10.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/212/PESK

tad-29 ta’ Marzu 2010

relatata mal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza ta’ Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea tkompli tqis lit-Trattat dwar in-Non-proliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) bħala l-pedament tar-reġim globali ta’ non-proliferazzjoni nukleari, il-bażi essenzjali biex jinkiseb id-diżarm nukleari skont l-Artikolu VI tat-TNP u element importanti fl-iżvilupp ulterjuri ta’ applikazzjonijiet tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi.

(2)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva, sabiex titmexxa l-azzjoni tiegħu f’dan il-qasam. Fit-8 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill adotta dokument dwar “Linji ta’ azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom”.

(3)

Fit-12 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill Ewropew approva d-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, fejn afferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom u ppromwova inizjattivi konkreti u realistiċi għad-diżarm li l-Unjoni ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(4)

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta b’mod unanimu r-Riżoluzzjoni 1540 (2004), li tiddeskrivi l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom bħala theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Fit-12 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/419/PESK (1), u fl-14 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/368/PESK (2), it-tnejn b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda Massiva.

(5)

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, imlaqqa’ fil-livell ta’ Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, adotta unanimament ir-Riżoluzzjoni 1887 (2009), li tirrisolvi li tfittex dinja aktar sigura għal kulħadd u li toħloq il-kondizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari, f’konformità mal-għanijiet tat-TNP, b’mod li jippromwovi l-istabbiltà internazzjonali, u abbażi tal-prinċipju tal-ogħla livell ta’ sigurtà għal kulħadd, u tappella lill-istati kollha li m’humiex parti għat-TNP biex jaċċedu għalih bħala Stati Parti li m’għandhomx armi nukleari, u lill-Istati Parti għat-TNP biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi kollha tagħhom u jwettqu l-impenji tagħhom skont it-TNP u jikkooperaw sabiex il-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010 tkun tista’ ssaħħaħ b’suċċess it-TNP u tistabbilixxi għanijiet realistiċi u li jitsgħu jinkisbu fit-tliet pilastri tat-TNP: non-proliferazzjoni, l-użi paċifiċi ta’ enerġija nukleari u d-diżarm.

(6)

Mill-2004, il-Kunsill adotta diversi Azzjonijiet Konġunti dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva, l-aktar reċentement l-Azzjoni Konġunta 2008/314/PESK (3).

(7)

Fit-8 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kontribut tal-UE ta’ mhux aktar minn EUR 25 miljun għall-istabbiliment ta’ bank ta’ karburant nukleari tal-IAEA.

(8)

Mill-2006, il-Kunsill adotta diversi Azzjonijiet Konġunti dwar appoġġ għal attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u verifika. Dawn jinkludu, l-aktar reċentement l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK (4). Addizzjonalment il-Kunsill ippromwova d-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni bikrija tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBT).

(9)

Il-President tal-Istati Uniti laqqa’ Summit dwar is-Sigurtà Nukleari, fit-13 ta’ April 2010, biex isaħħaħ impenn lejn is-sigurtà nukleari globali, inkluż l-indirizzar tat-theddida tat-terroriżmu nukleari.

(10)

Il-Konferenza ta’ Reviżjoni u Estensjoni tal-1995 tal-Partijiet għat-TNP adottat deċiżjonijiet dwar l-estensjoni indefinita tat-TNP, dwar prinċipji u objettivi għan-non-proliferazzjoni u d-diżarm nukleari u dwar it-tisħiħ tal-proċess ta’ reviżjoni għat-TNP, u Riżoluzzjoni dwar il-Lvant Nofsani.

(11)

Il-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2000 adottat dokument finali.

(12)

Fil-25 ta’ April 2005, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2005/329/PESK rigward il-Konferenza ta’ Reviżjoni tal-2005 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari (5).

(13)

Il-Kumitat ta’ Tħejjija għall-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010 kellu tliet sessjonijiet, mit-30 ta’ April sal-11 ta’ Mejju 2007 fi Vjenna, mit-28 ta’ April sad-9 ta’ Mejju 2008 f’Ġinevra u mill-4 sal-15 ta’ Mejju 2009 f’New York.

