8.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 88/21 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-6 ta’ April 2010
li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għas-sustanza attiva ġdida FEN 560
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1974)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/206/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 8(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Ġunju 2003 Franza rċeviet applikazzjoni mingħand is-Société occitane de fabrications et de technologies, għall-inklużjoni tas-sustanza attiva FEN 560 fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/131/KE (2) ikkonfermat li d-dossier kien sħiħ u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni fl-Annessi II u III ta' dik id-Direttiva. |
(2) |
Kien hemm il-ħtieġa ta’ konferma li d-dossier kien sħiħ biex setgħu jiġu eżaminati dawk is-sustanzi attivi fid-dettall u biex l-Istati Membri seta’ jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet provviżorji, għal perjodi sa tliet snin, għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva, filwaqt li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni dwar il-valutazzjoni dettaljata tas-sustanza attiva u tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati minn dik id-Direttiva. |
(3) |
Għal dik is-sustanza attiva, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew evalwati, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 (2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istat Membru relatur ressaq l-abbozz tar-rapport evalwattiv lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2005. |
(4) |
Wara li tressaq l-abbozz tar-rapport evalwattiv mill-Istat Membru relatur, instab li hemm il-ħtieġa li tintalab aktar informazzjoni mingħand l-applikant u li l-Istat Membru relatur jeżamina dik l-informazzjoni u jressaq il-valutazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-eżaminar tad-dossier għadu għaddej u mhux se jkun possibbli li l-valutazzjoni tintemm fil-qafas ta’ żmien stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE, moqrija mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/353/KE (3). |
(5) |
Minħabba li l-valutazzjoni sa issa għadha ma identifikat l-ebda raġuni ta’ tħassib immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jtawlu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għall-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva kkonċernata għal perjodu ta’ 24 xahar b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE b’mod li jkun jista’ jitkompla l-eżaminar tad-dossier. Huwa mistenni li l-evalwazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta' deċiżjoni dwar il-possibbiltà li l-FEN 560 tiġi inkluża fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, jitlestew fi żmien 24 xahar. |
(6) |
Fl-istess waqt id-Deċiżjoni 2008/353/KE, għandha tiġi rrevokata, billi ma għadhiex valida. |
(7) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-FEN 560 għal perjodu li ma jaqbiżx is-6 ta' April 2012.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni 2008/353/KE hija mħassra.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fis-6 ta' April 2012.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ April 2010.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.
(2) ĠU L 37, 10.2.2004, p. 34.
(3) ĠU L 117, 1.5.2008, p. 45.