|
20.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 72/38 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-19 ta’ Marzu 2010
dwar kondizzjonijiet armonizzati għall-użu tal-ispektrum tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti (servizzi MCV) fl-Unjoni Ewropea
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1644)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/166/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispektrum tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-politika tal-i2010, bħala qafas strateġiku għal Soċjetà tal-Informazzjoni Ewropea (2), tippromwovi ekonomija diġitali miftuħa u kompetittiva fl-Unjoni Ewropea u tenfasizza t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni bħala mutur għall-inklużjoni u tal-kwalità ta’ ħajja. L-iżvilupp ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni addizzjonali jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-produttività tax-xogħol u għat-tkabbir fis-suq tat-telefonija mobbli. |
|
(2) |
L-applikazzjonijiet ta’ konnettività marittima jintużaw abbord bastimenti tal-ġarr u tal-passiġġieri li jbaħħru fl-ibħra territorjali u fl-ilmijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea u huma ġeneralment pan-Ewropej jew interstatali fin-natura tagħhom. L-għan tas-sistemi li jipprovdu s-servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti (“servizzi MCV”) hu li jikkumplimentaw il-konnettività mobbli eżistenti meta jitħaddmu f’dawk iż-żoni tal-ibħra territorjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif imfisser fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li mhumiex koperti min-netwerks mobbli terrestri, u li huma soġġetti għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE tas-16 ta’ Ottubru 2009 dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta’ frekwenza 900 MHz u 1 800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi pan-Ewropej ta’ komunikazzjoni fil-Komunità (3). Approċċ koordinat għar-regolamentazzjoni ta’ servizzi MCV ta’ dan it-tip għandu jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-miri tas-suq uniku u sabiex tkun tista’ titjieb id-disponibbiltà tas-servizzi tal-GSM fl-Unjoni Ewropea. |
|
(3) |
L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-użu tal-ispektrum tar-radju fl-Unjoni Ewropea għandha tiffaċilita l-applikazzjoni u l-użu tas-servizzi MCV fl-Unjoni Ewropea, fejn l-għanijiet ewlenin ikunu li tiġi evitata interferenza li tagħmel il-ħsara lil netwerks mobbli terrestri u li tiġi evitata l-konnessjoni ma’ sistemi li joffru servizzi MCV meta jkun possibbli li ssir konnessjoni man-netwerks mobbli terrestri. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 676/2002/KE, il-Kummissjoni Ewropea tat mandat (4) lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni (minn hawn ‘il quddiem, “is-CEPT”) biex tidentifika l-kondizzjonijiet tekniċi u ta’ tħaddim meħtieġa biex jiġi żgurat li tiġi evitata interferenza li tagħmel il-ħsara minn sistemi tal-GSM li jintużaw abbord ta’ bastimenti fil-meded ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz u 1 800 MHz fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri bit-tħaddim ta’ netwerks mobbli terrestri eżistenti, kif ukoll f’żoni ta’ dawn l-ibħra territorjali fejn dawn in-netwerks jagħtu servizz, u li jiġi żgurat li t-terminals mobbli terrestri ma jkunux konnessi ma’ xi sistema ta’ dan it-tip meta tkun qed tintuża fl-ibħra territorjali u li ebda terminal mobbli ma jiċċaħħad milli jagħmel konnessjoni ma’ netwerks terrestri. Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-istudji tekniċi li twettqu mis-CEPT skont il-mandat tal-Kummissjoni Ewropea, kif ippreżentati fir-Rapport nru 28 tas-CEPT (5). |
|
(5) |
Is-sistema li tipprovdi servizzi MCV meqjusa fir-Rapport tas-CEPT tikkonsisti fi stazzjon wieħed jew iktar piko-ċellulari abbord (BS tal-bastiment), li jippermetti l-aċċess għal netwerk prinċipali tal-GSM permezz ta’ ħolqa ta’ netwerk, pereżempju permezz tas-satellita, li tuża partijiet differenti tal-ispektrum flok il-meded ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz u 1 800 MHz. Il-BS tal-bastiment li jkollu sistema bħal din iservi t-terminals mobbli tal-GSM roaming li jkunu qed iġorru fuqhom il-passiġġieri jew il-membri tal-ekwipaġġ li jkun hemm abbord billi jipprovdi konnettività fil-meded ta’ frekwenzi GSM-900 u/jew GSM-1 800 meta l-bastiment ikun f’ibħra internazzjonali jew f’żoni tal-ibħra territorjali fejn ma jkunx hemm biżżejjed kopertura tan-netwerk mobbli terrestri jew xejn. |
|
(6) |
