10.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Diċembru 2009

dwar għajnuna mill-Istat C 34/07 (ex N 93/06) għall-introduzzjoni ta’ skema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ favur it-trasport marittimu internazzjonali fil-Polonja

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10376)

(Il-test Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/213/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) (i)msemmija hawn fuq (2), u wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra bid-data tal-1 ta’ Frar 2006 (3), il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar skema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ. Il-każ ġie rreġistrat bin-numru N 93/06.

(2)

Permezz ta’ ittri bid-dati tad-9 ta’ Marzu, tad-29 ta’ Mejju, tal-14 ta’ Novembru 2006 u tal-11 ta’ April 2007 (4), is-servizzi tal-Kummissjoni talbu għal aktar informazzjoni. L-awtoritajiet Pollakki rrispondew lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri bid-dati tal-20 ta’ April, tad-9 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Settembru 2006, u tal-5 ta’ Jannar u tat-8 ta’ Ġunju 2007 (5). Barra minn hekk, fid-19 ta’ Jannar 2007 saret laqgħa fuq livell tekniku.

(3)

Permezz ta’ ittra bid-data tat-12 ta’ Settembru 2007 (6), il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika tal-Polonja li hija ddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-għajnuna (minn hawn ‘il quddiem “id-deċiżjoni ta’ ftuħ”).

(4)

Il-Polonja ressqet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra bid-data tat-18 ta’ Ottubru 2007 (7).

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ din il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand waħda mill-partijiet interessati (9). Il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lill-Polonja, iżda l-Polonja ma użatx il-fakultà tagħha li tirreaġixxi għalihom.

(7)

L-awtoritajiet Pollakki, wara laqgħa li kellhom mas-servizzi tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2009, permezz ta’ ittra bid-data tal-25 ta’ Frar 2009 (10) kkommettew ruħhom li jimmodifikaw l-iskema tagħhom ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ fir-rigward ta’ għadd ta’ kwistjonijiet li l-Kummissjoni kienet iddikjarat it-tħassib tagħha dwarhom fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-awtoritajiet Pollakki bagħtu aktar informazzjoni permezz ta’ ittri bid-dati tal-24 ta’ Marzu 2009 (11), tas-26 ta’ Ottubru 2009 (12) u tad-9 ta’ Diċembru 2009 (13).

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

2.1.   Sommarju

(8)

Għas-sidien tal-bastimenti involuti fit-trasport marittimu internazzjonali, it-taxxa fuq it-tunnellaġġ hija maħsuba biex tieħu lok it-taxxa korporattiva jew it-taxxa fuq l-introjtu personali permezz ta’ somma waħdanija kkalkulata fuq il-bażi tat-tunnellaġġ tal-flotta li titħaddem. It-trasport marittimu internazzjonali huwa ddefinit bħala trasport bejn port fil-Polonja u port f’pajjiż ieħor, bejn portijiet f’pajjiżi oħra, jew bejn portijiet fil-Polonja imma biss bil-kundizzjoni li dak il-vjaġġ ikun parti minn vjaġġ itwal li jżur xi port ta’ pajjiż ieħor. Għalhekk, l-attivitajiet fuq rotot fil-Polonja biss (kabotaġġ) mhumiex eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ fl-ambitu tal-att attwali tat-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ.

2.2.   L-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ

(9)

L-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja ġiet stabbilita permezz tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ, adottat fl-24 ta’ Awwissu 2006 (14). L-Att huwa previst li jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2011, hekk kif il-Kummissjoni tapprova l-iskema.

(10)

L-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ jippermetti li l-operaturi tal-bastimenti suġġetti għal din it-taxxa jiġu eżentati milli jħallsu taxxa fuq il-profitti, kif definit fl-Att tal-31 ta’ Jannar 1989 dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-impriżi tal-Istat (15) u l-Att tal-1 ta’ Diċembru 1995 dwar pagamenti minn profitti li jaqilgħu l-kumpaniji ta’ soċju wieħed tat-Teżor Pubbliku (16), fir-rigward tad-dħul minn attivitajiet eliġibbli. L-operaturi tal-bastimenti għandhom id-dritt li jagħżlu li jiġu suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ billi jissottomettu dikjarazzjoni speċjali, fejn jindikaw l-għażla tagħhom favur din it-tip ta’ tassazzjoni.

(11)

Skont l-Artikolu 5 tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ, għal kull bastiment suġġett għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ, il-profitti taxxabbli li jiġu minn attivitajiet eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati bħala ammont wieħed abbażi tat-tunnellaġġ nett tal-bastiment, kif ġej; għal kull 100 NT (Tunnellaġġ Nett), għal kull perjodu ta’ 24 siegħa li jibda u jikkorrispondi għall-perjodu tat-tħaddim fix-xahar konċernat tal-bastimenti kollha tal-operatur li d-dħul tagħhom huwa suġġett għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ:

Il-kapaċità netta tal-bastiment

Kalkolu tad-dħul b’rata fissa

Sa 1 000  NT

L-ekwivalenti ta’ EUR 0,5 għal kull 100 NT

Minn 1 001 sa 10 000  NT

L-ekwivalenti ta’ EUR 0,35 għal kull 100 NT aktar minn 1 000  NT

Minn 10 001 sa 25 000  NT

L-ekwivalenti ta’ EUR 0,20 għal kull 100 NT aktar minn 10 000  NT

Minn 25 001  NT

L-ekwivalenti ta’ EUR 0,10 għal kull 100 NT aktar minn 25 000  NT

(12)

Għall-fini ta’ dan il-kalkolu, il-kapaċità netta tal-bastiment titnaqqas jew tiżdied kif ġej: kapaċità ta’ inqas minn 50 NT tiġi injorata u kapaċità ta’ 50 NT jew iktar tittella’ għall-eqreb 100 NT.

(13)

L-ammont ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ dovut jiġi kkalkulat mill-bażi taxxabbli, li għaliha tiġi applikata rata ta’ 19 %.

(14)

L-ammont ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ jiġi kkalkulat f’EUR u mħallas f’PLN (złoty) bir-rata ta’ skambju medja, kif ippubblikata mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja għall-aħħar jum tax-xahar li t-taxxa fuq it-tunnellaġġ hija pagabbli għalih. L-ammont ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ dovut jiġi kkalkulat mingħajr tnaqqis tal-ispejjeż imġarrba fis-seħħ ta’ dan id-dħul.

(15)

Skont l-Artikolu 8 tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ, id-dħul mill-bejgħ ta’ bastiment eliġibbli minn kumpanija li hija suġġetta għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ huwa eskluż mid-dħul taxxabbli fuq it-tunnellaġġ u għandu jiġi ntaxxat b’rata fissa ta’ 15 % basta dan id-dħul ma jintużax fi żmien tliet snin għax-xiri, it-tiswija, il-modernizzazzjoni jew l-adattament ta’ bastiment ieħor.

(16)

Persuni jew membri ta’ xi soċjetà li huma suġġetti għat-taxxa fuq l-introjtu personali, kienu jistgħu jnaqqsu l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tas-saħħa mill-ammont tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ li jkunu ħallsu huma direttament matul is-sena ta’ tassazzjoni rilevanti (17) (l-Artikolu 6 tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ) u l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali li ħallsu matul is-sena ta’ tassazzjoni rilevanti (18) mill-bażi tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ (l-Artikolu 4(3) tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ).

(17)

Fl-ittra tagħhom bid-data tal-25 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li mill-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ ineħħu l-possibbiltà li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa meta s-sid tal-bastiment ikun persuna naturali jew persuna naturali li tagħmel parti minn soċjetà (19). Għalhekk, dawn il-possibbiltajiet għal tnaqqis mhux se jiġu applikati u l-istess metodu ta’ kalkolu tal-bażi tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ u tal-ammont ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ dovuta se jiġi applikat għall-entitajiet kollha li huma eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

2.3.   Il-kriterji tal-eliġibbiltà

2.3.1.   Bastimenti eliġibbli

(18)

Bastimenti tat-tbaħħir li huma elenkati fir-reġistru marittimu Pollakk biss huma eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ. Għalhekk, il-bastimenti eliġibbli huma dawk li jtajru l-bandiera tal-Polonja u involuti fit-trasport marittimu internazzjonali, u li huma konformi mar-rekwiżiti kollha tan-navigazzjoni fuq il-baħar. Normalment, biex bastiment jikseb permess għat-tbaħħir ikun jeħtieġ li jikseb Ċertifikat Internazzjonali Load Line jew li jkun iċċertifikat mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (minn hawn ‘il quddiem, “il-Konvenzjoni SOLAS”) (20).

2.3.2.   Attivitajiet eliġibbli

(19)

L-attivitajiet eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ huma dawn (21):

(i)

it-trasport ta’ merkanzija u/jew passiġġieri;

(ii)

l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar;

(iii)

l-irmonk marittimu, bil-kundizzjoni li mill-inqas 50 % tad-dħul mix-xogħol li l-bastiment tal-irmonk (tug) jagħmel realment matul sena fiskali jkun ġie mill-forniment ta’ trasport marittimu u mhux minn irmonk lejn jew ‘il barra mill-port;

(iv)

it-tħammil, bil-kundizzjoni li 50 % tad-dħul mix-xogħol li l-bastiment tat-tħammil jagħmel realment matul sena jkun ġie mit-trasport ta’ materjal fuq il-baħar.

