernati sa mill-wasla tagħhom f’dan il-punt ta’ dħul u b’tali mod li ma jkunu jistgħu jiġu mbagħbsa bl-ebda mod tul il-kontrolli kollha.

(5)

Għaldaqstant, meta jitqiesu l-limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi tal-punti magħżula ta’ dħul tal-Ajruport ta’ Larnaca u l-Port ta’ Limassol u l-konferma minn Ċipru dwar ir-rispett tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009, hu xieraq li jiġi awtorizzat li l-kontrolli fiżiċi jistgħu jitwettqu fl-istabbilimenti ta’ ċerti operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel approvati minn dak l-Istat Membru għal kontrolli bħal dawn.

(6)

Sabiex tiġi żgurata pubbliċità adegwata għall-awtorizzazzjoni stipulata f’din id-Deċiżjoni, hu xieraq li fuq l-Internet issir disponibbli għall-pubbliku lista tal-istabbilimenti tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel, approvati għal kontrolli fiżiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 669/2009, permezz tal-link nazzjonali stabbilit fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-punti magħżula ta’ dħul tal-Ajruport ta’ Larnaca u l-Port ta’ Limassol f’Ċipru huma b’dan awtorizzati, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009, li jwettqu l-kontrolli fiżiċi stipulati fl-Artikolu 8(1)(b) ta’ dak ir-Regolament dwar l-importazzjonijiet ta’ għalf u ikel li ma joriġinawx mill-annimali, elenkati fl-Anness I tiegħu, fl-istabbiliment ta’ operatur tan-negozju tal-għalf jew tal-ikel approvat minn Ċipru għal kontrolli bħal dawn, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Il-lista tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel li l-istabbilimenti tagħhom huma approvati minn Ċipru, kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, se ssir disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet permezz tal-link nazzjonali stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 669/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11.