26.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Marzu 2009

dwar l-għajnuniet mill-Istat C 43/07 (ex N 64/07) u C 44/05 (ex NN 79/05, ex N 439/04) mogħtija mill-Polonja lil Huta Stalowa Wola S.A.

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 1480)

(il-verżjoni Pollakka biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/174/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2004, il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni dwar miżuri mogħtija b’appoġġ għar-ristrutturar ta’ Huta Stalowa Wola S.A. (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “HSW”, “il-benefiċjarja” jew “il-kumpanija”), bil-għan li tinkiseb ċertezza ġuridika li kienu ngħataw qabel l-adeżjoni u ma kinux applikabbli wara l-adeżjoni, u li għalhekk, ma kienu jikkostitwixxu ebda għajnuna ġdida li tista’ tiġi eżaminata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE. F’każ li l-Kummissjoni kellha ssib li dawn il-miżuri kienu għajnuna ġdida, il-Polonja talbet li dawn jiġu approvati bħala għajnuna għar-ristrutturar.

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Polonja biex tipprovdi aktar informazzjoni permezz ta’ ittri ddatati l-11 ta’ Novembru 2004, l-1 ta’ Marzu 2005, is-27 ta’ April 2005 u s-26 ta’ Lulju 2005, li l-Polonja wieġbet għalihom, rispettivament, permezz tal-ittri tal-31 ta’ Jannar 2005, irreġistrata fit-2 ta’ Frar 2005, tal-4 ta’ April 2005, irreġistrata fit-8 ta’ April 2005, tas-7 ta’ Ġunju 2005, irreġistrata fid-9 ta’ Ġunju 2005 u tat-2 ta’ Settembru 2005, irreġistrata fis-6 ta’ Settembru 2005.

(3)

Matul dan l-iskambju ta’ informazzjoni ħareġ li wħud mill-miżuri nnotifikati kienu implimentati bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE.

(4)

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li hija kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ dawk il-miżuri.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(6)

Il-Polonja bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra ddatata s-7 ta’ Marzu 2006, irreġistrata fid-9 ta’ Marzu 2006. Ma waslu ebda kummenti mingħand partijiet terzi.

(7)

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni kkonkludiet l-investigazzjoni formali billi ddikjarat li l-għajnuna għar-ristrutturar favur l-HSW kienet kumpatibbli mas-suq komuni (“deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006”) (2). L-eżami tal-Kummissjoni wera li kienet ingħatat xi għajnuna qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE (PLN 157 miljun jew EUR 37,2 miljun (3) u xi għanuna oħra wara l-adeżjoni (PLN 66 miljun jew EUR 15,6 miljun).

(8)

Il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturar ta’ HSW iddatat Frar 2006 (il-“Pjan ta’ Frar”) u sottomess mill-Polonja fid-9 ta’ Marzu 2006. Wara li ġiet adottata d-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, il-Polonja nnotifikat permezz ta’ ittra ddatata t-2 ta’ Frar 2007 (irreġistrata nhar l-4 ta’ Frar 2007) verżjoni aġġornata tal-pjan iddatata Novembru 2006 (il-“Pjan ta’ Novembru”). Il-Polonja sostniet li għal raġunijiet amministrattivi interni, hija ma setgħetx tinnotifika lill-Kummissjoni aktar kmieni dwar il-pjan immodifikat (4).

(9)

Il-Kummissjoni talbet li tingħata informazzjoni addizzjonali dwar il-modifiki tal-pjan ta’ Frar permezz ta’ ittri tad-29 ta’ Marzu 2007 u l-21 ta’ Mejju 2007. L-awtoritajiet Pollakki wieġbu rispettivament permezz ta’ ittri tat-30 ta’ April 2007, irreġistrata fl-istess jum, u tal-5 ta’ Ġunju 2007, li wkoll ġiet irreġistrata fl-istess jum. Nhar is-7 ta’ Ġunju 2007, saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Pollakki, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-amministrazzjoni tal-HSW. Wara l-laqgħa, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra ddatata t-22 ta’ Ġunju 2007, talbet li tingħata aktar informazzjoni. Il-Polonja wieġbet lura permezz ta’ ittra ddatata t-13 ta’ Lulju 2007, irreġistrata fl-istess jum.

(10)

Nhar l-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fuq il-bażi tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE minħabba dubji dwar jekk il-pjan ta’ ristrutturar immodifikat kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (“il-Linji Gwida tal-2004”) (5). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni semmiet ukoll il-possibbiltà li tirrevoka d-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (6).

(11)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(12)

Wara li ngħatat estensjoni tad-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-kummenti tagħha (talbiet tat-30 ta’ Ottubru 2007 u s-6 ta’ Diċembru 2007, li għalihom il-Kummissjoni wieġbet permezz ta’ ittri tal-20 ta’ Novembru 2007 u d-19 ta’ Diċembru 2007 rispettivament), il-Polonja bagħtet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2008, irreġistrata fl-istess jum. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand 13-il parti terza, inkluża l-kumpanija benefiċjarja. Il-kummenti ntbagħtu mill-awtoritajiet lokali: il-President tal-belt ta’ Stalowa Wola permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Novembru 2008, Starosta Powiatu Stalowa Wola permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2008 u r-Reġjun Podkarpackie Voivod permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2008. Il-fornituri ta’ HSW li ġejjin bagħtu l-kummenti tagħhom: Clak Hurtownia Artykołow Przemysłowych H. Adamski, J. Lach T. Knie s.j. permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Jannar 2008, Kwadrat Sp. z o.o. permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Jannar 2008, Odlewnia Staliwa “Labedy” Sp. z o.o permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Jannar 2008, Fabryka Maszyn Lubaczow Sp. z o.o. permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2008 u SigmaKalon Cieszyn S.A. permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2008. Il-banek li ġejjin li jikkoperaw mal-HSW bagħtu l-kummenti tagħhom: Bank Pekao S.A. permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2008 u BRE Bank S.A permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2008. Finalment, intbagħtu kummenti minn ENESTA Sp. z o.o. (fornitur tal-enerġija) permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2008 u mill-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Jannar 2008. Il-kumpanija benefiċjarja bagħtet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2008.

(13)

Il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti rċevuti mingħand il-partijiet terzi lill-Polonja permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2008.

(14)

Fid-9 u l-14 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Pollakki bagħtu ittri lill-Kummissarju Neelie Kroes, li l-Kummissarju wieġbet għalihom nhar it-28 ta’ April 2008, fejn talbet għal informazzjoni addizzjonali. Dawk l-ittri ġew imwieġba permezz ta’ ittri tal-awtoritajiet Pollakki ddatati l-4 ta’ Lulju 2008, li ġew irreġistrati fid-9 ta’ Lulju 2008.

(15)

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2008, li ġiet irreġistrata fl-istess jum, il-Polonja bagħtet informazzjoni addizzjonali. Nhar l-1 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni, li l-Polonja wieġbet għaliha permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, li ġiet irreġistrata fl-istess jum.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   Il-Kumpanija

(16)

HSW, il-kumpanija benefiċjarja tal-għajnuna u l-kumpanija prinċipali tal-grupp HSW, hija bbażata fi Stalowa Wola, li tinsab f’Podkarpackie voivodship. Dan ir-reġjun huwa eliġibbli għal għajnuna skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE. Fi Frar 2006, il-grupp kien jinkludi tmien kumpaniji li fihom l-HSW kellha mill-inqas 51 % tal-ishma (biex b’hekk kienet qiegħda tikkontrolla dawn il-kumpaniji) u 10 kumpaniji oħra li fihom kellha inqas minn 51 %. Il-kumpaniji li jappartjenu għall-grupp tal-kapital tal-HSW jipprovdu lil xulxin b’materjal u servizzi. Wara l-kumpanija prinċipali, il-kumpaniji bl-ogħla kapital ta’ ishma fil-grupp huma HSW-Zakład Zespołów Napędowych Sp. z o.o u HSW-Zakład Zespołów Mechanicznych Sp. z o.o. Il-bejgħ lil kumpaniji li jappartjenu għall-grupp tal-kapital jammontaw għal 20-30 % tal-bejgħ totali ta’ HSW.

(17)

HSW inħolqot fl-1937 u fil-bidu kienet tipproduċi azzar tal-kanuni u azzar b’ammont għoli ta’ liga. Għall-kuntrarju Tal-kumpanija sussidjarja tagħha HSW – Zakład Metalurgiczny, hija ma tipproduċix azzar. Fl-1991 hija saret kumpanija b’ishma b’responsabbiltà mhux limitata (joint-stock company). L-Istat għad għandu 76 % tal-ishma, 9 % jappartjenu lill-impjegati, u l-bqija tal-azzjonisti pubbliċi u privati għandhom mhux aktar minn 5 % kull wieħed. HSW timmanifattura makkinarju tal-kostruzzjoni u tagħmir militari (kanuni, howitzers eċċ.).

(18)

Fl-2005 HSW kellha madwar 2 400 impjegat, mit-3 173 li kellha fl-2002.

(19)

Waħda mill-kumpaniji sussidjarji ta’ HSW hija l-kumpanija ta’ distribuzzjoni Dressta Sp. z o.o. (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Dressta”). Sa minn Settembru 2006, din tal-aħħar kienet ikkontrollata għalkollox minn HSW. Madankollu, qabel, 51 % tal-ishma ta’ Dressta kienu proprjetà ta’ Komatsu American International Company USA (minn hawn ‘il quddiem imsejħa KAIC), kompetitriċi ta’ HSW. Fl-1995 HSW ittrasferiet il-liċenzji u l-assi relatati mal-bejgħ tagħha fi swieq barranin lil Dressta għal perjodu ta’ 12-il sena.

2.2.   Diffikultajiet tal-Kumpanija

(20)

Id-diffikultajiet tal-kumpanija benefiċjarja bdew fl-2002, meta l-qligħ tagħha naqas minn PLN 494,9 miljun (EUR 117,3 miljun) fis-sena 2000 għal PLN 352,6 miljun (EUR 83,5 miljun), tnaqqis ta’ 29 %. L-esportazzjonijiet tagħha naqsu minn PLN 505 miljun (EUR 119,7 miljun) għal PLN 279 miljun (EUR 66,1 miljun). It-tnaqqis qawwi fil-dħul finanzjarju mis-swieq barranin kien attribwibbli primarjament għar-riċessjoni u għall-fatt li Dressta, taħt l-influwenza tal-azzjonista prinċipali tagħha (kompetitriċi kbira ta’ HSW), naqqset il-bejgħ tagħha tal-prodotti tal-HSW b’mod sinjifikanti fis-suq tal-Amerika ta’ Fuq.

(21)

Fl-2002 il-kumpanija benefiċjarja għamlet telf operattiv ta’ PLN 33,9 miljun (EUR 8,03 miljun), l-aktar minħabba l-użu insuffiċjenti tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħha. Minħabba li l-maġġoranza tal-bejgħ tal-kumpanija fis-swieq barranin sar bid-dollaru Amerikan u ħafna mill-ispejjeż tagħha kienu bl-iżloti Pollakka, iż-żieda fil-valur tal-munita ta’ din tal-aħħar affettwat b’mod negattiv il-bejgħ u l-profitti tal-kumpanija benefiċjarja.

(22)

HSW sabet ruħha b’dejn qawwi. Id-dejn tagħha fil-perjodu 2000-2002 laħaq medja ta’ PLN 169,1 miljun (EUR 40,1 miljun).

(23)

Il-kumpanija kienet qiegħda wkoll topera b’telf. It-telf fuq il-bejgħ żdied minn PLN 6,4 miljun (EUR 1,52 miljun) fis-sena 2000 għal PLN 33,9 miljun (EUR 8,03 miljun) fl-2002.

(24)

Il-grupp HSW għamel telf nett ta’ PLN 137,7 miljun (EUR 32,6 miljun) fl-2002 u ta’ PLN 123,9 miljun (EUR 29,4 miljun) fl-2003.

