|
12.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 39/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-5 ta’ Frar 2010
dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali għall-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 593)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/87/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(4) tagħha,
Wara li kkonsulta lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta,
Billi:
|
(1) |
Skont id-Direttiva 95/46/KE l-Istati Membri huma mitluba li jipprovdu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz jista’ jseħħ biss jekk il-pajjiż terz inkwistjoni jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta u kemm-il darba l-liġijiet tal-Istati Membri, li għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-Direttiva, jiġu rispettati qabel ma jsir it-trasferiment. |
|
(2) |
Madankollu, l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE jipprovdi li Stati Membri jistgħu jawtorizzaw, suġġett għal ċerti salvagwardji, trasferiment jew sett ta’ trasferimenti ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi li ma jassigurawx livell adegwat ta’ protezzjoni. Dawn is-salvagwardji jistgħu b’mod partikolari jirriżultaw minn klawżoli kuntrattwali xierqa. |
|
(3) |
Skont id-Direttiva 95/46/KE il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha madwar l-operazzjoni ta’ trasferiment tad-dejta jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment tad-dejta. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi għar-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali stabbilit taħt dik id-Direttiva ħareġ linji gwida sabiex jgħin bil-valutazzjoni. |
|
(4) |
Il-klawżoli kuntrattwali standard għandhom jirrelataw biss mal-protezzjoni tad-dejta. Għalhekk, l-esportatur tad-dejta u l-importatur tad-dejta huma ħielsa li jinkludu kwalunkwe klawżola oħra dwar ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu man-negozju li huma jqisu bħala pertinenti għall-kuntratt kemm-il darba dawn ma jmorrux kontra l-klawżoli kuntrattwali standard. |
|
(5) |
Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtorizzazzjonijiet nazzjonali li l-Istati Membri jistgħu jagħtu skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE. Din id-Deċiżjoni għandu jkollha biss l-effett li titlob lill-Istati Membri ma jirrifjutawx li jagħrfu li l-klawżoli kuntrattwali standard jipprovdu salvagwardji adegwati u għaldaqstant m’għandu jkollhom ebda effett fuq klawżoli kuntrattwali oħrajn. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/16/KE tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar il-klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali fi proċessuri f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE (2) ġiet adottata sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tad-dejta personali minn kontrollur tad-dejta stabbilit fl-Unjoni Ewropea għand proċessur stabbilit f’pajjiż terz li ma joffrix livell adegwat ta’ protezzjoni. |
|
(7) |
Giet iggwadanjata ħafna esperjenza mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2002/16/KE ‘l hawn. Barra minn hekk, ir-rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ Deċiżjonijiet dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiżi terzi (3) wera li hemm interess qed jiżdied, fil-promozzjoni tal-użu tal-klawżoli kuntrattwali standard fit-trasferiment internazzjonali tad-dejta personali lejn pajjiżi terzi li ma jipprovdux livell adegwat ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, il-partijiet interessati ssottomettew proposti bil-għan li jaġġornaw il-klawżoli kuntrattwali standard stipulati fid-Deċiżjoni 2002/16/KE sabiex jikkunsidraw l-ambitu dejjem aktar wiesa’ tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-dejta fid-dinja u biex jiġu indirizzati xi kwistjonijiet li ma kinux koperti b’dik id-Deċiżjoni (4). |
|
(8) |