(20)

Fl-ittra tagħhom bid-data tal-25 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jemendaw it-tielet u r-raba’ dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq (22) billi jintroduċu l-kriterju li biex l-irmonk u t-tħammil jiddaħħlu fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, mill-inqas 50 % tal-ħin ta’ tħaddim f’sena ta’ kull bastiment tal-irmonk jew tat-tħammil matul sena fiskali għandu jkun sar f’operazzjonijiet ta’ trasport marittimu.

(21)

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ jipprovdi attivitajiet anċillari li huma eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ bil-kundizzjoni li jkunu relatati mal-forniment tas-servizzi eliġibbli stipulati hawn fuq.

(22)

L-Artikolu 3(3) tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ jistabbilixxi lista ta’ attivitajiet li mhumiex eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, bħalma huma l-esplorazzjoni ta’ qiegħ il-baħar, is-sajd, ix-xogħol ta’ kostruzzjoni, ix-xogħol li jsir taħt wiċċ il-baħar, eċċ.

2.3.3.   Entitajiet eliġibbli

(23)

Il-kumpaniji eliġibbli huma dawk l-operaturi li jissodisfaw ċerti kriterji.

(24)

Id-definizzjoni ta’ operatur li tingħata fl-Artikolu 2(3) tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ hija: (i) persuna privata (persuna naturali) jew persuna ġuridika li jkollha l-post ta’ residenza, uffiċċju reġistrat jew il-ġestjoni tagħha fit-territorju tal-Polonja; (ii) soċju f’soċjetà ċivili, soċjetà reġistrata, soċjetà limitata jew soċjetà limitata b’ekwità konġunta jew li jkollu l-post ta’ residenza, l-uffiċċju reġistrat jew il-ġestjoni tiegħu fit-territorju tal-Polonja; jew (iii) imprenditur/impriża barrani/ja skont it-tifsira tal-Att tat-2 ta’ Lulju 2004 dwar il-libertà tal-attività ekonomika (23), li jwettaq/twettaq attivitjiet fil-Polonja li huma eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ (24); u li jissodisfa mill-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

li jkun involut direttament fin-navigazzjoni bl-użu ta’ bastimenti marittimi li jkunu proprjetà personali tiegħu jew proprjetà ta’ persuna oħra, u li jkollu Dokument ta’ konformità validu (25);

li jkun is-sid ta’ bastiment bla ma jipparteċipa personalment fin-navigazzjoni tal-bastiment tiegħu stess jew ta’ bastiment ta’ xi persuna oħra;

li jieħu ħsieb il-ġestjoni tal-bastiment ta’ xi persuna oħra, b’kuntratt, għan-nom ta’ u għal dik il-persuna, u li jkollu Dokument ta’ Konformità validu (26).

(25)

Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni (ġestjoni ta’ bastimenti), fl-ittra tagħhom bid-data tat-8 ta’ Ġunju 2007, l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jippermettu lill-kumpaniji jgawdu mill-benefiċċji tal-iskema ta’ taxxi fuq it-tunnellaġġ basta dawn jiżguraw kemm il-ġestjoni tal-ekwipaġġ kif ukoll il-ġestjoni teknika tal-bastimenti.

(26)

Barra minn hekk, fl-ittra tagħhom bid-data tas-26 ta’ Ottubru 2009 (27), l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li l-kumpaniji li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-bastimenti huma konformi mar-rekwiżiti kollha li jinstabu fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-bastimenti (minn hawn ‘il quddiem, “Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti”) (28).

(27)

B’mod partikolari, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti li l-kumpaniji għandhom jikkontribwixxu għall-ekonomija u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea (it-Taqsima 5.1 tagħhom) u li għandu jkun hemm rabta ekonomika bejn il-bastimenti ġestjonati u l-Unjoni Ewropea (it-Taqsima 5.2 tagħhom), l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li l-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ tal-Polonja jkun jesiġi li l-ġestjoni tal-bastiment għandha titwettaq ‘il barra mit-territorju tal-UE u li fl-attivitajiet ta’ fuq l-art jew fuq il-bastimenti jiġu impjegati nies li l-biċċa l-kbira tagħhom ikollhom nazzjonalità ta’ pajjiżi membri tal-UE. Barra minn hekk, il-ġestjoni ta’ bastimenti mhux tal-UE ma tistax tgawdi mill-benefiċċji tal-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

(28)

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ konformità mal-istandards internazzjonali u dawk tal-UE li jinstabu fil-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti (it-Taqsima 5.3 tagħhom), l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li l-Polonja hija membru tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u bħala Stat Membru tal-UE tissodisfa l-istandards internazzjonali u Ewropej kollha (29). Il-Polonja għandha wkoll għadd ta’ atti leġiżlattivi nazzjonali li jiżguraw il-konformità tas-sidien tal-bastimenti, tal-amministraturi tal-bastimenti u ta’ kumpaniji oħra mar-rekwiżiti internazzjonali (30), li l-applikazzjoni tagħhom tiġi żgurata u kkontrollata mill-awtoritajiet pubbliċi rispettivi.

(29)

Fir-rigward tar-rekwiżit tal-bandiera għall-amministraturi tal-bastiment (it-Taqsima 5.4 tal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti), l-awtoritajiet Pollakki indikaw l-obbligu strett li s-sidien tal-bastimenti jtajru l-bandiera tal-Polonja huwa applikabbli bis-sħiħ ukoll għall-amministraturi tal-bastimenti.

(30)

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet speċifiċi tat-taħriġ u ta’ ambitu soċjali li jinstabu fit-Taqsima 6 tal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti, fl-ittra tagħhom bid-data tad-9 ta’ Diċembru 2009 (31), l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li mill-waqt li l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tidħol fis-seħħ, huma jitolbu lil kull min iħaddem il-baħħara, kemm jekk ikun is-sid tal-bastiment kif ukoll jekk tkun il-kumpanija li tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-bastiment, biex jissodisfaw id-dispożizzjonijiet partikolari tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 (32) (33).

2.3.4.   Ġestjoni strateġika u teknika

(31)

Skont il-punt 33 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-fehma tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni strateġika kienet li “kumpanija suġġetta għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha dwar infiq u trasferimenti sinifikanti ta’ natura kapitali fil-Polonja. Fl-evalwazzjoni ta’ dawn l-aspetti, l-awtoritajiet Pollakki għandhom iqisu kemm il-persunal li jkun qed jaħdem barra mill-pajjiż ikun qiegħed jagħmel dan taħt it-tmexxija ta’ persunal ibbażat fil-Polonja u kemm jinfurmah bl-attivitajiet tiegħu. Fattur ieħor importanti għall-valutazzjoni ta’ jekk il-funzjoni strateġika titwettaqx fil-Polonja huwa l-lok tal-uffiċċju prinċipali tal-impriża, inkluż l-amministraturi ta’ livell għoli u l-lok fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet kemm mill-bord tad-diretturi kif ukoll mill-bord tat-tħaddim”.

(32)

Fir-rigward tal-ġestjoni kummerċjali, fil-punt 34 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li “l-awtoritajiet fiskali se jivverifikaw li l-ippjanar tar-rotot, ir-reġistrazzjoni tal-passiġġieri u tat-tagħbija, il-fornimenti u s-servizzi tal-ikel għall-bastimenti, il-ġestjoni u t-taħriġ tal-persunal, il-ġestjoni teknika tal-bastimenti, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-bastimenti, kollha jsiru fil-Polonja. Il-manutenzjoni tal-faċilitajiet ta’ appoġġ, bħalma huma ċ-ċentri u t-terminali tat-taħriġ, eċċ, fil-Polonja, u kemm l-uffiċċji jew il-friegħi bbażati barra mill-Polonja jaħdmu taħt it-tmexxija ta’ persunal ibbażat fil-Polonja huma wkoll rilevanti. Il-fatt li bastiment ikun itajjar il-bandiera tal-Polonja jew ikun ikklassifikat, assigurat jew iffinanzjat fil-Polonja, ikompli jsaħħaħ l-indikaturi msemmija hawn fuq. Madankollu, il-bastimenti jridu jgħaddu miż-żewġ partijiet tat-test, jiġifieri kemm mill-eżami tal-ġestjoni strateġika kif ukoll minn dak tal-ġestjoni kummerċjali”.

(33)

Wara li ttieħdet id-deċiżjoni ta’ ftuħ, l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li r-rekwiżiti msemmija fil-punti 33 u 34 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ mhumiex korretti u li fil-fatt, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ li għandhom x’jaqsmu mal-eliġibbiltà tal-operaturi huma kundizzjonijiet alternattivi u mhux kumulattivi. Fil-fatt, l-Artikolu 2(3)(a) u (b) tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ jistipula li operatur (jiġifieri persuna li tkun eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ bil-kundizzjoni li l-attivitajiet tagħha huma eliġibbli) ikun “persuna naturali jew ġuridika, soċju f’soċjetà ċivili, soċjetà reġistrata, soċjetà limitata jew soċjetà limitata b’ekwità konġunta, li jrid ikollha l-post ta’ residenza, l-uffiċċju prinċipali jew il-Bord ta’ Ġestjoni fil-Polonja;”. Fi kliem ieħor, biżżejjed li tiġi ssodisfata waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet: (i) li d-deċiżjonijiet importanti jittieħdu kollha fil-Polonja (inkluż dawk dwar il-ġestjoni kummerċjali u strateġika), jew (ii) li l-uffiċċju prinċipali jkun fil-Polonja, jew (iii) li l-persunal ta’ livell għoli jkun stabbilit fil-Polonja.