2.3.   Ir-ristrutturar

(25)

Fl-2002 il-kumpanija benefiċjarja ppruvat tindirizza dawn id-diffikultajiet billi fasslet pjan ta’ ristrutturar għall-perjodu 2003-07. Dan il-pjan ġie emendat fi Frar 2006 (il-“Pjan ta’ Frar”). Il-Kummissjoni tat id-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Diċembru 2006 fuq il-bażi ta’ dak il-pjan. Il-pjan ġie aġġornat f’Novembru 2007 (“il-Pjan ta’ Novembru”), li bħala riżultat tiegħu l-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura.

2.3.1.   Il-pjan ta’ Frar

(26)

Waħda mill-miżuri prinċipali inklużi fil-pjan ta’ Frar kienet il-modifika tal-istruttura organizzattiva tal-kumpanija benefiċjarja. L-idea ewlenija tal-proċess ta’ ristrutturar ta’ HSW kienet li dik il-parti tal-kumpanija involuta direttament fil-produzzjoni għandha tiġi sseparata mill-assi li jridu jiġu ristrutturati. Għaldaqstant, inħolqot kumpanija indipendenti, HSW-Trading Sp. z o.o. (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “HSW-Trading”), mill-azzjonista maġġoritarja ta’ HSW – it-Teżor tal-Istat. It-Teżor tal-Istat ta lil HSW-Trading injezzjoni ta’ kapital ta’ PLN 40 miljun (EUR 9,48 miljun), li kienet innotifikata mill-Polonja bħala waħda mill-miżuri mogħtija lil HSW (partita 16 fit-Tabella 2 hawn taħt).

(27)

Filwaqt li HSW-Trading kienet responsabbli mill-produzzjoni u l-bejgħ ta’ makkinarju industrijali, il-loġistika, il-ġestjoni tal-kwalità u l-provvista tal-materjal għall-produzzjoni tal-makkinarju, HSW żammet l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp, il-finanzjament ta’ assi produttivi, il-marketing strateġiku, il-bejgħ ta’ spare parts, tiswijiet, u l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ tagħmir militari. HSW kienet responsabbli wkoll mir-ristrutturar organizzattiv. Għall-iskop tat-twettiq tal-attivitajiet tagħha, HSW-Trading ħadet assi relatati direttament mal-produzzjoni mingħand HSW. Il-forza tax-xogħol meħtieġa ġiet ittrasferita wkoll temporanjament lil HSW-Trading.

(28)

Din id-diviżjoni damet għaddejja mill-2004 sal-2006, jiġifieri matul ir-ristrutturar ta’ HSW. HSW-Trading reġgħet ingħaqdet ma’ HSW fl-aħħar tal-2006.

(29)

Il-pjan ta’ Frar ipprovda għal ristrutturar kbir tal-impjiegi. Mat-tlestija tar-ristrutturar fl-2007, HSW kellha tkun qed timpjega 2 100 ħaddiem, minn 3 173 impjegat li kellha fl-aħħar tal-2002.

(30)

Sabiex il-kumpanija benefiċjarja tkun tista’ tilħaq swieq ġodda, kellha tiġi ristrutturata wkoll l-organizzazzjoni tan-netwerk tad-distribuzzjoni għall-makkinarju tal-kostruzzjoni u l-ispare parts fis-suq dinji.

(31)

Ir-ristrutturar ta’ HSW kellu jinkludi wkoll il-bejgħ tal-kumpaniji sussidjarji u l-privatizzazzjoni tad-dipartimenti li joperaw fis-settur tas-servizzi. Sal-2006 HSW kienet biegħet lil HSW – Zakład Kuźnia Matrycowa Sp. z o.o għal PLN 38 miljun (EUR 9,0 miljun) u lil HSW - Zaklad Metalurgiczny (HSW-Walcownia Blach Sp. z o.o. u l-HSW-Huta Stali Jakosciowych). HSW iġġenerat dħul ta’ PLN 112.2 miljun (EUR 26.6 miljun) minn din il-privatizzazzjoni. Il-bejgħ taż-żewġ kumpaniji sussidjarji, HSW – Zakład Spreżynownia u HSW – Tlenownia, kellu jiġi ffinalizzat fl-2006.

(32)

Ir-ristrutturar tal-assi involva t-tnaqqis tal-kapaċità tal-produzzjoni minn 1 500 magna tal-kostruzzjoni fis-sena għal 1 200 fis-sena. L-assi ta’ HSW kienu meqjusa bħala eċċessivi għall-ħtiġijiet tagħha. Minħabba li HSW ippjanat li tiffoka fuq il-produzzjoni ta’ makkinarju tal-kostruzzjoni, sehem sinjifikanti mill-assi tagħha kellu jinbiegħ. L-assi mibjugħa bejn Jannar 2003 u Diċembru 2005 iġġeneraw dħul ta’ PLN 52,1 miljun (EUR 12,3 miljun), li qabeż sewwa l-ammont imbassar ta’ PLN 10,3 miljun (EUR 2,4 miljun). L-assi li ġejjin ġew mibjugħa: madwar 248.4 ettaru ta’ art (inkluż madwar 153 ettaru ta’ art imsaġġra); 76 000 m2 ta’ proprjetà immobbli u 94 biċċa ta’ makkinarju u apparat.

(33)

L-ispejjeż ġenerali tar-ristrutturar, inklużi l-ispejjeż tar-ristrutturar qabel l-adeżjoni, laħqu total ta’ PLN 450,3 miljun (EUR 106,7 miljun) u primarjament kienu jikkonsistu mir-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet taħt id-dritt ċivili (PLN 95,6 miljun u PLN 113,2 miljun rispettivament), l-ispiża tal-organizzazzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni u l-provvista (PLN 151,2 miljun), l-ispiża għall-assigurazzjoni tal-kontinwità tal-provvista (PLN 40,0 miljun) u l-immodernizzar (PLN 30,5 miljun).

2.3.2.   Il-pjan ta’ Novembru

(34)

Permezz ta’ ittra ddatata t-2 ta’ Frar 2007, il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni dwar il-bidliet magħmula fil-pjan tar-ristrutturar f’Novembru 2006. Il-Polonja tħoss li dawn il-bidliet mhux ser ibiddlu l-ammont tal-għajnuna mill-Istat u huma konformi mal-punt 52 tal-Linji Gwida tal-2004.

(35)

Il-bidla prinċipali fil-pjan ta’ Frar kienet tikkonċerna l-finanzjament tar-ristrutturar: minflok ma HSW tħallas lura ż-żewġ krediti mogħtija lilha qabel l-adeżjoni fl-2003 u l-2004 mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali mmexxija mill-Istat (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-ARP”) u l-imgħaxijiet fuq dak is-self (8), l-ARP kellha tpartat il-valur nominali tad-dejn għal ishma u b’hekk issir azzjonista ta’ HSW. Bidliet oħrajn jirrigwardaw differimenti tar-ristrutturar organizzattiv.

(36)

Skont il-Polonja, it-tpartit ta’ dejn għal ishma għandu jagħti l-opportunità lil HSW biex tiġbor ir-riżorsi meħtieġa sabiex tkun tista’ tiffunzjona sewwa fis-suq u għall-investimenti meħtieġa fil-ġejjieni. Il-Polonja indikat li mis-somma ta’ PLN 96,2 miljun (iż-żewġ krediti oriġinali li kienu jammontaw għal PLN 75 miljun flimkien ma’ PLN 21,2 miljun f’imgħaxijiet akkumulati) (9):

PLN [0-50] (*) miljun sejrin jintużaw għall-immodernizzar tal-apparat u għal investimenti addizzjonali, li skont il-Polonja, huma meħtieġa biex l-impriża terġa’ tinġieb fi stat vijabbli,

PLN [0-50] miljun huma meħtieġa għall-ispejjeż addizzjonali relatati mal-amalgamazzjoni posposta bejn HSW u HSW-Trading, li żiedet l-ispejjeż assoċjati mar-ristrutturar fl-impjiegi,

PLN [50-100] miljun sejrin jintużaw biex jiffinanzjaw l-akkumulazzjoni addizzjonali tal-istokk, iż-żieda fil-krediti minħabba l-estensjoni tad-data ta’ skadenza għall-ħlas tal-kontijiet lill-klijenti u t-taqsir tad-dati ta/skadenza għall-ħlasijiet lill-fornituri,

PLN [0-10] miljun sejrin jintużaw biex jiffinanzjaw krediti kummerċjali addizzjonali.

(37)

Il-Polonja tafferma li HSW teħtieġ fluss ta’ flus addizzjonali (l-ammont ta’ PLN [0-100] miljun imsemmija fuq) għaliex is-suq għall-makkinarju tal-kostruzzjoni sar aktar kompetittiv: il-kompetituri ta’ HSW qegħdin jagħtu lill-klijenti tagħhom dati ta’ skadenza itwal għall-ħlas tal-kontijiet u qegħdin jaqblu fuq dati tal-għeluq iqsar biex iħallsu lill-fornituri tagħhom.

(38)

L-ispejjeż ġenerali tar-ristrutturar tal-pjan ta’ Novembru, inklużi l-ispejjeż tar-ristrutturar qabel l-adeżjoni, jammontaw għal PLN 456,9 miljun (EUR 108,3 miljun) u jikkonsistu fl-elementi miġbura fil-qosor fit-Tabella 1:

Tabella 1

Sommarju tal-ispejjeż tar-ristrutturar kif previsti fil-Pjan ta’ Novembru

(f’eluf ta’ PLN)

Miżura ta’ ristrutturar

Spejjeż

Ristrutturar ta’ obbligazzjonijiet taħt id-dritt ċivili

95 648

Ristrutturar ta’ obbligazzjonijiet taħt id-dritt pubbliku

113 213

Organizzazzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni u l-provvista

158 741

Kontinwità tal-provvista ta’ materjal, spare parts u komponenti

40 000

Ristrutturar tal-prodotti

1 666

Ristrutturar tal-assi

871

Ristrutturar tal-impjiegi

4 199

Ristrutturar organizzattiv

2 013

Immodernizzar tal-kapaċità tal-produzzjoni

30 524

Total

456 878

3.   DEĊIŻJONI BIEX TINFETAĦ IL-PROĊEDURA SKONT L-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT TAL-KE

(39)

Nhar it-23 ta’ Novembru 2005 il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Permezz ta’ deċiżjoni meħuda fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuna tar-ristrutturar għal HSW fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturar tal-kumpanija ta’ Frar 2006. Fl-10 ta’ Ottubru 2007 il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali wara n-notifika tal-pjan ta’ Novembru, li kien jinkludi appoġġ addizzjonali għal HSW. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni pprevediet il-possibbiltà li tirrevoka d-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, billi dik id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta.

3.1.   Deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2005 li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni

(40)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni qieset li miżuri ta’ għajnuna li jammontaw għal total ta’ PLN 145,8 miljun kienu ngħataw lil HSW qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE; miżuri li jammontaw għal total ta’ PLN 27,9 miljun ingħataw wara l-adeżjoni mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u miżuri li jammontaw għal total ta’ PLN 43,4 miljun għadhom ma ngħatawx u għalhekk jikkostitwixxu għajnuna ġdida mill-Istat.

(41)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali għal żewġ raġunijiet.

(42)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni kellha dubji jekk l-għajnuna ta’ ristrutturar kinitx kumpatibbli mas-suq komuni.

(43)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kellha dubji jekk il-pjan ta’ ristrutturar kienx kapaċi jġib lill-kumpanija benefiċjarja lura għal stat ta’ vijabbiltà fit-tul, peress li deher li qiegħed jiffoka fuq il-manutenzjoni tad-djun u li jkopri l-ispejjeż operattivi.

(44)

Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens suffiċjenti. Filwaqt li l-Polonja affermat li HSW ippjanat li tnaqqas il-kapaċità tal-produzzjoni b’20 %, il-pjan ipprovda għal żieda fl-użu tal-kapaċità tal-produzzjoni minn 27,7 % fl-2002 għal 66 % fl-2007. Il-Kummissjoni kellha dubji dwar l-effett nett ta’ din l-operazzjoni.