L-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun limitat biex jistabbilixxi li l-klawżoli li hija tistabbilixxi jkunu jistgħu jintużaw minn kontrollur tad-dejta stabbilit fl-Unjoni Ewropea sabiex idaħħal salvagwardji adegwati skont it-tifsira tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE għat-trasferiment tad-dejta personali lil proċessur stabbilit f’pajjiż terz. |
|
(9) |
Din id-Deċiżjoni m’għandiex tkun applikabbli għat-trasferiment tad-dejta personali minn kontrolluri stabbiliti fl-Unjoni Ewropea lil kontrolluri stabbiliti barra l-Unjoni Ewropea li jaqgħu taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/497/KE tal-15 ta’ Ġunju 2001 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment tad-dejta personali lil pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE (5). |
|
(10) |
Din id-Deċiżjoni għandha timplimenta l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 95/46/KE u m’għandhiex tippreġudika l-kontenut tal-kuntratti jew l-atti legali stabbiliti skont dik id-dispożizzjoni. Madanakollu, xi wħud mill-klawżoli kuntrattwali standard, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi tal-esportatur tad-dejta, għandhom jiġu inklużi sabiex tiżdied iċ-ċarezza dwar id-disposizzjonijiet li jistgħu jkunu jinsabu f’kuntratt bejn kontrollur u proċessur. |
|
(11) |
L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri għandhom sehem essenzjali f’dan il-mekkaniżmu kuntrattwali sabiex jiżguraw li d-dejta personali tiġi mħarsa b’mod adegwat wara t-trasferiment. F’każijiet eċċezzjonali meta l-esportaturi tad-dejta ma jkunux kapaċi jagħtu struzzjonijiet kif suppost lill-importatur tad-dejta, bir-riskju imminenti ta’ dannu serju lis-soġġetti tad-dejta, il-klawżoli kuntrattwali standard għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kuntrattwali sabiex jivverifikaw lill-importaturi tad-dejta u s-sottoproċessuri u, fejn xieraq, jieħdu deċisjonijiet li jorbtu lill-importaturi tad-dejta u s-sottoproċessuri. L-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandu jkollhom is-setgħa li jipprojbixxu jew jissospendu t-trasferiment tad-dejta jew għadd ta’ trasferimenti bbażati fuq il-klawżoli kuntrattwali standard f’dawk il-każijiet eċċezzjonali meta jiġi stabbilit li trasferiment fuq bażi kuntrattwali aktarx ikollu effett negattiv fuq il-garanziji u l-obbligi li jipprovdu protezzjoni adegwata għas-soġġett tad-dejta. |
|
(12) |
Il-klawżoli kuntrattwali standard għandhom jistabbilixxu miżuri ta’ sigurtà tekniċi u organizzattivi li għandhom jiġu applikati minn dawk li jipproċessaw id-dejta stabbiliti f’pajjiż terz li ma jkunx jipprovdi protezzjoni adegwata, sabiex ikun hemm żgur livell ta’ sigurtà xieraq kontra r-riskji li jinsabu fl-ipproċessar u fin-natura tad-dejta li għandha tiġi pproċessata. Il-partijiet għandhom jagħmlu dispożizzjoni fil-kuntratt għal dawk il-miżuri tekniċi u organizzattivi li, bil-kunsiderazzjoni tal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta, l-istat avvanzat u l-ispiża tal-implimentazzjoni tagħhom, huma meħtieġa sabiex id-dejta personali tiġi protetta kontra d-distruzzjoni aċċidentali jew kontra l-liġi jew telfien aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat jew forom oħra ta’ pproċessar kontra l-liġi. |
|
(13) |
Sabiex jitħaffu l-flussi tad-dejta mill-Unjoni Ewropea, huwa mixtieq li l-proċessuri li jipprovdu servizzi tal-ipproċessar tad-dejta lil bosta kontrolluri tad-dejta fl-Unjoni Ewropea jitħallew japplikaw l-istess miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà irrispettivament mill-Istat Membru li minnu joriġina t-trasferiment tad-dejta, b’mod partikolari f’dawk il-każijiet fejn l-importatur tad-dejta jirċievi dejta għal ipproċessar ulterjuri minn stabbilimenti differenti tal-esportatur tad-dejta fl-Unjoni Ewropea, f’liema każ għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-istabbiliment nominat. |
|