(34)

L-awtoritajiet Pollakki komplew jispjegaw li l-Artikolu 2(3)(c) tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ jipprovdi b’mod ċar li l-operatur jista’ jkun ukoll imprenditur barrani (34) li jwettaq attivitajiet eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ fil-Polonja. Għalhekk, biex ikunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja, il-kumpaniji mhumiex obbligati joperaw mill-Polonja imma jista’ jkollhom l-istabbilimenti tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE/taż-ŻEE.

2.3.5.   L-użu ta’ bastimenti mikrija

(35)

Wara li ttieħdet id-deċiżjoni ta’ ftuħ, l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li skont l-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ (l-Artikolu 2(3)(a) sa (c) tiegħu), il-kumpaniji li jillimitaw l-attivitajiet tagħhom għall-kiri ta’ bastimenti abbażi tal-ħin jew tal-vjaġġ ma jistgħux igawdu mill-benefiċċji tal-iskema ta’ taxxi fuq it-tunnellaġġ. Bħala konsegwenza, huma biss dawk l-operaturi li huma sidien ta’ bastimenti jew li jużaw bastimenti mikrija mingħajr ekwipaġġ (bareboat) jew li jkunu amministraturi, li jistgħu jkunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

2.3.6.   Miżuri ta’ delimitazzjoni

(36)

L-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ jipprovdi għal għadd ta’ miżuri ta’ delimitazzjoni biex fil-Polonja jew f’pajjiżi oħra jiġu evitati l-effetti sekondarji fuq attivitajiet li mhumiex eliġibbli għall-iskema. L-għan ta’ dawn il-miżuri ta’ delimitazzjoni huwa li jipprevenu l-attivitajiet li mhumiex eliġibbli għall-iskemi milli jgawdu mill-benefiċċji tal-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ (35).

2.3.7.   L-alternattiva ta’ “kollox jew xejn”

(37)

L-Artikoli 3 u 4 tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ jipprovdu li s-sidien ta’ bastimenti eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għandhom jissottomettu l-bastimenti eliġibbli kollha u l-attivitajiet eliġibbli kollha li jwettqu abbord dawn il-bastimenti għas-sistema tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ. Bħala konsegwenza, dan jeskludi għal kollox il-possibbiltà li l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tintuża b’mod selettiv (“cherry picking”).

(38)

Din ir-regola tapplika wkoll għall-gruppi ta’ kumpaniji. Il-kumpaniji kollha li huma eliġibbli għall-iskema u taxxabbli fil-Polonja, li jagħmlu parti minn grupp ta’ kumpaniji, għandhom jissottomettu l-attivitajiet eliġibbli tagħhom kollha għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ hekk kif xi waħda mill-kumpaniji tal-grupp tagħżel din l-alternattiva.

(39)

Skont l-Artikolu 11 tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ, f’każ ta’ għaqda bejn kumpaniji ta’ sidien ta’ bastimenti li mill-anqas waħda minnhom tkun taxxabbli skont l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, jew f’każ li kumpanija suġġetta għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ takkwista kumpaniji oħra ta’ sidien ta’ bastimenti, il-flotta eliġibbli kollha tal-kumpanija ġdida li tiġi ffurmata ssir taxxabbli skont l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

(40)

Barra minn hekk, f’każ li kumpanija ma tkomplix twettaq xi attivitajiet eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, l-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ jipprovdi li din l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġ ma tkunx tista’ terġa’ tintgħażel qabel ma jgħaddi perjodu ta’ tliet snin ta’ tassazzjoni, li jibda mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha l-operatur ma jkomplix iwettaq l-attivitajiet jew jagħżel li jabbanduna din l-iskema.

(41)

Ukoll, il-kumpaniji li huma suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ ma jistgħux jabbandunaw din l-iskema qabel ma jgħaddi ċertu perjodu. L-għan ta’ dan il-perjodu, li jissejjaħ il-“perjodu tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ”, huwa li jiġi evitat li s-sidien tal-bastimenti jalternaw il-perjodi li fihom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ ma’ dawk li fihom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpaniji skont ma jkun il-livell ta’ djun u profitti tagħhom. Skont l-Artikolu 10 tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ, il-perjodu tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ attwalment huwa ta’ 5 snin.

(42)

Madankollu, permezz tal-ittra bid-data tat-23 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jimmodifikaw l-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ billi jestendu dan il-perjodu għal 10 snin. Għalhekk, malli l-kumpaniji jagħżlu din l-alternattiva ta’ tassazzjoni, dawn jobbligaw ruħhom li jibqgħu suġġetti għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għal mill-anqas 10 snin.

2.4.   L-obbligu tal-bandiera

(43)

L-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ li l-awtoritajiet Pollakki nnotifikaw tistabbilixxi b’mod espliċitu l-obbligu tal-bandiera tal-Polonja, jiġifieri ir-rekwiżit li l-bastimenti elenkati fir-reġistru tal-Polonja biss jistgħu jkunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

2.5.   It-tul ta’ żmien tal-iskema

(44)

Permezz tal-ittra bid-data tat-13 ta’ April 2006, l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jillimitaw it-tul taż-żmien tal-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ proposta għal 10 snin, u li jinnotifikaw kwalunkwe estensjoni jew tiġdid tal-iskema wara dan il-perjodu ta’ 10 snin. Barra minn hekk, permezz tal-ittra bid-data tad-9 ta’ Diċembru 2009, dawn l-awtoritajiet indikaw li l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2011.

2.6.   Il-possibbiltà ta’ koinċidenza ma’ skemi oħra

(45)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, bħalissa ma hemm ebda skema ta’ għajnuna għat-trasport marittimu fil-Polonja.

2.7.   Rappurtar Annwali

(46)

Fin-notifika tagħhom, l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jippreżentaw rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tat-tibdil li jista’ jaffettwa l-flotta elenkata fir-reġistru tal-Polonja u l-impjieg tal-baħħara f’dik il-flotta, flimkien mal-għadd ta’ kumpaniji jew gruppi suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ.

3.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI

(47)

Fid-deċiżjoni tagħha għal ftuħ, il-Kummissjoni wriet it-tħassib tagħha dwar il-ħames aspetti li ġejjin tal-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja u dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern:

il-fatt li l-iskema tippermetti persuni naturali jgawdu mill-benefiċċji tal-iskema ta’ taxxi fuq it-tunnellaġġ; kif ukoll il-fatt li l-iskema tippermetti l-persuni naturali jew ġuridiċi, li huma suġġetti għat-taxxa fuq l-introjtu personali, inaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa mit-taxxa fuq it-tunnellaġġ u mill-bażi tagħha, rispettivament;

l-inklużjoni ta’ bastimenti tal-irmonk u bastimenti tat-tħammil fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ fejn bastimenti bħal dawn jipprovdu servizzi li jikkostitwixxu trasport marittimu għal inqas minn nofs il-ħin tat-tħaddim tagħhom f’sena fiskali;

il-possibbiltà li s-sidien ta’ bastimenti jissuġġettaw bastimenti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ bla ma l-kumpanija ddaħħal f’din l-iskema dawk il-bastimenti li għalihom il-kumpanija ma tiżgurax kumulattivament, għaliha jew għal parti terza, it-tliet funzjonijiet li ġejjin: il-ġestjoni kummerċjali u teknika tal-bastimenti u l-ġestjoni tal-ekwipaġġ, għal tunnellaġġ li jkun aktar minn erba’ darbiet it-tunnellaġġ tal-bastimenti li għalihom tiżgura t-tliet funzjonijiet;

ir-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni strateġika u l-ġestjoni teknika li effettivament, id-deċiżjonijiet importanti kollha jittieħdu fil-Polonja u li l-persunal ta’ livell għoli, l-uffiċċju prinċipali tal-impriża u l-bord tad-diretturi kif ukoll il-bord tat-tħaddim għandhom ikunu fil-Polonja, li jista’ jwassal għal diskriminazzjoni de facto u jillimita l-libertà tal-istabbiliment tas-sidien ta’ bastimenti ta’ Stati Membri oħra;

il-fatt li l-kumpaniji suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ jistgħu jagħżlu li jabbandunaw is-sistema tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ anke sa minn 5 snin wara li jkunu għażluha.