(45)

Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk l-għajnuna kinitx limitata għall-minimu neċessarju u jekk il-kontribuzzjoni proprja tal-kumpanija benefiċjarja kinitx waħda sinjifikanti, billi l-Polonja ma għamlitx distinzjoni ċara bejn dik li hija qieset bħala kontribuzzjoni proprja għar-ristrutturar u dak li kien finanzjament minn għajnuna tal-Istat.

(46)

Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk il-prinċipju “ta’ darba, l-aħħar darba” kienx ġie rrispettat, billi kumpanija sussidjarja ta’ HSW, HSW–Zakład Zespołów Mechanicznych, kienet irċeviet għajnuna għar-ristrutturar għall-perjodu 2003-07 qabel ma l-Polonja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, kien meħtieġ li jintwera li din l-għajnuna ma kellhiex effetti sekondarji fuq il-kumpanija prinċipali, HSW. Il-Polonja ġiet mitluba wkoll tassigura lill-Kummissjoni li l-għajnuna għar-ristrutturar lil HSW, jekk tkun permessa, ma kienx ser ikollha effetti sekondarji fuq HSW – Zakład Zespołów Mechanicznych.

(47)

It-tieni raġuni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet li l-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk kienx hemm separazzjoni suffiċjenti bejn il-produzzjoni militari speċjali ssussidjata (kanuni) u l-produzzjoni ċivili tal-makkinarju tal-kostruzzjoni. F’ittri ddatati s-7 ta’ Ġunju 2005 u t-2 ta’ Settembru 2005, il-Polonja assigurat lill-Kummissjoni li l-possibbiltà ta’ kontrosussidjar kienet eskluża, u l-Kummissjoni nnotat li l-proporzjon ta’ għajnuna għall-produzzjoni militari mal-għajnuna totali kien żgħir, meta mqabbel mal-proporzjon tal-produzzjoni militari mal-produzzjoni totali. Madankollu, il-Kummissjoni talbet li tingħata spjegazzjonijiet aktar dettaljati dwar is-separazzjoni tal-kontijiet.

3.2.   Deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007 li terġa’ tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni

(48)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura tal-investigazzjoni formali għal erba’ raġunijiet.

(49)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-pjan ta’ Novembru kienx kapaċi jġib lil HSW lura fi stat ta’ vijabbiltà fit-tul, minħabba li kien jidher li l-kumpanija kienet teħtieġ fluss ta’ flus addizzjonali.

(50)

It-tieni, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-għajnuna kinitx limitata għall-minimu neċessarju, billi l-użu tal-fluss tal-flus żejda li ġew iġġenerati mit-tpartit ta’ dejn għal ishma ma ġiex spjegat biżżejjed mill-awtoritajiet Pollakki.

(51)

It-tielet, il-Kummissjoni staqsiet lilha nnifisha jekk l-ammont tal-għajnuna kienx ser jiżdied bħala konsegwenza tat-tpartit.

(52)

Finalment, minbarra d-dubji tagħha dwar iż-żieda fl-ammont tal-għajnuna, il-Kummissjoni ddubitat jekk l-effett tal-għajnuna mogħtija lil HSW baqax l-istess u b’hekk kienx joħloq distorsjoni indebita fil-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-miżuri ta’ kumpens kinux suffiċjenti, peress li, skont il-punt 40 tal-Linji Gwida tal-2004, il-miżuri ta’ kumpens għandhom ikunu proporzjonati mal-effetti distortivi tal-għajnuna.

(53)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni bil-għan li possibbilment tirrevoka d-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006.

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI

(54)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti mingħand partijiet terzi fir-rigward tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li nfetħet fit-23 ta’ Novembru 2005.

(55)

B’reazzjoni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand 13-il parti terza, fosthom il-kumpanija benefiċjarja. Il-kummenti rċevuti għamlu enfasi fuq il-kunfidenza fis-suċċess tar-ristrutturar ta’ HSW (kredituri pubbliċi u privati, fornituri ta’ HSW) u saħqu wkoll fuq l-importanza tal-kumpanija għar-reġjun kollu (il-kumpanija benefiċjarja u l-awtoritajiet lokali li joħorġu l-għotjiet).

5.   KUMMENTI MILL-POLONJA

5.1.   Kummenti dwar id-deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2005

(56)

L-ewwelnett, l-awtoritajiet Pollakki kkummentaw dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ liema miżuri kienu ngħataw qabel l-adeżjoni u liema kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida jew illegali. L-awtoritajiet Pollakki sostnew li l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-Att emendat tat-30 ta’ Ottubru 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għal impriżi ta’ importanza speċjali għas-suq tax-xogħol (ara t-Tabella 3 taħt) ma kinitx ingħatat qabel l-adeżjoni, biex b’hekk ikkontestaw l-opinjoni li esprimiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-awtoritajiet Pollakki tennew is-sottomissjoni li għamlu qabel li l-mument deċiżiv għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat taħt dan l-Att iseħħ meta l-kredituri pubbliċi tal-kumpanija benefiċjarja jagħtu l-kunsens tagħhom (l-“impenji amministrattivi”), mhux meta l-President tal-ARP jieħu deċiżjoni ta’ ristrutturar. Billi l-kredituri pubbliċi ta’ HSW, li l-krediti tagħhom ġew ristrutturati, kienu taw il-kunsens tagħhom fil-konfront ta’ HSW qabel l-adeżjoni, l-awtoritajiet Pollakki jsostnu li din l-għajnuna ngħatat qabel l-adeżjoni u li għalhekk, il-Kummissjoni mhijiex kompetenti biex tevalwa l-kumpatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

(57)

It-tieninett, l-awtoritajiet Pollakki identifikaw żewġ modifiki għall-għajnuna, kif kien innotifikat oriġinarjament permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2004. L-ewwel u l-aktar modifika importanti kienet li parti mill-għajnuna mill-Istat ippjanata (total ta’ PLN 43,5 miljun) kienet ġiet parzjalment irtirata u ssostitwita minn żewġ miżuri, li tqiesu li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. It-tieni modifika kienet fattwali fin-natura tagħha, billi kienet tispeċifika l-ammonti ta’ għajnuna taħt tliet miżuri mogħtija lil HSW qabel l-adeżjoni. It-tabelli 2 sa 5 jelenkaw il-miżuri kollha mogħtija u li jridu jingħataw lil HSW tul il-perjodu tar-ristrutturar, ikkoreġuti fid-dawl tal-kjarifiki tal-awtoritajiet Pollakki.

(58)

L-awtoritajiet Pollakki sostnew ukoll li d-differiment ippjanat u l-ħlas bin-nifs tal-obbligazzjonijiet taħt id-dritt pubbliku ta’ PLN 22,1 miljun (EUR 5,2 miljun) (element 28 fit-Tabella 4) għandu jitqies bħala miżura de minimis. Il-metodoloġija użata mill-awtorità Pollakka biex tikkalkula l-ammont tal-għajnuna tqabbel ir-rata tal-imgħaxijiet applikata għad-differiment mar-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet Pollakki kkonkludew li miżura tkun ħielsa mill-għajnuna kull meta r-rata tal-imgħaxijiet applikata tkun ogħla mir-rata ta’ referenza. Skont l-awtoritajiet Pollakki, dan huwa l-każ għad-differiment tal-obbligazzjonijiet għall-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali, li jammontaw għal PLN 16,4 miljun (element 29 fit-Tabella 4).

(59)

It-tielet, fir-rigward tal-vijabbiltà tal-kumpanija, l-awtoritajiet Pollakki sostnew li jirriżulta li r-ristrutturar organizzattiv irnexxa, peress li HSW reġgħet ħadet il-kontroll ta’ Dressta u għalhekk ser tkun kapaċi tespandi fis-suq profittabbli tal-Amerika ta’ Fuq.

(60)

Fir-rigward tar-rekwiżit li jiġu llimitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet Pollakki sostnew li t-tnaqqis fil-kapaċità minn 1 500 għal 1 200 magna kien miżura ta’ kumpens valida. Barra minn hekk, huma qiesu wkoll il-bejgħ tal-kumpaniji sussidjarji ta’ HSW bħala miżura ta’ kumpens.

(61)

Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew sensiela ta’ dettalji dwar l-ammonti li huma qiesu li kienu kontribuzzjoni proprja.

(62)

Biex jikkonkludu, fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Pollakki jaffermaw li ma ngħatat ebda għajnuna mill-Istat wara l-adeżjoni u lanqas ma huwa ppjanat li tingħata. Li kieku l-Kummissjoni kellha tikkonkludi mod ieħor, huma jipprovdu elementi addizzjonali biex jappoġġjaw il-konklużjoni li l-għajnuna mill-Istat hija kumpatibbli mas-suq komuni.

(63)

Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mas-separazzjoni bejn il-produzzjoni militari u ċivili ta’ HSW, l-awtoritajiet Pollakki assiguraw lill-Kummissjoni li s-sistema kurrenti tal-kontabilità tal-ispejjeż ippermettiet li ssir separazzjoni ċara tal-ispejjeż ta’ dawn iż-żewġ attivitajiet.

5.2.   Kummenti dwar id-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007

(64)

L-awtoritajiet Pollakki bdew billi reġgħu spjegaw għaliex il-bidliet fil-pjan ta’ ristrutturar ġew innotifikati daqshekk tard, fejn tefgħu l-ħtija fuq il-proċeduri interni li ħadu fit-tul.

(65)

It-tieninett, il-Polonja saħqet li l-ambitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa għandu jinkludi biss it-tibdil fil-pjan ta’ ristrutturar fuq il-bażi tal-punt 52 tal-Linji Gwida tal-2004 u sostniet li l-Kummissjoni m’għandhiex tieħu passi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 biex tirrevoka d-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006. Il-Polonja invokat il-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika f’dan ir-rigward.

(66)

It-tielet, il-Polonja sostniet li t-tpartit ta’ dejn għal ishma ma żiedx l-ammont ta’ għajnuna totali li ġie approvat.

(67)

Ir-raba’, l-awtoritajiet Pollakki affermaw li l-għajnuna ekwivalenti għas-self tal-ARP, li kienet approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Diċembru 2006, kienet għolja wisq, wara li ġiet imqabbla b’mod ugwali mal-valur nominali ta’ dak is-self (anki jekk il-Polonja ammettiet li qabel qatt ma ddubitat minn dan l-approċċ). Għalhekk, anki li kieku l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi li t-tpartit ta’ dejn għal ishma jżid l-għajnuna bl-ammont tas-self tal-ARP, l-ammont tal-għajnuna m’għandux jaqbeż il-valur nominali tas-self diġà approvati fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006.

(68)

L-awtoritajiet Pollakki spjegaw li l-kumpanija ħallset PLN 22,9 miljun f’imgħaxijiet fuq is-self tal-ARP qabel seħħ it-tpartit. Għalhekk, l-imgħaxijiet li l-HSW kien jibqgħalha tħallas li kieku ma sarx it-tpartit ta’ dejn għal ishma kien ikun jammonta għal PLN 21,2 miljun.

(69)

Barra minn hekk, il-Polonja sostniet li t-tpartit ta’ dejn għal ishma ssodisfa t-test tal-kreditur tal-ekonomija tas-suq u ma kkostitwixxa ebda għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Il-Polonja sostniet li l-ARP kienet ikkunsidrat il-fatt li HSW bdiet tagħmel profitti u assumiet li l-valur tal-ishma miksuba kien ser jiżdied maż-żmien.

(70)

Fil-parti li jifdal tas-sottomissjoni tagħhom, l-awtoritajiet Pollakki sostnew li anki li kieku l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-pjan ta’ ristrutturar kien immodifikat b’mod sinjifikanti, il-pakkett ġenerali ta’ ristrutturar ġdid għandu jitqies bħala kumpatibbli mal-Linji Gwida tal-2004 u l-modifika għandha tiġi approvata skont il-punt 52 tagħhom.

