13.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Settembru 2009

dwar il-miżura meħuda mill-Italja favur Sandretto Industrie srl (C 19/08 (ex NN 13/08))

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 7184)

(It-test Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/215/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1) tiegħu,

wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli, u wara li kkunsidrat il-kummenti mibgħutin,

billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2007 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa d-“Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni”) (1) l-Kummissjoni approvat għajnuna ta’ salvataġġ ta’ EUR 5 miljun favur is-Sandretto Industrie S.r.l. (minn hawn ‘il quddiem: “is-Sandretto”). L-għajnuna kienet tikkonsisti f’garanzija fuq żewġ linji ta’ kreditu forniti minn banek privati, li l-kundizzjonijiet tagħha kellhom jiġu ddefiniti wraa l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. L-Italja impenjat ruħha li tirrevoka l-garanzija fi żmien sitt xhur wara li tkun inħarġet u li tforni lill-Kummissjoni bi pjan ta’ ristrutturazzjoni għas-Sandretto fi żmien sitt xhur mid-data tal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna.

(2)

Minħabba li ma rċevietx tagħrif dwar l-iżviluppi tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Italja fl-14 ta’ Diċembru 2007 (irreġistrata bin-numru D/54995) biex titlob li tiġi aġġornata dwar il-każ.

(3)

L-Italja wieġbet b’ittra bid-data tal-21 ta’ Jannar 2008 (A/1233), u infurmat lill-Kummissjoni li l-għajnuna kienet ingħatat f’żewġ partijiet: l-ewwel parti fl-24 ta’ Lulju 2007 u t-tieni waħda fit-13 ta’ Awwissu 2007.

(4)

B’ittra bid-data tat-23 ta’ Jannar 2008 (irreġistrata bin-numru D/50314) il-Kummissjoni talbet lill-Italja tikkonferma li l-garanzija skadiet fl-24 ta’ Jannar 2008 jew inkella tgħaddilha pjan ta’ ristrutturazzjoni, u żiedet li fin-nuqqas ta’ tweġiba malajr is-servizzi tal-Kummissjoni kienu se jipproponu li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(5)

B’ittra bid-data tat-8 ta’ Frar 2008 (irreġistrata bin-numru A/2526) l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li l-ewwel parti tal-garanzija kienet skadiet fl-24 ta’ Jannar 2008 u li, wara li fallew diversi tentattivi biex jinbiegħu l-assi tal-kumpanija, fi żmien qasir il-qorti kompetenti ġiet infurmata li eventwalment kellha ssir proċedura ta’ falliment.

(6)

Id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura preskritta fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat, akkumpanjata minn stedina lil dawk interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). L-Italja bagħtet il-kummenti tagħha b’ittra bid-data tad-19 ta’ Mejju 2008 (irreġistrata bin-numru A/9253). Ma waslu l-ebda kummenti min-naħa ta’ dawk interessati.

(7)

Sussegwentement, b’ittri bid-dati tal-20 ta’ Awwissu (irreġistrata bin-numru D/53263) u tal-20 ta’ Ottubru 2008 (irreġistrata bin-numru D/54063) l-Kummissjoni talbet tagħrif addizzjonali, li l-awtoritajiet Taljani fornew b’ittri bid-dati tat-18 ta’ Settembru 2008 (irreġistrata bin-numru A/19134) u tal-4 ta’ Novembru 2008 (irreġistrata bin-numru A/23219) rispettivament.

II.   DESKRIZZJONI

Il-benefiċjarju

(8)

Is-Sandretto topera fis-settur tal-manifattura u l-bejgħ ta’ preses għall-injettar ta’ materjal plastiku. L-azjenda nħolqot fl-1947 bħala “Fratelli Sandretto” u minn dak iż-żmien ‘l hawn bidlet għal diversi drabi l-isem u l-forma korporattiva tagħha. Fl-2007, meta ngħatat l-għajnuna, is-Sandretto kellha fatturat ta’ EUR 30 miljun u kienet tħaddem 340 ruħ; kienet tirrappreżenta realtà importanti għall-ekonomija lokali, b’żewġ stabbilimenti f’żewġ muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Turin – Grugliasco u Pont Canavese – li t-tnejn li huma huma nħawi li jikkwalifikaw għal għajnuniet skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

(9)

Il-kumpanija ġiet iddikjarata insolventi f’Marzu tal-2006 u mbagħad iddaħħlet fil-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, bil-għan li potenzjalment tkun tista’ tibqa’ għaddejja bl-attività tagħha (3). Madankollu, wara ġie deċiż li ma tibqax għaddejja bl-attività ekonomika tagħha, skont il-proċedura preksritta fid-Digriet Leġiżlattiv 270/99 (4), l-amministratur straordinarju ta bidu għal-likwidazzjoni tal-kumpanija u, għaldaqstant, tal-bejgħ tal-assi, b’konformità mal-awtorizzazzjoni maħruġa mill-ministeru kompetenti fis-27 ta’ Frar 2007.

