24.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/60


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ April 2010

dwar il-finanzjament tal-programm ta’ ħidma 2010 għat-taħriġ dwar is-sikurezza fl-ikel u fl-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali fil-qafas tal-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel

(2010/230/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), u b’mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejjħa r-“Regoli Implimentattivi”), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-Aġenziji Eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(1)(b) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula r-regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali biex tkun ivverifikata l-konformità mar-regoli li jimmiraw, partikolarment, li jwaqqfu, jeliminaw jew inaqqsu għal livelli aċċettabbli r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali, li jiggarantixxu prassi ġusta fil-kummerċ tal-għalf u tal-ikel, u li jħarsu l-interessi tal-konsumatur. L-Artikolu 51 ta’ dan ir-Regolament jistipula li l-Kummissjoni tista’ torganizza l-korsijiet għat-taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li huma inkarigati biex jieħdu ħsieb il-kontrolli msemmijin fir-Regolament, dawn il-korsijiet jistgħu jkunu miftuħin għall-parteċipanti minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi li qegħdin fi stat ta’ żvilupp. Dawn il-korsijiet jistgħu jinkludu b’mod partikolari t-taħriġ rigward il-liġi tal-Unjoni dwar l-għalf u l-ikel u rigward ir-regoli dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali.

(2)

Il-“Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel” ġie mwaqqaf mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-miri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2006) 519 finali (5) tistudja l-possibbiltajiet għall-organizzazzjoni tat-taħriġ fil-ġejjieni.

(3)

Il-programm ta’ ħidma 2010 għall-implimentazzjoni ta’ “Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel” għaldaqstant għandu jiġi adottat.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/858/KE tal-15 ta’ Diċembru 2004 li twaqqaf aġenzija eżekuttiva bl-isem Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm dwar is-Saħħa Pubblika għat-tmexxija tal-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika b’applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 (6) tal-Kunsill, waqqfet l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (“l-Aġenzija”).

(5)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2008) 4943 tad-9 ta’ Settembru 2008 ddelegat ċerti ħidmiet ta’ treġija u implimentazzjoni tal-programmi lill-Aġenzija, li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri ta’ taħriġ għas-sikurezza fl-ikel imwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Għaldaqstant għandu jingħata sussidju għall-ħidma lill-Aġenzija għas-sena 2010 biex jiffinanzja l-attivitajiet marbutin mal-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel.

(6)

Billi l-programm ta’ ħidma tal-2010 huwa qafas iddettaljat biżżejjed, id-deċiżjoni attwali tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 90 tar-regoli implimentattivi.

(7)

Għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jixraq li jitfisser it-terminu “bidla sostanzjali”, fit-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-regoli implimentattivi.

(8)

Skont l-Artikolu 83 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas tan-nefqa għandhom isiru fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fir-regoli implimentattivi. Dawn ir-regoli għandhom jispeċifikaw ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom, dawk il-kredituri li jitħallsu b’lura jkunu intitolati li jirċievu l-imgħax fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament impost fuq il-linja li minnha tħallset is-somma ewlenija.

(9)

Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tipprovdi r-regoli dwar il-pagament tal-imgħaxx fuq pagamenti tardivi li jkunu marbutin ma’ azzjonijiet li huma inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-2010,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programm ta’ ħidma għall-implimentazzjoni fl-2010 tal-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel kif stipulat fl-Anness huwa b’dan adottat. Dan jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 2

1.   L-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma għandu jkun ta’ EUR 15 370 000, li għandu jiġi ffinanzjat mil-linji baġitarji tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2010:

(a)

:

linja baġitarja nru 17 04 07 01

:

EUR 14 000 000

(b)

:

linja baġitarja nru 17 01 04 05

:

EUR 260 000

(c)

:

linja baġitarja nru 17 01 04 31

:

EUR 1 110 000

2.   L-ammont stipulat fil-paragrafu 1(c) għandu jitħallas lill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi u għandu jikkostitwixxi sussidju għall-ħidma.

3.   L-imgħaxx li jkun irid jitħallas fuq il-ħlas tardiv ukoll jista’ jitħallas mill-istess linji baġitarji, skont l-Artikolu 83 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 3

Bidliet kumulattivi tal-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet speċifiċi koperti mill-programm ta’ ħidma li ma jaqbżux l-20 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima prevista mill-Artikolu 2(1) ma għandhomx jitqiesu bħala sostanzjali fit-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, sakemm dawn ma jaffettwawx b’mod sinifikanti n-natura u l-għan tal-programm ta’ ħidma.

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jista’ jadotta dawn il-bidliet skont il-prinċipji tal-maniġment finanzjarju sod u tal-proporzjonalità.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(5)  SEC(2006) 1163 u SEC(2006) 1164, 20.9.2006.

(6)  ĠU L 369, 16.12.2004, p. 73.


ANNESS

dwar il-finanzjament tal-programm ta’ ħidma 2010 għat-taħriġ dwar is-sikurezza fl-ikel u fl-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali fil-qafas tal-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel

1.1.   Introduzzjoni

Dan il-programm ta’ ħidma fih tliet miżuri implimentattivi għall-2010. Abbażi tal-miri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004, id-distribuzzjoni tal-baġit u l-azzjonijiet ewlenin huma kif ġej:

1.2.

Għal akkwisti (implimentati f’maniġment iċċentralizzat dirett):

1.2.1.

Taħriġ: kuntratti esterni għat-twettiq ta’ programm ta’ taħriġ

EUR 14 000 000

1.2.2.

Taħriġ: rapport annwali, tagħmir u strumenti tal-IT, materjal promozzjonali, appoġġ tat-tagħrif u tal-komunikazzjoni

EUR 260 000

1.3.