(71)

Il-Polonja saħqet li r-ristrutturar kien, ħlief għal xi ftit bidliet żgħar, qiegħed jiġi implimentat skont il-pjan ta’ Frar u li l-kriterji tal-vijabbiltà, il-kontribuzzjoni proprja u l-evitar ta’ distorsjonijiet żejda tal-kompetizzjoni ġew rispettati.

5.2.1.   Irkupru tal-vijabbiltà

(72)

L-ewwelnett, fir-rigward tal-irkupru tal-vijabbiltà fit-tul, l-awtoritajiet Pollakki enfasizzaw li l-kumpanija żiedet il-produzzjoni tagħha u ffokat fuq il-bejgħ aktar profittabbli ta’ makkinarju kbir (b’mod partikolari pipelayers u gafef kbar). Il-kumpanija rdoppjat l-effiċjenza tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mad-dħul għal kull impjegat (minn PLN 111 000 għal kull impjegat fl-2002 għal PLN 222 000 għal kull impjegat fl-2007).

(73)

Barra minn hekk, minkejja l-esponiment tagħha għal riskji fir-rati tal-kambju, HSW kisbet indikaturi ta’ profittabilità ogħla milli kien previst fil-pjan ta’ Frar.

(74)

Minbarra dan, l-indikaturi kollha tal-likwidità u s-solvenza kienu ogħla minn kif previsti oriġinarjament. Il-Polonja enfasizzat ukoll li l-kumpanija issa kienet qiegħda tieħu vantaġġ mill-finanzjament privat, u b’hekk uriet li s-suq kien jemmen fil-vijabbiltà u s-solvenza tal-kumpanija.

(75)

Fl-aħħarnett, il-Polonja enfasizzat il-fatt li HSW saret aktar effiċjenti fit-tnaqqis tal-esponiment għar-riskji fir-rati tal-kambju, minħabba li issa bdiet tfittex li tixtri l-materjal bl-istess munita bħal dik użata fit-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ irreġistrati fil-kontijiet tagħha.

5.2.2.   Kontribuzzjoni proprja għar-ristrutturar

(76)

It-tieni, il-Polonja affermat li l-ispejjeż tar-ristrutturar telgħu għal PLN 469,1 miljun (10), primarjament minħabba dewmien fir-ristrutturar organizzattiv. Madankollu, billi l-kumpanija rnexxielha tbiegħ assi addizzjonali minn mindu ttieħdet id-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, il-kontribuzzjoni proprja tagħha għar-ristrutturar baqgħet ‘il fuq minn 50 % (53,9 %).

(77)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, il-kontribuzzjoni proprja kienet tikkonsisti fi dħul finanzjarju mill-bejgħ ta’ assi fissi li jammonta għal PLN 61,4 miljun, dħul finanzjarju mill-bejgħ ta’ kumpaniji sussidjarji li jammonta għal PLN 126,4 miljun, xiri ta’ djun fis-suq li jammonta għal PLN 61,6 miljun u tħassir ta’ obbligazzjonijiet taħt id-dritt ċivili li jammontaw għal PLN 3,5 miljun.

5.2.3.   L-evitar ta’ distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni

(78)

It-tielet, il-Polonja affermat li l-ammont ta’ għajnuna ma żdiedx, għalhekk ma kienx hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens aktar estensivi skont il-punt 52(b) tal-Linji Gwida tal-2004. Il-Polonja temmen li l-fluss tal-flus addizzjonali li jiġi ġġenerat mit-tpartit ta’ dejn għal ishma qiegħed jintuża mill-kumpanija sempliċiment biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Skont l-awtoritajiet Pollakki, il-kumpanija saħansitra ma tistax tikseb pożizzjoni ewlenija fis-suq domestiku, billi tokkupa l-post […] u […] skont il-prodott mibjugħ (11). Skont il-Polonja, is-sehem tal-kumpanija fis-suq dinji ma jaqbiżx [0-5] %.

(79)

Minbarra dan, il-Polonja saħqet dwar l-importanza tal-kumpanija għar-reġjun kollu.

(80)

Il-gvern Pollakk ta lill-Kummissjoni assigurazzjonijiet li jikkonċernaw il-privatizzazzjoni ppjanata, fejn ta l-aħħar tas-sena 2009 bħala d-data ta’ mira għat-tlestija tal-proċedura tal-privatizzazzjoni.

6.   IL-MIŻURI TA’ GĦAJNUNA

(81)

L-awtoritajiet li joħorġu l-għotjiet huma t-Teżor, il-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Informatika, l-awtoritajiet tat-taxxa, l-awtoritajiet lokali, il-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali (ZUS), il-Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tal-Persuni b’Diżabilità (PFRON), l-uffiċċji tat-Teżor u l-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali (l-ARP).

(82)

Il-Polonja tafferma li wħud mill-miżuri mogħtija għal HSW kienu konnessi mal-protezzjoni ta’ interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali. Dawn il-miżuri kienu jammontaw għal total ta’ madwar PLN 19-il miljun (EUR 4,5 miljun) mogħtija qabel u wara l-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea. Waqt li tinvoka l-Artikolu 296 tat-Trattat tal-KE, il-Polonja tafferma li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri li huma jqisu bħala meħtieġa biex iħarsu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom.

(83)

L-aktar miżuri sinjifikanti mogħtija qabel l-adeżjoni lill-parti mhux militari ta’ HSW kienu żewġ krediti mill-ARP, li flimkien kienu jammontaw għal PLN 75 miljun (EUR 17,8 miljun). Miżura importanti oħra hija l-injezzjoni ta’ kapital ta’ PLN 40 miljun (EUR 9,5 miljun) mit-Teżor tal-Istat fil-kumpanija sussidjarja HSW – Trading Sp. z o.o.

(84)

Ingħataw PLN 27,9 miljun (EUR 6,6 miljun) fil-forma ta’ tħassir ta’ dejn fuq il-bażi tal-Att emendat tat-30 ta’ Ottubru 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għal impriżi ta’ importanza speċjali għas-suq tax-xogħol (ara t-Tabella 3 taħt). Ir-ristrutturar skont din il-leġiżlazzjoni kien issorveljat mill-President tal-ARP u bbażat fuq deċiżjoni ta’ ristrutturar fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 10(1)(4) u 19 ta’ dan l-Att (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “id-deċiżjoni tar-ristrutturar”). Tali deċiżjoni ta’ ristrutturar, li tapprova pjan ta’ ristrutturar ta’ HSW fil-forma li kellu f’dak iż-żmien u li tippermetti r-ristrutturar ta’ obbligazzjonijiet taħt id-dritt pubbliku, ġiet ippubblikata fid-29 ta’ April 2005 u emendata nhar is-17 ta’ Ġunju 2005.

(85)

It-tibdil prinċipali fil-pjan ta’ Novembru kien jikkonsisti f’li jitħalla jsir tpartit ta’ dejn għal ishma: minflok ma HSW ħallset lura żewġ krediti mogħtija lilha qabel l-adeżjoni fl-2003 u fl-2004 mill-ARP (ara t-Tabella 2, elementi 8 u 15) u l-imgħax fuq dak is-self, l-ARP iddeċidiet li tpartat il-valur nominali tad-dejn għal ishma (elementi 30 u 31 fit-Tabella 4). Bħala riżultat, HSW, minflok kellha tirrimborża PLN 97,1 miljun (iż-żewġ krediti oriġinali li kienu jammontaw għal total ta’ PLN 75 miljun flimkien ma’ PLN 22,1 miljun f’imgħax mhux imħallas lura), ħarġet ishma b’valur ta’ PLN 75 miljun li ġew akkwistati mill-ARP (skont il-Polonja, it-tpartit ġie implimentat fit-2 ta’ Lulju 2007).

(86)

Il-miżuri differenti ta’ għajnuna mill-Istat għal HSW, li ġew innotifikati lill-Kummissjoni u kkoreġuti fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Polonja, huma ppreżentati fit-Tabelli li ġejjin.

Tabella 2

Għajnuna mogħtija qabel it-30 ta’ April 2004

(f’eluf ta’ PLN)

Nru

Data ddikjarata tal-ftehim jew deċiżjoni

Awtorità li toħroġ l-għotjiet

Forma ta’ għajnuna

Ammont nominali

Ammont ta’ għajnuna

1.

2003-12-12

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Rinunzja ta’ VAT għal Settembru 2002

1 047,5

1 047,5

2.

2003-9-15

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Arranġament ta’ ħlasijiet tal-VAT bin-nifs għal Diċembru 2002

4 769,8

155,0

3.

2003-9-15

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Arranġament ta’ ħlasijiet tal-VAT bin-nifs għal Marzu 2003

1 771,8

52,2

4.

2003-9-15

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Arranġament ta’ ħlasijiet tal-VAT bin-nifs għal Mejju 2003

2 175,2

77,4

5.

2003-9-15

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Arranġament ta’ ħlasijiet tal-PIT bin-nifs għal Marzu 2003

623,3

16,0

6.

2003-9-15

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Arranġament ta’ ħlasijiet tal-PIT bin-nifs għal Mejju 2003

463,4

5,0

7.

2003-2-4

L-Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni Soċjali (ZUS). Il-Fergħa ta’ Rzeszów

Arranġament ta’ ħlasijiet ta’ kontribuzzjonijiet bin-nifs għal Ġunju – Ottubru 2002

6 252,1

1 211,6

8.

2003-8-28 (**)

L-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali (ARP)

Self

40 000,0

40 000,0

9.

2003-9-15

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Arranġament ta’ ħlasijiet tal-VAT bin-nifs għal Ġunju 2002

696,9

77,1

10.

2003-9-15

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Differiment tad-data għall-ħlas ta’ pagament bin-nifs tal-PIT għal Lulju 2002

183,9

15,3

11.

2003-9-15

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Tibdil fid-dati għall-ħlas bin-nifs tal-PIT għal Awwissu 2002

211,5

26,8

12.

2003-12-2

L-Uffiċċju tat-Teżor fi Stalowa Wola

Arranġament ta’ ħlasijiet tal-VAT bin-nifs għal Awwissu 2002

655,5

49,3

13.

2003-9-5

L-Uffiċċju Distrettwali f’Nisko

Skema ta’ ħlasijiet bin-nifs għal użufrutt perpetwu

172,7

8,0

14.

2003-3-21

L-Uffiċċju Distrettwali f’Nisko

Skema ta’ ħlasijiet bin-nifs għal użufrutt perpetwu

20,5

0,3

15.

2004-4-30 (***)

L-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali (ARP)

Self

35 000,0

35 000,0

16.

2004-4-30

Il-Ministeru tat-Teżor

Żieda fil-kapital inizjali

40 000,0

40 000,0

17.

2003-11-7

Il-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġiji tal-Informatika

Sussidju

637,0

465,0

18.

2003-5-20

L-Uffiċċju Distrettwali fi Stalowa Wola

Rifużjoni tal-ispejjeż

3,3

2,4

19.

2003-5-20

L-Uffiċċju Distrettwali fi Stalowa Wola

Rifużjoni tal-ispejjeż

3,3

2,4

20.

2002-12-6

L-Uffiċċju tat-Teżor ta’ Podkarpackie

Rinunzja tad-dejn tal-VAT

1 210

1 210

21.

2002-12-6

Il-Kunsill tal-Belt ta’ Stalowa Wola

Rinunzja tad-dejn tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli

496,8

496,8

22.

2002-12-11

L-Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni Soċjali (ZUS). Il-Fergħa ta’ Rzeszów

Rinunzja ta’ kontribuzzjonijiet u imgħax mhux imħallsa

11 088,1

11 088,1

Total I

147 482,6

131 006,2


Tabella 3

Għajnuna mogħtija wara t-30 ta’ April 2004 fuq il-bażi tal-Att emendat tat-30 ta’ Ottubru 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għal impriżi ta’ importanza speċjali għas-suq tax-xogħol

(f’eluf ta’ PLN)

Nru

Data tat-trasferiment tal-assi u l-obbligazzjonijiet lill-Operatur

Tip ta’ klejms ristrutturati

Ammont nominali

Ammont ta’ għajnuna

23.