(10)

Diversi offerti pubbliċi li ġew organizzati bil-għan li tinbiegħ il-biċċa l-kbira tal-assi (5) tqiesu bħala inadegwati sakemm, fl-24 ta’ Mejju 2008, intlaħaq ftehim preliminari mal-kumpanija Brażiljana Industrias Romi S.A., u fit-12 ta’ Ġunju 2008 ġie ffirmat il-kuntratt definittiv bejn is-Sandretto u r-ROMI Italia srl, li hija s-sussidjarja Taljana tax-xerrej.

(11)

Fid-29 ta’ Lulju 2008 il-qorti ta’ Turin iċċertifikat it-tranżazzjoni ta’ bejgħ imsemmija hawn fuq; b’hekk minn dik id-data s-Sandretto waqqfet għal kollox l-attività tagħha u ma tibqax teżisti aktar bħala persuna ġuridika malli l-assi tagħha jkunu tqassmu bejn il-kredituri.

Il-miżura ta’ għajnuna

(12)

Għalkemm l-għajnuna għas-salvataġġ ġiet approvata fid-29 ta’ Jannar 2007, il-linji ta’ kreditu li jaqgħu taħtha, li jammontaw għal EUR 5 miljun, ngħataw sitt xhur wara l-approvazzjoni: l-ewwel parti fl-24 ta’ Lulju 2007 u t-tieni waħda fit-13 ta’ Awwissu 2007. Skont l-Italja, tali perjodu ta’ żmien kien meħtieġ biex l-amministraturi jagħżlu l-banek privati li kienu se jipprovdu l-linji ta’ kreditu u biex jiftiehmu magħhom dwar il-kundizzjonijiet tal-finanzjament.

(13)

L-għajnuna għas-salvataġġ ngħatat fil-forma ta’ garanzija fuq żewġ linji ta’ kreditu ta’ EUR 2,5 miljun il-waħda, forniti mill-Banca Popolare di Novara u mill-Banca Intesa Sanpaolo.

(14)

Skont l-Italja, il-garanzija marbuta mal-ewwel parti tal-għajnuna ssejħet fl-24 ta’ Jannar 2008. Fis-sitt xhur ta’ wara l-awtorizzazzjoni l-Italja ma ppreżentat l-ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni (jew ta’ likwidazzjoni) tal-kumpanija. Wara li nbdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li l-garanzija pubblika marbuta maż-żewġ selfiet kienet issejħet (6).

III.   MOTIVI LI JIĠĠUSTIFIKAW IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURI

(15)

Fid-deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedura l-Kummissjoni qalet li ma kienx hemm indikazzjonijiet li s-Sandretto ma kinitx baqgħet tibbenefika mill-għajnuna għas-salvataġġ meta għadda l-perjodu ta’ sitt xhur minn mindu nħareġ l-ewwel pagament, jiġifieri fl-24 ta’ Jannar 2008.

(16)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-possibbiltà li tqis l-għajnuna għas-salvataġġ estiża illegalment bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni kompatibbli skont il-punti minn 34 sa 51 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji li jkunu jinsabu f’diffikultà (7) (minn hawn ‘il quddiem: “il-Linji Gwida”), speċjalment fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni.

IV.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-ITALJA

(17)

L-awtoritajiet Taljani għaddew l-osservazzjonijiet tagħhom b’ittra bid-data tat-18 ta’ Mejju 2008, li fiha qalu li l-garanzija li kienet tkopri l-finanzjament mogħti f’żewġ pagamenti, fl-24 ta’ Lulju u fit-13 ta’ Awwissu 2007, kienet issejħet mill-banek li ħarġuha, fit-23 ta’ Marzu u fl-4 ta’ April 2008 rispettivament.

(18)

Fejn għandu x’jaqsam il-kreditu li l-Istat għandu fil-konfront tas-Sandretto wara s-sejħa tal-garanzija, l-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li dan huwa kreditu prijoritarju. Dan ifisser li l-Istat huwa kreditur li jieħu preċedenza fuq kredituri oħrajn għall-finijiet tal-irkupru tal-kreditu. Skont l-awtoritajiet Taljani huwa possibbli li wieħed ibassar b’biżżejjed ċertezza l-irkupru sħiħ tal-finanzjament.

