5.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/60


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Frar 2010

li temenda r-Regolament intern tagħha

(2010/138/UE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod speċjali l-Artikolu 106a tiegħu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikoli 1 sa 29 tar-Regolament intern tal-Kummissjoni (1) huma mibdula mit-test li jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26.


ANNESS

“KAPITOLU I

IL-KUMMISSJONI

Artikolu 1

Il-prinċipju tar-responsabbiltà kollettiva

Il-Kummissjoni taġixxi bħala kulleġġ skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament Intern, u fir-rispett tal-prijoritajiet li din stabbiliet fil-qafas ta' orjentazzjonijiet politiċi definiti mill-President, skont l-Artikolu 17(6), TUE.

Artikolu 2

L-orjentazzjonijiet politiċi, il-prijoritajiet, il-programm ta' ħidma u l-baġit

Fir-rispett tal-orjentazzjonijiet politiċi definiti mill-President, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet tagħha u tittraduċihom fil-programm ta' ħidma u l-abbozz tal-baġit li tadotta annwalment.

Artikolu 3

Il-President

1.   Il-President jistabbilixxi l-linji gwida politiċi li fuqhom għandha taħdem il-Kummissjoni (1). Huwa jmexxi l-ħidmiet tal-Kummissjoni sabiex jiżgura t-twettiq tagħhom.

2.   Il-President jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, sabiex jiżgura li taġixxi b'mod koerenti, effikaċji u b'mod kolleġġjali (2).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(4) TUE, il-President jagħti lill-Membri tal-Kummissjoni oqsma ta’ attivitajiet partikolari li għalihom ikunu speċifikament responsabbli għat-tħejjija tal-ħidmiet tal-Kummissjoni u t-twettiq tad-deċiżjonijiet tagħha (3).

Il-President jista' jitlob lill-Membri tal-Kummisjsoni li jwettqu azzjonijiet speċifiċi bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet politiċi li stabbilixxa u l-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni.

F’kull ħin, huwa jista’ jimmodifika dawn il-kompiti (4).

Il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom mill-President taħt l-awtorità tiegħu (5).

3.   Il-President jaħtar il-Viċi Presidenti, minbarra r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, fost il-Membri tal-Kummissjoni (6), u jfassal l-ordni ta' preċedenza fi ħdan il-Kummissjoni.

4.   Il-President jista' jwaqqaf gruppi fost il-Membri tal-Kummissjoni billi jaħtar il-President tagħhom, jistabbilixxi l-mandat u l-modalitajiet ta' funzjonament, u jiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni u t-terminu tagħhom.

5.   Il-President għandu jirrappreżenta lill-Kummissjoni. Huwa għandu jaħtar lill-Membri tal-Kummissjoni sabiex jassistuh f'dan il-kompitu.

6.   Bla ħsara għall-Artikolu 18(1), TUE, Membru tal-Kummissjoni għandu jippreżenta r-riżenja tiegħu jekk il-President jitolbu jagħmel dan (7).

Artikolu 4

Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jittieħdu:

(a)

fil-laqgħat tal-Kummissjoni bi proċedura orali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament Intern, jew

(b)

bi proċedura bil-miktub skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament Intern, jew

(c)

bi proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament Intern, jew

(d)

bi proċedura ta’ delega skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament Intern.

SEZZJONI 1

Il-laqgħat tal-kummissjoni

Artikolu 5

Meta tissejjaħ laqgħa

1.   Il-laqgħat tal-Kummissjoni għandhom jissejħu mill-President.

2.   B’regola ġenerali, il-Kummissjoni tiltaqa’ mill-inqas darba fil-ġimgħa. Barra minn hekk, din tiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ.

3.   Il-Membri tal-Kummissjoni huma mitluba li jattendu għal-laqgħat kollha. F'każ li ma jkunux jistgħu, għandhom jinfurmaw, fi żmien xieraq, lill-President bir-raġunijiet tal-assenza tagħhom. Il-President għandu jiddeċiedi jekk Membri għandhomx jinħelsu minn dan l-obbligu f'ċerti ċirkostanzi.

