24.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/55


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Marzu 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2006/109/KE billi taċċetta tliet offerti għall-impenn konġunt tal-prezzijiet b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti fonduti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2010/177/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (‘ir-Regolament bażiku’), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 11(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1212/2005 (2) (“ir-Regolament definittiv”), impona dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti fonduti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. (“ir-RPĊ”). Dan ir-Regolament ġie emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 500/2009 (3).

(2)

Il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2006/109/KE (4) aċċettat impenn konġunt tal-prezzijiet mill-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (“KKĊMPE”) flimkien ma’ 20 kumpanija Ċiniża li jikkooperaw jew gruppi ta’ kumpaniji li jikkooperaw. Din id-Deċiżjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/437/KE (5).

(3)

Ir-Regolament definittiv jagħti l-possibbiltà lill-produtturi esportaturi ġodda Ċiniżi biex jingħataw l-istess trattament bħall-kumpaniji li jikkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali, bil-kundizzjoni li dawn il-produtturi jingħataw it-trattament ta’ produtturi esportaturi ġodda (“TPEĠ”) skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1212/2005.

(4)

Wara tliet talbiet għat-TPEĠ imsejsa fuq l-Artikolu 1(4) tar-Regolament definittiv, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 426/2008 (6) emenda r-Regolament definittiv u assenja rata ta’ dazju individwali ta’ 28,6 % lill-esportaturi produtturi HanDan County Yan Yuan Smelting and Casting Co., Ltd (“HanDan”), XianXian Guozhuang Precision Casting Co., Ltd (“XianXian”) u Wuxi Norlong Foundry Co., Ltd (“Norlong”).

(5)

Wara talba għat-TPEĠ imsejsa fuq l-Artikolu 1(4) tar-Regolament definittiv, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 282/2009 (7) emenda r-Regolament definittiv u assenja rata ta’ dazju individwali ta’ 28,6 % lill-produttur esportatur Weifang Stable Casting Co., Ltd (“Weifang”).

(6)

Ta’ min ifakkar li l-erba’ produtturi esportaturi kollha rċevew trattament individwali (“TI”) matul l-investigazzjoni tat-TPEĠ.

(7)

Tnejn mill-erba’ produtturi esportaturi msemmija hawn fuq li ngħataw it-TPEĠ (XianXian u Weifang) ressqu flimkien mal-KKĊMPE offerti formali biex jingħaqdu mal-impenn konġunt ta’ responsabbiltà aċċettat mill-Kummissjoni.

(8)

Fl-10 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni, permezz ta’ notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (8), nediet reviżjoni interim parzjali tal-miżuri definittivi. Ir-reviżjoni hija limitata fl-ambitu għall-investigazzjoni tal-forma tal-miżuri u partikolarment, għall-investigazzjoni ta’ aċċettabilità u funzjonabbiltà ta’ garanziji offruti mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ.

(9)

Wara t-tnedija ta’ reviżjoni parzjali interim tal-miżuri, produttur esportatur ieħor li ngħata t-TPEĠ, HanDan, ressaq, fil-limitu ta’ żmien stipulat, flimkien mal-KKĊMPE offerta formali biex jingħaqad mal-impenn konġunt ta’ responsabbiltà aċċettat mill-Kummissjoni.

(10)

Produttur esportatur ieħor li ngħata t-TPEĠ, Norlong, għarraf li ma xtaqx jissieħeb mal-impenn konġunt aċċettat mill-Kummissjoni, i¿da ressaq offerta, fil-limitu ta’ żmien stipulat, għal impenn separat.

(11)

Fil-15 ta’ Diċembru 2009, il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġu aċċettati l-offerti għall-impenn konġunt tal prezzijiet mressaq mill-KKĊMPE u HanDan, mill-KKĊMPE u Xian Xian u mill-KKĊMPE u Weifang u r-rifjut tal-impenn offrut minn Norlong, ġew żvelati lill-partijiet interessati. Dawn ingħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom ġew ivvalutati qabel ħadu deċiżjoni finali.