4.   KUMMENTI MILL-POLONJA

(48)

Wara li ġiet adottata d-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Pollakki għamlu għadd ta’ kjarifiki dwar il-fatti deskritti fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Dawn tqiesu b’mod xieraq fil-Kapitolu 2 ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk mhux se jiġu ripetuti aktar hawnhekk. Il-kummenti ppreżentati hawn taħt huma biss dawk li jikkonċernaw it-tħassib li ntwera mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

Eliġibbiltà ta’ persuni naturali għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ; fil-każ ta’ persuni naturali suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ, il-possibbiltà li jnaqqsu il-kontribuzzjonijiet imħallsa għall-assigurazzjoni tas-saħħa u għas-sigurtà soċjali mit-taxxa fuq it-tunnellaġġ u mill-bażi tagħha rispettivament

(49)

Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qanqlet il-kwistjoni ta’ jekk għandux ikun possibbli li l-persuni naturali jiddaħħlu fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ. L-awtoritajiet Pollakki indikaw li jekk il-persuni naturali ma jkunux jistgħu jiddaħħlu fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ dan iwassal biex l-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ isir inkompatibbli mal-Kostituzzjoni tal-Polonja, peress li din il-Kostituzzjoni tobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi jitrattaw lil kulħadd indaqs. Barra minn hekk, peress li l-leġiżlazzjoni tal-Polonja ma timpedixxix persuni oħra li ma jkunux persuni ġuridiċi milli jwettqu attivitajiet tat-trasport marittimu, is-sidien tal-bastimenti jistgħu jkunu persuni naturali ukoll.

(50)

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa mill-ammont u mill-bażi tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ rispettivament huwiex kompatibbli mas-suq intern, l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li t-tnaqqis huwa possibbli għall-persuni naturali biss. Fil-fehma ta’ dawn l-awtoritajiet, dan it-tnaqqis joriġina mill-fatt li l-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa jiġu kkumpensati mill-iskema ta’ taxxa fuq l-introjtu personali. Biex wieħed ikun jista’ jibbenifika minn dan it-tnaqqis, mhux rilevanti jekk it-taxxa fuq l-introjtu personali titħallasx abbażi tal-introjtu jew tad-dħul. It-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa jista’ jsir ukoll minn persuni suġġetti għat-taxxa li jkunu għażlu li jħallsu somma waħda f’daqqa ta’ taxxa fuq l-introjtu personali, li fiha, id-dħul huwa suġġett għat-tassazzjoni. L-awtoritajiet Pollakki indikaw ukoll li l-fatt li t-taxxa fuq it-tunnellaġġ ma titħallasx abbażi tal-introjtu reali ma għandux jiddetermina jekk titneħħiex il-possibbiltà li l-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa jitnaqssu mill-bażi u mill-ammont tat-taxxa rispettivament.

(51)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki indikaw li jekk is-sidien tal-bastimenti li jkunu persuni naturali jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa mill-bażi tat-taxxa u mit-taxxa fuq it-tunnellaġġ rispettivament, dan iwassal għal divrenzjar fil-pożizzjoni ġuridika u fiskali tas-sidien tal-bastimenti, skont jekk, apparti milli jwettqu attivitajiet suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ, ikollhomx introjtu ieħor, jiġifieri, minn kuntratti ta’ kiri jew ta’ xogħol.

(52)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li s-sistema ta’ tnaqqis tikkonċerna biss lil persuni li jwettqu attivitajiet kummerċjali eliġibbli, u mhux lill-persuni impjegati minnhom.

(53)

Minkejja dan, kif indikat fil-premessa 17 ta’ din id-deċiżjoni, permezz tal-ittra tagħhom bid-data tal-25 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jimmodifikaw l-iskema tagħhom ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ billi, mill-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ ineħħu l-possibbiltà li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa meta s-sid tal-bastiment ikun persuna naturali jew persuna naturali li tagħmel parti minn soċjetà (jiġifieri, l-Art. 4(3) sa (5), Art. 6 u Art 12(3) tal-Att).

Eliġibbiltà tal-attivitajiet ta’ tħammil u ta’ rmonk

(54)

Fir-rigward tal-valutazzjoni preliminarja tal-Kummissjoni li l-eliġibbiltà tal-attivitajiet ta’ tħammil u ta’ rmonk għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għandha tkun ibbażata fuq il-ħin ta’ tħaddim li bastiment partikolari tal-irmonk jew tat-tħammil jagħmel fis-sena fiskali u mhux fuq il-livell ta’ introjtu li jiġġenera, l-awtoritajiet Pollakki indikaw li r-rabta bejn il-ħin ta’ tħaddim u l-possibbiltà li attività partikolari tiġi suġġetta għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ mhux dejjem turi kemm din l-attività tkun intużat matul dik is-sena.

(55)

Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Pollakki, ikun aktar xieraq li tinżamm is-soluzzjoni attwali, jiġifieri, bħala referenza jittieħed il-proporzjon ta’ attivitajiet koperti mit-taxxa fuq it-tunnellaġġ mal-ammont ta’ dħul kumplessiv, peress li f’każijiet bħal dawn ikun hemm il-possibbiltà li tiġi vverifikata d-dejta inkluża fil-kotba li żżomm il-persuna suġġetti għat-taxxa. L-awtoritajiet Pollakki ddikjaraw li din is-soluzzjoni tista’ tiġi kkontrollata aktar faċilment, kemm mill-persuni suġġetti għat-taxxa kif ukoll mill-awtoritajiet tat-taxxa, u dan għandu jimpedixxi l-użu mhux awtorizzat tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ għal dawn it-tipi ta’ attivitajiet f’sitwazzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa ma jkunux ġew issodisfati.

(56)

Madankollu, kif indikat fil-premessa 20 ta’ din id-deċiżjoni, b’rispons għat-tħassib li l-Kummissjoni wriet fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, permezz tal-ittra tagħhom bid-data tal-25 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jimmodifikaw l-iskema tagħhom ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ billi jintroduċu l-kriterju li biex l-irmonk u t-tħammil jiddaħħlu fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, mill-inqas 50 % tal-ħin ta’ tħaddim f’sena ta’ kull bastiment tal-irmonk jew tat-tħammil matul sena fiskali għandu jkun sar f’operazzjonijiet ta’ trasport marittimu.

Eliġibbiltà tal-ġestjoni teknika u tal-ġestjoni tal-ekwipaġġ, kif ukoll tal-bastimenti mikrija abbażi tal-ħin jew tal-vjaġġ, għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ

(57)

Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ċċarat li, fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, għandhom jiddaħħlu biss dawk il-bastimenti li s-sid tagħhom jiżgura jew il-ġestjoni tal-ekwipaġġ u l-ġestjoni teknika tal-bastiment jew il-ġestjoni kummerċjali tal-bastiment, sakemm it-tunnellaġġ tal-bastimenti msemmija ma jkunx aktar minn erba’ darbiet it-tunnellaġġ tal-bastimenti li għalihom is-sid tal-bastiment jkun wettaq, fl-istess żmien, dawn it-tliet funzjonijiet, jiġifieri; il-ġestjoni teknika, il-ġestjoni tal-ekwipaġġ u l-ġestjoni kummerċjali tal-bastiment. L-awtoritajiet Pollakki indikaw li huma kienu fasslu s-sistema tagħhom ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ abbażi tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (36) (minn hawn ‘il quddiem il-“Linji Gwida”), li ma fihomx kundizzjonijiet dettaljati ta’ dan it-tip u għalhekk ma kellhomx jiġu mdaħħla fid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ.

(58)

Fir-rigward ta’ bastimenti mikrija abbażi tal-ħin jew tal-vjaġġ, kif indikat fil-premessa 35 ta’ din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li mhumiex eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

Rekwiżiti li jikkonċernaw il-ġestjoni strateġika u l-ġestjoni kummerċjali

(59)

Fir-rigward tar-rekwiżiti, deskritti fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, li jikkonċernaw il-ġestjoni strateġika u l-ġestjoni teknika li, effettivament, id-deċiżjonijiet importanti għandhom jittieħdu kollha fil-Polonja u li l-persunal ta’ livell għoli, l-uffiċċju prinċipali u l-bord tad-diretturi kif ukoll il-bord tat-tħaddim għandhom ikunu fil-Polonja, l-awtoritajiet Pollakki ddikjaraw li dawn ir-rekwiżiti ma joriġinawx mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ. Skont l-awtoritajiet Pollakki, id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ ma jantiċipawx il-valutazzjoni (spezzjoni) tal-ġestjoni strateġika u kummerċjali.

(60)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni strateġika u kummerċjali huma kundizzjonijiet alternattivi u mhux kumulattivi. Fi kliem ieħor, biżżejjed li tiġi ssodisfata waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet: (i) li d-deċiżjonijiet importanti jittieħdu kollha fil-Polonja (inkluż dawk dwar il-ġestjoni kummerċjali u strateġika), jew (ii) li l-uffiċċju prinċipali jkun fil-Polonja, jew (iii) li l-persunal ta’ livell għoli jkun stabbilit fil-Polonja.

(61)

Għalhekk, skont l-awtoritajiet Pollakki, biex ikunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja, il-kumpaniji mhumiex obbligati joperaw mill-Polonja u jista’ jkollhom l-istabbilimenti tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE/taż-ŻEE.

