2.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta’ Marzu 2010

li tagħti deroga għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 543/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-għelejjel fir-rigward tal-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Polonja, il-Portugall u l-Iżvezja

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1057)

(It-testi bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bil-Ġermaniż, bil-Franċiż, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(2010/130/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 543/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istatistika tal-għelejjel u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 837/90 u (KEE) Nru 959/93 (1), u partikolarment l-Artikolu 10(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-talba li saret mill-Belġju fit-30 ta’ Lulju 2009,

Wara li kkunsidrat it-talba li saret mill-Bulgarija fl-20 ta’ Lulju 2009,

Wara li kkunsidrat it-talba li saret mir-Repubblika Ċeka fit-30 ta’ Lulju 2009,

Wara li kkunsidrat it-talba li saret mill-Ġermanja fit-23 ta’ Lulju 2009,

Wara li kkunsidrat it-talba li saret mill-Polonja fil-31 ta’ Lulju 2009,

Wara li kkunsidrat it-talba li saret mill-Portugall fl-20 ta’ Lulju 2009,

Wara li kkunsidrat it-talba li saret mill-Iżvezja fit-30 ta’ Lulju 2009,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 543/2009, il-Kummissjoni tista’ tagħti lill-Istati Membri deroga għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fis-sistemi nazzjonali tal-istatistika teżiġi adattamenti kbar u aktarx li tipprovoka problemi prattiċi kbar.

(2)

Jaqbel li dawn it-tip ta’ derogi jingħataw lill-Belġju, lill-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lill-Ġermanja, lill-Polonja, lill-Portugall u lill-Iżvezja skont it-talba tagħhom stess.

(3)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 543/2009, Stat Membru li ngħata din id-deroga għandu jkompli japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KEE) Nru 837/90 (2) u Nru 959/93 (3) għall-bqija tal-perjodu tad-deroga mogħtija.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istatistika Agrikola, imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 72/279/KEE (4),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Lir-Repubblika Ċeka qed tingħathalha deroga għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 543/2009 għall-perjodu li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2010.

2.   Lill-Belġju, lill-Bulgarija, lill-Ġermanja, lill-Polonja, lill-Portugalll u lill-Iżvezja qed tingħathalhom deroga għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 543/2009 għal perjodu li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 2

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża u r-Renju tal-Iżvezja huma d-destinatarji ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Olli REHN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 29.6.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 88, 3.4.1990, p. 1.

(3)  ĠU L 98, 24.4.1993, p. 1.

(4)  ĠU L 179, 7.8.1972, p. 1.