2005-6-20

Ristrutturar tal-klejms tal-VAT u l-PIT

10 696,6

L-ammont tal-għajnuna mhux speċifikat mill-awtoritajiet Pollakki

24.

2005-6-20

Ristrutturar tal-klejms fir-rigward tal-ħlasijiet u l-imgħaxijiet relatati mal-ambjent

5 826,5

Idem

25.

2005-6-20

Ristrutturar tal-klejms fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali (ZUS), inkluż ħlasijiet ta’ estensjoni u imgħaxijiet

7 333,2

Idem

26.

2005-6-20

Skedar mill-ġdid tal-klejms fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet lill-Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tal-Persuni b’Diżabilità (PFRON) u l-imgħaxijiet

996,5

Idem

27.

2005-6-20

Ristrutturar tal-klejms fir-rigward tat-taxxa fuq proprjetà immobbli dovuta lill-Kunsill tal-Belt ta’ Stalowa Wola għall-perjodu bejn Settembru 2002 u Ġunju 2003

3 044,3

Idem

Total 2

27 897,1

19 293,7  (****)


Tabella 4

Għajnuna mogħtija wara t-30 ta’ April 2004

(f’eluf ta’ PLN)

Nru

Id-data allegata tal-infiq tal-għajnuna

Awtorità li toħroġ l-għotjiet

Forma ta’ għajnuna

Ammont nominali

Ammont ta’ għajnuna

28.

2004-12-21 - 2005-10-19

Awtoritajiet differenti

Differiment ta’ obbligazzjonijiet taħt id-dritt pubbliku

22 094,4

0,259

29.

2005-4-25

L-Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni Soċjali (ZUS). Il-Fergħa ta’ Rzeszów

Differiment ta’ obbligazzjonijiet taħt id-dritt pubbliku

16 386,2

0,0

30.

2007-7-2

L-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali (ARP)

Tpartit ta’ dejn għal ishma (ara l-miżura 8 fit-Tabella 2)

40 000,0

40 000,0

31.

2007-7-2

L-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali (ARP)

Tpartit ta’ dejn għal ishma (ara l-miżura 15 fit-Tabella 2)

35 000,0

35 000,0

Total 3

113 480,6

75 259,0


Tabella 5

Miżuri mogħtija u ppjanati

(f’eluf ta’ PLN)

 

Kategorija ta’ miżura

Ammont nominali

Ammont ta’ għajnuna

I

Għajnuna ta’ ristrutturar mogħtija qabel it-30 ta’ April 2004

147 482,6

131 006,2

II

Għajnuna ta’ ristrutturar mogħtija fuq il-bażi tal-Att emendat tat-30 ta’ Ottubru 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għal impriżi ta’ importanza speċjali għas-suq tax-xogħol

27 897,1

19 293,7

III

Differiment ta’ obbligazzjonijiet taħt id-dritt pubbliku – Miżuri meqjusa bħala de minimis mill-Polonja (*****)

22 094,4

0,259

IV

Differiment ta’ obbligazzjonijiet taħt id-dritt pubbliku mill-Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni Soċjali (ZUS) (******))

16 386,2

0,0

V

Tpartit ta’ dejn għal ishma – mogħti fit-2 ta’ Lulju 2007 mill-ARP

75 000,0

21 200,0

7.   EVALWAZZJONI TAL-MIŻURI

7.1.   Il-kompetenza tal-Kummissjoni

(87)

Billi wħud mill-avvenimenti rilevanti għall-każ preżenti seħħu qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tiddetermina jekk hijiex kompetenti li taġixxi fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni.

(88)

Dawk il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ qabel l-adeżjoni u li mhumiex applikabbli wara l-adeżjoni ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, la skont il-proċedura ta’ mekkaniżmu interim, irregolata mill-Anness IV, paragrafu 3 tat-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakja mal-Unjoni Ewropea, u lanqas skont il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE. La t-Trattat tal-Adeżjoni u lanqas it-Trattat tal-KE ma jitlob jew jawtorizza lill-Kummissjoni biex tirrevedi dawn il-miżuri.

(89)

Madankollu, dawk il-miżuri mdaħħla fis-seħħ wara l-adeżjoni jikkostitwixxu għajnuna ġdida u jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Kummissjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE. Il-kriterju li jiddetermina l-mument li fih iddaħħlet fis-seħħ ċerta miżura huwa l-att vinkolanti li permezz tiegħu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jaċċettaw ir-responsabbiltà li jagħtu l-għajnuna (12).

(90)

L-għajnuna individwali mogħtija qabel l-adeżjoni titqies bħala mhux applikabbli wara l-adeżjoni jekk l-ammont eżatt tal-esponiment finanzjarju tal-Istat permezz ta’ dik il-miżura ta’ għajnuna kien magħruf meta ngħatat l-għajnuna.

(91)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki, il-Kummissjoni setgħet tiddetermina li l-miżuri elenkati fit-Tabella 2 fuq ingħataw qabel l-adeżjoni u mhumiex applikabbli minn hemm ‘il quddiem. Il-Kummissjoni għalhekk m’għandhiex kompetenza biex tevalwa l-kumpatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. Madankollu, dawn għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni biex tiġi ddeterminata l-kumpatibbiltà tal-miżuri tal-għajnuna mogħtija jew li għandhom jingħataw wara l-adeżjoni. Dawn jammontaw għal PLN 147 miljun (EUR 35 miljun) (13).

(92)

Fir-rigward tal-miżuri mogħtija fuq il-bażi tal-Att emendat tat-30 ta’ Ottubru 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għal impriżi ta’ importanza speċjali għas-suq tax-xogħol, li huma elenkati fit-Tabella 3, id-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-mument meta ngħataw dawn il-miżuri baqgħu ma naqsux. L-awtoritajiet Pollakki ma pprovdewx agrumenti ġodda f’dan ir-rigward fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tsl-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-kunsens tal-awtoritajiet individwali li joħorġu l-għotjiet biex jiġu ristrutturati l-klejms tagħhom skont din il-leġiżlazzjoni huwa meħtieġ iżda mhuwiex biżżejjed biex ikun jista’ jsir ristrutturar bħal dan. L-element deċiżiv tal-proċedura taħt dan l-Att huwa d-deċiżjoni li jsir ir-ristrutturar. Il-President tal-ARP ħareġ id-deċiżjoni tar-ristrutturar fid-29 ta’ April 2005 u għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri kienu ngħataw wara l-adeżjoni. Il-Kummissjoni hija għalhekk kompetenti biex tevalwa l-kumpatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. Minħabba li dawn il-miżuri ngħataw bi ksur tal-klawżola ta’ waqfien fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, jikkostitwixxu għajnuna illegali li tammonta għal PLN 27897 miljun (EUR 6,61 miljun).

(93)

Fl-aħħarnett, jekk il-miżuri elenkati fit-Tabella 4 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tkun kompetenti li tevalwa l-kumpatibbiltà tagħhom mas-suq komuni, billi huwa ċar li dawn ingħataw wara l-adeżjoni.

7.2.   Ġustifikazzjoni tar-revoka

(94)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jistabbilixxi li “il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjoni […] wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu, fejn id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta provvduta waqt il-proċedura li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni. Qabel ma tirrevoka deċiżjoni u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummisjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4).”

(95)

Kif issemma’ diġà, id-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta, jiġifieri l-pjan ta’ ristrutturar ta’ Frar 2006, li ma kienx għadu validu sa dak iż-żmien meta l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni. L-awtoritajiet Pollakki ma bagħtux il-verżjoni aġġornata tal-pjan ta’ ristrutturar, waqt li l-proċedura ta’ investigazzjoni mibdija f’Novembru 2005 kienet għadha għaddejja, anki jekk il-pjan kien diġà approvat mill-korpi rilevanti ta’ HSW. Il-pjan ta’ ristrutturar huwa l-aktar sors importanti ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni biex tevalwa l-kumpatibbiltà tal-għajnuna ta’ ristrutturar. B’hekk, għalkemm il-pjan ta’ Frar ma kienx sors ta’ informazzjoni falza, huwa sar hekk wara li ġie adottat il-pjan ta’ Novembru. Il-pjan ta’ Frar, li fuqu l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, kien għalhekk sors ta’ informazzjoni skorretta fiż-żmien meta l-Kummissjoni adottat dik id-deċiżjoni.

(96)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta b’hekk illi r-ratio tagħha jrid jiġi mmodifikat u dik id-deċiżjoni għandha għalhekk tiġi rrevokata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

7.3.   Għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(97)

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jistabbilixxi li kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, tkun xi tkun, li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti u li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija inkumpatibbli mas-suq komuni.

(98)

L-awtoritajiet Pollakki ma kkontestawx il-fatt li l-miżuri elenkati fit-Tabelli 2 u 3 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

7.3.1.   Il-pjan ta’ Frar

(99)

L-awtoritajiet Pollakki jissottomettu li l-għajnuna fil-forma ta’ differiment tal-ħlas tal-obbligazzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa ta’ HSW (miżuri 28 u 29 fit-Tabella 4) ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat, peress li hija għajnuna de minimis jew l-element ta’ għajnuna huwa ugwali għal żero. L-awtoritajiet Pollakki jibbażaw dan l-argument fuq il-kalkolu tal-element tal-għajnuna tal-miżuri.

(100)

Il-Kummissjoni ma tistax taqbel mal-metodu ta’ kalkolu użat mill-awtoritajiet Pollakki. Dawn il-miżuri huma estiżi għal kumpanija f’diffikultajiet finanzjarji. Ir-riskju tal-iskedar mill-ġdid tad-dejn favur HSW huwa ogħla milli hu għal kumpaniji b’saħħithom, li għandu jiġi rifless fl-imgħax mitlub. Għalhekk, ir-rata ta’ referenza ma tistax tiġi applikata bħala l-benchmark. Il-metodu ta’ kalkolu, li permezz tiegħu titqabbel ir-rata proprja ta’ imgħax mitlub mar-rata ta’ referenza, mhuwiex adegwat fil-każ preżenti, għalhekk il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument tal-Polonja.

(101)

Hija prattika stabbilita tal-Kummissjoni (14) li l-element ta’ għajnuna fil-każ ta’ impriżi f’diffikultà ma jistax jaqbeż l-ammont nominali. Il-miżuri ta’ għajnuna fil-forma ta’ differimenti elenkati fit-Tabella 4 jammontaw għal total ta’ PLN 38,480 miljun (EUR 9,12 miljun).

(102)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri elenkati fit-Tabella 3 u d-differimenti elenkati fit-Tabella 4 bħala l-miżuri 28 u 29 huma ffinanzjati mir-riżorsi tal-Istat. Huma jiffavorixxu impriża individwali billi jagħtuha vantaġġ li mhuwiex disponibbli għaliha fis-suq. HSW hija attiva fil-produzzjoni ta’ makkinarju tal-kostruzzjoni, li jinbiegħ fil-KE taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni intensiva bejn l-operaturi minn Stati Membri differenti. Għalhekk, dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

7.3.2.   Il-pjan ta’ Novembru

(103)

Fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, iż-żewġ krediti (15) li l-konverżjoni tagħhom f’ishma qiegħed jiġi investigat hawnhekk, tqiesu bħala għajnuna mill-Istat mogħtija qabel l-adeżjoni. L-ammont ta’ għajnuna ġie kkalkulat bir-rata ta’ 100 % tal-valur nominali tas-self. L-awtoritajiet Pollakki ma kkontestawx dak l-approċċ sakemm ingħatat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007.

(104)

It-tpartit innotifikat ta’ dejn għal ishma jikkonsisti f’injezzjoni ta’ kapital mill-ARP. Għalhekk, dan jinvolvi riżorsi tal-Istat. It-tpartit imsemmi jagħti vantaġġ lill-kumpanija peress li, bħala kumpanija f’diffikultà, HSW qatt ma kienet tkun tista’ tikseb dak il-finanzjament b’dawk il-kundizzjonijiet fis-suq. Kif imsemmi fuq, l-awtoritajiet Pollakki jammettu li l-kumpanija benefiċjarja issa tinsab f’sitwazzjoni aħjar bis-saħħa tat-tpartit.