(14)

Fid-dawl tal-eżiti tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2000 u tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2005 u tad-diskussjonijiet fit-tliet sessjonijiet tal-Kumitat ta’ Tħejjija għall-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010, u filwaqt li tinżamm preżenti s-sitwazzjoni attwali, huwa xieraq li jiġu aġġornati u żviluppati aktar l-objettivi stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2005/329/PESK, u l-inizjattivi mwettqa taħt it-termini tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-objettiv tal-Unjoni għandu jkun li jissaħħaħ ir-reġim internazzjonali ta’ non-proliferazzjoni nukleari billi jiġi promoss eżitu sostantiv u bbilanċjat tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari (TNP), sabiex jinkiseb progress tanġibbli u realistiku lejn l-għanijiet stabbiliti fit-TNP.

Biex jinkiseb dan l-għan, l-Unjoni għandha timmira lejn il-promozzjoni b’mod partikolari tal-adozzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri konkreti, effettivi, prammatiċi u konsenswali biex jitħaffu l-isforzi internazzjonali kontra l-proliferazzjoni, jitkompla d-diżarm u jiġi żgurat żvilupp responsabbli ta’ użi paċifiċi tal-enerġija nukleari minn pajjiżi li jixtiequ jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom f’dan il-qasam. Għal dan l-għan, l-Unjoni elaborat u ppreżentat lill- Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010 Dokument ta’ Ħidma dwar proposti tal-UE orjentati lejn il-futur rigward it-tliet pilastri tat-TNP (6), biex ikunu parti minn pjan ta’ azzjoni ambizzjuż li għandu jiġi adottat mill-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010.

Artikolu 2

Fil-Konferenza ta’ Revizjoni tat-TNP tal-2010, l-Unjoni għandha taħdem, partikolarment, biex tiżgura li l-Istati Parti għat-TNP (minn hawn ‘il quddiem “l-Istati Parti”) jindirizzaw il-prijoritajiet li ġejjin:

(1)

affermazzjoni mill-ġdid mill-Istati Parti kollha tal-impenn tagħhom li jkunu konformi mal-obbligi tagħhom u li jilħqu l-għanjiet tat-TNP u lejn adeżjoni universali għat-TNP;

(2)

it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tat-TNP permezz tal-adozzjoni ta’ sett ta’ miżuri konkreti, effettivi, prammatiċi u konsenswali biex jiġu intensifikati l-isforzi internazzjonali kontra l-proliferazzjoni, jitkompla d-diżarm u jiġi żgurat l-iżvilupp responsabbli ta’ użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u jsir progress fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tat-TNP tal-1995 dwar il-Lvant Nofsani;

(3)

l-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn u l-enfasizzar tal-ħtieġa għall-progress konkret fil-kontroll tal-armi nukleari u l-proċessi ta’ diżarm, speċjalment permezz ta’ tnaqqis ġenerali fir-riżervi globali tal-armi nukleari, skont l-Artikolu VI tat-TNP, b’kont meħud tar-reponsabbiltà speċjali tal-istati li għandhom l-akbar ħażniet, u qbil dwar miżuri speċifiċi u bikrija, inkluż il-kisba tad-dħul fis-seħħ malajr tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBT) u l-bidu tan-negozjati fil-Konferenza dwar id-Diżarm dwar Trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta’ materjal fissili għal armi nukleari jew oġġetti esplussivi nukleari oħra (FMCT) bħala passi indispensabbli lejn it-twettiq tal-obbligi u l-objettiv aħħari stabbilit fl-Artikolu VI tat-TNP;

(4)

it-tisħiħ tal-effikaċja u l-komprensività tar-reġim ta’ non-proliferazzjoni billi l-konklużjoni ta’ Ftehim Salvagwardji Komprensivi flimkien mal-Protokoll Addizzjonali ssir l-istandard ta’ verifika, skont l-Artikolu III tat-TNP;

(5)

it-tisħiħ tat-TNP permezz ta’ intendiment komuni tal-Istati parti dwar kif isir rispons b’mod effettiv għall-irtirar ta’ Stat Parti mit-TNP;

(6)

l-affermazzjoni tat-TNP, b’kont meħud tal-isfidi ta’ proliferazzjoni maġġuri attwali, b’mod partikolari fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, permezz ta’ intendiment komuni tal-Istati Parti dwar kif isir ripons b’mod riżolut u effettiv għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

(7)

il-firxa ta’ aċċettazzjoni u appoġġ għall-kunċett ta’ żvilupp responsabbli ta’ użi paċifiċi tal-enerġija nukleari fl-aħjar kondizzjonijiet ta’ sigurtà, sikurezza u non-proliferazzjoni u tal-approċċi multilaterali għaċ-ċiklu tal-karburant nukleari.

