17.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 97/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ April 2010

li tħassar id-Deċiżjoni 2006/236/KE dwar kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-prodotti tas-sajd li jiġu importati mill-Indoneżja u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 2354)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/219/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/236/KE tal-21 ta’ Marzu 2006 dwar kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-prodotti tas-sajd li jiġu importati mill-Indoneżja u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem (3) ġiet adottata b’riżultat taż-żjarat ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fl-Indoneżja, li wrew nuqqasijiet serji fejn tidħol l-iġjene waqt l-immaniġġjar ta’ prodotti tas-sajd f’dak il-pajjiż terz.

(2)

Id-Deċiżjoni 2006/236/KE kienet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/660/KE (4) li neħħiet ir-rekwiżit li prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Indoneżja jiġu ttestjati għall-preżenza ta’ istamina u metalli tqal fi prodotti tal-akkwakultura.

(3)

Id-Deċiżjoni 2006/236/KE tistipula li l-Istati Membri jridu jiżguraw li kull kunsinna ta’ prodotti tas-sajd ħlief li jkunu ta’ oriġini mill-akkwakultura importati mill-Indoneżja jsirulha t-testijiet neċessarji biex ikun żgurat li l-prodotti ma jeċċedux ċerti livelli massimi għall-metalli tqal.

(4)

Id-Deċiżjoni 2006/236/KE tistipula wkoll li dik id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fuq il-bażi tal-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Indoneżja u fuq il-bażi tar-riżultati tat-testijiet magħmula mill-Istati Membri.

(5)

Ir-riżultati tat-testijiet mwettqa mill-Istati Membri fuq il-prodotti tas-sajd importati mill-Indoneżja huma favorevoli fejn jidħlu l-metalli tqal. Barra minn hekk, l-Indoneżja issa pprovdiet il-garanziji xierqa lill-Kummissjoni. Għalhekk ma għadux neċessarju li kull kunsinna ta’ prodotti tas-sajd tiġi ttestjata għall-metalli tqal.

(6)

Id-Deċiżjoni 2006/236/KE għandha għalhekk titħassar skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/236/KE hija b’dan imħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 83, 22.3.2006, p. 16.

(4)  ĠU L 215, 12.8.2008, p. 6.