(105)

Fir-rigward tas-suġġeriment tal-awtoritajiet Pollakki li t-tpartit ta’ dejn għal ishma ssodisfa t-test tal-kreditur tal-ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tinnota li f’dak iż-żmien, HSW kienet fil-proċess ta’ ristrutturar u s-sitwazzjoni mtejba tagħha f’dak iż-żmien tat-tpartit ta’ dejn għal ishma rriżultat minn għajnuna tal-Istat li ngħatat qabel. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi, fuq il-bażi tal-prattika u l-ġurisprudenza stabbiliti (16), li t-tpartit ma jissodisfax it-test tal-kreditur tal-ekonomija tas-suq.

(106)

It-tpartit ta’ dejn għal ishma, li sar wara l-adeżjoni, għalhekk jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, li ma ġiex ikkontestat mill-awtoritajiet Pollakki.

(107)

Il-bqija tal-miżuri kollha li ġew ippreżentati fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura formali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, li ma ġiex ikkontestat mill-awtoritajiet Pollakki.

7.4.   Il-kumpatibbiltà tal-għajnuna: deroga skont l-Artikolu 87(3) tat-Trattat tal-KE

(108)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat tal-KE ma japplikawx għal dan il-każi. Fir-rigward tal-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 87(3) tat-Trattat tal-KE, peress li l-għan primarju tal-għajnuna jikkonċerna l-irkupru tal-vijabbiltà fit-tul ta’ impriża f’diffikultà, tista’ tiġi applikata biss l-eżenzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE, li tagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna mill-Istat mogħtija għal finijiet ta’ promozzjoni tal-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi fejn tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni.

7.4.1.   Bażi legali applikabbli

(109)

Billi l-Kummissjoni qiegħda tirrevoka d-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 u tissostitwiha b’din id-deċiżjoni, il-kumpatibbiltà tal-proċess kollu tar-ristrutturar għandha terġa’ tiġi vverifikata.

(110)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-miżuri li jikkostitwixxu għajnuna ġdida u l-pjan ta’ ristrutturar sħiħ (inklużi l-pjanijiet ta’ Frar 2006 u Novembru 2006) b’mod konformi mal-linji gwida applikabbli ta’ salvataġġ u ristrutturar. Il-Linji Gwida Komunitarji kurrenti dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (17) daħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru 2004. Il-Linji Gwida preċedenti tal-1999 dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar (18) (“Linji Gwida tal-1999”) japplikaw għal miżuri li n-notifika tagħhom ġiet irreġistrata qabel din id-data. Skont il-punt 104 tal-Linji Gwida tal-2004, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kumpatibbiltà mas-suq komuni ta’ kwalunkwe għajnuna ta’ salvataġġ u ristrutturar mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u għalhekk tkun qiegħda tikser l-Artikolu 88(3) tat-Trattat fuq il-bażi ta’ dawk il-Linji Gwida, jekk parti mill-għajnuna jew kollha kemm hi tingħata wara l-1 ta’ Ottubru 2004, li hija d-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali.

(111)

Fil-każ preżenti, ħafna mill-miżuri ġew innotifikati fit-8 ta’ Ottubru 2004 (jumejn qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida tal-2004). Madankollu, il-Kummissjoni ġiet infurmata wkoll mill-Polonja fl-ittra tagħha ddatata s-7 ta’ Marzu 2006 dwar il-miżuri addizzjonali mogħtija lil HSW bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE. Il-miżuri deskritti fir-ringieli III u IV tat-Tabella 5 ingħataw kollha wara Diċembru 2004 u għalhekk wara l-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2004. Barra minn hekk, it-tpartit ta’ dejn għal ishma ngħata biss f’Lulju 2007. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Linji Gwida tal-2004 japplikaw għal dan il-każ fir-rigward tal-miżuri nnotifikati u dawk mhux innotifikati, peress li dawn huma kollha relatati ma’ pjan ta’ ristrutturar waħdieni.

(112)

Sabiex tiġi evalwata l-kumpatibbiltà tal-għajnuna ta’ ristrutturar ġdida, jeħtieġ li r-ristrutturar jiġi mistħarreġ bħala ħaġa sħiħa. Il-miżuri kollha ta’ għajnuna, mhux biss l-għajnuna ġdida, iridu jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit jekk il-pjan huwiex ser jirriżulta fl-irkupru tal-vijabbiltà, sabiex jiġi stabbilit li l-għajnuna hija limitata għall-minimu neċessarju u biex jiġu ddeterminati l-miżuri ta’ kumpens xierqa sabiex tiġi llimitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

7.4.2.   L-eliġibbiltà tal-impriża

(113)

Għar-raġunijiet kollha mogħtija fid-deċiżjoni inizjali ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (19), il-kumpanija hija kumpanija f’diffikultà kif iddefinita fis-sezzjoni 2.1 tal-Linji Gwida tal-2004 u għalhekk hija eliġibbli għal għajnuna ta’ ristrutturar.

7.4.3.   L-irkupru tal-vijabbiltà

(114)

Il-Punt 35 tal-Linji Gwida tal-2004 jgħid li “il-pjan ta’ ristrutturar, li d-dewmien tiegħu għandu jkun kemm jista’ jkun qasir, għandu jwassal għall-irkupru tal-vijabbiltà fit-tul tal-impriża fuq medda ta’ żmien raġjonevoli u fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet operattivi fil-ġejjieni. […] It-titjib fil-vijabbiltà għandu jiġi primarjament minn miżuri interni […]”.

Deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2005 ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(115)

L-ewwel problema kruċjali ta’ HSW kienet l-ammont kbir ta’ dejn illi kellha. Il-Kummissjoni tinnota li r-ristrutturar finanzjarju tlesta.

(116)

Fid-deċiżjoni oriġinali ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha minħabba l-fatt li r-ristrutturar kien primarjament finanzjarju fin-natura tiegħu u esprimiet tħassib li l-aspetti industrijali tar-ristrutturar ma kinux qed jitqiesu b’mod suffiċjenti. Fil-kummenti tagħhom, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew evidenza suffiċjenti li l-istruttura organizzattiva antikwata kienet fil-fatt waħda mill-problemi ewlenin li kienet qiegħda tiffaċċja l-kumpanija. Din il-problema ġiet indirizzata billi l-parti tal-kumpanija marbuta direttament mal-produzzjoni tinfired mill-partijiet li kellhom jinbiegħu. Din kienet ir-raġuni għall-ħolqien temporanju ta’ HSW-Trading indipendentement minn HSW.

(117)

Il-bejgħ tal-ishma f’kumpaniji sussidjarji u d-derivazzjoni u l-bejgħ ta’ ċerti dipartimenti tas-servizzi kien ippjanat bħala wieħed mill-elementi prinċipali tar-ristrutturar. Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk il-pjanijiet tal-bejgħ kinux realistiċi. Madankollu, fil-fatt l-ammont li HSW daħħlet mill-bejgħ kien erba’ darbiet aktar minn dak previst.

(118)

Fattur prinċipali ieħor għas-suċċess tar-ristrutturar kien is-sitwazzjoni fir-rigward tas-sjieda tal-kumpanija kummerċjali Dressta. Is-sehem li kien jagħti kontroll fi Dressta li kellu wieħed mill-kompetituri ta’ HSW fixkel l-aċċess sħiħ għas-suq importanti tal-Amerika ta’ Fuq. Il-problema issa ġiet solvuta hekk kif HSW kisbet il-kontroll tal-kumpanija […].

(119)

Ir-ristrutturar tal-impjiegi biex il-forza tax-xogħol titnaqqas b’aktar minn 1 000 ħaddiem/a huwa miżura reali u kredibbli għat-tnaqqis tal-ispejjeż.

(120)

HSW għamlet profitt għall-ewwel darba fl-2005. Hija għamlet profitt ukoll fl-ewwel nofs tas-sena 2006. Il-pjan ta’ Novembru ssuġġerixxa li l-profitti għandhom jonqsu sewwa fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar (2007) minħabba l-ispejjeż għoljin tar-ristrutturar u l-fatt li l-profitti għall-2005 żdiedu minħabba l-bejgħ ta’ darba tal-assi f’dik is-sena. Madankollu, mill-2007 ‘il quddiem, ir-riżultat nett mistenni jitjieb u […]sal-2012 […]. Sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar, il-problema tal-likwidità għandha tkun ġiet riżolta.

Deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007 li terġa’ tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni

(121)

Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-pjan ta’ Novembru setax iwassal biex HSW tera’ tinġieb fi stat ta’ vijabbiltà fit-tul.

(122)

L-ewwelnett, kien jidher li HSW kienet fi ħtieġa kostanti ta’ fluss ta’ flus addizzjonali u li l-miżuri ta’ ristrutturar previsti fil-pjan ta’ Frar ma kinux biżżejjed, fatturi li qajmu dubji dwar il-kredibbiltà taż-żewġ pjanijiet ta’ ristrutturar.

(123)

Fl-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Pollakki, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-fluss tal-flus addizzjonali kien xi ħaġa differenti minn miżura ta’ għajnuna ta’ darba mogħtija fl-2007, wara bidla sostanzjali u pjuttost f’daqqa fil-prattiċi tal-kummerċjalizzazzjoni mill-kompetituri ta’ HSW. L-awtoritajiet Pollakki wrew li fil-ġejjieni huwa probabbli ħafna li HSW tkun tista’ tiġġenera fluss ta’ flus suffiċjenti biex toffri kundizzjonijiet kompetittivi lill-klijenti u l-fornituri tagħha: l-indikaturi għar-riżultati finanzjarji ta’ HSW wara l-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri għat-tnaqqis tal-ispejjeż huma sodisfaċenti. Il-Kummissjoni hija għalhekk sodisfatta li l-kopertura ta’ dawk il-ħtiġijiet ta’ fluss ta’ flus addizzjonali kienet meħtieġa biex HSW tibqa’ għaddejja sakemm jitlesta r-ristrutturar tagħha u li l-pjan ta’ ristrutturar huwa mmirat biex jassigura li dawn id-diskrepanzi finanzjarji ma jerġgħux jitfaċċaw.

(124)

It-tieni, dwar il-kwistjoni tal-politika tal-hedging, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew evidenza suffiċjenti li l-kumpanija issa qiegħda tindirizza r-riskju tar-rata tal-kambju b’mod aktar effiċjenti u għalhekk, li waħda mill-kawżi prinċipali tad-diffikultajiet tal-kumpanija ġiet irrimedjata. Il-fatt li l-kumpanija bdiet tiffoka l-bejgħ tagħha fuq is-swieq aktar profittabbli tal-gafef u l-pipelayers irriżulta fi profitti fl-operat tagħha. Billi kkontabilizzat il-maġġoranza tal-bejgħ tagħha bl-euro aktar milli bid-dollaru Amerikan, HSW diġà naqqset il-varjazzjonijiet fil-munita tal-kontabilità u din l-istrateġija għandha tkompli tagħti aktar benefiċċji fil-futur meta l-proporzjon tal-bejgħ li jsir bl-euro mistenni jkompli jiżdied. Din l-istrateġija hija tabilħaqq kruċjali biex il-kumpanija terġa’ tibda tagħmel profitt. Jekk HSW tkompli […] kif inhu previst kemm fil-pjan ta’ Frar kif ukoll fil-pjan ta’ Novembru, hija għandha tkun kapaċi żżid il-profitti tagħha, anki jekk il-fatturi l-oħrajn kollha jibqgħu ugwali. Il-kredibbiltà tal-istrateġija ta’ ristrutturar ta’ HSW żdiedet ukoll bil-kunfidenza tal-operaturi tas-suq fis-suċċess tar-ristrutturar.

(125)

Fir-rigward tat-tpartit ta’ dejn għal ishma, il-Kummissjoni tinnota li l-ARP biddlet il-valur nominali tas-self tagħha għal kapital u b’hekk saret azzjonista ta’ HSW.