Artikolu 6

L-aġenda tal-laqgħat tal-Kummissjoni

1.   Il-President jadotta l-aġenda ta’ kull laqgħa tal-Kummissjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva tal-President biex jadotta l-aġenda, kull proposta li tinvolvi spiża sinifikattiva trid tkun ippreżentata bi ftehim mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-baġit.

3.   Jekk Membru tal-Kummissjoni jipproponi ż-żieda ta’ punt fl-aġenda, il-President għandu jiġi mgħarraf kif inhu stipulat mill-Kummissjoni b’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament Intern, minn hawn ‘il quddiem “ir-regoli ta’ implimentazzjoni”.

4.   L-aġenda u d-dokumenti meħtieġa għandhom jitwasslu lill-Membri tal-Kummissjoni kif inhu stipulat b’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni.

5.   Il-Kummissjoni, fuq proposta tal-President, tista' tiddiskuti kwistjonijiet li mhumiex fuq l-aġenda jew li fir-rigward tagħhom tqassmu tard id-dokumenti.

Artikolu 7

Il-Kworum

In-numru ta' Membri preżenti meħtieġ sabiex ikun hemm kworum għandu jkun daqs il-maġġoranza tan-numru ta' Membri speċifikata fit-Trattat.

Artikolu 8

It-teħid tad-deċiżjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjonijiet abbażi ta' proposti minn wieħed jew aktar mill-Membri tagħha.

2.   Għandha ssir votazzjoni jekk din tkun mitluba minn xi Membru. Dan il-vot jirrigwarda l-abbozz inizjali jew abbozz ta' emenda mill-Membru jew Membri responsabbli għall-inizjattiva in kwistjoni jew mill-President.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu adottati jekk maġġoranza tan-numru tal-Membri, kif speċifikata fit-Trattat, jivvutaw favur.

4.   Il-President għandu jeżamina r-riżultat tad-diskussjonijiet, li għandhom jiġu mtennija fil-minuti tal-laqgħa kif inhu pprovdut fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament Intern.

Artikolu 9

Il-kunfidenzjalità

Il-laqgħat tal-Kummissjoni m'għandhomx ikunu pubbliċi. Id-dibattiti għandhom jibqgħu kunfidenzjali.

Artikolu 10

Il-preżenza tal-uffiċjali u ta’ persuni oħra

1.   Sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix xort’oħra, is-Segretarju Ġenerali u l-Kap tal-Kabinett tal-President għandhom jassistu għal-laqgħat. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom persuni oħra huma awtorizzati li jassistu għal-laqgħat.

2.   Jekk Membru tal-Kummissjoni jkun assenti, il-Kap tal-Kabinett tiegħu jista' jattendi għal-laqgħa u, fuq stedina mill-President, jista' jesprimi l-opinjoni tal-Membru assenti.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tisma' kull persuna oħra.

Artikolu 11

Il-minuti

1.   Il-minuti għandhom jittieħdu f’kull laqgħa tal-Kummissjoni.

2.   L-abbozz tal-minuti huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni f’laqgħa sussegwenti. Il-minuti approvati għandhom ikunu awtentikati permezz tal-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali.

SEZZJONI 2

Il-proċeduri l-oħra għat-teħid tad-deċiżjonijiet

Artikolu 12

Id-deċiżjonijiet bi proċedura bil-miktub

1.   Il-ftehim tal-Membri tal-Kummissjoni dwar abbozz minn wieħed jew aktar minnhom jista’ jinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, sakemm ikunu rċevew minn qabel l-opinjoni favorevoli tas-Servizz Legali kif ukoll il-qbil minn qabel tad-dipartimenti li jkunu ġew ikkonsultati b’mod xieraq b’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament Intern.