Azzjonijiet oħra: Sussidju operattiv għall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm dwar is-Saħħa Pubblika u l-Konsumaturi

EUR 1 110 000

TOTAL

EUR 15 370 000

1.2.   Akkwisti

L-ammont baġitarju globali riżervat għall-kuntratti tal-akkwisti fl-2010 jammonta għal EUR 14 000 000.

1.2.1.   Taħriġ: Kuntratti esterni għat-twettiq tal-programm ta’ taħriġ

BAŻI LEGALI

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 51 u l-Artikolu 66(1)(b)

IL-LINJA BAĠITARJA

Linja baġitarja: 17 04 07 01

NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Għal kull waħda mill-kwistjonijiet tekniċi msemmija hawn taħt se jiġi ffirmat kuntratt wieħed, jew aktar, ta’ servizz speċifiku. Huwa stmat li se jiġu ffirmati madwar 17-il kuntratt ta’ servizz. Il-kuntratturi esterni jkunu involuti primarjament fl-aspetti organizzattivi u loġistiċi tal-attivitajiet ta’ taħriġ.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK IKUN POSSIBBLI)

Għall-2010, l-azzjoni ta’ taħriġ se tkun dwar is-suġġetti li ġejja:

L-ispezzjonijiet ta’ kontroll veterinarju u tas-sikurezza tal-ikel u l-għalf f’Postijiet ta’ Spezzjoni fil-Fruntiera (ajruporti, portijiet u toroq/ferroviji),

Iż-żoonożi u kriterji mikrobijoloġiċi fi prodotti tal-ikel,

Il-Benesseri tal-Annimali,

Il-Prodotti għall-Ħarsien tal-Pjanti,

Il-leġiżlazzjoni dwar l-għalf: fokus fuq ir-regoli tal-iġjene tal-għalf,

Il-ħarsien minn, il-kontroll u l-qerda tal-Enċefalopatija Sponġiformi li Tinxtered,

Il-kontrolli fuq prodotti ta’ oriġini mhux mill-annimali fil-ħin tal-importazzjoni,

L-iskemi ta’ kwalità tal-UE (agrikoltura organika u indikazzjonijiet ġeografiċi),

Il-verifiki interni tas-sistemi uffiċjali tal-kontroll,

L-appoġġ għall-kontrolli tal-Unjoni fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi,

RASFF/TRACES f’pajjiżi terzi,

L-analiżi tal-OĠM,

Ir-regoli tal-UE dwar l-ikel u r-rekwiżiti tal-UE għall-importazzjoni tal-ikel,

Id-dijanjożi u l-kontroll tal-Influwenza tat-Tjur bi Patoġeniċità Qawwija,

Kwistjonijiet oħra dwar il-benessri u saħħa tal-annimali, kwistjonijiet dwar is-sikurezza tal-għalf u tal-ikel; il-kooperazzjoni ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali oħra għat-taħriġ u l-istudji l-konferenzi u l-valutazzjonijiet tas-sikurezza fl-ikel.

L-IMPLIMENTAZZJONI

It-EUR 13 320 000 (il-finanzjament ta’ miżuri għas-sikurezza fl-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004) se jkunu amministrati u użati mill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE (1)). Is-EUR 680 000 li jibqa’ se jintużaw mill-Kummissjoni biex ikopru l-programm dwar l-OĠM u fuq studji, konferenzi u stimi.

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

Bejn wieħed u ieħor minn April sa Ġunju biex il-kuntratti jkunu ffirmati fl-2010.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 14 000 000.

1.2.2.   Taħriġ: rapport annwali, tagħmir u strumenti tal-IT, materjal promozzjonali, appoġġ tat-tagħrif u tal-komunikazzjoni

BAŻI LEGALI

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 66(1)(ċ)

IL-LINJA BAĠITARJA

Linja baġitarja: 17 01 04 05

NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Huwa stmat li se jiġu ffirmati madwar tliet kuntratti ta’ servizz.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK IKUN POSSIBBLI)

L-azzjonijiet li se jkunu ffinanzjati taħt dan il-baġit jimmiraw li jiffaċiltaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ, tat-tagħmir u l-għodod tal-IT u tat-tagħlim elettroniku, kif ukoll l-appoġġ għall-materjali promozzjonali, għat-tagħrif u għall-komunikazzjoni.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Din l-azzjoni se tkun implimentata direttament mid-DĠ SANCO.

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

Bejn wieħed u ieħor minn April sa Settembru.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 260 000.

1.3.   Azzjonijiet oħra: Sussidju operattiv għall-Aġenzija Eżekuttiva dwar is-Saħħa Pubblika u l-Konsumaturi

Il-BAŻI LEGALI

Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003, b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu

IL-LINJA BAĠITARJA

Linja baġitarja: 17 01 04 31

L-AMMONT

EUR 1 110 000

ID-DESKRIZZJONI U L-GĦAN TAL-MIŻURA IMPLIMENTATTIVA

Dan il-baġit jiffinanzja s-sussidju operattiv tal-Aġenzija għas-sena 2010 marbut mal-programmi skont l-“FP Intestatura 2”. Il-linja ta’ Baġit 17.01.04.31 tiffinanzja s-sussidju operattiv tal-Aġenzija għall-2010 għall-parti marbuta mal-programm Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel. Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, is-sussidju operattiv għandu jittieħed mill-allokazzjoni finanzjarja għall-progammi tal-Unjoni mmaniġġjati mill-Aġenzija. Żewġ linji ta’ baġit separati nħolqu bil-baġit 2010 għas-sussidju li jrid jitħallas lill-Aġenzija, wieħed għall-programmi skont l-Intestatura 2 u ieħor għal programmi skont l-Intestatura 3b tal-Perspettivi Finanzjarji.


(1)  ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27.