(126)

Il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 qieset l-element ta’ għajnuna ta’ dawn iż-żewġ krediti bħala li 100 % tal-prinċipal tas-self, jiġifieri total ta’ PLN 75 miljun, kif indikat mill-awtoritajiet Pollakki fin-notifika.

(127)

Dan it-tpartit ta’ dejn għal ishma jbiddel il-forma ta’ għajnuna mill-Istat, peress li minflok kellha tħallas lura PLN 96,2 miljun (20) (iż-żewġ krediti oriġinali li jammontaw għal total ta’ PLN 75 miljun flimkien ma’ PLN 21,2 miljun f’imgħaxijiet) lill-ARP u tħallas imgħax regolari, HSW ħarġet ishma li jammontaw għal PLN 75 miljun, li ttieħdu mill-ARP.

(128)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ARP implimentat it-tpartit fit-2 ta’ Lulju 2007 mingħajr ma rrispettat il-klawżola ta’ waqfien.

(129)

Il-Polonja tammetti li l-kumpanija bdiet sejra għall-aħjar wara t-tpartit ta’ dejn għal ishma.

(130)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tpartit ta’ dejn għal ishma għandu jillibera assi li servew bħala garanzija għas-self, biex b’hekk seta’ jittejjeb il-fluss tal-flus tal-kumpanija benefiċjarja, li taha l-opportunità li tikseb krediti ġodda. F’termini ta’ kontabilità, it-tpartit ta’ dejn għal ishma ser ikollu l-impatt li ġej fuq il-karta tal-bilanċ ta’ HSW. L-impriża benefiċjarja ser tara l-assi tagħha jiżdiedu, peress li hija mhux ser ikollha bżonn tuża l-flus disponibbli biex tħallas lura s-self. Barra minn hekk, mhux ser ikun hemm tnaqqis fuq in-naħa tad-debitu tal-karta tal-bilanċ ikkawżat mill-ħlas lura tas-self. Dan għandu jżid ukoll il-porzjon ta’ ishma fuq il-karta tal-bilanċ, billi jtejjeb kemm il-livell relattiv tal-ammont ta’ dejn dovut u l-valur tal-kreditu ta’ HSW. Bis-saħħa ta’ din l-operazzjoni, fl-opinjoni tal-awtoritajiet Pollakki, HSW ser tkun tista’ takkumula r-riżorsi meħtieġa għall-iffunzjonar xieraq tagħha fis-suq u għal investimenti meħtieġa fil-ġejjieni (21).

(131)

Minbarra dan, fir-rigward tal-kont tal-profitt u t-telf, mhux ser ikun hemm bżonn li jitħallas imgħax (total ta’ PLN 21.2 miljun) fuq is-self. Minflok, HSW ser ikollha tħallas biss id-dividendi potenzjali lill-azzjonisti (inkluża l-ARP) f’każ ta’ profitti li jistgħu jitqassmu.

(132)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dubji tagħha dwar jekk il-pjan ta’ Novembru huwiex ser iwassal għall-irkupru tal-vijabbiltà naqsu.

7.4.4.   L-evitar ta’ distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni

(133)

Skont il-punti 38 sa 42 tal-Linji Gwida tal-2004, għandhom jittieħdu miżuri biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu kwalunkwe effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetituri. L-għajnuna m’għandhiex toħloq distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni. Normalment dan ikun ifisser li l-preżenza tal-kumpanija tiġi llimitata fi swieq partikolari fl-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar. Il-limitazzjoni jew tnaqqis obbligatorju tal-preżenza tal-kumpanija f’suq partikolari jirrappreżenta fattur ta’ kumpens favur il-kompetituri tagħha. Dan għandu jkun fi proporzjon mal-effetti ta’ distorsjoni tal-għajnuna u, b’mod partikolari, għall-importanza relattiva tal-impriża fis-suq jew swieq tagħha.

(134)

Skont il-punt 56 tal-Linji Gwida, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna huma inqas stretti f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ kumpens f’żoni assistiti. Għall-finijiet tal-analiżi tal-impatt tal-għajnuna ta’ ristrutturar fuq is-suq u fuq il-kompetituri ta’ HSW, il-Kummissjoni qieset il-fatt li HSW tinsab f’żona assistita msemmija fl-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE.

Miżuri ta’ kumpens implimentati skont il-pjan ta’ Frar

(135)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, HSW qiegħda tippjana li tnaqqas il-kapaċità fil-produzzjoni tagħha minn 1 500 magna tal-kostruzzjoni fis-sena għal 1 200, jiġifieri b’20 %. Il-Kummissjoni tqis li dan it-tnaqqis fil-kapaċità mhuwiex biżżejjed, minħabba li l-kumpanija xorta waħda qiegħda tippjana li tuża biss 66 % tal-kapaċità tagħha fl-aħħar tar-ristrutturar, jiġifieri fl-2007. Fl-informazzjoni li l-Kummissjoni rċeviet mingħand l-awtoritajiet Pollakki ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-kumpanija fil-verità kienet qiegħda tbiegħ aktar minn 1 200 magna qabel beda r-ristrutturar.

(136)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki jaffermaw li l-impriża benefiċjarja biegħet numru ta’ kumpaniji ta’ produzzjoni profittabbli, biex b’hekk setgħet tillimita l-attivitajiet u l-kapaċità fil-produzzjoni tagħha. Mill-inqas tnejn mill-impriżi sussidjarji kbar mibjugħa (HSW-Walcownia Blach Sp. z o.o. u HSW-Huta Stali Jakosciowych) kienu profittabbli u nbiegħu bi profitt. Fl-2005 id-dħul ikkombinat mill-bejgħ ta’ dawn l-impriżi sussidjarji kien ta’ PLN 460 miljun (EUR 109 miljun), b’1 000 impjegat, filwaqt li d-dħul finanzjarju mill-attivitajiet prinċipali tal-grupp HSW (HSW u HSW-Trading) kien ta’ PLN 430 miljun (EUR 101,9 miljun), b’2 400 impjegat. Iż-żewġ impriżi sussidjarji mibjugħa kienu attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-azzar finali. Skont evalwazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni, fiż-żmien tal-bejgħ tagħhom, dawn l-impriżi sussidjarji kienu profittabbli bi dħul imbassar fuq il-bejgħ ta’ madwar 6 %. Dawn iż-żewġ impriżi sussidjarji kienu jagħmlu parti sinjifikanti ħafna mill-grupp HSW, b’attivitajiet profittabbli u prospetti tajbin fis-suq.

Miżuri kompensatorji skont il-pjan ta’ Novembru

(137)

Il-Linji Gwida tal-2004 jirrikonoxxu li forom differenti ta’ għajnuna jista’ jkollhom effetti differenti fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġi llimitat l-effett ta’ distorsjoni, il-punt 45 jistipula li l-ammont tal-għajnuna jew il-forma li jingħata fiha għandom ikunu tali li jiġi evitat li l-kumpanija tiġi pprovduta bi flus żejda li jistgħu jintużaw għal attivitajiet aggressivi u distortivi fis-suq li ma jkunux marbuta mal-proċess ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni kellha dubji jekk il-miżuri ta’ kumpens skont il-pjan ta’ Novembru kinux biżżejjed. L-awtoritajiet Pollakki jammettu li l-effett tat-tpartit tad-dejn għal ishma ta’ HSW huwa ta’ vantaġġ għall-istess HSW, minħabba li jtejjeb b’mod sinjifikanti s-sitwazzjoni tal-fluss tal-flus tal-kumpanija. HSW issa sejra aħjar permezz ta’ dan it-tibdil fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat. Minbarra dan, HSW qiegħda tippjana li tuża parti kbira mill-fluss ta’ flus liberu tagħha biex toffri lill-klijenti tagħha b’kundizzjonijiet kompetittivi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li weħidhom, il-miżuri ta’ kumpens implimentati skont il-pjan ta’ Frar mhux ser ikunu biżżejjed, billi t-tpartit għandu effett distortiv addizzjonali fuq il-kompetizzjoni. Bħala riżultat, il-miżuri ta’ kumpens kellhom jiżdiedu, hekk kif dawn għandhom ikunu bi proporzjon mal-effetti distortivi tal-għajnuna (22).

(138)

L-awtoritajiet Pollakki għarrfu lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra ddatata t-22 ta’ Diċembru 2008 li kienu tneħħew assi addizzjonali fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 39 tal-Linji Gwida tal-2004.

(139)

L-awtoritajiet Pollakki għarrfu lill-Kummissjoni li l-impriża benefiċjarja kienet biegħet għadd addizzjonali ta’ kumpaniji tal-produzzjoni, biex b’hekk illimitat l-attivitajiet u l-kapaċità fil-produzzjoni tagħha. Sitta mill-impriżi sussidjarji mibjugħa (HSW-Zakład Kuźnia Matrycowa Sp. z o.o., HSW-Tlenownia Sp. z o.o., HSW-Sprężynownia z o.o., HSW-Lasowiak Sp. z o.o., HSW-Zakład Metalurgiczny Sp. z o.o. u Informatyka Sp. z o.o.) bdew jagħmlu l-profitti. Id-dħul totali ġġenerat minn dawn il-kumpaniji fis-sena qabel inbiegħu kien jammonta għal PLN 185 miljun (EUR 43,8 miljun) u kienu jimpjegaw 1 100 ħaddiem.

(140)

Ħamsa minn dawn il-kumpaniji (HSW-Zakład Kuźnia Matrycowa Sp. z o.o., HSW-Tlenownia Sp. z o.o., HSW-Sprężynownia z o.o., HSW-Zakład Metalurgiczny Sp. z o.o. u Informatyka Sp. z o.o.) ipprovdew materjali u servizzi lil xulxin fi ħdan il-grupp HSW, kif ukoll lil klijenti esterni. Huma jipprovdu spare parts bħal forom maħduma f’forġa u molol tat-tip “hot-coiled”, kif ukoll jipprovdu servizzi lil fergħat oħrajn tal-industrija, inklużi s-setturi tal-ferroviji, tal-bini tal-magni, tal-enerġija u tat-tħaffir fil-minjieri.

(141)

Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Pollakki wegħdu li l-ARP ser tbiegħ l-ishma tagħha f’HSW sal-aħħar tal-2009.

(142)

Minħabba li ħamsa mill-impriżi sussidjarji mibjugħa minn HSW bdew jagħmlu l-profitti u kienu qegħdin jikkontribwixxu għall-potenzjal tal-produzzjoni ta’ HSW, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dan il-bejgħ jista’ jitqies bħala miżura ta’ kumpens li tillimita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna. Filwaqt li tqis dan u l-pjanijiet biex tipprivatizza l-HSW, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta’ kumpens proposti jillimitaw b’mod suffiċjenti d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna.

7.4.5.   Għajnuna limitata għall-minimu

(143)

Skont il-punti 43 sa 45 tal-Linji Gwida tal-2004, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu strett li huwa meħtieġ biex ikun jista’ jsir ir-ristrutturar tal-impriża. Il-forma li fiha tingħata l-għajnuna għandha tkun tali li jiġi evitat li l-kumpanija tiġi pprovduta bi flus żejda li jkunu jistgħu jintużaw għal attivitajiet aggressivi u distortivi fis-suq li ma jkunux meħtieġa għall-proċess ta’ ristrutturar.

(144)

B’mod partikolari, il-benefiċjarja tal-għajnuna mistennija tagħmel kontribuzzjoni sinjifikanti għar-ristrutturar mir-riżorsi tagħha stess jew minn finanzjament estern skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

(145)

L-awtoritajiet Pollakki pprovdew diversi dettalji tal-ammonti meqjusa bħala kontribuzzjonijiet proprji tal-benefiċjarja għall-ispejjeż tar-ristrutturar.