(62)

Fir-rigward tal-libertà tal-istabbiliment, l-awtoritajiet Pollakki spjegaw li s-sid ta’ bastiment jista’ jkun ukoll imprenditur barrani (37) li jwettaq attivitajiet eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ fil-Polonja. Fil-fatt, l-awtoritajiet indikaw li fir-Reġistru tal-Bastimenti tal-Polonja jista’ jiġi rreġistrat kemm bastiment li s-sid tiegħu jkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew persuna ġuridika li l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll bastiment li:

għall-inqas nofs is-sidien tiegħu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru jew persuni ġuridiċi li l-uffiċċju prinċipali tagħhom ikun reġistrat fi Stat Membru, sakemm is-sid tal-bastiment ikollu l-post ta’ residenza jew l-uffiċċju tal-istabbiliment jew tal-fergħa prinċipali fi Stat Membru (il-bastiment jista’ jiddaħħal, fuq talba tas-sidien konġunti kollha, fir-Reġistru tal-Bastimenti tal-Polonja fir-Reġistru tal-Bastimenti Permanenti);

ikun proprjetà ta’ kumpanija ta’ investituri li jkollha l-uffiċċju prinċipali reġistrat f’pajjiż barrani, fliema kumpanija ċ-ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew il-persuna ġuridika li l-uffiċċju prinċipali reġistrat tagħha jkun fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jkollha parti mill-kapital tal-ishma, sakemm is-sid tal-bastiment ikollu l-post ta’ residenza jew l-uffiċċju tal-istabbiliment jew tal-fergħa prinċipali fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (il-bastiment jista’ jiddaħħal, fuq talba tas-sid, fir-Reġistru tal-Bastimenti tal-Polonja fir-Reġistru tal-Bastimenti Permanenti).

(63)

L-awtoritajiet Pollakki ċċaraw ukoll li persuni barranin mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi taż-ŻEE jistgħu jibdew iwettqu u jidderieġu attivitajiet kummerċjali fuq l-istess prinċipji applikabbli għall-imprendituri Pollakki. Barra minn hekk, iċ-ċittadini ta’ stati li mhumiex membri tal-UE/taż-ŻEE jistgħu jibdew iwettqu u jidderieġu attivitajiet kummerċjali huma ukoll, fuq l-istess prinċipji applikabbli għaċ-ċittadini Pollakki, sakemm ir-residenza ġuridika tagħhom tkun fil-Polonja. Barra minn hekk, imprenditur barrani (persuna barranija li twettaq l-attivitajiet kummerċjali tagħha f’pajjiż barrani) tista’ twettaq attivitajiet kummerċjali permezz ta’ friegħi u rappreżentazzjonijiet li tistabbilixxi fil-Polonja (skont l-Att dwar il-Libertà tal-Attivitajiet Kummerċjali).

(64)

Fergħa ta’ impriża hija parti mill-attivitajiet kummerċjali tagħha li l-imprenditur iwettaq b’mod separat u indipenti lil hinn mill-uffiċċju jew sit prinċipali tal-attività kummerċjali tiegħu. L-awtoritajiet Pollakki indikaw li l-ftugħ ta’ fergħa ta’ imprenditur barrani mhix xi ħaġa kumplikata, u li ma teħtieġx li l-imprenditur barrani jkollu jissodisfa kundizzjonijiet dettaljati. Fir-rigward tar-rappreżentazzjonijiet, dawn jistgħu jinvolvu biss attivitajiet li jikkonċernaw ir-reklamar u l-promozzjoni tal-imprenditur barrani.

(65)

Abbażi ta’ dawn l-argumenti ta’ hawn fuq, l-awtoritajiet Pollakki sostnew li fir-rigward tal-valutazzjoni preliminarja tal-Kummissjoni li jidher li l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni strateġika u l-ġestjoni kummerċjali li huma inklużi fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ jillimitaw il-possibbiltajiet li jiġu stabbiliti kumpaniji sussidjarji u li jistgħu joħolqu problemi ta’ diskrimazzjoni de facto u li jillimitaw il-libertà tal-istabbiliment, din il-konklużjoni hija bla bażi u mhix ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli.

L-alternattiva ta’ “Kollox jew xejn”

(66)

Fir-rigward tal-perjodu ta’ permanenza obbligatorja ta’ 5 snin previst fl-iskema notifikata, l-awtoritajiet Pollakki saħqu li l-Linji Gwida ma jistabbilixxux kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-perjodi ta’ permanenza obbligatorja.

(67)

Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ perjodu ta’ 5 snin għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tistabbilixxi l-possibbiltà li r-regolamenti implimentati jsiru effettivi aktar malajr, bħal, pereżempju, il-fatt li l-bastimenti ta’ sidien Pollakki jkunu jistgħu jerġgħu jtajru l-bandiera tal-Polonja, jiġifieri l-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

(68)

Il-Polonja kkonkludiet li fid-dawl tal-impenn tagħha li wara 10 snin terġa’ tissottometti l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ lill-Kummissjoni Ewropea bħala skema ta’ għajnuna, l-estensjoni taż-żmien tal-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għal 10 snin iwassal għal diffikultajiet biex issir l-analiżi xierqa tal-iskema introdotta, liema analiżi għandha ssir qabel ma terġa’ tiġi sottomessa mill-Polonja.

(69)

Madankollu, kif indikat fil-premessa 42 ta’ din id-deċiżjoni, sussegwentement, l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jimmodifikaw l-iskema tagħhom ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ billi jestendu ż-żmien tal-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għall-kumpaniji għal 10 snin.

5.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(70)

Il-Bugsier Reederei- und Bergungsgesellschaft mbH & Co. KG (minn hawn ‘il quddiem, Bugsier Reederei), permezz tal-ittra tagħha bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2007, kienet l-unika parti interessata li rreaġixxiet għall-avviż ta’ sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 li ġie ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(71)

Skont il-Bugsier Reederei, l-irmonk ma għandux jiddaħħal fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja. Fl-opinjoni tal- Bugsier Reederei, l-inklużjoni tal-irmonk fl-iskema tista’ tikkawża distorsjoni fil-kompetittività tas-settur Ewropew tal-irmunkar.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

6.1.   Eżistenza ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(72)

Taħt l-Artikolu 107(1) tat-Trattat tat-TFUE, kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetittività billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(73)

Permezz tal-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, l-awtoritajiet Pollakki jagħtu vantaġġ, billi jbaxxu t-taxxa tal-kumpaniji jew it-taxxa fuq l-introjtu personali li dan is-settur ikollu jħallas, mir-riżorsi tal-Istat, u b’hekk tiffavorixxi lil ċerti impriżi peress li l-miżura hija speċifika għas-settur tat-trasport marittimu. Dawn it-tipi ta’ vantaġġi jheddu li joħolqu distorsjoni għall-kompetittività u jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, peress li dawn l-attivitajiet ta’ tbaħħir, essenzjalment, jitwettqu f’suq globali li fih jikkompetu wkoll impriżi minn Stati Membri oħra.

(74)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-iskema notifikata għandha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.2.   Il-bażi legali għall-valutazzjoni

(75)

Skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, l-għajnuna li tingħata biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, fejn l-għajnuna ta’ dan it-tip ma taffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ tant ħażin li tmur kontra l-interess komuni, u għalhekk, tipprovdi possibbiltà ta’ bażi għal eżenzjoni mill-projbizzjoni ġenerali li taffettwa l-għajnuna mill-Istat. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE bħala l-bażi ġuridika xierqa applikabbli għall-iskema notifikata.

(76)

B’mod partikolari, l-għajnuna għas-settur tat-trasport marittimu għandha tiġi analizzata fil-kuntest tal-Linji Gwida, inkluż il-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti, li jistabbilixxu r-regoli għall-eliġibbiltà tal-ġestjoni tal-ekwipaġġ u tal-ġestjoni teknika tal-bastimenti għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ u sistemi oħra ta’ tassazzjoni.

6.3.   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà

(77)

Il-Linji Gwida jiddeterminaw il-kundizzjonijiet biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu ċerti skemi ta’ għajnuna mill-Istat li jappoġġaw l-industrija tat-trasport marittimu biex jintlaħqu għanijiet ġenerali, bħal:

it-titjib fis-sikurezza, l-effiċjenza, is-sigurtà u r-rispett lejn l-ambjent tat-trasport marittimu,

it-tħeġġiġ biex il-bastimenti jibdew itajru jew jibqgħu jtajru bnadar tal-Istati Membri,

il-kontribuzzjoni għall-konsolidament tal-industriji tal-baħar stabbiliti fl-Istati Membri u għaż-żamma ta’ flotta globalment kompetittiva fis-swieq dinjija,

iż-żamma u t-titjib tal-għarfien marittimu kif ukoll il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-impjieg għall-baħħara tal-UE/taż-ŻEE, u

il-kontribut għall-promozzjoni ta’ servizzi ġodda fil-qasam tat-tbaħħir fuq distanzi qosra skont il-White Paper dwar il-politika Komunitarja tat-trasport.

(78)

Il-ħames subparagrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida jsemmi l-iskemi ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ b’mod speċifiku bħala miżuri fiskali li “ntwera li jissalvagwardjaw l-impjiegi ta’ kwalità għolja fis-settur tal-attivitajiet marittimi fuq l-art”, u għalhekk dawn jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern.

(79)

Madankollu, il-Linji Gwida jistabbilixxu ċerti kriterji li dawn l-iskemi għandhom jissodisfaw biex ikunu jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern.

(80)

Dawn il-kriterji ġew analizzati fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u l-Kummissjoni wriet tħassib dwar diversi minnhom. Dan li ġej jindika l-valutazzjoni finali ta’ kull wieħed minnhom mill-Kummissjoni.