Artikolu 3

Għall-finijiet tal-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1 u l-prijoritajiet definiti fl-Artikolu 2, l-Unjoni għandha:

(a)

tikkontribwixxi għal reviżjoni strutturata u bilanċata tal-operazzjoni tat-TNP fil-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010, inkluża l-implimentazzjoni ta’ impenji meħuda mill-Istati Parti taħt it-TNP, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ oqsma u mezzi li permezz tagħhom għandu jinkiseb aktar progress fil-futur, b’mod partikolari bil-ħsieb tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2015;

(b)

tgħin biex jinbena kunsens abbażi tal-qafas stabbilit mit-TNP billi tappoġġa d-deċiżjonijiet u r-Riżoluzzjoni dwar il-Lvant Nofsani adottati fil-Konferenza ta’ Reviżjoni u Estensjoni tat-TNP tal-1995 u d-dokument finali tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP 2000, u għandha tieħu kont tas-sitwazzjoni attwali, u għandha tippromwovi, inter alia, il-kwistjonijiet essenzjali li ġejjin:

(1)

l-impenn ta’ sforzi għall preżervazzjoni tal-integrità tat-TNP u għat-tisħiħ tal-awtorità u l-implimentazzjoni tiegħu;

(2)

ir-rikonoxximent li t-TNP huwa strument multilaterali uniku u li ma jistax jiġi sostitwit għaż-żamma u r-rinfurzar tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali, minħabba li jistabbilixxi qafas legali għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi nukleari u għal iktar żvilupp ta’ sistema ta’ verifika li tiggarantixxi li stati li m’għandhomx armi nukleari jużaw l-enerġija nukleari biss għall-finijiet paċifiċi, u li dan jirrappreżenta l-pedament fundamentali biex jitkompla d-diżarm nukleari f’konformità mal-Artikolu VI tiegħu, u element importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjonijiet tal-enerġija nukleari għal użi paċifiċi, filwaqt li jiġi enfasizzat li t-TNP, bit-tliet pilastri tiegħu li jissaħħu reċiprokament, jirrappreżenta l-interessi tas-sigurtà konġunti tal-Istati Parti kollha;

(3)

l-enfasi tal-ħtieġa assoluta għall-konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet kollha tat-TNP mill-Istati Parti kollha;

(4)

l-enfasi tal-ħtieġa biex il-politiki u l-istrateġiji tal-Istati Parti jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tat-TNP;

(5)

il-ħidma lejn l-adeżjoni universali għat-TNP; l-appell lill-Istati kollha li mhumiex parti mit-TNP biex isiru Stati Parti mingħajr dewmien bħala Stati Parti li m’għandhomx armi nukleari u, sakemm jaderixxu għat-TNP, iżommu mat-termini tiegħu u jwiegħdu impenn għan-non-proliferazzjoni u għad-diżarm;

(6)

li jintlaqa’ b’mod pożittiv il-kontribut tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-prinċipji u l-objettivi tat-TNP;

DIŻARM

(7)

l-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn għat-tfittxija ta’ dinja aktar sikura għal kulħadd u għall-ħolqien tal-kondizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari, skont l-għanijiet tat-TNP; bil-konvinzjoni li l-passi intermedji fit-triq lejn dan l-objettiv jistgħu wkoll jirrappreżentaw żidiet sinifikanti fis-sigurtà għal kulħadd;

(8)

li jintlaqa’ b’mod pożittiv, it-tnaqqis konsiderevoli, ta’ armi nukleari li saru mit-tmiem tal-Gwerra Bierda, inkluż minn żewġ Stati Membri tal-Unjoni l-enfasi tal-ħtieġa għal tnaqqis ġenerali fil-ħażniet nukleari bil-għan ta’ diżarm nukleari sistematiku, gradwali skont l-Artikolu VI tat-TNP, b’kont meħud tar-responsabbiltà speċjali tal-istati li għandhom l-akbar ħażniet; li f’dan il-kuntest, jintlaqgħu b’mod pożittiv, f’dan il-kuntest, in-negozjati dwar ftehim START ġdid bejn l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa; li tiġi mtennija l-ħtieġa għal aktar progress fit-tnaqqis tal-ħażniet tagħhom u fit-tnaqqis tad-disponibbiltà operattiva tas-sistemi tagħhom ta’ armi nukleari għal-livell minimu meħtieġ;