B.   OFFERTI TA’ IMPENJI

(12)

Fir-rigward tal-offerta ta’ impenji mressqa mill-KKĊMPE flimkien ma’ Handan, XianXian u Weifang, qed jiġi nnutat li dawn huma identiċi għall-offerta ta’ impenn kollettiv aċċettata mid-Deċiżjoni 2006/109/KE u għalhekk il-KKĊMPE u t-tliet produtturi esportaturi jimpenjaw rwieħhom li jiżguraw li l-prodott ikkonċernat jiġi esportat bi jew ‘il fuq mill-prezz minimu ta’ importazzjoni (“PMI”) stabbilit f’livell li jelimina l-effett dannuż ta’ dumping. Għandu jitfakkar li l-impenn jinkludi l-indiċjar tal-prezz minimu ta’ importazzjoni tal-prodott ikkonċernat skont il-kwotazzjonijiet pubbliċi nazzjonali għall-materja prima ewlenija, jiġifieri ħadid mhux maħdum, peress li l-prezzijiet tal-fondut ivarjaw b’mod sinifikanti skont il-prezzijiet tal-ħadid mhux maħdum.

(13)

Flimkien ma’ dan, investigazzjoni oħra wriet li ma teżisti l-ebda raġuni speċifika għall-kumpaniji li tiġġustifika r-rifjut tal-offerta mressqa mill-KKĊMPE flimkien ma’ HanDan, XianXian u Weifang Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, u billi l-kumpaniji rċevew rata tad-dazju individwali, il-Kummissjoni tqis li tista’ taċċetta l-offerta tal-impenn li saret mill-KKĊMPE u l-produtturi esportaturi.

(14)

Barra dan, ir-rapporti regolari u ddettaljati li l-KKĊMPE u l-kumpaniji impenjaw rwieħhom li jipprovdu lill-Kummissjoni għandhom jippermettu monitoraġġ effettiv. Għalhekk, qed jitqies li r-riskju li jiġi evitat l-impenn huwa limitat.

(15)

Fir-rigward tal-impenn separat offrut minn Norlong, għandu jitfakkar li l-impenn oriġinali aċċettat bid-Deċizjoni 2006/109/KE kien impenn konġunt ta’ responsabbiltà ta’ 20 kumpanija flimkien mal-KKĊMPE. Il-fatt li dan kien offrut bħala impenn konġunt kkontribwixxa b’mod deċiżiv li jiġi aċċettat mill-Kummissjoni billi żied il-prattikabbiltà u tejjeb il-kontroll tar-rispett tal-obbligi ġejjin mill-impenn, u dan kollu huwa meħtieġ fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi esportaturi involuti.

(16)

Norlong stqarret li l-Kummissjoni kienet diġà aċċettat fl-imgħoddi, mill-inqas impenn wieħed minn kumpanija li ma ngħatatx it-trattament ekonomiku tas-suq (“TES”) iżda trattament individwali biss (9), bħal fil-każ ta’ Norlong. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-qagħda fil-każ irreferut minn Norlong hija differenti mill-qagħda fl-impenn oriġinali aċċettat bid-Deċiżjoni 2006/109/KE: fil-każ irreferut minn Norlong, offerta ta’ impenn waħda biss ta’ produttur esportatur wieħed ġiet finalment aċċettata. Għandu jitfakkar ukoll li l-impenn ġie sussegwentement irtirat mill-Kummissjoni minħabba f’bosta ksur li ġie żvelat, inklużi skemi ta’ kumpens trażversali (10).

(17)

Fil-każ tal-impenn aċċettat bid-Deċiżjoni 2006/109/KE, l-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni, jiġifieri l-għadd kbir ta’ kumpaniji li jaqbeż l-20, jitlob tħejjija partikolari għal kontroll u monitoraġġ speċjali. Norlong ma ressqet l-ebda argument rilevanti li jissuġġerixxi li kienet f’qagħda differenti mill-kumpaniji l-oħra li huma parti mill-impenn konġunt jew li jiġġustifika li l-Kummissjoni għandha tittratta lil Norlong b’mod differenti mill-kumpaniji l-oħra li huma parti mill-impenn konġunt. Barra minn hekk, l-offerta ta’ Norlong għandha mnejn timplika d-duplikazzjoni tal-isforzi tas-sistema ta’ kontroll u monitoraġġ tal-Kummissjoni. Billi ma tkunx ħaġa prattika u effiċjenti fl-iżpiza għall-Kummissjoni biex tikkontrolla r-rispett tal-obbligi ġejjin mill-offerta ta’ impenn individwali ta’ Norlong, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma tistax taċċetta l-offerta separata ta’ impenn li saret minn Norlong.

