3.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 52/50 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Frar 2010
dwar l-istabbiliment ta' Kumitat Permanenti għall-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna
(2010/131/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 240(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 71 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li għandu jkun stabbilit kumitat permanenti fil-Kunsill sabiex jassigura li kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna tiġi promossa u msaħħa fi ħdan l-Unjoni. |
(2) |
Għaldaqstant, huwa adatt li tiġi adottata Deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta' dan il-Kumitat u biex jiġu definiti l-kompiti tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kumitat Permanenti għall-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna (minn issa msejjaħ “il-Kumitat Permanenti”) previst fl-Artikolu 71 tat-Trattat huwa b'dan stabbilit fi ħdan il-Kunsill.
Artikolu 2
Il-Kumitat Permanenti għandu jiffaċilita, jippromovi u jsaħħaħ il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet operattivi tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fil-qasam tas-sigurtà interna.
Artikolu 3
1. Mingħajr preġudizzju għall-mandati tal-korpi msemmija fl-Artikolu 5, il-Kumitat Permanenti għandu jiffaċilita u jassigura kooperazzjoni operattiva u koordinazzjoni skont it-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat, inkluż f'oqsma koperti mill-kooperazzjoni tal-pulizija u dik doganali u mill-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll u l-protezzjoni tal-fruntieri esterni. Huwa għandu jkopri wkoll, fejn adatt, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali rilevanti għall-kooperazzjoni operattiva fil-qasam tas-sigurtà interna.
2. Il-Kumitat Permanenti għandu wkoll jevalwa d-direzzjoni ġenerali u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni operattiva; huwa għandu jidentifika nuqqasijiet jew fallimenti possibbli u jadotta rakkomandazzjonijiet konkreti adatti sabiex jindirizzahom.
3. Il-Kumitat Permanenti għandu jassisti lill-Kunsill f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tat-Trattat.
Artikolu 4
1. Il-Kumitat Permanenti ma għandux ikun involut fit-tmexxija ta' operazzjonijiet, li ser jibqgħu il-kompitu tal-Istati Membri.
2. Il-Kumitat Permanenti ma għandux ikun involut fit-tħejjija ta' atti leġislattivi.
Artikolu 5
1. Fejn adatt, ir-rappreżentanti mill-Eurojust, l-Europol, l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-UE (Frontex) u korpi oħrajn rilevanti għandhom ikunu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Permanenti bħala osservaturi.
2. Il-Kumitat Permanenti ser jgħin fl-iżgurar tal-konsistenza ta' azzjoni minn dawn il-korpi.
Artikolu 6
1. Il-Kumitat Permanenti għandu jippreżenta regolarment rapport dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Kunsill.
2. Il-Kunsill għandu jżomm lill-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali informati bil-proċedimenti tal-Kumitat Permanenti.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hi għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjail tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
A. PÉREZ RUBALCABA