(14) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-informazzjoni minima li l-partijiet għandhom jispeċifikaw fil-kuntratt li jitratta t-trasferiment. L-Istati Membri għandhom iżommu l-poter li jiddettaljaw l-informazzjoni li l-partijiet huma mitluba jipprovdu. L-operazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fid-dawl tal-esperjenza. |
|
(15) |
L-importatur tad-dejta għandu jipproċessa d-dejta personali trasferita biss f’isem l-esportatur tad-dejta u skont l-istruzzjonijiet tiegħu u l-obbligi li jinsabu fil-klawżoli. B’mod partikolari l-importatur tad-dejta m’għandux jiżvela d-dejta personali lil parti mingħajr il-kunsens bil-miktub u minn qabel tal-esportatur tad-dejta. L-esportatur tad-dejta għandu jagħti struzzjonijiet lill-importatur tad-dejta matul iż-żmien meta jkunu qegħdin jingħataw is-servizzi tal-ipproċessar tad-dejta sabiex jipproċessa d-dejta skont l-istruzzjonijiet tiegħu, skont il-liġijiet tal-protezzjoni tad-dejta applikabbli u l-obbligi li jinsabu fil-klawżoli. |
|
(16) |
Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet dwar il-klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferimenti tad-dejta personali lejn pajjiżi terzi rrakkomanda l-istabbiliment ta’ klawżoli kuntrattwali standard xierqa fuq trasferimenti sussegwenti ‘l quddiem minn proċessur tad-dejta stabbilit f’pajjiż terz lil proċessur ieħor tad-dejta (sottoproċessar), sabiex jittieħdu inkonsiderazzjoni x-xejriet u l-prattiki tan-negozju għal attività ta’ pproċessar aktar u aktar globalizzata. |
|
(17) |
Din id-Deċiżjoni għandha tinkludi klawżoli kuntrattwali standard speċifiċi dwar is-sottoproċessar permezz ta’ proċessur tad-dejta stabbilit f’pajjiż terz (l-importatur tad-dejta) tas-servizzi tiegħu tal-ipproċessar lill-proċessuri (sottoproċessuri) oħrajn stabbiliti f’pajjiżi terzi. Barra minn dan, din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu mis-sottoproċessar biex jiġi żgurat li d-dejta personali li tkun qed tiġi trasferita tibqa’ tiġi protetta minkejja t-trasferiment sussegwenti lil sottoproċessur. |
|
(18) |
Barra minn hekk, is-sottoproċessar għandu jikkonsisti biss fl-operazzjonijiet li dwarhom ikun hemm qbil fil-kuntratt bejn l-esportatur tad-dejta u l-importatur tad-dejta li jkun jinkorpora l-klawżoli kuntrattwali standard skont din id-Deċiżjoni u m’għandux jirreferi għal operazzjonijiet jew skopijiet differenti ta’ pproċessar sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop kif stabbilit fid-Deċiżjoni 95/46/KE. Ukoll, fejn is-sottoproċessur jonqos li jissodisfa l-obbligi tiegħu stess dwar l-ipproċessar tad-dejta skont il-kuntratt, l-importatur tad-dejta għandu jibqa’ responsabbli lejn l-esportatur tad-dejta. It-trasferiment ta’ data personali lil proċessuri stabbiliti barra l-Unjoni Ewropea m’għandux jippreġudika l-fatt li l-attivitajiet tal-ipproċcessar għandhom ikunu regolati mill-liġi tal-protezzjoni tad-data applikabbli. |
|
(19) |
Il-klawżoli kontrattwali standard m’għandhomx ikunu applikabbli biss mill-organizzazzjonijiet li huma partijiet għall-kuntratt, imma wkoll mis-suġġetti tad-data, b’mod partikolari, meta s-suġġetti tad-data jsofru dannu bħala konsegwenza ta’ ksur tal-kuntratt. |
|
(20) |
Is-suġġett tad-dejta għandu jkun intitolat jieħu azzjoni u, fejn ikun xieraq, jirċievi kumpens mingħand l-esportatur tad-dejta li huwa l-kontrollur tad-dejta personali trasferita. F’każijiet eċċezzjonali, is-suġġett tad-dejta għandu jkun intitolat ukoll li jieħu azzjoni, u fejn ikun xieraq, jirċievi kumpens mingħand l-importatur tad-dejta f’dawk il-każijiet, li jirriżultaw minn ksur minn naħa tal-importatur tad-dejta jew xi sottoproċessur taħtu, ta’ xi wieħed mill-obbligi tiegħu msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ Klawżola 3, fejn l-esportatur tad-dejta jkun fattwalment għeb jew ma jkunx għadu jeżisti legalment jew ikun sar insolventi. Eċċezzjonalment, is-suġġett tad-dejta għandu wkoll ikun intitolat li jieħu azzjoni u, fejn ikun xieraq, jirċievi kumpens minn sottoproċessur f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn kemm l-esportatur tad-dejta u kemm l-importatur tad-dejta jkunu fattwalment għebu jew m’għadhomx jeżistu legalment jew spiċċaw insolventi. Responsabbiltà bħal din ta’ parti terza tas-sottoproċessur għandha tkun limitata għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tagħha taħt il-klawżoli kuntrattwali. |