(9)

fir-rigward ta’ armi nukleari mhux strateġiċi:

(i)

l-appell lill-Istati Parti kollha li għandhom tali armi, biex jinkluduhom fil-proċessi tagħhom ta’ kontroll tal-armi ġenerali u ta’ diżarm, bil-ħsieb tat-tnaqqis u l-eliminazzjoni verifikabbli u irreversibbli tagħhom;

(ii)

il-qbil dwar l-importanza ta’ aktar trasparenza u miżuri ta’ bini ta’ fiduċja sabiex jiġi avvanzat il-proċess ta’ diżarm nukleari;

(iii)

l-inkoraġġiment lill-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa biex ikomplu jiżviluppaw l-inizjattivi Presidenzjali unilaterali tal-1991/92 u biex jinkludu l-armi nukleari mhux strateġiċi fiċ-ċiklu li jmiss tat-tnaqqis bilaterali tal-armi nukleari tagħhom, li jwasslu għal limiti aktar baxxi għan-numri kemm tal-armi nukleari strateġiċi kif ukoll ta’ dawk mhux strateġiċi fil-ħażniet tagħhom;

(10)

ir-rikonoxximent tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-irriversibbiltà biex jiħu ggwidati l-miżuri kollha fil-qasam tad-diżarm nukleari u l-kontroll tal-armi, bħala kontribut għaż-żamma u r-rinfurzar tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali, waqt li jittieħed kont ta’ dawn il-kondizzjonijiet;

(11)

ir-rikonoxximent tal-importanza, mill-perspettiva ta’ diżarm nukleari, tal-programmi għall-qerda u l-eliminazzjoni tal-armi nukleari u tal-eliminazzjoni ta’ materjal fissili kif iddefinit taħt is-Sħubija Glonali tal-G8;

(12)

is-segwiment tal-isforzi biex jiġu żgurati l-verifikabbiltà, it-trasparenza u miżuri oħra ta’ bini ta’ fiduċja mill-enerġiji nukleari għall-appoġġ ta’ aktar progress fid-diżarm; li f’dan ir-rigward, tintlaqa’ b’mod pożittiv, it-trasparenza akbar murija minn xi stati tal-armi nukleari, inkluż minn żewġ Stati Membri tal-Unjoni, dwar l-armi nukleari li għandhom, u l-appell lil oħrajn biex jagħmlu l-istess;

(13)

l-affermazzjoni mill-ġdid ukoll tal-impenn għall-kontroll u d-diżarm ta’ armi nukleari bbażati fuq it-trattat u s-sottolinjar tal-ħtieġa li jiġġeddu l-isforzi multilaterali u li jiġu riattivati l-istrumenti multilaterali, b’mod partikolari l-Konferenza dwar id-Diżarm;

(14)

l-appell lill-istati biex jiffirmaw u jirratifikaw is-CTBT mingħajr dewmien u mingħajr kondizzjonijiet, b’mod partikolari l-istati li elenkati fl-Anness II tas-CTBT li għadhom m’għamlux dan, peress li s-CTBT jifforma parti essenzjali mid-diżarm nukleari u s-sistema ta’ non-proliferazzjoni u bil-ħsieb tad-dħul fis-seħħ tiegħu malajr kemm jista’ jkun; u li f’dan ir-rigward, jintlaqgħu b’mod pożittiv, l-impenji reċenti mill-Istati Uniti lejn ir-ratifika bikrija tas-CTBT;

(15)

sakemm jidħol fis-seħħ is-CTBT, isir appell lill-istati kollha biex isegwu moratorju dwar l-isplużjonijiet ta’ test nukleari, biex ma jieħdu ebda azzjoni kontrarja għall-obbligi u d-dispożizzjonijiet tas-CTBT u biex iżarmaw, malajr kemm jista’ jkun, il-faċilitajiet ta’ ttestjar nukleari kollha b’mod li jkun trasparenti u miftuħ għall-komunità internazzjonali; l-enfasi fuq l-importanza ta’ u li tintlaqa’ b’mod pożittiv, il-ħidma tal-Kummissjoni ta’ Tħejjija tal-Organizzazzjoni tas-CTBT, partikolarment fir-rigward tas-Sistema ta’ Monitoraġġ Internazzjonali;