(19)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Taljani taw tagħrif dwar l-istat tal-likwidità tas-Sandretto u wkoll dwar id-diversi offerti pubbliċi li ġew organizzati biex jinbiegħu l-assi fil-perjodu ta’ bejn Ġunju 2007 u Mejju 2008, li wasslu għall-akkwist parzjali min-naħa tar- ROMI Italia srl.

(20)

Wara dan, b’risposta għat-talbiet tal-Kummissjoni rigward il-bejgħ lir-ROMI Italia srl ta’ ċerti assi tas-Sandretto, l-awtoritajiet Taljani fornew it-tagħrif li ġej:

(21)

Ir-ROMI Italia srl akkwistat parti mill-assi tas-Sandretto għal EUR 7,9 miljun. Tali prezz, avolja hu inqas għal dak li rriżulta mill-valutazzjoni tal-kumpanija li twettqet f’Ġunju 2007, kien l-ogħla li ġie offrut wara li kienu fallew diversi offerti pubbliċi. Skont l-awtoritajiet Taljani, dan il-prezz għandu jitqies bħala wieħed li jaqbel mal-valur tal-assi kkonċernati fis-suq.

(22)

Is-Sandretto waqqfet l-attività tagħha għal kollox mid-29 ta’ Lulju 2008, wara digriet mill-qorti ta’ Turin, u mhix se tibqa’ teżisti bħala persuna ġuridika malli l-assi jkunu tqassmu bejn il-kredituri.

(23)

L-awtoritajiet Taljani enfasizzaw ukoll li r-ROMI Italia srl ma ħadet fuqha l-ebda passiv li kellha s-Sandretto. Fil-fatt is-Sandretto temmet il-kuntratti tax-xogħol kollha mal-ħaddiema tagħha u r-ROMI Italia srl għamlet kuntratti ġodda u differenti, li parti biss minnhom tinvolvi nies li qabel kienu jaħdmu mas-Sandretto. Ir-ROMI Italia srl ma ħadet post is-Sandretto fl-ebda relazzjoni ma’ aġenti, fornituri u klijenti tas-Sandretto, u wirtet biss kuntratti li huma strettament meħtieġa għat-tmexxija tal-kumpanija (għall-provvista tad-dawl u tal-gass, għall-manutenzjoni u għas-sikurezza).

V.   VALUTAZZJONI

V.1   Sussistenza permezz tal-għajnuna mill-Istat

(24)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura ta’ għajnuna għas-salvataġġ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. Il-miżura ħadet l-għamla ta’ garanzija, li tikkostitwixxi benefiċċju finanzjarju li ġej minn riżorsi tal-Istat. Il-miżura hija selettiva għax tirrigwarda biss lis-Sandretto u huwa probabbli li tgħawweġ il-kompetizzjoni, minħabba li tagħti lill-kumpanija vantaġġ fuq kompetituri oħrajn li ma jibbenefikawx mill-għajnuna. Fl-aħħar nett, is-suq li fih topera s-Sandretto huwa kkaratterizzat minn kummerċ konsiderevoli bejn l-Istati Membri (8).

V.2   Kompatibbiltà tal-għajnuna għas-salvataġġ

(25)

B’konformità mal-punt 25(a) tal-Linji Gwida, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tispiċċa f’perjodu ta’ żmien li ma jaqbiżx is-6 xhur minn mindu jingħata l-ewwel pagament lill-kumpanija.

(26)

F’dan il-każ, l-ewwel parti tal-għajnuna nħarġet fl-24 ta’ Lulju 2007. B’konsegwenza, il-garanzija kellha tiġi rrevokata sal-24 ta’ Jannar 2008 u s-selfa kellha tingħata lura, kif irrikonoxxew l-awtoritajiet Taljani fil-komunikazzjoni tat-2 ta’ Frar 2008 (9).

(27)

Fil-mument meta saret in-notifika tal-għajnuna għas-salvataġġ, l-Italja kienet impenjat ruħha li tirrevoka l-garanzija fi żmien sitt xhur wara li tkun inħarġet is-selfa u li tforni lill-Kummissjoni bi pjan ta’ ristrutturazzjoni għas-Sandretto fi żmien sitt xhur mid-data tal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna.