|
(21) |
F’każ ta’ tilwima bejn suġġett tad-dejta, li jinvoka l-klawżola tal-parti terza benefiċjarja, u l-importatur tad-dejta, li ma tkunx solvuta bonarjament, l-importatur tad-dejta għandu joffri lis-suġġett tad-dejta għażla bejn medjazzjoni jew litigazzjoni. L-għażla tas-suġġett tkun effettiva skont kemm ikunu disponibbli sistemi affidabbli u rikonoxxuti ta’ medjazzjoni. Il-medjazzjoni mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data fejn l-esportatur tad-data huwa stabbilit għandha tkun possibiltà meta dawn jipprovdu dan is-servizz. |
|
(22) |
Il-kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi tal-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit b’mod li parti terza benefiċjarja tkun tista’ tinforza kuntratt. Suġġetti tad-dejta għandhom jitħallew ikunu rappreżentati minn assoċjazzjonijiet jew korpi oħra jekk jixtiequ u jekk awtorizzati bil-liġi nazzjonali. L-istess liġi għanda tirregola wkoll id-dispożizzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-dejta ta’ kwalunkwe kuntratt ma’ sottoproċessur għas-sottoproċessar tal-attivitajiet ta’ pproċessar tad-dejta personali trasferita mill-esportatur tad-dejta lill-importatur tad-dejta taħt il-klawżoli kuntrattwali. |
|
(23) |
Peress li din id-Deċiżjoni tapplika biss għas-sottokuntrattar minn proċessur tad-dejta stabbilit f’pajjiż terz tas-servizzi ta’ proċessar tiegħu lil sottoproċessur stabbilit f’pajjiż terz, m’għandhiex tapplika fis-sitwazzjoni li fiha proċessur stabbilit fl-Unjoni Ewropea, u li jkun qed iwettaq l-ipproċessar ta’ dejta persinali f’isem kontrollur stabbilit fl-Unjoni Ewropea jissottokontratta l-operazzonijiet tiegħu ta’ proċessar lil sottoproċessur stabbilit f’pajjiż terz. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Istati Membri huma ħielsa li jikkunsidraw jew ma jikkunsidrawx il-fatt li l-prinċipji u s-salvagwardji tal-klawżoli kuntrattwali standard stabbiliti f’din id-Deċiżjoni intużaw biex sottoproċessur stabbilit f’pajjiż terz jiġi sottokuntrattat bil-ħsieb li jipprovdi protezzjoni adegwata għad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta li d-dejta personali tagħhom tkun qed tiġi trasferita għal operazzjoniet ta’ sottoproċessar. |
|
(24) |
Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ta opinjoni fuq il-livell ta’ protezzjoni provdut taħt il-klawżoli kuntrattwali standard annessi ma’ din id-Deċiżjoni, li ġew ikkunsidrati fil-preparazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(25) |
Id-Deċiżjoni 2002/16/KE għandha għalhekk tiġi mħassra. |
|
(26) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-ambitu tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-klawżoli kuntrattwali standard stabbiliti fl-Anness huma kkunsidrati bħala li joffru salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali tal-individwi u fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet korrispondenti kif mitlub mill-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mill-klawżoli kuntrattwali standard stabbiliti fl-Anness għat-trasferiment tad-dejta personali lill-proċessuri. Ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali oħrajn li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE li jappartjenu għall-ipproċessar tad-dejta personali fl-Istati Membri.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għat-trasferiment tad-dejta personali minn kontrolluri stabbiliti fl-Unjoni Ewropea lil reċipjenti stabbiliti barra t-territorju tal-Unjoni Ewropea li jaġgixxu biss bħala proċessuri.
