1.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/32


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ April 2010

dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament għal azzjoni preparatorja rigward il-postijiet ta’ kontroll għall-2010

(2010/249/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja u l-punt (b) tal-Artikolu 49(6) u l-Artikolu 75(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-“Regoli Implimentattivi”), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Pjan ta’ Azzjoni Komunitarja dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010 (3) tidentifika bħala qasam wieħed ta’ azzjoni t-titjib tal-istandards minimi attwali għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali skont evidenza xjentifika ġdida u valutazzjonijiet soċjo-ekonomiċi kif ukoll l-iżgurar ta’ infurzar effiċjenti.

(2)

Sabiex jittejjeb il-benesseri ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali li jinġarru, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tistabbilixxi rekwiżiti dwar il-ħinijiet massimi tal-ivvjaġġar, li kif jiskadu, l-annimali għandhom jinħattu, jingħalfu u jingħataw l-ilma u jistrieħu. Waqfiet obligatorji ta’ dan it-tip waqt il-ġarr tal-annimali fuq distanzi twal iseħħu f’postijiet ta’ kontroll, kif imfissra fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ kontroll (4).

(3)

Iż-żieda fl-għadd tal-annimali li qed jinġarru bit-triq fi vjaġġi twal wassal għall-ħtieġa li jittejbu l-postijiet ta’ kontroll. Huwa neċessarju li jiġu ddeterminati, billi jiġu kkonsultati partijiet interessati u bl-użu ta’ esperti tekniċi, il-kriterji ta’ kwalità għal postijiet ta’ kontroll u liema strateġiji għandhom jiġu żviluppati fl-Unjoni.

(4)

Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ postijiet ta’ kontroll f’ċerti lokalitajiet u għadd ta’ postijiet ta’ kontroll eżistenti għandhom kwalità baxxa. Għaldaqstant għandha titwettaq azzjoni preparatorja li tinkludi l-bini jew it-tiġdid ta’ ċerti postijiet ta’ kontroll.

(5)

Fl-2008, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal proposti għal azzjoni preparatorja simili, iżda l-ebda waħda mill-proposti li rċeviet ma ssodisfat l-kriterji minimi tas-sejħa, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-vijabbiltà ekonomika tal-proġetti kif ukoll is-sors tal-kofinanzjament.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/755/KE tat-13 ta’ Ottubru 2009 dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament lejn azzjoni preparatorja fuq il-postijiet ta’ kontroll għall-2009 (5) stabbiliet żewġ fażijiet tal-azzjoni preparatorja għall-2009. L-ewwel studju preliminari bi proċedura ta’ ksib u t-tieni waħda b’għotjiet.

(7)

Fl-2009, l-istudju preliminari previst fid-Deċiżjoni 2009/755/KE ngħata bidu biex tinġabar l-informazzjoni dwar l-istatus kurrenti tal-postijiet ta’ kontroll kif ukoll biex jiddefinixxi l-kriterji ta’ kwalità għal postijiet ta’ kontroll ta’ kwalità għolja. Dak l-istudju se jistabbilixxi wkoll kriterji ekonomiċi biex jiġu pprovduti sussidji biex il-postijiet ta’ kontroll jiġu rinnovati b’mod xieraq jew jinbnew bi kwalità għolja. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju huma mistennija sa Mejju 2010 u l-proċedura għall-għotjiet prevista bid-Deċiżjoni 2009/755/KE se tingħata bidu abbażi tal-kriterji stabbiliti f’dan l-istudju.

(8)

Jixraq li jiġi pprovdut finanzjament mill-Unjoni għal dik l-azzjoni preparatorja. Fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2010, l-awtorità baġitarja allokat EUR 2 000 000 għal azzjoni preparatorja dwar il-postijiet ta’ kontroll.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u skont l-Artikolu 90 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

(10)

Skont l-Artikolu 83 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas tan-nefqa għandhom isiru fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fir-Regoli Implimentattivi.

