21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/50


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Jannar 2010

li tistabbilixxi jekk itteħditx azzjoni effettiva mill-Greċja b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2009

(2010/291/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(8) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkommandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (1), li kien adottat sabiex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tal-iżbilanċi eċċessivi tal-gvern ġenerali.

(3)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Ir-riforma kellha l-għan li tiżgura li, b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jitqies kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern biex malajr jerġgħu lura għal pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li titqies il-qagħda ekonomika.

(4)

Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, fis-27 ta’ April 2009 iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien hemm żbilanċ eċċessiv fil-Greċja (2).

(5)

Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill, ukoll fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni (3) skont l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-awtoritajiet Griegi fejn sejħilhom biex iġibu fi tmiemha s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv mhux aktar tard mill-2010, billi jniżżlu l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali taħt it-3 % tal-PDG b’mod kredibbli u sostenibbli. Għal dak il-għan, il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tat-27 ta’ Ottubru 2009 biex l-awtoritajiet Griegi jieħdu azzjoni effikaċi.

(6)

Il-progress fit-titjib tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data tal-istatistika u tar-rappurtar tagħhom, partikolarment tad-data tal-gvern ġenerali, kif mitlub mill-Kunsill, kien defiċjenti. L-aħħar reviżjoni tan-notifika ta’ Ottubru 2009 ma kinitx ġiet ivvalidata mill-Eurostat minħabba l-inċertezzi sinifikanti dwar iċ-ċifri notifikati mill-awtoritajiet Griegi. Il-proċeduri fis-seħħ biex tingħata malajr u korrettament id-data tal-gvern ġenerali rikjesta mill-qafas legali eżisteni huma manifestament inadegwati.

(7)

Il-valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Greċja biex tikkoreġi l-iżbilanċ eċċessiv sal-2010 b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea twassal għal dawn il-konklużjonijiet:

wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt tal-Artikolu 104(7) f’April 2009, l-awtoritajiet Griegi implimentaw il-miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ inklużi fil-liġi tal-baġit tal-2009, l-aġġornament ta’ Jannar 2009 tal-programm ta’ stabbiltà u l-pakkett addizzjonali ta’ miżuri fiskali ta’ Marzu 2009. Madankollu, għalkemm id-deterjorament fil-kundizzjonijiet makroekonomiċi kien ikbar milli mistenni mill-awtoritajiet, il-finanzi pubbliċi marru lura ferm iktar minn dak li seta’ jkun mistenni b’riżultat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku ikbar milli previst u sa ċertu punt b’riżultat tal-politiki baġitarji implimentati mill-gvern Grieg. Partikolarment, fuq in-naħa tal-infiq, l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-2009 turi nfiq żejjed imdaqqas fl-2009, li minnu iktar minn nofs huwa attribwit għal ħruġ ikbar milli mistenni għall-kumpens tal-impjegati u nfiq kapitali miżjud. Fuq in-naħa tad-dħul, l-implimentazzjoni tal-baġit 2009 tindika nuqqasijiet importanti fis-sistema tal-ġbir tat-taxxa, inkluż l-infurzar tat-taxxa;

fil-25 ta’ Ġunju 2009, l-awtoritajiet Griegi ħabbru miżuri diskrezzjonarji addizzjonali għat-tnaqqis tal-iżbilanċ, b’impatt baġitarju stmat ta’ madwar 1,25 % punti perċentwali tal-PDG. Madankollu, il-maġġoranza tal-miżuri ma ġewx implimentati mill-awtoritajiet Griegi s’issa u kważi punt perċentwali wieħed tal-PDG kien ta’ natura temporanja (ta’ darba), li jimmira d-dħul addizzjonali, u għalhekk mhux konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill biex jissaħħaħ l-aġġustament fiskali fl-2009 permezz ta’ miżuri permanenti, l-aktar fuq in-naħa tal-infiq;

barra minn hekk, il-miżuri ta’ konsolidament fiskali implimentati fl-2009 ma kinux biżżejjed biex jiksbu l-mira għall-iżbilanċ pubbliku ta’ 3,7 % tal-PDG fl-2009. Lanqas ma indirizzaw l-isfidi li joħorġu mill-iżbilanċi esterni u l-pożizzjoni kompetittiva li qed tiddeterjora tal-ekonomija Griega kif rakkomandat mill-Kunsill;

iż-żieda kbira prevista fil-proporzjon tad-dejn mal-PDG tisboq l-impatt tad-deterjorament fil-pożizzjoni tas-self nett tal-gvern ġenerali, u dan jindika li ma hemmx biżżejjed sforzi biex jikkontrollaw il-fatturi għajr is-self nett, u dan ikkontribwixxa għall-bdil fil-livelli tad-dejn.

(8)

Dan iwassal għall-konklużjoni li n-nuqqasijiet sinifikanti tad-dħul u l-infiq żejjed wasslu għal deterjorament qawwi tal-pożizzjoni baġitarja tal-Greċja fl-2009, u dan jista’ jiġi attribwit parzjalment biss għad-deterjorament tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi u, għalhekk, huwa primarjament minħabba reazzjoni mhux adegwata mill-awtoritajiet Griegi għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ April 2009,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Greċja ma ħaditx azzjoni b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2009 fil-perjodu stipulat f’dik ir-Rakkomandazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 135, 30.5.2009, p. 21.

(3)  http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication14950_en.pdf