21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/40


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Jannar 2010

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fl-Italja

(2010/286/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Italja,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) taħt l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif iċċarat bir-Regolament (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li tagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir), tipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 104 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistabbilixxi definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effikaċja u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Din kellha l-għan li tiżgura li, b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jitqiesu bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-linji ta’ politika tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li jittieħed kont tal-qagħda ekonomika.

(5)

L-Artikolu 104(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kien jeħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni kien jikkunsidra li jeżisti jew li jista’ jinqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikkonkludiet li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fl-Italja. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat din l-opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tal-Italija fil-11 ta’ Novembru 2009 (3).

(6)

L-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara valutazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tal-Italja, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet imniżżlin f’din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont data nnotifikata mill-awtoritajiet Taljani f’Ottubru 2009, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fl-Italja huwa ppjanat li jilħaq il-5,3 % tal-PDG fl-2009, u b’hekk jaqbeż il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG mingħajr ma jkun qrib tiegħu. L-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza jista’ jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, dan jirriżulta minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 ibassar li l-PDG reali fl-Italja jonqos b’4,7 % fl-2009, wara li naqas b’1 % fl-2008. Rilanċ moderat huwa mistenni għall-2010, li jissaħħaħ fl-2011. Barra minn hekk, l-eċċess ippjanat lil hinn mill-valur ta’ referenza ma jistax jitqies bħala wieħed temporanju, billi l-iżbilanċ huwa mbassar li jiżdied aktar fl-2010 u, fuq bażi ta’ ebda tibdil ta’ politika, li jonqos b’mod marġinali fl-2011. Il-miżuri ta’ diskrezzjoni mwettqa flimkien mal-pakketti suċċessivi ta’ rilanċ bħala tweġiba għall-kriżi f’konformità mal-Pjan Ewropew ra’ rkupru Ekonomiku (maħsuba bħala sostenn għal min jaqla’ ftit u għas-setturi industrijali ewlenin) mhumiex mistennija li jinfluwenzaw ħafna l-bilanċ tal-gvern, billi dawn huma, skont l-awtoritajiet Taljani, iffinanzjati kompletament l-aktar bl-allokazzjoni mill-ġdid ta’ fondi eżistenti. Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Taljani f’Ottubru 2009, id-dejn gross ġenerali tal-gvern kien ferm aktar minn 60 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG minn qabel il-bidu tal-fażi III tal-unjoni ekonomika u monetarja u huwa ppjanat li jkun ta’ 115,1 % tal-PDG fl-2009. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn ser jiżdied għal 117,8 % fl-2011. Il-proporzjon tad-dejn ma jistax jitqies bħala wieħed li qed jonqos b’mod suffiċjenti u li qed joqrob lejn il-valur ta’ referenza b’pass sodisfaċenti skont it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-kriterju tad-dejn fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(9)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-“fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk il-kondizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ‘l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju - tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tal-Italja, din il-kondizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed jitqiesu fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fl-Italja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(3)  Id-dokumenti kollha marbuta mal-EDP għall-Italja jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode=_m2