(11)

Għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jixraq li jitfisser it-terminu “bidla sostanzjali”, fit-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-azzjoni preparatorja, kif iffissata fl-Anness, (“l-azzjoni preparatorja”) hija permezz ta’ dan adottata.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tapplika d-definizzjoni ta’ “post ta’ waqfien” fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/97.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-azzjoni preparatorja hija ffissata għal EUR 2 000 000, li għandhom jiġu ffinanzjati mil-linja tal-baġit 17 04 03 03 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2010.

Artikolu 4

1.   L-uffiċjal awtorizzanti jista’ jadotta kwalunke bidliet għal din id-Deċiżjoni li ma jitqisux sostanzjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda u tal-proporzjonalità.

2.   Bidliet kumulattivi tal-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet koperti mill-azzjoni preparatorja li ma jaqbżux l-10 % tal-kontribuzzjoni massima prevista mill-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni ma għandhomx jitqiesu bħala sostanzjali fit-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, sakemm dawn ma jaffettwawx b’mod sinifikanti n-natura u l-għan tal-azzjoni preparatorja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(3)  COM(2006) 13 finali.

(4)   ĠU L 174, 2.7.1997, p. 1.

(5)   ĠU L 269, 14.10.2009, p. 26.


ANNESS

AZZJONI PREPARATORJA GĦALL-POSTIJIET TA’ KONTROLL GĦALL-2010

1.1.   Introduzzjoni

Din l-azzjoni preparatorja fiha miżura implimentattiva għall-2010.

Abbażi tal-objettivi mogħtija fl-azzjoni preparatorja, l-allokazzjoni tal-baġit hi għall-għotjiet għall-bini u r-rinovazzjoni tal-postijiet ta’ kontroll (li se tiġi implimentata f’ġestjoni ċentralizzata diretta) u ffissata għal: EUR 2 000 000.

1.2.   Għotjiet għall-bini jew ir-rinnovazzjoni tal-postijiet ta’ kontroll

L-għotjiet għandhom jingħataw permezz ta’ ftehim bil-miktub (“ftehim tal-għotja”).

Il-BAŻI LEGALI

Azzjoni preparatorja skont it-tifsira tal-Artikolu 49(6)(b) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

LINJA BAĠITARJA

17 04 03 03

IL-PRIJORITAJIET GĦAS-SENA, L-OBJETTIVI LI GĦANDHOM JINTLAĦQU U R-RIŻULTATI PPJANATI

Iż-żieda fl-għadd tal-annimali li se jinġarru bit-triq fi vjaġġi twal żiedet il-ħtieġa għal postijiet ta’ kontroll imtejba fejn l-annimali jkunu jistgħu jistrieħu. Fl-interess tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali jeħtieġ li jiddaħħlu miżuri speċifiċi biex jiġi evitat l-istress fuq l-annimali u t-tixrid tal-mard infettiv. L-objettiv tal-azzjoni preparatorja huwa ż-żieda fl-użu tal-postijiet ta’ kontroll u l-promozzjoni ta’ postijiet ta’ kontroll ta’ kwalità għolja. Din l-azzjoni preparatorja se ssegwi azzjoni preparatorja preċedenti prevista fid-Deċiżjoni 2009/755/KE.

ID-DESKRIZZJONI U L-GĦAN TAL-MIŻURA IMPLIMENTATTIVA

L-azzjoni preparatorja għandha tikkonsisti fil-bini jew ir-rinnovar ta’ postijiet ta’ kontroll ta’ kwalità għolja biex tiġi vvalidata skema ta’ ċertifikazzjoni sperimentali msejsa fuq ir-riżultati tal-istudju tal-fattibbiltà mnedija fl-2009 skont id-Deċiżjoni 2009/755/KE. L-azzjoni preparatorja hi mistennija tħeġġeġ skema ta’ ċertifikazzjoni vijabbli ekonomikament għal postijiet ta’ kontroll ta’ kwalità għolja biex jittejjeb il-benesseri tal-annimali li jinġarru fi vjaġġi twal.

IMPLIMENTAZZJONI

L-implimentazzjoni għandha titwettaq direttament mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi.