Din l-opinjoni favorevoli u/jew dan il-qbil jistgħu jiġu mibdula bi ftehim bejn il-Membri tal-Kummissjoni, meta t-tnedija ta' proċedura bil-miktub ta' finalizzazzjoni hekk kif definita skont il-modalitajiet ta' applikazzjoni tiġi deċiżi f'laqgħa tal-Kulleġġ, fuq proposta tal-President.

2.   Għal dan il-għan, it-test tal-abbozz għandu jitwassal bil-kitba lill-Membri tal-Kummissjoni kollha, taħt il-kundizzjonijiet stipulati minn din, b’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni, f‘limitu ta’ żmien li fih il-Membri għandhom jgħarrfu r-riżervi tagħhom jew l-emendi li jistgħu jkunu jridu jagħmlu fir-rigward tal-abbozz.

3.   Fil-proċedura bil-kitba, kull Membru tal-Kummissjoni jista’ jitlob li l-abbozz iwassal għal dibattitu. Għal dan il-għan, huwa għandu jindirizza talba motivata lill-President.

4.   Test ta’ abbozz għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni jekk l-ebda Membru ma jkun ressaq jew ikkonferma talba għas-sospensjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit għall-proċedura bil-miktub.

Artikolu 13

Id-deċiżjonijiet bi proċedura ta’ delega

1.   Sakemm ikun rispettat għal kollox il-prinċipju tar-responsabbiltà kollettiva, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza wieħed jew iktar mill-Membri tagħha li jieħdu miżuri ta’ mmaniġġjar u ta’ amministrazzjoni f’isimha, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet li tistipula.

2.   Il-Kummissjoni tista' wkoll, bil-ftehim tal-President, tagħti struzzjonijiet lil wieħed jew aktar mill-Membri tagħha sabiex jadotta t-test definittiv ta' xi strument jew ta' xi proposta li għad iridu jkunu preżentati lill-istituzzjonijiet l-oħra u li l-partijiet essenzali tagħhom kienu diġà deċiżi f'diskussjoni.

3.   Jekk id-deċiżjoni li tagħti din l-awtorizzazzjoni ma tagħmilx projbizzjoni espressa, l-awtorità mogħtija b'dan il-mod tista' tkun sottodelegata lid-Diretturi-Ġenerali u lill-Kapijiet tas-Servizzi.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar id-delega fil-qasam finanzjarju u għas-setgħat mogħtija lill-awtorità li taħtar u lill-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti tal-impjieg.

Artikolu 14

Id-deċiżjonijiet bi proċedura ta’ delega

Sakemm ikun irrispettat għal kollox il-prinċipju tar-responsabbiltà kollettiva tagħha, il-Kummissjoni tista’ tiddelega f’isimha l-adozzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni u tal-amministrazzjoni lid-Diretturi Ġenerali u lill-Kapijiet tad-Dipartimenti, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet li tistipula.

Artikolu 15

Is sottodelega għad-deċiżjonijiet individwali tal-għotjiet u għotja ta’ kuntratti

Id-Direttur Ġenerali jew il-Kap tas-servizz li jkun kiseb kompetenzi sottodelegati jew delegati, f’konformità mal-Artikoli 13 u 14 għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ffinanzjar, jista’ jiddeċiedi li jissottodelega t-teħid ta' ċerti deċiżjonijiet individwali ta' għotjiet jew ta' għotja ta' kuntratti lid-Direttur kompetenti jew, bi ftehim mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli, lill-Kap tal-Unità kompetenti, fil-limiti u l-kundizzjonijiet stipulati bir-regoli ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 16

L-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet meħuda

Id-deċiżjonijiet adottati bi proċedura bil-miktub, bi proċedura ta’ delega jew bi proċedura ta’ delega għandhom jiġu rreġistrati f’nota tal-ġurnata jew ta' kull ġimgħa li għandha tiġi rreġistrata fil-minuti tal-laqgħa tal-Kummissjoni li jkun imiss.