(28)

Madankollu, l-Italja qatt ma ppreżentat il-pjan ta’ ristrutturazzjoni (jew ta’ likwidazzjoni). Minflok, meta skadew is-sitt xhur preskritti, il-garanzija ġiet imsejħa u s-Sandretto spiċċat b’dejn ta’ EUR 5 miljun mal-Istat. S’issa, l-Italja ma tatx prova li tali dejn mal-Istat tħallas lura.

(29)

Barra minn hekk, lanqas ma jirriżultaw issodisfati l-kundizzjonijiet għal estensjoni skont il-punt 26 tal-Linji Gwida. B’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, għajnuna għas-salvataġġ tista’ tiġi estiża sal-mument tal-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar pjan ta’ ristrutturazzjoni, jekk pjan bħal dan ikun tressaq fi żmien sitt xhur mill-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ, li ma kienx il-każ.

(30)

Fl-aħħar nett, garanzija mtawla aktar mill-perjodu ta’ 6 xhur ma tistax titqies bħala għajnuna (illegali) għar-ristrutturazzjoni, ġaladarba la ġie nnotifikat xi pjan ta’ ristrutturazzjoni u lanqas xi miżura li setgħet tissodisfa l-kriterji fil-punti 34 u ta’ warajh tal-Linji Gwida.

(31)

Jirriżulta, għalhekk, li l-għajnuna għas-salvataġġ intużat bi ksur tad-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni u li ma tistax titqies bħala għajnuna kompatibbli għar-ristrutturazzjoni, minħabba li ma tirrispetta l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti mil-Linji Gwida.

(32)

Barra minn hekk, minħabba li l-benefiċjarju ma waqafx igawdi mill-għajnuna għas-salvataġġ meta skada t-terminu tas-sitt xhur indikat fid-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li wara l-24 ta’ Jannar 2008 l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni ġiet attwata b’mod abbużiv skont l-Artikolu 1(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (10) (minn issa ‘l quddiem: “Ir-Regolament ta’ Proċedura”), minħabba li l-għajnuna ntużat mill-benefiċjarju bi ksur ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Proċedura.

V.3   Irkupru

(33)

Fuq il-bażi tal-Premessa 15 tar-Regolament ta’ Proċedura l-Kummissjoni tinnota li “l-użu ħażin tal-għajnuna jista’ jkollu effetti fuq il-funzjonament tas-suq intern li huma simili għal dawk ta’ għajnuna illegali u b’hekk għandhom ikunu ttrattati skont proċeduri simili”.

(34)

L-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Proċedura jistabbilixxi li fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuniet illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtiġin biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju. L-Artikolu 16, imbagħad, jistabbilixxi li għall-għajnuniet mogħtijin b’mod abbużiv jiġi applikat mutatis mutandis, fost l-oħrajn, l-Artikolu 14. Għalhekk, fejn għandu x’jaqsam l-użu abbużiv tal-għajnuna wara l-24 ta’ Jannar 2008, l-Italja hija marbuta li tadotta l-miżuri kollha meħtiġin sabiex tirkupra l-għajnuna mogħtija lis-Sandretto, kif ukoll l-imgħaxijiet pagabbli mid-data ta’ meta l-għajnuna użata abbużivament saret disponibbli għall-imsemmi benefiċjarju sad-data tal-irkupru.

(35)

Ġaladarba f’dan il-każ, wara li ngħatat l-għajnuna, sar bejgħ tal-assi li kien konformi għal kollox mal-proċedura tal-likwidazzjoni li tipprovdi għaliha l-liġi Taljana (11), il-Kummissjoni trid tivverifika jekk il-benefiċċju eventwalment ingħaddiex lix-xerrej. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk l-assi nbigħux bil-prezz tas-suq. Jekk jirriżulta li fil-fatt inbiegħu għal prezz aktar baxx mill-valur tagħhom fis-suq, l-ordni tal-irkupru tkun trid tiġi estiża wkoll għax-xerrej (12).

(36)

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani għaddew l-informazzjoni (13) li r-ROMI Italia srl akkwistat il-biċċa l-kbira tal-assi tas-Sandretto għal total ta’ EUR 7,9 miljun, li minnhom EUR 2,48 miljun marru għal investimenti f’kumpaniji barranin u EUR 5,42 miljun għal assi tanġibbli u mhux tanġibbli oħrajn (binjiet, makkinarji, trade marks). Il-prezz miksub għall-assi materjali u mhux materjali (EUR 5,42 miljun) huwa inqas minn kemm ġew evalwati f’Ġunju 2007, jiġifieri EUR 7,5 miljun. Madankollu, dan kien prezz ogħla minn kwalunkwe offerta oħra li saret matul il-proċedura tal-likwidazzjoni. Skont l-awtoritajiet Taljani, dan il-prezz għandu għalhekk jitqies bħala wieħed li jaqbel mal-valur tal-assi kkonċernati fis-suq.