SKEDA TA’ ŻMIEN U AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-PROPOSTI/GĦOTJA DIRETTA

Għandha tiġi ppubblikata sejħa waħdanija għall-proposti ta’ EUR 2 000 000.

L-azzjoni preparatorja għandha titwettaq fi żmien 24 xahar mid-data tal-iffirmar tal-ftehim tal-għotja.

Is-sejħa għall-proposti għandha titnieda wara li jitlesta l-istudju dwar il-valutazzjoni tal-fattibbiltà, imsemmi fit-Taqsima 1.2 tad-Deċiżjoni 2009/755/KE previst sal-aħħar ta’ Mejju 2010.

RATA MASSIMA POSSIBBLI TA’ KOFINANZJAMENT

70 %

IL-KRITERJI ESSENZJALI TAL-GĦAŻLA U TAL-GĦOTJA

Kriterji tal-għażla

Il-kapaċità finanzjarja tal-applikant:

L-applikanti jridu juru li għandhom il-kapaċità finanzjarja li jwettqu l-azzjoni li trid tiġi ffinanzjata,

L-applikanti jridu jipprovdu xhieda tad-disponibilità tar-riżorsi proprji meħtieġa għall-kofinanzjament tal-Unjoni rikjest u li jkunu jamministraw il-fluss finanzjarju neċessarju għall-amministrazzjoni tal-proġett. L-ammont tal-għotja mogħti lil benefiċjarju ma jistax jaqbeż id-dejn fit-tul u l-ammont totali tal-kapital proprju tiegħu/tagħha.

Il-kapaċità teknika u professjonali tal-applikant:

L-applikanti jrid ikollhom il-kapaċità teknika u l-ħila professjonali li jwettqu l-azzjoni li trid tiġi kofinanzjata. Huma jridu jipprovdu xhieda tal-għarfien u l-esperjenza tagħhom fil-qasam tal-infrastruttura relatata mal-annimali u l-operat ta’ ġarr tal-annimali. Huma għandhom jipprovdu ċertifikazzjoni u deskrizzjonijiet ta’ proġetti u attivitajiet imwettqa minnhom tliet snin qabel id-data tal-applikazzjoni tagħhom u b’mod aktar partikolari ta’ proġetti marbuta ma’ kwistjonijiet relatati (trasport jew iż-żamma tal-annimali, il-bini ta’ infrastruttura relatata mal-annimali). Iridu jipprovdu “curriculum vitae” ddettaljat ta’ kull membru tat-tim tagħhom u juru l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tad-direttur tal-proġett, inkluż l-isfond ta’ edukazzjoni, il-lawrji u d-diplomi, l-esperjenza professjonali, ix-xogħol ta’ riċerka u l-pubblikazzjonijiet tiegħu jew tagħha,

L-applikanti jridu juru li l-organizzazzjonijiet li japplikaw għall-azzjoni jkollhom impenn lejn l-għanijiet tal-proġett u jkunu jappoġġjaw il-prinċipju tal-introduzzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni għall-postijiet ta’ kontroll li għandha tiġi implimentata bl-azzjoni. Iridu jipprovdu evidenza tal-kuntatti u l-partijiet interessati li biħsiebhom jikkonsultaw, b’mod partikolari dwar ċertifikazzjoni, u li biħsiebhom iserħu fuq ir-riżorsi tagħhom fl-andament tal-eżekuzzjoni tal-azzjoni preparatorja.

Kriterji tal-għotja

Għandhom japplikaw il-kriterji ġenerali ta’ għoti li ġejjin:

Is-solidità tal-istrateġija (20 %)

L-organizzazzjoni tax-xogħol u l-grad ta’ involviment ta’ awtoritajiet/organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri koperti b’din l-azzjoni (30 %)

Ir-relevanza tal-proġett fil-livell tal-Unjoni u l-effett multiplikattiv (30 %)

Il-proporzjon tal-effettività tal-ispejjeż tal-proġett (20 %).

IL-FORMA TAL-GĦOTJA

Ftehim bil-miktub