(146)

L-ewwelnett, il-kumpanija qiegħda tippjana li tikseb self mill-bank li jammonta għal total ta’ PLN 46,9 miljun (EUR 11,1 miljun). L-awtoritajiet Pollakki pprovdew evidenza suffiċjenti li HSW ser tkun tista’ tikseb tali finanzjament fis-suq, hekk kif hija diġà bbenifikat minn finanzjament privat li jammonta għal PLN 31,9 miljun (EUR 7,6 miljun) bejn l-2003 u l-2005. L-awtoritajiet Pollakki jaffermaw li l-benefiċjarja ser tkun tista’ ssib il-finanzjament tas-suq sal-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar.

(147)

Barra minn hekk, fil-pjan ta’ Frar, HSW inkludiet id-dħul mill-bejgħ ta’ sussidjarji li jammonta għal PLN 112,2 miljun (EUR 26,6 miljun). Skont il-pjan ta’ Novembru, id-dħul totali mill-bejgħ tas-sussidjarji żdied għal PLN 126 miljun (EUR 29,8 miljun).

(148)

Fl-aħħarnett, il-benefiċjarja biegħet assi li jammontaw għal PLN 52,1 miljun (EUR 12,3 miljun) skont il-pjan ta’ Frar. Skont il-pjan ta’ Novembru, dan l-ammont żdied għal PLN 61,4 miljun (EUR 14.5 miljun) minħabba bejgħ ulterjuri tal-assi.

(149)

Id-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ jekk il-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarja hijiex sinjifikanti u jekk tilħaqx il-limitu tal-Linji Gwida tal-2004 naqsu. L-ispejjeż tar-ristrutturar jammontaw għal PLN 456,9 miljun (l-ispejjeż tar-ristrutturar finanzjarju jikkostitwixxu kważi nofs it-total tal-ispejjeż tar-ristrutturar, bil-bqija jkunu primarjament spejjeż relatati mal-immodernizzar tal-infrastruttura tal-kumpanija u r-ristrutturar organizzattiv). Fir-rigward tas-sorsi tal-finanzjament tar-ristrutturar, PLN 252,9 miljun jistgħu jitqiesu bħala kontribuzzjoni proprja għar-ristrutturar. Dan it-total jinkludi finanzjament minn banek privati (PLN 61,6 miljun), dħul mill-bejgħ jew kiri komplet ta’ assi (PLN 61,4 miljun) u dħul mill-bejgħ ta’ sussidjarji (PLN 126,4 miljun) (23). Għalhekk, il-kontribuzzjoni proprja ta’ HSW għar-ristrutturar ġenerali hija ta’ 53,9 %, filwaqt li l-punt 44 tal-Linji Gwida tal-2004 jistabbilixxi livell minimu ta’ 50 % għal impriżi kbar.

(150)

Fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni mhux biss qajmet dubji dwar il-kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż tar-ristrutturar ġenerali, iżda esprimiet l-opinjoni li l-ispjegazzjoni tal-awtoritajiet Pollakki tal-ħtieġa għall-fluss tal-flus addizzjonali ġġenerat mit-tpartit ta’ dejn għal ishma naqset milli tissodisfa lill-Kummissjoni li ma kienu ġew ipprovduti ebda flus żejda lil HSW. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-miżuri tal-kummerċjalizzazzjoni ddisinjati biex jagħtu l-opportunità lil HSW biex tikkompeti fis-suq kinux jirrappreżentaw miżuri ta’ ristrutturar ġenwini u jekk l-għajnuna kinitx għalhekk limitata għall-minimu meħtieġ. L-awtoritajiet Pollakki taffew dawn id-dubji billi wrew li dawn il-miżuri kienu meħtieġa għall-irkupru tal-vijabbiltà minħabba li HSW kienet teħtieġhom sabiex tkun tista’ tibqa’ fis-suq. Ġie enfasizzat ukoll li l-fluss ta’ flus addizzjonali mhux ser jintuża għall-ksib ta’ kapaċitajiet addizzjonali fil-produzzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-miżuri bħala meħtieġa għall-proċess tar-ristrutturar b’suċċess.

7.4.6.   Il-prinċipju “ta’ darba, l-aħħar darba”

(151)

Fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni nnotat li HSW – Zakład Zespołów Mechanicznych irċeviet għajnuna ta’ ristrutturar mogħtija qabel l-adeżjoni għall-perjodu 2003-2007. Għaldaqstant, kien meħtieġ li jintwera li din l-għajnuna ta’ ristrutturar ma kellhiex riperkussjonijiet fuq il-kumpanija prinċipali. L-awtoritajiet Pollakki ġew mitluba wkoll jassiguraw lill-Kummissjoni li l-għajnuna ta’ ristrutturar lil HSW, jekk tiġi approvata mill-Kummissjoni, ma kienx ser ikollha effetti sekondarji fuq HSW – Zakład Zespołów Mechanicznych.

(152)

L-awtoritajiet Pollakki assiguraw lill-Kummissjoni li r-relazzjonijiet bilaterali bejn HSW – Zakład Zespołów Mechanicznych u HSW huma bbażati fuq termini tas-suq (inklużi termini ta’ ħlas u ta’ kunsinna) u li l-kumpaniji, bħala entitajiet legali distinti, iżommu kontijiet separati. L-uniku fattur li HSW qieset meta għażlet lil HSW – Zakład Zespołów Mechanicznych bħala sieħba tagħha għall-forniment tal-materjal kienet il-viċinanza ġeografika tagħha.

7.4.7.   Separazzjoni bejn il-produzzjoni militari speċjali sussidjata u l-produzzjoni ċivili

(153)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Novembru 2005 ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qajmet dubji fir-rigward ta’ jekk is-separazzjoni bejn il-produzzjoni militari speċjali sussidjata (kanuni) u l-produzzjoni ċivili ta’ makkinarju tal-kostruzzjoni kinitx biżżejjed biex tipprevjeni l-kontrosussidjar bejn dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività. L-awtoritajiet Pollakki pprovdew informazzjoni li tassigura lill-Kummissjoni li s-sistema kurrenti tal-kontabilità tal-ispejjeż tippermetti s-separazzjoni ċara tal-ispejjeż għaż-żewġ tipi ta’ attivitajiet imsemmija fuq.

8.   KONKLUŻJONI

(154)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat f’dan il-każ, li parti minnha ngħatat fi ksur tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, hija madankollu kumpatibbli mas-suq komuni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C44/05 (ex NN 79/05, ex N 439/04) hija rrevokata.

Artikolu 2

L-għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ PLN 66377 miljun mogħtija jew li trid tingħata favur Huta Stalowa Wola S.A., li parti minnha ngħatat bi ksur tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, hija kumpatibbli mas-suq komuni. L-għajnuna mogħtija lil Huta Stalowa Wola S.A. fil-forma ta’ tpartit ta’ dejn għal ishma fir-rigward ta’ self li jammonta għal total ta’ PLN 75 miljun hija wkoll kumpatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 34, 10.2.2006, p. 5.

(2)  ĠU L 112, 30.4.2007, p. 67.

(3)  L-ammonti kollha pprovduti mill-awtoritajiet Pollakki fi żloti Pollakki (PLN) inqelbu f’euro (EUR) bl-użu tar-rata tal-kambju tal-15 ta’ Jannar 2008 ta’ EUR 1 = PLN 4,22.

(4)  Il-pjan ta’ ristrutturar il-ġdid ġie adottat mill-amministrazzjoni tal-HSW nhar is-7 ta’ Novembru 2006. Fit-8 ta’ Diċembru 2006, il-bord superviżorju ta’ HSW irratifika l-pjan – f’dak l-istadju, skont il-Polonja, il-pjan seta’ jitqies bħala dak finali. Dan intbagħat lill-uffiċċju tal-kompetizzjoni fil-Polonja (OCCP) nhar it-13 ta’ Diċembru 2006.

(5)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(6)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(7)  ĠU C 298, 11.12.2007, p. 10.

(8)  Jiġifieri l-imgħaxijiet akkumulati fuq is-selfiet sa issa u l-imgħaxijiet li jridu jiġu akkumulati fil-futur sad-data oriġinali stabbilita għall-ħlas lura tas-selfiet.

(9)  L-ammont ta’ imgħaxijiet huwa PLN 1,7 miljun inqas mill-ammont ippreżentat fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Polonja spjegat li peress li t-tpartit ta’ dejn għal ishma ġie implimentat ftit aktar tard mid-data ppjanata oriġinarjament, HSW ħallset lura ammont ogħla ta’ imgħaxijiet dovuti u l-bilanċ għaldaqstant huwa iżgħar.

(*)  Informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali.

(10)  Imqabbla mal-PLN 450 miljun kif indikat fil-pjan ta’ ristrutturar ta’ Frar u l-PLN 456,9 miljun fil-pjan ta’ Novembru.

(11)  Il-Polonja tirreferi għad-dejta pprovduta mill-konsulenza “Off Highway Research”.

(**)  Din il-miżura kienet is-suġġett tat-tpartit ta’ dejn għal ishma li ġie implimentat f’Lulju 2007 u għalhekk ser tiġi kkunsidrata wkoll fit-Tabella 4.

(***)  Ibidem.

(****)  L-awtoritajiet Pollakki ma pprovdewx informazzjoni dwar l-għajnuna ekwivalenti għall-miżura. Dan l-ammont ta’ għajnuna ġie kkalkulat billi ġie assunt li 30.84 % tal-obbligazzjonijiet ristrutturati skont l-Att emendat tat-30 ta’ Ottubru 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għal impriżi ta’ importanza speċjali għas-suq tax-xogħol sejrin jitħallsu lura lill-kredituri mir-rikavat miksub mill-bejgħ tal-assi tal-kumpanija benefiċjarja, fil-proċedura pprovduta f’dik il-leġiżlazzjoni. Il-proporzjon ta’ 30.84 % huwa ċ-ċifra li ġiet assunta mid-deċiżjoni mmodifikata tar-ristrutturar tas-17 ta’ Ġunju 2005. L-ammont imħassar allura jkun ta’ 69.16 % tal-obbligazzjonijiet totali. L-ekwivalenti tal-għajnuna huwa 100 % tal-obbligazzjonijiet irrinunzjati.

(*****)  Mogħti wara Diċembru 2004.

(******)  Mogħti fl-2005.

(12)  Ara l-Kawża T-109/01 Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-127, para.74.

(13)  L-ammont ta’ PLN 147 miljun jinkludi s-selfiet mogħtija lil HSW mill-ARP qabel l-adeżjoni, li jammontaw għal PLN 75 miljun. Fl-2007, dawn iż-żewġ selfiet inqelbu f’ishma u għalhekk, huma murija wkoll bħala tpartit ta’ dejn għal ishma fit-Tabella 4.

(14)  Ara l-kawżi C 30/98 Wildauer Kubelwelle, Lautex Weberei und Veredlung (ĠU C 387, 12.12.1998).

(15)  Dawn is-selfiet jidhru bħala l-miżuri 8 u 15 fit-Tabella 2.

(16)  Kawża T-11/95 BP Chemicals vs Il-Kummissjoni [1998] Ġabra II-3235.

(17)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(18)  ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(19)  Ara b’mod partikolari l-punti 85 et seq. tad-deċiżjoni inizjali tal-ftuħ.

(20)  Dawn l-ammonti huma PLN 1,7 miljun inqas minn dawk ippreżentati fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007. Il-Polonja spjegat li t-tpartit ta’ dejn għal ishma ġie implimentat ftit aktar tard milli kien ippjanat fil-bidu, biex b’hekk HSW ħallset lura ammont ogħla ta’ imgħaxijiet dovuti, li kien ifisser li kien fadal inqas x’jitħallas lura.

(21)  Kif ġie spjegat fin-nota 18 f’qiegħ il-paġna, dawn l-ammonti għandhom ukoll jitnaqqsu kemmxejn minħabba li l-ammont ta’ flus addizzjonali ġenerali huwa ugwali għal 96,2 miljun. Madankollu, jista’ jiġi konkluż li dawn l-ammonti ma jistgħux jitbiddlu b’mod sinjifikanti.

(22)  Ara l-punt 40 tal-Linji Gwida tal-2004.

(23)  It-tliet ammonti kollha żdiedu meta mqabbla mal-pjan ta’ ristrutturar ta’ Frar.