Ir-Rapport tas-CEPT jikkonkludi li s-sistemi li jipprovdu servizzi MCV ma għandhomx jintużaw f’distanza eqreb minn żewġ mili nawtiċi (NM) mil-linja bażi ta’ Stat kostali. Dan ir-rapport jelenka għadd ta’ kondizzjonijiet tekniċi u ta’ tħaddim għall-użu ta’ sistemi ta’ dan it-tip fl-ibħra territorjali bejn żewġ u tnax-il mil nawtiku mil-linja bażi. |
|
(7) |
It-tagħmir għas-servizzi MCV kopert b’din id-Deċiżjoni huwa fl-ambitu tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (6). Il-konformità mal-Istandards Armonizzati rilevanti għall-GSM-900 u/jew GSM-1 800 imsemmija f’din id-Direttiva tinvolvi l-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tagħha, u b’hekk tippermetti t-tqegħid ta’ dan it-tip ta’ tagħmir fis-suq. |
|
(8) |
Filwaqt li jeżistu standards armonizzati tal-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi li jippermettu t-tqegħid tat-tagħmir tal-GSM fis-suq, u filwaqt li tagħmir tal-GSM ta’ dan it-tip jista’ jintuża minn sistemi li jipprovdu servizzi MCV, xorta jibqa’ meħtieġ li jiġu stabbiliti l-valuri speċifiċi għat-tħaddim li għandhom jiġu mħarsa mis-sistemi li jipprovdu servizzi MCV li jitħaddmu fl-ibħra territorjali, biex tiġi evitata l-interferenza man-netwerks terrestri. |
|
(9) |
Għaldaqstant, l-Anness għal din id-Deċiżjoni jinkludi r-rekwiżiti tekniċi u ta’ tħaddim elenkati fir-Rapport tas-CEPT. Dawn ir-rekwiżiti, li huma fil-meded ta’ parametri adattabbli tal-istandards tal-GSM, għandhom jiżguraw il-koeżistenza bejn is-sistemi li jipprovdu servizzi MCV u n-netwerks GSM/UMTS terrestri fil-meded ta’ frekwenzi ta’ 900 u 1 800 MHz, kif ukoll tas-sistemi ta’ navigazzjoni ajrunawtika li jintużaw fuq firxa qasira (sistemi RSBN) li jaħdmu fil-medda ta’ frekwenzi 862-960 MHz. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu tekniki għat-tnaqqis tal-interferenza abbażi tal-parametri ta’ tħaddim speċifiċi tas-sistema tal-GSM, iżda jistgħu jintużaw ukoll mezzi jew tekniki oħra għat-tnaqqis tal-interferenza basta dawn ikunu jipprovdu livell ta’ protezzjoni ekwivalenti. |
|
(10) |
Din id-Deċiżjoni ma tistax titqies li timponi obbligi fuq Stati Membri li ma għandhomx ibħra territorjali. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtorizzazzjoni tas-servizzi MCV, li hija barra mill-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni, biss li tista’ tesiġi azzjoni min-naħa tal-Istati Membri b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward tal-bastimenti tan-nazzjonalità tagħhom. |
|
(11) |
L-Istati Membri għandhom jagħmlu li jistgħu biex, kemm jista’ jkun malajr, jagħmlu l-meded ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz u 1 800 MHz disponibbli għas-sistemi li jipprovdu servizzi MCV, fuq bażi ta’ mingħajr interferenza u mingħajr protezzjoni, fl-ibħra territorjali tagħhom biex, pereżempju, tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet ta’ dawn il-meded. Madankollu, jekk iċ-ċirkustanzi nazzjonali jipprevenu d-disponibbiltà tal-meded sħaħ, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disponibbli kwantità iżgħar ta’ spektrum, iżda mill-inqas għandhom jagħmlu disponibbli 2 MHz ta’ spektrum fid-direzzjoni ta’ konnessjoni axxendentali u 2 MHz oħra fid-direzzjoni ta’ konnessjoni dixxendentali, peress li hu maħsub li din il-kwantità ta’ spektrum hija l-minimu meħtieġ għat-tħaddim tas-servizzi MCV. |
|
(12) |
Bil-għan li jkun żgurat li l-kondizzjonijiet speċifikati f’din id-Deċiżjoni jibqgħu rilevanti u fid-dawl tal-bidliet veloċi fil-qasam tal-ispektrum tar-radju, l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom jimmonitorjaw, fejn ikun possibbli, l-użu tal-ispektrum tar-radju li jsir minn tagħmir għal servizzi MCV, sabiex din id-Deċiżjoni tibqa’ soġġetta għal reviżjoni attiva. Reviżjoni ta’ dan it-tip għandha tikkunsidra l-iżvilupp teknoloġiku u tivverifika li s-suppożizzjonijiet tal-bidu dwar it-tħaddim tas-servizzi MCV għadhom rilevanti. |
|
(13) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispektrum tar-Radju, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għan ta’ din id-Deċiżjoni hu li tarmonizza l-kondizzjonijiet tekniċi għad-disponibbiltà u l-użu effikaċi tal-meded ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz u 1 800 MHz għal sistemi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli abbord il-bastimenti fl-ibħra territorjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
|
1. |
“servizzi ta” komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti (servizzi MCV)’ tfisser servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, kif imfisser fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), mogħtijin minn impriża sabiex tippermetti li dawk li jkunu abbord bastiment jikkomunikaw permezz ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni bl-użu ta’ sistema tal-GSM mingħajr ma jkunu stabbiliti konnessjonijiet diretti man-netwerks mobbli terrestri; |