SEZZJONI 3

Dispożizzjonijiet komuni għall-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet

Artikolu 17

L-awtentifikazzjoni tal-atti adottati mill-Kummissjoni

1.   L-atti adottati fil-laqgħa għandhom jiġu mehmuża, fil-lingwa jew fil-lingwi awtentiċi, b’mod li ma jkunux jistgħu jiġu sseparati, ma’ nota sommarja ppreparata matul il-laqgħa tal-Kummissjoni li fiha jkunu ġew adottati. Huma għandhom ikunu awtentikati bil-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali fl-aħħar paġna tan-nota sommarja.

2.   L-atti mhux leġiżlattivi tal-Kummissjoni imsemmijin fl-Artikolu 297(2) TFUE u adottati permezz ta' proċedura bil-miktub jiġu awtentikati permezz tal-firem tal-President u s-Segretarju Ġenerali fl-aħħar paġna tan-nota sommarja msemmija fil-paragrafu preċedenti, sakemm ma jkunx meħtieġ li dawn l-atti jiġu ppubblikati u jidħlu fis-seħħ qabel ma ssir il-laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni. Għall-iskop ta' din l-awtentikazzjoni, kopja tal-noti tal-ġurnata msemmijin fl-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament Intern hija mehmuża b'mod li ma jkunux jistgħu jiġu sseparati, man-nota sommarja msemmija fil-paragrafu preċedenti.

L-atti l-oħra adottati mill-proċedura bil-miktub u l-atti adottati mill-proċedura ta’ delega f’konformità mal-Artikolu 12 u l-Artikolu 13(1) u (2), ta’ dan ir-Regolament Intern huma mehmuża fil-lingwa jew fil-lingwi awtentiċi b’mod li ma jkunux jistgħu jiġu sseparati, man-nota tal-ġurnata msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament Intern. Dawn l-istrumenti għandhom jiġu awtentikati bil-firma tas-Segretarju Ġenerali fuq l-aħħar paġna tan-nota tal-ġurnata.

3.   L-atti adottati mill-proċedura ta’ delega jew b’sottodelega huma mehmuża fil-lingwa jew fil-lingwi awtentiċi b’mod li ma jkunux jistgħu jiġu sseparati, permezz tal-applikazzjoni informatika prevista għal dan il-għan, man-nota tal-ġurnata msemmija fl-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament Intern. Dawn l-atti għandhom jiġu awtentikati b’dikjarazzjoni ta’ awtoċertifikazzjoni ffirmata mill-uffiċjal sottodelegat jew delegat f’konformità mal-Artikolu 13(3), l-Artikoli 14 u 15 ta’ dan ir-Regolament Intern.

4.   Fis-sens ta' dan ir-Regolament Intern, ‘atti’ għandha t-tifsira tal-atti li għandhom l-għamla stabbilita fl-Artikolu 288 TFUE.

5.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament Intern, ‘lingwi awtentiċi’ tfisser il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju lejn l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 (8), fejn jidħlu atti ġenerali, u għal atti oħrajn, il-lingwa ta’ min ikun qed jiġi indirizzat.

SEZZJONI 4

Il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-kummissjoni

Artikolu 18

Il-gruppi tal-Membri tal-Kummissjoni

Il-gruppi tal-Membri tal-Kummissjoni jikkontribwixxu għall-koordinazzjoni u għall-preparazzjoni tal-ħidmiet tal-Kummissjoni skont l-orjentazzjonijiet politiċi u l-mandat definiti mill-President.

Artikolu 19

Il-kabinetti u r-relazzjonijiet mas-servizzi

1.   Il-Membri tal-Kummissjoni għandu jkollhom kabinett inkarigat li jassisti fit-twettiq tal-ħidmiet tagħhom u fil-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Ir-regoli dwar l-għamla u l-funzjonament tal-kabinetti jitwaqqfu mill-President.