(18)

L-industrija tal-Unjoni oġġezzjonat għall-offerta tal-impenn imressqa mill-KKĊMPE flimkien ma’ HanDan, XianXian u Weifang, bl-argument li l-PMI għandu mnejn ikun baxx wisq biex jipproteġi l-industrija Ewropea mill-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u li l-industrija tal-Unjoni qed issofri minn aktar dannu. Fir-rigward tal-livell tal-PMI, għandu jiġi nnotat li d-dazji anti-dumping ġew imposti fil-livell tal-marġini ta’ dumping li nstabu li kienu aktar baxxi mill-marġini ta’ dannu. Għalhekk, il-PMI ġie stabbilit ukoll fuq il-valur normali u għalhekk jelimina biss id-dumping stabbilit, f’konformità mal-prinċipju tar-regola ta’ inqas dazju stipulat fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

(19)

L-industrija tal-Unjoni argumentat ukoll li, minkejja l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping, is-sehem tas-suq tal-esportaturi Ċiniżi żdied mill-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (11). L-industrija tal-Unjoni stqarret li dan kien minħabba żieda fl-esportazzjonijiet miċ-Ċina marbut ma’ tnaqqis qawwi fil-konsum tal-Unjoni. Madankollu, ma tressqet l-ebda evidenza konklużiva fir-rigward tat-tnaqqis qawwi allegat fil-konsum. Barra minn hekk, mill-istatistika disponibbli (12), jidher li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping naqsu b’14 % mill-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni.

(20)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ebda waħda mir-raġunijiet imressqa mill-industrija tal-Unjoni ma tista’ tbiddel il-konklużjoni li l-offerta tal-impenn imressqa mill-KKĊMPE flimkien ma’ HanDan, Weifang u XianXian għandha tiġi aċċettata.

(21)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja b’mod effettiv il-konformità tal-kumpaniji mal-impenn, meta t-talba għar-rilaxx għall-moviment ħieles titressaq quddiem l-awtorità doganali rilevanti, l-eżenzjoni mid-dazju tal-anti-dumping se tkun bil-kundizzjoni li (i) il-preżentazzjoni tal-fattura tal-impenn ikun fiha għall-inqas dawk l-elementi mniżżla fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 268/2006 (13); (ii) il-fatt li l-prodotti importati jiġu manifatturati, mibgħuta u mogħnija b’fattura direttament mill-kumpanija msemmija lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni; u (iii) il-fatt li l-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni tal-fattura tal-impenn. Meta ma titressaq l-ebda fattura bħal din, jew meta din ma tikkorrispondix mal-prodott ippreżentat lid-dwana, minflok għandha titħallas ir-rata xierqa ta’ dazju tal-anti-dumping.

(22)

Biex ikun assigurat aktar ir-rispett lejn l-impenn, l-importaturi kienu mgħarrfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 268/2006 li nuqqas ta’ żamma tal-kundizzjonijiet stipulati minn dak ir-Regolament, jew l-irtirar mill-Kummissjoni tal-aċċettazzjoni tal-impenn, jista’ jwassal għal ħlas ta’ dejn tad-dwana għat-tranżazzjonijiet rilevanti.

(23)

Fil-każ ta’ ksur jew irtirar tal-impenn, jew fil-każ ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, id-dazju tal-anti-dumping impost skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku għandu japplika awtomatikament skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku.

(24)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-impenn offrut minn Norlong għandu jiġi rrifjutat. L-offerta mressqa mill-KKĊMPE u HanDan, mill-KKĊMPE u XianXian u mill-KKĊMPE u Weifang biex jissieħbu fl-impenn konġunt ta’ prezzijiet kif aċċettat mid-Deċiżjoni 2006/109/KE għandha tiġi aċċettata, u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/109/KE għandu jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-impenn offrut li għandu x’jaqsam mal-proċeduri tal-anti-dumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ċerti fonduti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina: (i) mill-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (“KKĊMPE”) u minn HanDan County Yan Yuan Smelting and Casting Co., Ltd, (ii) mill-KKĊMPE u XianXian Guozhuang Precision Casting Co. Ltd; u (iii) mill-KKĊMPE u Weifang Stable Casting Co., Ltd huwa b’dan aċċettat.