(16)

li tintlaqa’ b’mod pożittivi l-adozzjoni b’kunsens fl-2009 tal-Programm ta’ Ħidma tal-Konferenza dwar id-Diżarm u, abbażi ta’ dan, l-appell għall-bidu immedjat u l-konklużjoni bikrija tan-negozjati dwar FMCT, abbażi tad-dokument CD/1299 tal-24 ta’ Marzu 1995 u l-mandat inkluż fih, kif maqbul fid-Deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2009 tal-Konferenza dwar id-Diżarm għall-Istabbiliment ta’ Programm ta’ Ħidma għass-sessjoni tal-2009 (CD/1864)’

(17)

sakemm jidħol fis-seħħ FMCT, l-appell lill-Istati kollha kkonċernati biex jiddikjaraw u jsegwu moratorju immedjat fuq il-produzzjoni ta’ materjal fissili għal armi nukleari jew oġġetti esplussivi nukleari oħra, kif ukoll biex iżarmaw jew jikkonvertu għal użu mhux esplussiv biss il-faċilitajiet iddedikati għall-produzzjoni ta’ materjali fissili għall-armi nukleari; li tintlaqa’ b’mod pożittiv, l-azzjoni ta’ dawk mill-ħames stati, b’mod partikolari fl-Unjoni, li ordnaw il-moratorji rilevanti u żarmaw tali faċilitajiet;

(18)

l-appell lill-istati kollha kkonċernati biex jieħdu miżuri prattiċi adegwati sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ gwerra nukleari aċċidentali;

(19)

it-tkomplija tal-konsiderazzjoni tal-kwistjoni ta’ assigurazzjonijiet tas-sigurtà għall-Istati Parti li m’għandhomx armi nukleari;

(20)

l-appell lill-istati li għandhom armi nukleari biex jirriaffermaw l-assigurazzjonijiet eżistenti fil-qasam tas-sigurtà innotati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 984 (1995), waqt li jkun rikonoxxut li tali assigurazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà jsaħħu s-sistema ta’ non-proliferazzjoni nukleari, u biex jiffirmaw u jirratifikaw il-protokolli rilevanti għat-Trattati li jistabbilixxu ż-żoni ħielsa mill-armi nukleari, stabbiliti wara l-konsultazzjonijiet meħtieġa skont il-linji gwida tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Diżarm (UNDC) tal-1999, waqt li jkun rikonoxxut li assigurazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà bbażati fuq it-Trattati huma disponibbli għal tali żoni;

(21)

l-enfasi tal-ħtieġa li jiġu avvanzati l-proċessi ta’ kontroll u diżarm tal-armi ġenerali u appell għal aktar progress dwar l-aspetti kollha ta’ diżarm biex tissaħħaħ is-sigurtà globali;

(22)

il-ħidma għall-bidu ta’ konsultazzjonijiet dwar it-Trattat li jipprojbixxi missili sparati fuq l-art fuq distanza qasira u intermedja;

(23)

l-appell għal adeżjoni universali ma’, u l-implimentazzjoni effettiva tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi;

(24)

l-enfasi tal-importanza tal-adeżjoni universali u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u l-konvenzjonijiet, il-miżuri u l-inizjattivi li jikkontribwixxu għall-kontroll tal-armi konvenzjonali;

(25)

il-ħidma għar-riżoluzzjoni tal-problemi ta’ nuqqas ta’ stabbiltà u sigurtà reġjonali u tas-sitwazzjonijiet ta’ konflitt li spiss huma l-bażi ta’ programmi tal-armi.