6.4.   Eliġibbiltà ta’ persuni naturali għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ; fil-każ ta’ persuni naturali suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ, il-possibbiltà li jnaqqsu il-kontribuzzjonijiet imħallsa għall-assigurazzjoni tas-saħħa u għas-sigurtà soċjali mit-taxxa fuq it-tunnellaġġ u mill-bażi tagħha rispettivament

(81)

Fid-deċiżjoni tagħha li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni staqsiet jekk il-persuni naturali għandhomx ikunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ. F’dan is-sens, ir-raba’ subparagrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida jiddikjara li “s-sistema ta’ sostituzzjoni tas-sistema tat-taxxa tal-kumpaniji normali bl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tista’ titqies bħala għajnuna mill-Istat” (38). Fil-fatt, il-persuni naturali huma suġġetti għat-taxxa fuq l-introjtu personali u mhux għat-taxxa tal-kumpaniji. Barra minn hekk, l-iskemi ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ li ġew approvati sa issa mill-Kummissjoni huma limitati biss għas-sostituzzjoni tas-sistemi tat-taxxa tal-kumpaniji bi skemi ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

(82)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-ambitu tal-Linji Gwida jmur lil hinn mill-persuni ġuridiċi, anzi jinkludi l-entitajiet kollha li jistgħu jwettqu attivitajiet ta’ trasport marittimu. F’dan is-sens, l-ewwel subparagrafu tat-Taqsima 2.1 tal-Linji Gwida jistipula li “Il-Linji Gwida ma juru ebda distinzjoni bejn it-tipi ta’ benefiċjarji f’termini tal-istruttura ġuridika tagħhom (kemm jekk kumpaniji, soċjetajiet jew persuni individwali), lanqas bejn is-sjieda pubblika jew dik privata, u kwalunkwe referenza li ssir għal kumpaniji għandha titqies li tinkludi t-tipi l-oħra kollha ta’ entitajiet ġuridiċi.” (38) Barra minn hekk, dan huwa koerenti wkoll mal-approċċ segwit mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni, li tirreferi biss għall-impriżi, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħhom.

(83)

Barra minn hekk, ma għandhiex issir distinzjoni fit-trattament ta’ persuni naturali u persuni ġuridiċi, peress li l-kalkolu tal-bażi tat-taxxa jsir bl-istess mod u li sussegwentement, l-istess rata ta’ 19 % se tkun applikabbli għall-entitajiet kollha.

(84)

Għalhekk, ma hemm ebda raġuni, fl-ambitu tal-Linji Gwida, għalfejn il-persuni naturali jiġu ttrattati b’mod differenti, u b’hekk il-Kummissjoni ma jkollhiex għalfejn tkompli turi tħassib.

(85)

Barra minn hekk, il-persuni naturali ma jkunux jistgħu jnaqqsu t-taxxa fuq it-tunnellaġġ li jkollhom iħallsu (sal-punt li ma jkollhomx taxxa xi jħallsu), peress li skont l-impenn li ħadu l-awtoritajiet Pollakki, il-persuni naturali ma jkunux jistgħu jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa mit-taxxa fuq it-tunnellaġġ u mill-bażi tagħha, rispettivament. Dan għandu jkompli jiżgura li l-entitajiet eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ iħallsu fuq l-istess livell ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħhom (persuni naturali jew persuni ġuridiċi, imprendituri barranin, eċċ).

(86)

Fir-rigward tal-possibbiltà li persuni naturali jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni tas-saħħa mit-taxxa fuq it-tunnellaġġ u mill-bażi tagħha rispettivament, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jeliminaw din il-possibbiltà mil-liġi. Dan l-impenn tal-awtoritajiet Pollakki jinkludi wkoll il-persuni ġuridiċi li huma suġġetti għat-taxxa fuq l-introjtu personali. Il-Kummissjoni tilqa’ dan l-impenn b’sodisfazzjon peress li din il-possibbiltà tmur kontra l-loġika tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ (fejn il-profitt normali jiġi sostiwit billi, mid-dħul ipotetiku, jitnaqqsu xi spejjeż reali) u toffri vantaġġi żejda. Din il-possibbiltà tista’ tintroduċi wkoll distinzjoni mhux ġustifikabbli fit-trattament bejn il-persuni naturali u dawk ġuridiċi.

(87)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li d-definizzjoni ta’ entitajiet barranin u nazzjonali li tidher fl-Artikolu 2(3) tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ ma tqanqalx tħassib fir-rigward tad-diskriminazzjoni possibbli bejn dawn l-entitajiet, u b’hekk teskludi kwalunkwe żvantaġġi li jistgħu jinħolqu għall-entitajiet barranin fir-rigward tal-eliġibbiltà tagħhom għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja.

6.5.   Attivitajiet prinċipali eliġibbli

(88)

Kif indikat fid-deċiżjoni tagħha li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tqis li l-kopertura, mill-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, tat-trasport marittimu internazzjonali ta’ merkanzija u/jew passiġġieri hija konsistenti mal-Linji Gwida.

(89)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-inklużjoni, fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, ta’ attivitajiet relatati mat-trasport ta’ merkanzija u/jew passiġġieri, il-Kummissjoni tinnota li l-Linji Gwida, fil-fatt, japplikaw għall-kumpaniji li jwettqu servizzi marittimi, jiġifieri l-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri fuq il-baħar (39), u għalhekk, il-Linji Gwida jkopru b’mod espliċitu t-trasport ta’ passiġġieri u/jew merkanzija bħala servizzi eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ. Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar (bastimenti għas-salvataġġ u t-trasport ta’ persuni fuq il-baħar), il-Kummissjoni tqis, b’konsistenza mal-prattika tagħha għat-teħid ta’ deċiżjonijiet (40), li dawn is-servizzi għandhom ikunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ peress li huma anċillari għat-trasport marittimu u mhux relatati direttament ma’ dan it-trasport.

(90)

Fir-rigward tal-irmonk, l-erbatax-il subparagrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida jistipula li “l-irmonk” huwa kopert mill-ambitu ta’ dawn il-Linji Gwida f’każ biss li 50 % tal-attivitajiet tal-irmonk li jitwettqu effettivament minn bastiment tal-irmonk matul sena partikolari jkunu jikkostitwixxu “trasport marittimu”. Iż-żmien ta’ stennija jista’ jiġi assimilat b’mod proporzjonali għal dik il-parti tal-attività totali li titwettaq effettivament mill-bastiment tal-irmonk li tikkostitwixxi “trasport marittimu”.

(91)

Fir-rigward tat-tħammil, is-sittax-il paragrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida jistabbilixxi li: “Madankollu, is-sistemi fiskali għall-kumpaniji (bħat-taxxa fuq it-tunnellaġġ) jistgħu jiġu applikati għal dawk il-bastimenti tat-tħammil li l-attività tagħhom tikkonsisti fi “trasport marittimu” – jiġifieri, it-trasport ta’ materjal estratt f’ibħra fondi – għal aktar minn 50 % tal-ħin ta’ tħaddim tagħhom f’sena u fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ trasport bħal dan.”

(92)

Ta’ min jinnota, li kemm għall-irmonk kif ukoll għat-tħammil, il-modifiki li l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jagħmlu fl-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ (41) tagħhom għandhom jorbtu l-eliġibbiltà ta’ bastiment tal-irmonk jew ta’ bastiment tat-tħammil ma’ jekk jgħaddux mill-inqas 50 % tal-ħin ta’ tħaddim tagħhom f’attivitajiet eliġibbli, u b’hekk jagħmlu dan ir-rekwiżit konsistenti għal kollox mad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida.

(93)

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tħammil, l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ (ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 3(1) tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ) tapplika definizzjoni tal-attivitajiet imwettqa mill-bastimenti tat-tħammil li jikkostitwixxu trasport marittimu, jiġifieri t-trasport fuq il-baħar ta’ materjal estratt, li hija konsistenti ma dik stabbilita fil-Linji Gwida. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-tħammil huma konsistenti mal-Linji Gwida.

(94)

Madankollu, fir-rigward tal-irmonk, il-“kundizzjoni li mill-inqas 50 % tal-[ħin ta’ tħaddim] (42) mix-xogħol li jitwettaq realment mill-bastiment tal-irmonk matul il-perjodu ta’ sena jkun intuża għall-forniment ta’ servizzi tal-irmonk li ma jkunux irmonk lejn jew ‘il barra mill-port jew fil-port” (it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ) mhix konsistenti għal kollox mal-Linji Gwida.