Artikolu 2

It-tabella tal-Artikolu 1 fid-Deċiżjoni 2006/109/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/437/KE qed tinbidel bit-tabella li ġejja:

Kumpanija

Kodiċi Addizzjonali Taric

Beijing Tongzhou Dadusche Foundry Factory, East of Dongtianyang Village, Dadushe, Tongzhou Beijing

A708

Botou City Simencun Town Bai Fo Tang Casting Factory, Bai Fo Tang Village, Si Men Cun Town, Bo Tou City, 062159, Hebei Province

A681

Botou City Wangwu Town Tianlong Casting Factory, Changle Village, Wangwu Town, Botou City, Hebei Province

A709

Changan Cast Limited Company of Yixian Hebei, Taiyuan main street, Yi County, Hebei Province, 074200

A683

Changsha Jinlong Foundry Industry Co., Ltd, 260, Jinchang Road, JinJing Town, Changsha, Hunan

A710

Changsha Lianhu Foundry, Lianhu Village, Yuhuating Town, Yuhua District, Changsha, Hunan

A711

Immanufatturati u mibjugħa minn GB Metal Products Co., Ltd, Zhuanlu Town, Dingzhou, Hebei jew immanifatturati minn GB Metal Products Co., Ltd, Zhuanlu Town, Dingzhou, Hebei u mibjugħa mill-kumpanija tal-bejgħ relatata GB International Trading Shanghai Co Ltd, B301-310 Yinhai Building., 250 Cao Xi Road, Shanghai

A712

Guiyang Bada Foundry Co., Ltd, Mengguan Huaxi Guiyang, Guizhou

A713

Hebei Jize Xian Ma Gang Cast Factory, Nankai District. Xiao Zhai Town, Jize County, Handan City, Hebei

A714

Immanufatturati u mibjugħa minn Hebei Shunda Foundry Co., Ltd, Qufu Road, Quyang, 073100, PRC jew immanifatturati minn Hebei Shunda Foundry Co., Ltd, Qufu Road, Quyang, 073100, PRC u mibjugħa mill-kumpanija tal-bejgħ relatata Success Cast Tech-Ltd, 603A Huimei Business Centre 83 Guangzhou Dadao(s), Guangzhou 510300

A715

Hong Guang Handan Cast Foundry Co., Ltd, Nankai District, Xiao Zhai Town, Handou City, Jize County, Hebei

A716

Qingdao Qitao Casting Co., Ltd, Nan Wang Jia Zhuang Village, Da Xin Town, Jimo City, Qingdao, Shandong Province, 266200

A718

Shandong Huijin Stock Co., Ltd, North of Kouzhen Town, Laiwu City, Shandong Province, 271114

A684

Shahe City Fangyuan Casting Co., Ltd, West of Nango Village, Shiliting Town, Shahe City, Hebei Province

A719

Shanxi Yuansheng Casting and Forging Industrial Co. Ltd, No 8 DiZangAn, Taiyuan, Shanxi, 030002

A680

Tianjin Fu Xing Da Casting Co., Ltd, West of Nan Yang Cun Village, Jin Nan District, 300350, Tianjin

A720

Weifang Jianhua Casting Co., Ltd, Kai Yuan Jie Dao Office, Hanting District, Weifang City, Shandong Province

A721

Zibo City Boshan Guangyuan Casting Machinery Factory, Xiangyang Village, Badou Town, Boshan District, Zibo City Shandong Province

A722

Zibo Dehua Machinery Co., Ltd, North of Lanyan Street, Zibo High-tech Developing Zone

A723

HanDan County Yan Yuan Smelting and Casting Co., Ltd, South of Hu Cun Village, Hu Cun Town, Han Dan County, Hebei, 056105

A871

XianXian Guozhuang Precision Casting Co., Ltd, Guli Village, Xian County, Gouzhuang, Hebei, Cangzhou 062250

A869

Weifang Stable Casting Co., Ltd, Fangzi District, Weifang City, Shandong Province, 261202

A931

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2010.

Ghall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 199, 29.7.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 151, 16.6.2009, p. 6.

(4)  ĠU L 47, 17.2.2006, p. 59.

(5)  ĠU L 153, 12.6.2008, p. 37.

(6)  ĠU L 129, 17.5.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 94, 8.4.2009, p. 1.

(8)  ĠU C 131, 10.6.2009, p. 18.

(9)  ĠU L 267, 12.10.2005, p. 27.

(10)  ĠU L 164, 26.6.2007, p. 32.

(11)  Il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali kopra l-perjodu mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004.

(12)  Sors: Bażi ta’ dejta 14,6 u Comext.

(13)  ĠU L 47, 17.2.2006, p. 3.