NON-PROLIFERAZZJONI

(26)

ir-rikonoxximent li fis-snin reċenti seħħew sfidi kbar għall-proliferazzjoni nukleari, b’mod partikolari fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u l-enfasi li l-komunità internazzjonali għandha tkun lesta tiffaċċjahom u l-enfasi tal-ħtieġa li ttieħed azzjoni determinata b’rispons għal dan;

(27)

l-enfasi tal-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bħala arbitru finali, sabiex ikun jista’ jieħu azzjoni adegwata fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tat-TNP, bi qbil mal-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA), inkluża l-applikazzjoni ta’ salvagwardji;

(28)

il-ġbid tal-attenzjoni għall-implikazzjonijiet potenzjali għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali ta’ irtirar mit-TNP; it-tħeġġiġ lill-komunità internazzjonali biex tirreaġixxi għal avviż ta’ rtirar u l-konsegwenzi tiegħu b’determinazzjoni u urġenza; l-enfasi tar-rekwiżit għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jaġixxi fil-pront u, b’mod partikolari, biex jiġi indirizzat mingħajr dewmien kwalunkwe avviż minn Stat Parti ta’ rtirar mit-TNP; it-tħeġġiġ lill-Istati Parti biex jippromwovu l-adozzjoni ta’ miżuri f’dan ir-rigward, inklużi l-arranġamenti għaż-żamma ta’ salvagwardji adegwati tal-IAEA dwar il-materjal, it-tagħmir, it-teknoloġiji u l-faċilitajiet nukleari kollha żviluppati għal għanijiet paċifiċi;

(29)

l-appell biex tiġi sospiża l-kooperazzjoni nukleari fejn l-IAEA ma tistax tipprovdi assigurazzjonijiet adegwati li programm nukleari ta’ stat hu mfassal esklussivament għal għanijiet paċifiċi, sa tali żmien meta l-IAEA tkun tista’ tipprovdi tali assigurazzjonijiet;

(30)

l-appell lill-istati kollha fir-reġjun biex jagħmlu progress lejn, inter alia, l-istabbiliment ta’ żona fil-Lvant Nofsani verifikabbli b’mod effettiv, ħielsa minn armi nukleari u armi oħra ta’ qerda massiva u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom u biex joqogħdu lura milli jieħdu miżuri li jipprekludu l-kisba ta’ dan l-objettiv; ir-rikonoxximent tal-importanza li jintlaħaq qbil dwar passi prattiċi konkreti bħala parti minn proċess, li jinvolvi lill-Istati kollha tar-reġjuni, immirati biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995 tat-TNP dwar il-Lvant Nofsani;

(31)

l-appell ukoll lill-Istati Parti kollha, u b’mod partikolari l-Istati Parti li għandhom armi nukleari biex jestendu l-kooperazzjoni tagħhom u biex jeżerċitaw l-isforzi kollha tagħhom lejn l-istabbiliment minn partijiet reġjonali ta’ żona fil-Lvant Nofsani verifikabbli b’mod effettiv, ħielsa minn armi nukleari u armi oħra ta’ qerda massiva u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom, f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-1995 tat-TNP dwar il-Lvant Nofsani;

(32)

peress li s-sigurtà fl-Ewropa hi marbuta mas-sigurtà fil-Meditterran, l-għoti ta’ prijorità għolja lill-implimentazzjoni tar-reġim ta’ non-proliferazzjoni nukleari f’dak ir-reġjun;

(33)

ir-rikonoxximent tal-importanza taż-żoni ħielsa mill-armi nukleari għall-paċi u s-sigurtà, abbażi ta’ arranġamenti volontarjament konklużi bejn l-Istati tar-reġjun ikkonċernat, b’konformità mal-linji gwida tal-1999 tal-UNDC;

(34)

l-enfasi tal-ħtieġa li jsir kollox possibbli għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ terroriżmu nukleari, marbut mal-aċċess terroristiku possibbli għal armi jew materjali nukleari li jistgħu jintużaw fil-manifatturar ta’ tagħmir għat-tixrid radjoloġiku u, f’dan il-kuntest, l-enfasi tal-ħtieġa għal konformità mal-obbligi taħt ir-Riżoluzzjonijiet 1540(2004) u 1887 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appell għas-sigurtà nukleari aħjar għas-sorsi ta’ radjuattività għolja;

(35)

l-appell lill-istati kollha li għadhom m’għamlux dan, biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari, bħala parti importanti tal-qafas legali internazzjonali biex jiġi indirizzat it-theddid tat-terroriżmu nukleari;

(36)

fid-dawl tat-theddid akbar tal-proliferazzjoni nukleari u t-terroriżmu, l-appoġġ għall-Inizjattiva ta’ Sħubija Globali tal-G8 u l-azzjoni tal-IAEA u mekkaniżmi multilaterali oħra f’dan ir-rigward, bħall-Inizjattiva ta’ Sigurtà mill-Proliferazzjoni, l-Inizjattiva Globali għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu Nukleari u l-Inizjattiva Globali għat-Tnaqqis tat-Theddid; li jintlaqgħu b’mod pożittiv l-objettivi ta’ sigurtà tas-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari Globali;