(95)

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teskludi b’mod espliċitu l-irmonk li jsir lejn jew ‘il barra minn port jew fil-port, li huwa konsistenti mal-Linji Gwida (43). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li servizzi oħra tal-irmonk bħall-irmonk f’ilmijiet interni jew l-irmonk fuq il-baħar mingħajr ma jasal sal-port jistgħu jsiru eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ. Dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida, li jistipulaw li l-eliġibbiltà għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għandha tkun limitata biss għal dawk l-attivitajiet tal-bastimenti tal-irmonk li jokkostitwixxu “trasport marittimu”, jiġifieri l-ġarr ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri fuq il-baħar. Fil-każ Il-Kummissjoni vs. il-Greċja (44) il-Qorti ċċarat li “Minkejja li l-irmonk huwa servizz li normalment jiġi fornut b’rimunerazzjoni, fil-prinċipju, ma jikkostitwixxix f’ġarr dirett ta’ merkanzija jew passiġġieri fuq il-baħar. Anzi, jinvolvi l-għoti ta’ għajnuna għaċ-ċaqliq ta’ bastimenti, rigs, pjattaformi jew bagi. Bastiment tal-irmonk li jagħti l-għajnuna lil bastiment tal-irmonk ieħor […] ikun qiegħed jagħti l-għajnuna lill-bastiment li jkun qed iġorr il-passiġġieri jew il-merkanzija iżda ma jkunx huwa stess il-bastiment tal-ġarr” (45). Għalhekk, l-attivitajiet tal-irmonk ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu trasport marittimu. Konsegwentement, huma biss dawk is-servizzi fornuti mill-bastimenti tal-irmonk, li jinvolvu direttament it-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija fuq il-baħar, li jistgħu jkunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

(96)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma toġġezzjonax għall-possibbiltà li l-bastimenti tal-irmonk ikunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, sakemm mill-inqas 50 % tal-ħin ta’ tħaddim tax-xogħol li l-bastiment tal-irmonk iwettaq realment matul perjodu ta’ sena jkun ġie mill-forniment ta’ servizzi li jikkostitwixxu trasport marittimu.

6.6.   Attivitajiet ta’ ġestjoni

Ġestjoni teknika u ġestjoni tal-ekwipaġġ

(97)

Fir-rigward tal-ġestjoni teknika u tal-ġestjoni tal-ekwipaġġ, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiddikjara dan li ġej:

(98)

L-ewwel nett, fir-rigward tar-rekwiżiti li l-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti għandhom jikkontribwixxu għall-ekonomija u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea (it-Taqsima 5.1 tagħhom) u li għandu jkun hemm rabta ekonomika bejn il-bastimenti ġestjonati u l-Unjoni Ewropea (it-Taqsima 5.2 tagħhom), l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li l-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ tal-Polonja jkun jesiġi li l-ġestjoni tal-bastimenti għandha titwettaq ‘il barra mit-territorju tal-UE u li fl-attivitajiet ta’ fuq l-art jew fuq il-bastimenti jiġu impjegati nies li l-biċċa l-kbira tagħhom ikollhom nazzjonalità ta’ pajjiżi membri tal-UE. Barra minn hekk, il-ġestjoni ta’ bastimenti mhux tal-UE ma tistax tgawdi mill-benefiċċji tal-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 5.1 u 5.2 tal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti ġew issodisfati.

(99)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Polonja hija membru tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u li hija firmatarja tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha, li hija inkorporat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Barra minn hekk, il-Polonja twettaq l-obbligi kollha tagħha fir-rigward tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE kollha. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ hija konformi mal-istandards internazzjonali u Ewropej kollha, kif stabbiliti fit-Taqsima 5.3 tal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti.

(100)

It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni li s-sidien tal-bastimenti għandhom jamministraw biss bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Polonja hija konsistenti għal kollox mat-Taqsima 5.4 tal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti.

(101)

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tinnota li minkejja li l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja se tkun applikabbli biss għall-amministraturi “sħaħ” tal-bastimenti, jiġifieri dawk li jwettqu l-ġestjoni tal-ekwipaġġ u l-ġestjoni teknika fl-istess ħin, peress li dawn l-amministraturi jkunu qed iwettqu l-ġestjoni tal-ekwipaġġ ukoll, ir-rekwiżiti partikolari tat-Taqsima 6 tal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti għandhom ikunu applikabbli għalihom ukoll. Dawn ir-rekwiżiti jikkonċernaw kemm it-taħriġ tal-baħħara kif ukoll it-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali tagħhom.

(102)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li huma jitolbu lil kull min iħaddem il-baħħara, kemm jekk ikun is-sid tal-bastiment kif ukoll jekk tkun il-kumpanija li tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-bastiment, biex jissodisfaw id-dispożizzjonijiet partikolari tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 (46). Għalhekk, l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja se twettaq l-obbligi imposti fuq l-amministraturi tal-ekwipaġġ imsemmija fit-Taqsima 6 tal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti.

(103)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti tal-att dwar it-taxxa fuq it-tunnellaġġ li jikkonċernaw il-ġestjoni tal-kumpaniji huma konsistenti mal-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Bastimenti.

Ġestjoni strateġika u kummerċjali

(104)

Il-Kummissjoni tinnota l-kjarifiki li l-awtoritajiet Pollakki għamlu rigward il-kundizzjonijiet għall-ġestjoni strateġika u kummerċjali (47), u tikkonferma li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ li jikkonċernaw din il-ġestjoni huma kundizzjonijiet alternattivi u mhux kumulattivi. Għalhekk, biex ikunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, il-kumpaniji għandhom jissodisfaw waħda biss minn dawn it-tliet kundizzjonijiet: (i) li d-deċiżjonijiet importanti jittieħdu kollha fil-Polonja, jew (ii) li l-uffiċċju prinċipali jkun fil-Polonja, jew (iii) li l-persunal ta’ livell għoli jkun stabbilit fil-Polonja.

(105)

Konsegwentement, il-kumpaniji mhux se jkunu ristretti li joperaw mill-Polonja biss biex ikunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, iżda jista’ jkollhom l-istabbilimenti tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE/taż-ŻEE.

(106)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni strateġika u kummerċjali li jissemmew fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja ma jipprevenux lill-kumpaniji minn Stati Membri oħra tal-KE/taż-ŻEE milli jibbenifikaw mill-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja. Barra minn hekk, dawn il-kundizzjonijiet huma proporzjonati għall-mira li trid tintlaħaq li jiġi vverifikat li l-kumpaniji suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ verament jikkontribwixxu għall-attivitajiet ekonomiċi u għall-impjiegi fil-Polonja, li huwa konsistenti mal-Linji Gwida.

Bastimenti mikrija

(107)

Il-Kummissjoni tinnota l-kjarifiki li l-awtoritajiet Pollakki għamlu fir-rigward tar-rekwiżiti li jirregolaw l-inklużjoni tal-bastimenti mikrija fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

(108)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonferma li l-esklużjoni, mill-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, ta’ kumpaniji li jillimitaw l-attivitajiet tagħhom għall-kiri biss ta’ bastimenti abbażi tal-ħin jew tal-vjaġġ, hija konsistenti mal-Linji Gwida.

(109)

L-awtoritajiet Pollakki komplew jispjegaw li għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, se jkunu eliġibbli biss dawk l-operaturi li fir-rigward ta’ ċerti bastimenti mikrija jwettqu l-ġestjoni kummerċjali, il-ġestjoni teknika u l-ġestjoni tal-ekwipaġġ fl-istess ħin. B’hekk, il-Kummissjoni tifhem li l-bastimenti mikrija mingħajr ekwipaġġ biss se jkunu eliġibbli għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, peress li dawn huma l-uniku tip ta’ bastimenti mikrija li jkunu jeħtieġu l-użu tat-tliet funzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandha ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-bastimenti mikrija mingħajr ekwipaġġ għall-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, peress li għall-iskemi ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, dawn il-bastimenti huma assimilati bħala bastimenti proprji.

6.7.   Miżuri ta’ delimitazzjoni

(110)

Il-Kummissjoni tikkonferma s-sejba inizjali tagħha fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali (48), li l-miżuri ta’ delimitazzjoni fir-rigward tal-verifika tat-tranżazzjonijiet bejn il-grupp abbażi tal-prinċipju ta’ kundizzjonijiet ugwali (arms’ length principle) u ż-żamma tal-kotba ta’ kontabbiltà separati għall-attivitajiet eliġibbli u dawk mhux eliġibbli huma biżżejjed biex jiġu evitati kwalunkwe effetti sekondarji li jistgħu jwasslu għal attivitajiet li mhumiex tat-tbaħħir jew għall-evażjoni tat-taxxa.

(111)

Għalhekk, il-Kummissjoni se tevalwa biss dak li jaqa’ taħt ir-regoli li jikkonċernaw l-alternattiva ta’ “kollox jew xejn”.

(112)

It-taxxa fuq it-tunnellaġġ tipprovdi li, fil-każ ta’ impriżi li huma suġġetti jħallsu t-taxxa fil-Polonja, l-għażla li jidħlu fl-iskema notifikata għandha ssir bejn il-kumpaniji kollha flimkien, u din id-deċiżjoni għandha tkopri l-attivitajiet eliġibbli tagħhom kollha.

(113)

Ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ għaqda bejn il-kumpaniji, iċċarati fil-premessa 39 ta’ din id-deċiżjoni, jiżguraw li l-kumpanija tat-tbaħħir il-ġdida li tiġi ffurmata għandha tagħżel li tidħol fl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, sakemm mill-inqas wieħed mis-sidien li jipparteċipa f’din l-għaqda kien taxxabbli bl-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ.

(114)

Fir-rigward tar-regoli applikabbli f’każ li kumpaniji ma jkomplux iwettqu xi attivitajiet, li timpedixxi lill-kumpaniji milli jerġgħu jagħżlu l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ sakemm jgħaddu tliet snin ta’ tassazzjoni, il-Kummissjoni tqis li huma mfasslin tajjeb biex jiġi evitat li l-iskema tintuża b’mod selettiv (“cherry picking”), u għalhekk, il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jagħżlu bejn it-taxxa tal-kumpaniji jew it-taxxa fuq it-tunnellaġġ waqt perjodi differenti tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, skont liema sistema ta’ taxxa tkun tiffavorihom.