Artikolu 3
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“kategoriji speċjali ta” dejta’ tfisser id-dejta msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE; |
|
(b) |
“awtorità ta’ superviżjoni” tfisser l-awtorità msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE; |
|
(c) |
“esportatur tad-data” tfisser il-kontrollur li jitrasferixxi d-data personali; |
|
(d) |
“importatur tad-data” tfisser il-proċessur stabbilit f’pajjiż terz li jaqbel li jirċievi data personali mingħand l-esportatur tad-data li hija maħsuba għall-ipproċessar f’isem l-esportatur tad-data wara t-trasferiment skont l-istruzzjonijiet tiegħu u skont din id-Deċiżjoni u li m’huwiex soġġett għal sistema ta’ pajjiż terzi li tiżgura protezzjoni adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE; |
|
(e) |
“sottoproċessur” tfisser kull proċessur ingaġġat mill-importatur tad-dejta jew minn kwalunkwe sottoproċessur tal-importatur tad-dejta li jaqbel li jirċievi mingħand l-importatur tad-dejta jew minn kwalunkwe sottoproċessur ieħor tal-importatur tad-dejta, dejta personali maħsuba esklużivament għall-attivitajiet ta’ pproċessar li jsiru f’isem l-esportatur tad-dejta wara t-trasferiment skont l-istruzzjonijiet tal-esportatur tad-dejta, il-klawżoli kuntrattwali standard imfissra fl-Anness, u t-termini tal-kuntratt bil-miktub għas-sottoproċessar; |
|
(f) |
“liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta” tfisser il-leġiżlazzjoni li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ individwi u, b’mod partikolari, id-dritt tagħhom għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali applikabbli għal kontrollur tad-dejta fl-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit; |
|
(g) |
“miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà” tfisser dawk il-miżuri mmirati biex jipproteġu d-dejta personali kontra d-distruzzjoni jew telfien aċċidentali jew kontra l-liġi, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari meta l-ipproċessar jinvolvi t-trażmissjoni tad-dejta fuq network, u kontra kull forma oħra ta’ pproċessar kontra l-liġi. |
Artikolu 4
1. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tagħhom biex jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont il-Kapitoli II, III, V u VI tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom biex jipprojbixxu jew jissospendu ċ-ċirkolazzjoni tad-dejta lil pajjiżi terzi sabiex jipproteġu lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom f’każijiet fejn:
|
(a) |
huwa stabbilit li l-liġi li l-importatur tad-dejta jew is-sottoproċessur huma soġġetti għaliha timponi fuqhom rekwiżiti li jidderogaw mil-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta li jmorru lil hinn mir-restrizzjonijiet meħtieġa f’soċjetà demokratika kif stabbilit mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE fejn dawk ir-restrizzjonijiet aktarx ikollhom effett negattiv sostanzjali fuq il-garanziji mogħtijin mil-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta applikabbli u l-klawżoli kuntrattwali standard; |
|
(b) |
awtorità kompetenti tkun stabbiliet li l-importatur tad-dejta jew sottoproċessur ma jkunx irrispetta l-klawżoli kuntrattwali standard fl-Anness; jew |
|
(c) |
ikun hemm probabbiltà sostanzjali li l-klawżoli kuntrattwali standard fl-Anness mhumiex qegħdin jiġu mħarsa jew mhumiex sejrin jiġu mħarsa u l-issoktar tat-trasferiment jista’ joħloq riskju imminenti ta’ dannu gravi lis-suġġetti tad-dejta. |
2. Il-projbizzjoni jew is-sospensjoni skont il-paragrafu 1 għandhom jitneħħew malli r-raġunijiet għas-sospenzjoni jew għal-projbizzjoni ma jibqgħux jeżistu.
3. Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri skont il-paragrafi 1 u 2, huma għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni li tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn.
Artikolu 5
Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod kif tkun qed taħdem din id-Deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli tlett snin wara li tiġi adottata. Hija għandha tissottometti rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE. Għandha tinkludi kwalunkwe prova li tista’ taffettwa l-valutazzjoni li tikkonċerna l-adegwatezza tal-klawżoli kuntrattwali standard fl-Anness u kwalunkwe prova li din id-Deċiżjoni qiegħda tiġi applikata b’mod diskriminatorju.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mill-15 ta’ Mejju 2010.