(37)

ir-rikonoxximent li l-Ftehimiet ta’ Salvagwardji Komprensivi bi Protokolli Addizzjonali għandhom effett deterrenti fuq il-proliferazzjoni nukleari u jifformaw l-istandard ta’ verifika tal-preżent;

(38)

it-tkomplija tal-ħidma lejn l-universalizzazzjoni u t-tisħiħ tas-sistema ta’ salvagwardji tal-IAEA biex ikun żgurat il-kxif akbar tal-ksur tal-obbligi ta’ non-proliferazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni mill-istati kollha kkonċernati tal-Ftehim ta’ Salvagwardji Komprensivi flimkien mal-Protokoll Addizzjonali u, fejn rilevanti, il-Protokoll Rivedut għal Kwantitajiet Żgħar, u għal aktar tisħiħ tas-sistema ta’ salvagwardji;

(39)

il-ħidma għar-rikonoxximent mill-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010 u l-Bord ta’ Gvernaturi tal-IAEA, li l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ Ftehim ta’ Salvagwardji Komprensivi flimkien ma’ Protokoll Addizzjonali huwa l-istandard ta’ verifika tal-preżent, skont l-Artikolu III tat-TNP;

(40)

l-enfasi tar-rwol uniku tal-IAEA fil-verifika tal-konformità tal-istati mal-impenji tagħhom ta’ non-proliferazzjoni nukleari;

(41)

l-enfasi ulterjuri tar-rwol importanti tal-IAEA biex tgħinhom, meta mitluba, biex itejbu s-sigurtà ta’ materjali u installazzjonijiet nukleari, u l-appell lill-istati biex jappoġġaw lill-IAEA;

(42)

ir-rikonoxximent tal-importanza ta’ kontrolli effettivi adegwati fuq l-esportazzjonijiet, f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet 1540 (2004) u 1887 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu III tat-TNP;

(43)

l-implimentazzjoni, fil-livell nazzjonali, ta’ kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni, it-tranżitu, it-trażbord u r-riesportazzjoni, inklużi liġijiet u regolamenti adatti għal dak l-għan, u l-isforzi riżoluti internazzjonali u nazzjonali għall-ġlieda kontra l-finanzjament ta’ proliferazzjoni u għall-kontroll tal-aċċess għal trasferimenti intanġibbli tat-teknoloġija;

(44)

il-promulgazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi kontra atti ta’ proliferazzjoni bħala deterrent għall-esportazzjoni, it-tranżitu, is-sensar, it-traffikar u l-finanzjament relatat, b’konformità mar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

(45)

l-inkoraġġiment lill-Kumitat ta’ Zangger u l-Grupp ta’ Fornituri Nukleari (NSG) biex jikkondividu l-esperjenza tagħhom dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni, biex l-istati kollha jkunu jistgħu jgawdu mill-arranġamenti tal-Kumitat ta’ Zangger u l-linji gwida tal-NSG u l-implimentazzjoni tagħhom;

(46)

l-indikar tal-ħtieġa għall-finalizzar f’data bikrija tat-tisħiħ tal-linji gwida tal-NSG, b’mod partikolari dwar il-kontrolli msaħħa fuq teknoloġiji ta’ arrikiment u riproċċessar, u għall-ħidma fl-NSG biex l-adernza għall-Protokoll Addizzjonali ssir kondizzjoni għall-provvista nukleari;

(47)

l-appell lill-Istati Parti għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta’ Materjal Nukleari biex jirratifikaw malajr kemm jista’ jkun l-Emenda għall-Konvenzjoni, sabiex jitħaffef id-dħul fis-seħħ tagħha;

(48)

l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji reżistenti għall-proliferazzjoni u favur is-salvagwardji;

UŻI PAĊIFIĊI TAL-ENERĠIJA NUKLEARI

(49)

ir-rikonoxximent tad-dritt tal-Istati Parti għal użu ta’ enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi, skont l-Artikolu IV tat-TNP, b’kont meħud debitu tal-Artikoli I, II u III tiegħu, inter alia, fil-qasam tal-produzzjoni tal-elettriku, l-industrija, is-saħħa u l-agrikoltura;