2.   Fir-rispett tal-prinċipji mwaqqfa mill-President, il-Membru tal-Kummissjoni japprova r-regoli ta' ħidma mas-servizzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dawn ir-regoli jispeċifikaw partikolarment il-mod ta’ kif il-Membri tal-Kummissjoni jagħtu l-istruzzjonijiet tagħhom lis-servizzi kkonċernati, li mingħandom jirċievu b'mod regolari kull informazzjoni meħtieġa dwar il-qasam ta’ attività tagħhom biex jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 20

Is-Segretarju Ġenerali

1.   Is-Segretarju Ġenerali jgħin lill-President sabiex, fil-qafas tal-orjentazzjonijiet politiċi li ddefinixxa, il-Kummissjoni twettaq il-prijoritajiet li tkun stabbiliet.

2.   Is-Segretarju Ġenerali jikkontribwixxi biex jiżgura l-koerenza politika billi jorganizza l-koordinazzjoni meħtieġa bejn is-servizzi sa mill-bidu ta' xogħol ta' tħejjija, fost oħrajn skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament Intern.

Huwa jiżgura li d-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni huma ta' kwalità tajba u konformi mar-regoli fil-forma u jikkontribwixxi, f'dan il-kuntest, għall-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, għall-obbligi esterni, għall-kunsiderazzjonijiet interistituzzjonali u għall-istrateġija ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

3.   Is-Segretarju Ġenerali jassisti lill-President fil-preparazzjoni tal-ħidmiet u fit-tmexxija tal-laqgħat tal-Kummissjoni.

Huwa jassisti wkoll lill-presidenti tal-gruppi tal-Membri maħluqa b’konformità mal-Artikolu 3, paragrafu 4, ta’ dawn ir-Regolament Intern fil-preparazzjoni u fit-tmexxija tal-laqgħat tagħhom. Huwa jipprovdi s-segretarjat ta' dawn il-gruppi.

4.   Is-segretarju ġenerali jiżgura l-implimentazzjoni tal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jara li d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament Intern jiġu eżegwiti.

B'mod partikolari, ħlief f'każ speċifiku, huwa jieħu l-miżuri meħtieġa biex jara li jkun hemm in-notifika u l-pubblikazzjoni f'’ll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-atti tal-Kummissjoni, kif ukoll it-tixrid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni u tad-dipartimenti tagħha f’istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali.

Huwa inkarigat mid-diffużjoni ta' informazzjoni bil-miktub li l-Membri tal-Kummissjoni jixtiequ jiċċirkolaw fosthom.

5.   Is-Segretarju Ġenerali jiżgura r-relazzjonijiet uffiċjali mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea, suġġett għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li teżerċita xi funzjoni hija stess jew li tassenja din il-funzjoni lill-Membri jew lis-servizzi tagħha.

F'dan il-kuntest, huwa jiżgura l-koerenza ġenerali permezz ta' koordinazzjoni bejn is-servizzi matul il-ħidmiet tal-istituzzjonijiet oħrajn.

6.   Is-Segretarju Ġenerali jiżgura informazzjoni xierqa tal-Kummissjoni dwar l-istat ta' progress tal-proċeduri interni u interistituzzjonali.

KAPITOLU II

ID-DIPARTIMENTI TAL-KUMMISSJONI

Artikolu 21

L-istruttura tad-dipartimenti

Il-Kummissjoni toħloq, biex tħejji u timplimenta l-azzjoni tagħha u b'dan il-mod twettaq il-prijoritajiet u l-orjentamenti politiċi definiti mill-President, ġabra ta' servizzi, strutturati f'Direttorati Ġenerali u servizzi assimilati.

B’mod ġenerali, id-Direttorati Ġenerali u s-servizzi relatati huma mqassma f’direttorati, u d-direttorati f’unitajiet.

Artikolu 22

Il-ħolqien ta’ funzjonijiet u ta’ strutturi speċifiċi

Biex jintlaħqu ċertu bżonnijiet partikolari, il-President jista’ joħloq funzjonijiet u strutturi speċifiċi inkarigati b'missjonijiet preċiżi. Hu jiddetermina wkoll ir-responsabbiltajiet u r-regoli tal-operat tagħhom.