Artikolu 7
1. Id-Deċiżjoni 2002/16/KE hija mħassra b’effett mill-15 ta’ Mejju 2010.
2. Kuntratt konkluż bejn esportatur tad-dejta u importatur tad-dejta skont id-Deċiżjoni 2002/16/KE qabel il-15 ta’ Mejju 2010 għandu jibqa’ fis-seħħ u effettiv sakemm jibqgħu ma jinbidlux it-trasferimenti u l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta li huma l-oġġett tal-kuntratt u d-dejta personali koperta b’din id-Deċiżjoni tibqa’ tiġi trasferita bejn il-Partijiet. Fejn il-partijiet kontraenti jiddeċiedu li jagħmlu xi tibdiliet f’dan ir-rigward jew jagħtu l-operazzjonijiet tal-ipproċessar li huma l-oġġett tal-kuntratt b’sootkuntratt huma jkunu mitluba li jidħlu f’kuntratt ġdid li għandu jkun konformi mal-klawżoli kuntrattwali standard stipulati fl-Anness.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2010.
Għall-Kummissjoni
Jacques BARROT
Viċi President
(1) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(3) SEC(2006) 95, 20.1.2006.
(4) Il-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC), Japan Business Council in Europe (JBCE), EU Committee of the American Chamber of Commerce in Belgium (Amcham), and the Federation of European Direct Marketing Associations (FEDMA).
ANNESS
KLAWŻOLI KUNTRATTWALI STANDARD (PROĊESSURI)
Għall-finijiet tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE għat-trasferiment tad-dejta personali lill-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi li ma jiżgurawx livell adegwat tal-protezzjoni tad-dejta
L-isem tal-organizzazzjoni li se tesporta d-dejta: …
Indirizz: …
Tel. …; feks: …; Posta elettronika: …
Informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi identifikata l-organizzazzjoni
…
(l-esportatur tad-dejta)
Kif ukoll
L-isem tal-organizzazzjoni li se timporta d-dejta: …
Indirizz: …
Tel.. …; feks: …; Posta elettronika: …
Informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi identifikata l-organizzazzjoni:
…
(l-importatur tad-dejta)
kull wieħed huwa “parti”; flimkien “il-partijiet”,
QABLU fuq il-Klawżoli Kuntrattwali li ġejjin (il-Klawżoli) sabiex idaħħlu salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi għat-trasferiment tad-dejta personali speċifikata f’Appendiċi 1, mill-esportatur tad-dejta għall-importatur tad-dejta.
Klawżola 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet tal-Klawżoli:
|
(a) |
“dejta personali”, “kategoriji specjali ta’ dejta”, “proċess/ipproċessar”, “kontrollur”, “proċessur”, “suġġett tad-dejta” u “awtorità ta’ superviżjoni” għandu jkollhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (1); |
|
(b) |
“l-esportatur tad-dejta” tfisser il-kontrollur li jitrasferixxi d-dejta personali; |
|
(c) |
“l-importatur tad-dejta” tfisser il-proċessur li jaqbel li jirċievi mingħand l-esportatur tad-dejta dejta personali li hija maħsuba għall-ipproċessar f’ismu wara t-trasferiment skont l-istruzzjonijiet u t-termini tal-klawżoli u li mhuwiex soġġett għal sistema ta’ xi pajjiż terz li tiżgura protezzjoni adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE; |
|
(d) |
“is-sottoproċessur” tfisser kull proċessur ingaġġat mill-importatur tad-dejta jew minn kwalunkwe sottoproċessur tal-importatur tad-dejta li jaqbel li jirċievi mingħand l-importatur tad-dejta jew minn kwalunkwe sottoproċessur ieħor tal-importatur tad-dejta, dejta personali maħsuba esklużivament għall-attivitajiet ta’ pproċessar li jsiru f’isem l-esportatur tad-dejta wara t-trasferiment skont l-istruzzjonijiet tiegħu, it-termini tal-Klawżoli, u t-termini ta’ sottokuntratt bil-miktub; |
|
(e) |
“liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta” tfisser il-leġiżlazzjoni li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ individwi u, b’mod partikolari, id-dritt tagħhom għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali applikabbli għal kontrollur tad-dejta fl-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit; |
|
(f) |
“miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà” tfisser dawk il-miżuri mmirati biex jipproteġu d-dejta personali kontra d-distruzzjoni jew telfien aċċidentali jew kontra l-liġi, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari meta l-ipproċessar jinvolvi t-trażmissjoni tad-dejta fuq network, u kontra kull forma oħra ta’ pproċessar kontra l-liġi. |
Klawżola 2
Dettalji tat-trasferiment
Id-dettalji tat-trasferiment u b’mod partikolari l-kategoriji speċjali tad-dejta personali fejn applikabbli huma speċifikati f’Appendiċi 1 li jifforma parti integrali mill-Klawżoli.
