23.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/109/PESK

tat-22 ta' Frar 2010

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/121/PESK (1) li taħtar lis-Sur Peter SEMNEBY bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar.

(2)

Fis-16 ta' Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/133/PESK (2) li temenda u testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2010.

(3)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(4)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Peter SEMNEBY bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar huwa b'dan estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-RGħ b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar. Dawn l-objettivi jinkludu:

(a)

li l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja jkunu assistiti fit-twettiq ta' riformi politiċi u ekonomiċi, l-aktar fl-oqsma tal-istat tad-dritt, id-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar;

(b)

konformement ma' mekkaniżmi eżistenti, biex ikunu evitati konflitti fir-reġjun, biex jikkontribwixxi għal riżoluzzjoni paċifika ta' konflitti, inkluż permezz tal-promozzjoni tar-ritorn ta' refuġjati u persuni spostati internament;

(c)

biex jimpenja ruħu b'mod kostruttiv ma' atturi interessati ewlenin fir-rigward tar-reġjun;

(d)

biex jinkoraġġixxi u biex jappoġġa kooperazzjoni ulterjuri bejn l-Istati tar-reġjun, b'mod partikolari bejn l-Istati tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, inkluż dwar kwistjonijiet ekonomiċi, ta' enerġija u ta' trasport;

(e)

biex itejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun.

2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ fir-reġjun.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jiżviluppa kuntatti mal-gvernijiet, mal-parlamenti, mal-ġudikatura u mas-soċjetà ċivili fir-reġjun;

(b)

jinkoraġġixxi lill-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja jikkooperaw dwar temi reġjonali ta' interess komuni, bħal theddid komuni dwar is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar u l-kriminalità organizzata;

(c)

jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-konflitti u li jassisti fil-ħolqien tal-kondizzjonijiet għal progress dwar ir-riżoluzzjoni ta' konflitti, inkluż permezz ta' rakkomandazzjonijiet għal azzjoni relatata mas-soċjetà ċivili u r-rijabilitazzjoni ta' territorji, mingħajr preġudizzju għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(d)

jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni ta' konflitti u li jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' tali riżoluzzjoni f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u t-Grupp Mobbli tan-NU, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Grupp Minsk tagħha;

(e)

jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja (EUMM Georgia) bi gwida politika lokali;

(f)

jintensifika d-djalogu tal-Unjoni mal-atturi ewlenin ikkonċernati fir-rigward tar-reġjun;

(g)

jassisti lill-Kunsill fl-iżvilupp ulterjuri ta' politika komprensiva lejn il-Kawkasu tan-Nofsinhar;

(h)

permezz ta' tim ta' appoġġ:

jipprovdi lill-Unjoni b'rappurtar u valutazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni fil-fruntieri,

jiffaċilita l-bini ta' fiduċja bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa, biex b'hekk jiġu żgurati kooperazzjoni u kollegament effiċjenti mal-atturi rilevanti kollha,

jistabbilixxi kuntatti rilevanti fir-reġjuni tal-konflitti, biex b'hekk it-tim ta' appoġġ ikun jista' jikkontribwixxi għall-bini ta' fiducja u jivvaluta kwistjonijiet relatati mal-fruntieri f'dawk ir-reġjuni, wara li ikunu ġew miftiehma termini ta' referenza mal-Gvern Ġeorġjan u jkunu saru konsultazzjonijiet mal-partijiet kollha kkonċernati (esklużi attivitajiet operattivi fuq il-post fl-Abkhazia u l-Ossetia tan-Nofsinhar),

jassisti lill-Pulizija tal-Fruntiera Ġeorġjani u lil istituzzjonijiet governattivi rilevanti oħra f'Tbilisi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija integrata u komprensiva ta' ġestjoni tal-fruntieri,

jaħdem mal-awtoritajiet tal-Ġeorġja sabiex tiżdied il-komunikazzjoni bejn Tbilisi u l-fruntiera, inkluża l-konsulenza. Dan għandu jsir b'kollegament u b'ħidma mill-qrib mal-livelli kollha tal-katina ta' kmand Tbilisi u l-fruntiera (esklużi attivitajiet operattivi fuq il-post fl-Abkhazia u l-Ossetia tan-Nofsinhar);

(i)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f'żoni affettwati minn konflitt, speċjalment billi jkunu sorveljati u indirizzati żviluppi f'dan ir-rigward.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Marzu 2010 sal-31 ta' Awwissu 2010 għandu jkun ta' EUR 1 855 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli mill-1 ta' Marzu 2010. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.

Artikolu 6

Struttura u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernati rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/jiet ospitanti kif ikun jeħtieġ il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards ta' sigurtà minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, tmexxija tal-immaniġar tal-moviment sigur ta' persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jridu jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta' sigurtà xieraq qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta' riskju mogħtija liż-żona ta' missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS b'rapporti bil-fomm u bil-miktub. Jekk ikun meħtieġ, ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post jaġixxu b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun, u partikolarment ma' dawk tar-RSUE għall-kriżi fil-Ġeorġja, b'kont meħud tal-objettivi speċifiċi tal-mandat ta' dan tal-aħħar. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni b'aġġornamenti regolari ta' informazzjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kap tal-EUMM Georgia bi gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandat tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw ma' xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni Ewropea lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fi tmiem il-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2010.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 49, 21.2.2006, p. 14.

(2)  ĠU L 46, 17.2.2009, p. 53.

(3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.