Artikolu 23

Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn id-dipartimenti

1.   Biex tkun assigurata l-effikaċja tal-Kummissjoni, is-servizzi jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u b’mod koordinat sa mill-bidu tal-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet.

2.   Id-dipartiment responsabbli mill-preparazzjoni ta’ inizjattiva jara li, sa mill-bidu tal-ħidmiet preparatorji, ikun hemm koordinazzjoni effettiva bejn id-dipartiementi kollha li għandhom interess leġittimu għal din l-inizjattiva skont il-kompetenza u tar-responsabbiltajiet jew tan-natura tal-kwistjonijiet.

3.   Qabel ma dokument jiġi sottomess lill-Kummissjoni, id-dipartiment responsabbli jipproċedi fil-ħin li hemm bżonn għall-konsultazzjonijiet tad-dipartimenti li għandhom interess leġittimu għall-abbozz, b’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni.

4.   Is-Servizz Legali għandu jkun ikkonsultat dwar l-abbozzi kollha ta' u l-proposti kollha għal strumenti legali u dwar id-dokumenti kollha li jista' jkollhom implikazzjonijiet legali.

Biex tinbeda proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli 12, 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament Intern, il-konsultazzjoni tas-Servizz Legali hi dejjem meħtieġa ħlief għad-deċiżjonijiet dwar l-atti standard fejn il-ftehim ikun diġà sar minn qabel (atti repetittivi). Din mhix meħtieġa għall-atti msemmija fl-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament Intern.

5.   Il-konsultazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali hija obbligatorja għall-inizjattivi kollha

li huma sottomessi għall-approvazzjoni permezz tal-proċedura orali, bla ħsara għall-kwistjonijiet ta' persunal ta' ambitu individwali, jew

li għandhom importanza politika, jew

li jidhru fil-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni kif ukoll fl-istrument ta’ programmazzjoni fis-seħħ, jew

li jikkonċernaw l-aspetti istituzzjonali, jew

li huma sottomessi għall-analiżi ta’ impatt jew għal konsultazzjoni pubblika,

kif ukoll għal kull teħid ta' kariga jew inizjattiva konġunta li tista' timpenja l-Kummissjoni quddiem istituzzjonijiet jew entitajiet oħra.

6.   Ħlief għall-atti msemmijin fl-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament Intern, il-konsultazzjoni tad-direzzjoni ġenerali responsabbli għall-baġit u tad-direzzjoni ġenerali responsabbli għar-riżorsi umani u s-sigurtà hija obbligatorja fuq id-dokumenti kollha li għandhom impatt eventwali rispettivament fuq il-baġit, il-finanzi, il-persunal u l-amministrazzjoni. L-istess bżonn japplika għad-dipartiment inkarigat mill-ġlieda kontra l-frodi.

7.   Id-dipartiment responsabbli għandu jara kif jistabbilixxi proposta li tiġbor il-ftehim tad-dipartimenti kkonsultati. F’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, dan għandu jakkumpanja l-proposta bl-opinjonijiet differenti ta’ dawn id-dipartimenti, mingħajr preġudizzju lejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament Intern.

KAPITOLU III

ID-DELEGI

Artikolu 24

Kontinwità ta' servizz

Il-Membri tal-Kummissjoni u s-servizzi jiżguraw li jieħdu kull dispożizzjoni utli biex jiżguraw il-kontinwità tas-servizz, fir-rispett tad-dispożizzjonijiet imwaqqfa għal dan il-għan mill-Kummissjoni jew il-President.

Artikolu 25

Id-delegi tal-President

F’każ li l-President ma jkunx jista’ jeżerċita l-karigi tiegħu, dawn għandhom jiġu eżerċitati minn viċi-President jew minn Membru fl-ordni stabbilita mill-President.