Klawżola 3
Il-klawżola tal-parti terza benefiċjarja
|
1. |
Is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza kontra l-esportatur tad-dejta din il-Klawżola, Klawżola 4(b) sa (i), Klawżola 5(a) sa (e), u (g) sa (j),Klawżola 6(1) u (2), Klawżola 7, Klawżola 8(2), u Klawżoli 9 sa 12 bħala parti terza benefiċjarja. |
|
2. |
Is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza kontra l-esportatur tad-dejta din il-Klawżola, Klawżola 5(a) sa (e), u (g) sa (j),Klawżola 6, Klawżola 7, Klawżola 8(2), u Klawżoli 9 sa 12, f’każijiet fejn l-esportatur tad-dejta jkun fattwalment għeb jew ma jkunx għadu jeżisti legalment sakemm ma jkunx hemm entità suċċessur li tkun ħadet fuqha l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz tal-operat tal-liġi, u bħala riżultat ta’ dan tieħu fuqha d-drittijiet u l-obbligi tal-esportatur tad-dejta, f’liema każ is-suġġett tad-dejta jkun jista’ jinfurzahom kontra entità bħal din. |
|
3. |
Is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza kontra s-subproċessur din il-Klawżola, Klawżola 5(a) sa (e), u (g) sa (j),Klawżola 6, Klawżola 7, Klawżola 8(2), u Klawżoli 9 sa 12, f’dawk il-każijiet fejn kemm l-esportatur tad-dejta kif ukoll l-importatur tad-dejta jkunu fattwalment għebu jew m’għadhomx jeżistu legalment jew spiċċaw insolventi, sakemm ma jkunx hemm xi suċċessur legali li jkun ħa fuqu l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz tal-operat tal-liġi, u bħala riżultat hu jieħu f’idejh d-drittijiet u l-obbligi tal-esportatur tad-dejta, f’liema każ is-suġġett tad-dejta jista’ jinfurzahom kontra entità bħal din. Responsabbiltà bħal din ta’ parti terza tas-sottoproċessur għandha tkun limitata għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tagħha taħt il-Klawżoli. |
|
4. |
Il-partijiet ma joġġezzjonawx għal suġġett tad-dejta li jkun irrappreżentat permezz ta’ assoċjazzjoni jew korp ieħor jekk is-suġġett tad-dejta jkun jixtieq espressament hekk u jekk il-liġi nazzjonali tippermetti. |
Klawżola 4
Obbligi tal-esportatur tad-dejta
L-esportatur tad-dejta jaqbel u jiggarantixxi:
|
(a) |
li l-ipproċessar, inkluż it-trasferiment innifsu, tad-dejta personali kien u se jibqa’ jitwettaq b’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta (u, fejn applikabbli, ġie nnotifikat lill-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri fejn ikun stabbilit l-esportatur tad-dejta) u ma jiksirx id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Istat. |
|
(b) |
li hu ta struzzjonijiet u matul il-perjodu kollu tas-servizzi tal-ipproċessar tad-dejta se jagħti struzzjonijiet lill-importatur tad-dejta biex jipproċessa d-dejta personali trasferita biss f’isem l-esportatur tad-dejta u b’konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta u mal-Klawżoli; |
|
(c) |
li l-importatur tad-dejta għandu jipprovdi garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà speċifikati f’Appendiċi 2 ma’ dan il-kuntratt; |
|
(d) |
