22.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ April 2010

dwar l-eżami mill-ġdid tar-restrizzjoni li tikkonċerna paraffini ta’ katina qasira klorinati (SCCPs) elenkati fl-Anness XVII mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1942)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/226/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 69(5) tiegħu,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

Billi:

(1)

B’ittra tal-4 ta’ Ġunju 2009 l-Pajjiżi l-Baxxi pproponew li r-restrizzjoni li tikkonċerna paraffini ta’ katina qasira klorinati (SCCPs) elenkati fil-punt 42 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tkun eżaminata mill-ġdid u ġabu l-evidenza biex isostnu dan skont l-Artikolu 69(5) ta’ dak ir-Regolament. Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li dawk is-sustanzi jponu riskju għall-ambjent, b’mod partikolari mill-inkorporazzjoni tagħhom f’artikli, inklużi oġġetti tal-gomma, bini u materjali ta’ kostruzzjoni (siġillanti), tessuti, u artikli ttrattati b’żebgħat u b’kisjiet, minħabba l-volatilizzazzjoni, lissar, u erożjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dawk l-artikli.

(2)

L-aħħar addendum tar-Rapport ta’ Valutazzjoni tar-Riskju tal-Unjoni Ewropea (2) stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (3) kkonkluda li l-SCCPs jissodisfaw il-kriterji għal sustanza persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (PBT) u identifikat iktar riskji ambjentali għal kisi minn taħt ta’ tessuti u għall-komponiment/konverżjoni tal-gomma. Minħabba l-proprjetajiet ta’ PBT tagħhom, l-SCCPs kienu identifikati bħala Sustanzi ta’ Tħassib Kbir Ħafna (STKĦ) u ġew inklużi fil-lista tal-kandidati b’konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(3)

Skont id-Deċiżjoni 2007/395/KE tas-7 ta’ Ġunju 2007 rigward id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-użu ta’ paraffin klorinat short-chained notifikati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat KE (4) il-Kummissjoni awtorizzat lill-Pajjiżi l-Baxxi biex iżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar l-SCCPs li kienu iktar stretti mid-dispożizzjonijiet dwar l-SCCPs li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (5). Dawk ir-restrizzjonijiet eżistenti u iktar strinġenti dwar l-SCCPs huma elenkati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 67(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (6) u l-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu jżommuhom sal-1 ta’ Ġunju 2013.

(4)

L-SCCPs ġew proposti għall-inklużjoni fil-Protokoll dwar il-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali b’Medda Twila kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes. Billi għadha ma nkisbitx inklużjoni ta’ dan it-tip biex jinbeda l-eżami mill-ġdid tar-restrizzjoni li tikkonċerna l-SCCPs skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, sabiex ma tiġix posposta l-adozzjoni possibbli ta’ miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju adegwati.

(5)

Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom iħejju fajl li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness XV ta’ dak ir-Regolament,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-restrizzjoni li tikkonċerna paraffini ta’ katina qasira klorinati (SCCPs) elenkati fil-punt 42 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandha tkun eżaminata mill-ġdid skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 69 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Rapport ta’ Valutazzjoni tar-Riskju tal-Unjoni Ewropea - verżjoni aġġornata, Awwissu 2008 - hija disponibbli fi: http://ecb.jrc.ec.europa.eu/

(3)   ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1.

(4)   ĠU L 148, 9.6.2007, p. 17.

(5)   ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201.

(6)   ĠU C 130, 9.6.2009, p. 3.