(37)

Barra minn dan, mill-analiżi tal-kuntratti ta’ bejn is-Sadretto u r-ROMI Italia srl, kif ukoll tal-komunikazzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet Taljani, ħareġ li r-ROMI Italia srl ma wirtet l-ebda passiv mingħand is-Sandretto; li din tal-aħħar temmet il-kuntratti tax-xogħol kollha mal-ħaddiema tagħha u li r-ROMI Italia srl għamlet kuntratti ġodda, li parti biss minnhom tinvolvi nies li qabel kienu jaħdmu mas-Sandretto; li r-ROMI Italia srl ma daħlet minflok is-Sandretto mal-ebda aġenti, fornituri u klijenti, ħlief esklużivament fejn jidħlu l-kuntratti ta’ servizzi u ta’ sikurezza li huma meħtiġin.

(38)

Meta wieħed iqis il-kunsiderazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li fil-fatt ir-ROMI Italia mhix qed tissokta bl-attività imprenditorjali tas-Sandretto. Minhabba f’hekk, il-Kummissjoni tqis li l-operazzjoni kienet bejgħ ta’ assi u mhux bejgħ ta’ impriża li għadha topera. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex raġuni biex temmen li l-prezz li ħallset ir-ROMI Italia srl ma kienx il-prezz tas-suq.

(39)

F’tali ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna tat vantaġġ biss lis-Sandretto Industrie srl u li l-benefiċċju ma ngħaddiex lir-ROMI Italia srl. L-irkupru għandu, għaldaqstant, isir direttament mingħand is-Sandretto Industrie srl.

VI.   KONKLUŻJONI

(40)

Il-Kummissjoni, filwaqt li tikkonkludi li l-miżura magħmula minn għajnuna ta’ EUR 5 miljun għas-salvataġġ, li ġiet estiża lil hinn mill-24 ta’ Jannar 2008 u li minnha gawdiet is-Sandretto sakemm waqqfet għal kollox l-attività tagħha fid-29 ta’ Ġunju 2009, tikkostitwixxi għajnuna mogħtija b’mod abbużiv li ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni u li l-Italja trid tirkupraha mill-impriża Sandretto Industrie srl., li gawdiet minnha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna ta’ EUR 5 miljun mill-Istat mogħtija mill-Italja u li b’mod abbużiv saret disponibbli għall-benefiċjarju Sandretto Industrie srl wara l-24 ta’ Ġunju 2008, mhix kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   L-Italja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom magħdudin magħhom l-imgħaxijiet mid-data ta’ meta tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data ta’ meta ġew effettivament irkuprati.

3.   L-imgħaxijiet għandhom jiġu kkalkulati fuq is-sistema tal-imgħaxijiet komposti skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 791/2004, immodifikat (14).

4.   L-Italja għandha tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna kif imsemmi fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tgħaddi l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u imgħaxijiet) li għandhom jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ta’ dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   L-Italja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tkun irkuprata kompletament. Għandha tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjonijiet dwar il-miżuri li diġà jkunu ttieħdu u dwar dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tibgħat ukoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u ta’ imgħaxijiet diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Nru 802/06 (ĠU C 43, 27.2.2007, p. 2).

(2)  ĠU C 137, 4.6.2008, p. 12.

(3)  Artikolu 54 tad-Digriet Leġiżlattiv 270/1999, ara n-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna.

(4)  “Regoli ġodda tal-amministrazzjoni straordinarja tal-impriżi l-kbar li jkunu fi stat ta’ insolvenza, skont l-Artikolu 1 tal-liġi tat-30 ta’ Lulju 1998, nru 274”, ippubblikata fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 185 tad-9 ta’ Awwissu 1999.

(5)  L-assi li fadal prinċipalment jikkostitwixxu l-Mużew tas-Sandretto, li għandu għall-wiri diversi oġġetti li juru d-disinn fil-plastik.

(6)  Ara l-premessa 17, iktar ‘l isfel.

(7)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(8)  Ara l-paragrafi 4-6 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, ikkwotata iktar ‘il fuq fin-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(9)  Ara l-paragrafi 16-18 tad-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura.

(10)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(11)  Ara l-premessa 9, iktar ‘il fuq.

(12)  Il-paragrafi minn 32 sa 35 tal-Avviż mill-Kummissjoni — Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi (ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4).

(13)  Ara l-premessa 7, iktar ‘il fuq.

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).