|
2. |
“il-medda ta’ frekwenzi ta” 900 MHz’ tfisser il-medda ta’ frekwenzi 880-915 MHz fil-każ ta’ konnessjoni axxendentali (terminal li jittrażmetti u stazzjon ta’ bażi ta’ riċezzjoni) u l-medda ta’ frekwenzi 925-960 MHz għal konnessjoni dixxendentali (stazzjon ta’ bażi trażmettitur u terminal ta’ riċezzjoni); |
|
3. |
“il-medda ta” frekwenza ta’ 1 800 MHz’ tfisser il-medda ta’ frekwenzi 1 710-1 785 MHz fil-każ ta’ konnessjoni axxendentali (terminal li jittrażmetti u stazzjon ta’ bażi ta’ riċezzjoni) u l-medda ta’ frekwenzi 1 805-1 880 MHz għal konnessjoni dixxendentali (stazzjon ta’ bażi trażmettitur u terminal ta’ riċezzjoni); |
|
4. |
“sistema tal-GSM” tfisser netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, konformi mal-Istandards tal-GSM, kif ippubblikati mill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari EN 301 502 u EN 301 511; |
|
5. |
“fuq bażi ta” mingħajr interferenza u mingħajr protezzjoni’ tfisser li ma tista’ tiġi kkawżata l-ebda interferenza ta’ ħsara lil kwalunkwe servizz ta’ radjukomunikazzjoni u li ma tista’ ssir l-ebda talba għall-protezzjoni ta’ dawn is-servizzi mill-interferenza li tagħmel il-ħsara li toriġina minn servizzi oħra ta’ radjukomunikazzjoni; |
|
6. |
“baħar territorjali” għandha tiġi interpretata fl-istess sens kif imfissra fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar; |
|
7. |
“Stazzjon ta” Bażi Transciever ta’ Bastiment (BS tal-bastiment)’ tfisser piko-ċellula mobbli li tinsab fuq il-bastiment u li tappoġġa s-servizzi tal-GSM fil-meded ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz u/jew 1 800 MHz. |
Artikolu 3
L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar wara li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ, jagħmlu disponibbli mill-inqas 2 MHz ta’ spektrum fid-direzzjoni ta’ konnessjoni axxendentali u 2 MHz ta’ spektrum korrispondenti fid-direzzjoni ta’ konnessjoni dixxendentali, fil-meded ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz u/jew 1 800 MHz, għas-sistemi li jipprovdu servizzi MCV, fuq bażi ta’ mingħajr interferenza u protezzjoni, fl-ibħra territorjali tagħhom u jiżguraw li dawn is-sistemi jkunu konformi mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
L-Istati Membri għandhom iżommu taħt reviżjoni l-użu tal-meded ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz u 1 800 MHz mis-sistemi li jipprovdu servizzi MCV fl-ibħra territorjali tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tar-rilevanza kontinwa tal-kondizzjonijiet kollha speċifikati fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni u tal-każijiet ta’ interferenza ta’ ħsara.
Artikolu 5
L-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sejbiet tagħhom fir-rigward tar-reviżjoni imsemmija fl-Artikolu 4 għal din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha, meta jkun xieraq, tagħmel ir-reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2010.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Viċi President
(1) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.
(2) COM(2005) 229 finali tal-1 ta’ Ġunju 2005.
(3) ĠU L 274, 20.10.2009, p. 32.
(4) Mandat mogħti lis-CEPT dwar servizzi ta’ Komunikazzjoni Mobbli fuq il-bastimenti, 8 ta’ Lulju 2008.
(5) Rapport finali mħejji mis-CEPT lill-Kummissjoni Ewropea bi tweġiba għall-Mandat tal-KE dwar servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti (MCV), 1 ta’ Lulju 2009.
ANNESS
Il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu mħarsa mis-sistemi li jipprovdu servizzi MCV fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, biex tiġi evitata l-interferenza ta’ ħsara għan-netwerks mobbli terrestri
Il-kondizzjonijiet li ġejjin iridu jkunu mħarsa:
|
(1) |
Is-sistema li tipprovdi servizzi MCV ma għandhiex tintuża f’distanza eqreb minn żewġ mili nawtiċi (1) mil-linja bażi, kif definit fil- Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar; |
|
(2) |
Jistgħu jintużaw biss antenni interni ta’ BS ta’ bastimenti bejn żewġ u tnax-il mil nawtiku mil-linja bażi; |
|
(3) |
Limiti li għandhom jiġu stabbiliti għal terminals mobbli meta jintużaw abbord il-bastiment u għall-BS tal-bastiment:
|
(1) Mil nawtiku = 1 852 metru.
(2) ACCMIN (RX_LEV_ACCESS_MIN); kif deskritt fl-istandard ETSI TS 144 018 tal-GSM.
(3) RXLEV (RXLEV-FULL-SERVING-CELL); kif deskritt fl-istandard ETSI TS 148 008 tal-GSM.
(4) Trażmissjoni mhux kontinwa, jew DTX; kif deskritt fl-istandard ETSI TS 148 008 tal-GSM.
(5) Avvanz tal-ħin; kif deskritt fl-istandard ETSI TS 144 018 tal-GSM.