Artikolu 26

Id-delegi tas-Segretarju Ġenerali

Id-dmirjiet tas-Segretarju Ġenerali jitwettqu, f'każ li dan ikun indispost jew jekk il-post tiegħu jkun vakanti, mid-deputat Segretarju Ġenerali preżenti li jkollu l-grad l-iktar għoli u, f'każ tal-istess grad, l-iktar anzjanità fil-grad u, f'anzjanità indaqs, l-ikbar età, jew minn uffiċjal maħtur mill-Kummissjoni.

Fin-nuqqas ta’ Deputat Segretarju Ġenerali preżenti jew ta’ uffiċjal maħtur mill-Kummissjoni, id-delega għandha tiġi eżerċitata mis-subordinat preżenti li għandu l-grupp ta' funzjoni l-iktar għoli, li għandu l-grad l-iktar għoli u, f'każ li l-grad ikun indaqs, l-ikbar anzjanità fil-grad, u f'każ tal-istess anzjanità fil-grad, l-iktar anzjan fiż-żmien.

Artikolu 27

Id-delegati tas-superjuri ġerarkiċi

1.   Id-dmirjiet tad-Direttur Ġenerali jitwettqu, f'każ li dan ikun indispost jew jekk il-post tiegħu jkun vakanti, mid-deputat Direttur Ġenerali preżenti li jkollu l-grad l-iktar għoli u, f'każ tal-istess grad, l-iktar anzjanità fil-grad u, f'anzjanità indaqs, l-ikbar età, jew minn uffiċjal maħtur mill-Kummissjoni.

Fin-nuqqas ta’ Deputat Direttur Ġenerali preżenti jew ta’ uffiċjal maħtur mid-Direttur-Ġenerali, id-delega għandha tiġi eżerċitata mis-subordinat preżenti li għandu l-grupp ta' funzjoni l-iktar għoli, li għandu l-grad l-iktar għoli u, f'każ li l-grad ikun indaqs, l-ikbar anzjanità fil-grad, u f'każ tal-istess anzjanità fil-grad, l-iktar anzjan fiż-żmien.

2.   Kap tal-Unità li huwa indispost jew li l-kariga tiegħu hija vakanti għandu jiġi delegat mid-Deputat Kap tal-Unità jew minn uffiċjal maħtur mid-Direttur Ġenerali.

Fin-nuqqas ta’ Deputat Kap tal-Unità preżenti jew ta’ uffiċjal maħtur mill-Kummissjoni, id-delega għandha tiġi eżerċitata mis-subordinat preżenti li għandu l-grupp ta' funzjoni l-iktar għoli, li għandu l-grad l-iktar għoli u, f'każ li l-grad ikun indaqs, l-ikbar anzjanità fil-grad, u f'każ tal-istess anzjanità fil-grad, l-iktar anzjan fiż-żmien.

3.   Jekk xi superjur ġerarkiku ieħor ma jkunx jista' jeżerċita l-kompiti tiegħu jew li l-kariga tiegħu hija vakanti, id-Direttur Ġenerali għandu jaħtar uffiċjal bi ftehim mal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli. Fin-nuqqas ta’ tali ħatra, id-delega għandha tiġi eżerċitata mis-subordinat preżenti li għandu l-grupp ta' funzjoni l-iktar għoli, li għandu l-grad l-iktar għoli u, f'każ li l-grad ikun indaqs, l-ikbar anzjanità fil-grad, u f'każ tal-istess anzjanità fil-grad, l-iktar anzjan fiż-żmien.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

Sakemm hemm bżonn, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar ir-regoli ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament Intern.

Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri supplimentari dwar kif għandha taħdem il-Kummissjoni u s-servizzi tagħha, filwaqt li tikkunsidra l-iżviluppi teknoloġiċi u informatiċi.

Artikolu 29

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”


(1)  It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 17(6)(a).

(2)  It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 17(6)(b).

(3)  It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 248.

(4)  Ara n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna.

(5)  Ara n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna.

(6)  It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 17(6)(c).

(7)  It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 17(6), it-tieni paragrafu.

(8)  ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3.