25.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Frar 2010

li twaqqaf il-proċeduri tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-fajls bl-anelli li joriġinaw fit-Tajlandja

(2010/116/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Fil-11 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni rċeviet ilment rigward l-allegazzjoni ta’ dumping inġurjuż minn importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-fajls bl-anelli li joriġinaw fit-Tajlandja.

(2)

L-ilment tressaq minn produttur li ġej mill-Unjoni, Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH, li tirrappreżenta parti kbira, f’dan il-każ akar minn 50 % tal-produzzjoni kollha tal-Unjoni ta’ ċerti mekkaniżmi tal-fajls bl-anelli skont l-Artikolu 4(1) u 5(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (2) (“ir-Regolament bażiku”).

(3)

L-ilment kien fih evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnu, li tqieset biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment tal-antidumping.

(4)

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni, b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), tat bidu għal proċediment tal-antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ġol-Unjoni Ewropea ta’ ċerti mekkaniżmi tal-fajls bl-anelli, attwalment ikklassifikati fi ħdan il-Kodiċi NM ex 8305 10 00 u li joriġinaw fit-Tajlandja.

(5)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-indusrija tal-Unjoni u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ produtturi magħrufa fl-Unjoni Ewropea, lill-esportaturi/produtturi fit-Tajlandja, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ esportaturi/produtturi, lill-imporaturi, lil kwalunwe assoċjazzoni ta’ importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni kkonċernat. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż tat-tnedija.

(6)

Meta titqies il-ħtieġa li ċerti aspetti tal-investigazzjoni jiġu investigati ulterjorment, kien deċiż li l-investigazzjoni titkompla mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Fis-16 ta’ Settembru 2009, il-partijiet interessati kienu mogħtija dokument ta’ informazzjoni li kien jinkludi fid-dettal is-sejbiet preliminari f’dak l-istadju tal-investigazzjoni u li stieden lill-partijiet biex jikkummentaw fuq dawk is-sejbiet.

B.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TWAQQIF TAL-PROĊEDIMENT

(7)

B’ittra tat-18 ta’ Diċembru 2009 lill-Kummissjoni, Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH formalment irtirat l-ilment tagħha.

(8)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jintemm meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm tali tmiem ma jmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

(9)

Il-Kummissjoni qieset li l-proċediment attwali għandu jitwaqqaf peress li l-investigazzjoni ma sabet ebda fatt li juri li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tressqu ebda kummenti li jindikaw li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni għaldaqsant tikkonkludi li l-proċediment tal-antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ġol-Unjoni Ewropea ta’ ċerti mekkaniżmi tal-fajls bl-anelli li joriġinaw fit-Tajlandja għandu jintemm,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-fajls bl-anelli, attwalment ikklassifikat fi ħdan il-Kodiċi NM ex 8305 10 00 u li joriġinaw fit-Tajlandja, huwa hawnhekk mitmum.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell l-24 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(3)  ĠU C 322, 17.12.2008, p. 13.