10.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Marzu 2010

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, u fl-Italja fl-2009

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1172)

(It-testi biċ-Ċek, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(2010/148/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1) u b’ mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva tat-tjur u għasafar oħra mrobbija b’impatt serju fuq il-profitabilità tat-trobbija tat-tjur u li toħloq xkiel fil-kummerċ intra-Komunitarju u fl-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-influwenza tat-tjur, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinfirex f’irziezet oħra tat-tjur f’dak l-Istat Membru, imma wkoll fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ fit-tjur ħajjin jew il-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (2) li tintroduċi l-miżuri tal-Unjoni għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur tistipula miżuri li f’każ ta’ tifqigħa għandhom jiġu implimentati immedjatament mill-Istati Membri b’urġenza sabiex jiġi evitat aktar tixrid tal-vajrus.

(4)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta’ ċerti miżuri għall-qerda tal-influwenza tat-tjur.

(5)

L-Artikolu 4(3), l-ewwel u t-tieni inċiż tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jistabbilixxu regoli dwar il-persentaġġ tan-nefqa mġarrba mill-Istat Membru li tista’ tkun koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(6)

Il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-qerda tal-influwenza tat-tjur huwa suġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3).

(7)

Fl-2009 kien hemm tifqigħat tal-influwenza tat-tjur fir-Repubblika Ċeka fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, u fl-Italja. Ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, u l-Italja ħadu miżuri skont id-Direttiva 2005/94/KE biex jiġġieldu dawn it-tifqigħat.

(8)

L-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, ta’ Franza, u tal-Italja setgħu juru, permezz ta’ rapporti pprovduti fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali u s-sottomissjoni kontinwa ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-qagħda tal-marda, li implimentaw b’mod effiċjenti l-miżuri previsti fid-Direttiva 2005/94/KE li wasslu għal trażżin rapidu tal-marda.

(9)

L-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, ta’ Franza, u tal-Italja għalhekk issodisfaw l-obbligi tekniċi u amministrattivi kollha tagħhom fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lir-Repubblika Ċeka, lill-Ġermanja, lil Spanja, lil Franza, u lill-Italja

Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lir-Repubblika Ċeka, lill-Ġermanja, lil Spanja, lil Franza, u lill-Italja għall-ispejjeż imġarrba minn dawn l-Istati Membri waqt li ħadu miżuri skont l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE biex jiġġieldu l-influwenza tat-tjur fir-Repubblika Ċeka fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, u fl-Italja fl-2009.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika ta’ Franza, u lir-Repubblika tal-Italja.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(3)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.