(50)

l-impenn kontinwu biex ikun żgurat żvilupp responsabbli ta’ użijiet paċifiċi tal-enerġija nukleari fl-aħjar kondizzjonijiet ta’ sigurtà, sikurezza u non-proliferazzjoni;

(51)

f’dak ir-rigward, l-inkoraġġiment tal-Istati Parti għat-TNP biex jaffermaw mill-ġdid u jkunu konformi mal-prinċipji u l-istandards li jirregolaw l-iżvilupp responsabbli tal-użijiet paċifiċi tal-enerġija nukleari;

(52)

is-sottolinjar tal-importanza ta’ koperazzjoni internazzjonali kontinwa sabiex jissaħħu s-sigurtà nukleari, l-amministrazzjoni sikura tal-iskart, il-protezzjoni radjoloġika u r-responsabbiltà nukleari ċivili u l-appell lill-istati li għadhom m’għamlux dan biex jaċċetaw il-konvenzjonijiet rilevanti kollha malajr kemm jista’ jkun u jimplimentaw b’mod sħiħ l-impenji segwenti;

(53)

l-appoġġ għall-isforzi nazzjonali, bilaterali u internazzjonali għat-taħriġ tal-forza tax-xogħol bil-ħiliet neċessarja meħtieġa biex ikun żgurat l-iżvilupp responsabbli tal-użijiet paċifiċi tal-enerġija nukleari taħt l-aħjar kondizzjonijiet ta’ sigurtà, sikurezza u non-proliferazzjoni;

(54)

il-konvinzjoni soda kontinwa dwar il-benefiċċji tal-approċċi multilaterali għaċ-ċiklu tal-karburant nukleari, li fih il-mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni, waħedhom jew flimkien ma’ mekkaniżmi komplimentari oħra, m’għandhomx jaġixxu biex ifixklu s-suq eżistenti li jiffunzjona tajjeb, u għandhom jindirizzaw l-użijiet paċifiċi korretti tal-enerġija nukleari billi jipprovdu sigurtà tal-provvista tal-karburant nukleari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw programm nukleari fl-aħjar kondizzjonijiet ta’ sigurtà, sikurezza u non-proliferazzjoni;

(55)

ir-rikonoxximent li diversi inizjattivi, inkluż l-istabbiliment ta’ bank tal-Uranju b’Konċentrazzjoni Baxxa taħt il-kontroll tal-IAEA, jistgħu jipprovdu mekkaniżmi ta’ appoġġ (back-up) lill-pajjiżi interessati u jiffaċilitaw soluzzjonijiet multilaterali dewwiema;

(56)

l-inkoraġġiment u l-involviment fi djalogu ulterjuri u konsultazzjoni biex jiġu ċċarati kwistjonijiet pendenti u biex jiżdied l-appoġġ għall-kunċett ta’ approċċi multilaterali għaċ-ċiklu tal-karburant nukleari;

Artikolu 4

L-azzjoni meħuda mill-Unjoni għall-finijiet tal-Artikoli 1, 2 u 3 għandha tinkludi:

(a)

protesti (demarches) fir-rigward tal-Istati Parti, u, fejn adatt, fir-rigward tal-istati mhux parti għat-TNP, biex jitħeġġeġ l-appoġġ tagħhom għall-objettivi mniżżla fl-Artikoli 1, 2 u 3 għal din id-Deċiżjoni;

(b)

il-kisba ta’ qbil mill-Istati Membri dwar abbozzi ta’ proposti dwar kwistjonijiet sostantivi għal preżentazzjoni f’isem l-Unjoni għall-konsiderazzjoni mill-Istati Parti u li jistgħu jifformaw il-bażi għal deċiżjonijiet tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010;

(c)

dikjarazzjonijiet mill-Unjoni fid-Dibattitu Ġenerali u fid-dibattiti fit-tliet Kumitati Ewlenin u l-Korpi Sussidjarji tagħhom tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP tal-2010.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ESPINOSA


(1)  ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 223.

(2)  ĠU L 127, 15.5.2008, p. 78.

(3)  ĠU L 107, 17.4.2008, p. 62.

(4)  ĠU L 189, 17.7.2008, p. 28.

(5)  ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 388.

(6)  NPT/CONF.2010/PC.III/WP.26.