(115)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-impenn li l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tiġi emendata biex il-kumpaniji jkollhom iżommu l-bastimenti suġġetti għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ għal perjodu ta’ 10 snin huwa konsistenti mal-iskemi attwali ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ li diġà ġew approvati mill-Kummissjoni u għalhekk, jindirizza t-tħassib li l-Kummissjoni wriet fid-deċiżjoni tagħha li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(116)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li din l-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ tal-Polonja tissodisfa l-kriterju tal-alternattiva “kollox jew xejn” applikabbli għall-attivitajiet eliġibbli.

6.8.   Konformità mal-limitu massimu ta’ għajnuna

(117)

Il-Kapitolu 11 tal-Linji Gwida jindika li “l-ammont totali ta’ għajnuna li tingħata fl-ambitu tal-Kapitoli 3 sa 6 [jiġifieri taxxa fuq it-tunnellaġġ, eżenzjoni mill-ħlas ta’ taxxa fuq l-introjtu personali u kontribuzzjonijiet soċjali għall-baħħara, għajnuna ghar-riljiev tal-ekwipaġġ, għajnuna għall-investiment u għajnuniet reġjonali] ma għandux ikun ogħla mill-ammont totali ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali miġbura minn attivitajiet tat-tbaħħir u minn baħħara”.

(118)

Skont l-informazzjoni li taw l-awtoritajiet Pollakki, fil-Polonja ma hemm ebda skema attwali ta’ għajnuna li tkun tista’ żżid għajnuna mill-Istat mal-benefiċċji ta’ din l-iskema. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-limitu massimu previst fil-Kapitolu 11 tal-Linji Gwida se jiġi mħares.

6.9.   Rapporti

(119)

L-awtoritajiet Pollakki qablu li jipprovdu lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ u dwar l-effetti tagħha fuq il-flotta reġistrata tal-Unjoni Ewropea u fuq l-impjiegi tal-baħħara tal-Unjoni Ewropea, kif meħtieġ mill-Kapitolu 12 tal-Linji Gwida.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna li l-Polonja qed tippjana li timplimenta abbażi tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ tal-Polonja hija kompatibbli mas-suq intern suġġetta għall-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

L-attivitajiet tal-irmonk għandhom ikunu eliġibbli għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ, sakemm mill-inqas 50 % tal-ħin tat-tħaddim mix-xogħol li li kull bastiment tal-irmonk iwettaq realment matul perjodu ta’ sena jkun ġie mill-forniment ta’ servizzi li jikkostitwixxu trasport marittimu.

Artikolu 3

Il-Polonja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu sabiex tikkonforma magħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

(2)   ĠU C 300, 12.12.2007, p. 22.

(3)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2006)A/12656.

(4)  Referenzi TREN(2006) D/204393, D/210227, D/223420 u TREN(2007) D/307010.

(5)  Irreġistrati bir-Referenzi TREN(2006) A/19774, A/22657, A/31398 u TREN(2007) A/21073, A/34300.

(6)  Irreġistrata bir-Referenza C (2007)4016.

(7)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007)A/45675.

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(9)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007)A/51337.

(10)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2009)A/10443.

(11)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2009)A/13527.

(12)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2009)A/34359.

(13)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2009)A/38744.

(14)  Il-Ġurnal tal-Liġijiet 2006, Nru 183, punt 1353.

(15)  Il-Ġurnal tal-Liġijiet 1992, Nru 6, punt 27, kif emendat.

(16)  Il-Ġurnal tal-Liġijiet, Nru 154, Nru 792.

(17)  Kif definit fl-Att tas-27 ta’ Awwissu 2004 dwar is-servizzi tal-kura tas-saħħa ffinanzjati minn fondi pubbliċi; Il-Ġurnal tal-Liġijiet Nru 210, punt 2135, kif emendat.

(18)  Kif definit fl-Att dwar is-Sistema ta’ Sigurtà Soċjali tat-13 ta’ Ottubru 1998; Il-Ġurnal tal-Liġijiet 2007, Nru 11, punt 74, kif emendat.

(19)  Ara l-Art. 4(3)-(5), l-Art. 6 u l-Art 12(3) tal-Att.

(20)  Il-Konvenzjoni SOLAS ġiet adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) f’Londra, fl-1 ta’ Novembru 1974 (implimentata fil-Polonja bil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-Polonja, Nru 61, punti 318 u 319) flimkien mal-Protokoll għall-istess Konvenzjoni, li sar f’Londra fis-17 ta’ Frar 1978 (implimentat fil-Polonja bil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal tal-Liġijiet 1984, Nru 61, punti 320 u 321, u 1986, Nru 35, punt 177).)

(21)  L-Artikolu 3.1 tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ.

(22)  Jinstabu fl-Artikolu 3(1), it-tieni u r-raba’ inċiż, tal-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ.

(23)  Il-Ġurnal tal-Liġijiet Nru 173, punt 1807, kif emendat.

(24)  Ara t-Taqsima 2.3.2 ta’ hawn fuq.

(25)  Il-Dokument ta’ Konformità jinħareġ skont il-Konvenzjoni SOLAS lil operatur li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Amministrazzjoni Internazzjonali għall-Ħidma b’Sikurezza ta’ Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis (minn hawn ‘il quddiem, “il-Kodiċi ISM”). Il-Kodiċi ISM ġiet adottata mill-IMO permezz tar-Riżoluzzjoni A.741(18) (implimentata fil-Polonja bil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ Strumenti Internazzjonali 2005, Nru 4, punt 28).

(26)  Ara n-nota tal-qiegħ Nru 25.

(27)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2009)A/34359.

(28)   ĠU C 132, 11.6.2009, p. 6.

(29)  B’mod partikolari, il-Polonja hija Stat Parti tal-Konvenzjonijiet SOLAS, MARPOL u STCW, bl-emendi kollha tagħhom.

(30)  B’mod partikolari, l-Att dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar tas-sena 2000 (bl-emendi tiegħu), l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti tal-1995 (bl-emendi tiegħu), l-Att dwar it-Tagħmir Marittimu tal-2004, l-Att dwar l-Impjiegi fuq il-Bastimenti tal-Merkanzija tal-1991 (bl-emendi tiegħu), l-Att dwar il-Kodiċi Marittima (bl-emendi tiegħu).

(31)  Irreġistrata bir-Referenza TREN(2009)A/38744.

(32)  Integrati fil-leġiżlazzjoni tal-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) fuq il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30).

(33)  Din il-kundizzjoni se tiddaħħal f’regolament intern li jimplimenta l-Att dwar it-Taxxa fuq it-Tunnellaġġ.

(34)  Skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tal-Att tal-Polonja, tat-2 ta’ Lulju 2004, dwar il-libertà tal-attività ekonomika, Dz U. Nru 173, punt 1807, kif emendat.

(35)  Ara t-Taqsimiet 2.7.4 – 2.7.9 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ.

(36)   ĠU C 13, 17.1.2004, p. 3.

(37)  Skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tal-Att tal-Polonja, tat-2 ta’ Lulju 2004, dwar il-libertà tal-attività ekonomika, Dz U. Nru 173, punt 1807, kif emendat.

(38)  L-enfasi huwa miżjud.

(39)  Ara t-tielet subparagrafu tat-Taqsima 2 tal-Linji Gwida, kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 378, 31.12.1986, p. 1); u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fl-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7).

(40)  Ara, b’mod partikolari, Għajnuna mill-Istat Nru 330/05 – il-Litwanja – Għajnuna għall-kumpaniji tat-tbaħħir – Skema ta’ Taxxa fuq it-Tunnellaġġ, adottata fid-19 ta’ Lulju 2006 (ĠU C 90, 25.4.2007, p. 11); Għajnuna mill-Istat Nru 114/04 – l-Italja – Skema ta’ Taxxa fuq it-Tunnellaġġ għat-trasport Marittimu, adottata fl-20 ta’ Ottubru 2004 (ĠU C 136, 3.6.2005, p. 42).

(41)  Ara l-premessa 20 ta’ din id-deċiżjoni.

(42)  It-test jiġi ppreżentat fl-istess forma li jidher fiha wara l-emenda ppjanata mill-awtoritajiet Pollakki.

(43)  B’mod partikolari l-erbatax-il subparagrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida, li jistipula li: l-attivitajiet tal-irmonk li jitwettqu, inter alia, fil-portijiet, jew li jikkonsistu mill-għoti ta’ għajnuna lil bastiment li jimxi minnu nnifsu biex jasal fil-port ma jikkostitwixxux “trasport marittimu”.

(44)  C-251/04, mill-11 ta’ Jannar 2007.

(45)  Ara l-paragrafu 31 tad-deċiżjoni tal-qorti.

(46)  Integrati fil-leġiżlazzjoni tal-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) fuq il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30).

(47)  Ara l-premessi 31-34 ta’ din id-deċiżjoni.

(48)  B’mod partikolari, ara l-premessi 102-104 tagħha.