li wara l-valutazzjoni tal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta, il-miżuri ta’ sigurtà jkunu xierqa biex jipproteġu d-dejta personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew kontra l-liġi jew telfien aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari meta l-ipproċessar jinvolvi t-trażmissjoni tad-dejta fuq network, u kontra kull forma oħra ta’ pproċessar kontra l-liġi, u li dawn il-miżuri jiżguraw livell xieraq ta’ sigurtà għar-riskji ppreżentati mill-ipproċessar u n-natura tad-dejta li qed tiġi protetta b’kunsiderazzjoni għall-istat avvanzat u l-ispiża tal-implimentazzjoni tagħhom; |
|
(e) |
li hu jiżgura konformità mal-miżuri ta’ sigurtà; |
|
(f) |
li, jekk it-trasferiment jinvolvi kategoriji speċjali ta’ dejta, is-suġġett tad-dejta jkun ġie infurmat jew ikun se jiġi infurmat qabel, jew mill-aktar fis possibbli wara t-trasferiment li d-dejta tiegħu tista’ tiġi trażmessa lejn pajjiż terz u l-protezzjoni adegwata skont it-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE mhix provduta; |
|
(g) |
li jibgħat kwalunkwe notifika li tasal mill-importatur tad-dejta jew kwalunkwe sottoproċessur skont Klawżola 5(b) u Klawżola 8(3) lill-awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta jekk l-esportatur tad-dejta jiddeċiedi li jkompli bit-trasferiment jew li jneħħi s-sospensjoni. |
|
(h) |
li jagħmel disponibbli lis-suġġetti tad-dejta, fuq talba tagħhom kopja tal-Kawżoli, bl-eċċezzjoni tal-Appendiċi 2, kif ukoll deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri ta’ sigurtà, kif ukoll kopja ta’ kull kuntratt għas-servizzi ta’ sottoproċessar li għandu jsir skont il-Klawżoli, sakemm il-Klawżoli jew il-kuntratt ikun fihom informazzjoni kummerċjali, u f’dan il-każ tkun tista’ tneħħi informazzjoni kummerċjali bħal dan; |
|
(i) |
li, fil-każ ta’ sottoproċessar, l-attività ta’ pproċessar titwettaq b’konformità ma’ Klawżola 11 minn sottoproċessur fejn ikun provdut tal-anqas l-istess livell ta’ protezzjoni għad-dejta personali u d-drittijiet tas-suġġett tad-dejta bħala l-importatur tad-dejta taħt il-Klawżoli; kif ukoll |
|
(j) |
li hu jiżgura l-konformità ma’ Klawżola 4 (a) sa (i). |
Klawżola 5
Obbligi tal-importatur tad-dejta (2)
L-importatur tad-dejta jaqbel u jiggarantixxi:
|
(a) |
li jipproċessa d-dejta personali biss f’isem l-esportatur tad-dejta u b’konformità mal-istruzzjonijiet tiegħu u mal-Klawżoli; jekk hu ma jistax jipprovdi tali konformità, tkun liema raġuni tkun, hu jaqbel li jinforma fil-pront lill-esportatur tad-dejta bl-inkapaċità tiegħu li jikkonforma, f’liema każ l-esportatur tad-dejta jkun intitolat li jissospendi t-trasferiment tad-dejta u/jew jittermina l-kuntratt; |
|
(b) |
li m’għandu l-ebda raġuni għaliex jaħseb li l-leġiżlazzjoni applikabbli għalih twaqqfu milli jissodisfa l-istruzzjonijiet li jaslulu mill-esportatur tad-dejta u l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt u li fil-każ ta’ tibdil fil-leġiżlazzjoni li hu mistenni li jkollha effetti negattivi sostanzjali fuq il-garanziji u l-obbligi pprovduta mill-Klawżoli, hu jinnotifika fil-pront lill-esportatur tad-dejta bit-tibdil hekk kif isir jaf, f’liema każ l-esportatur tad-dejta jkun intitolat li jissospendi t-trasferiment tad-dejta u/jew jittermina il-kuntratt; |
|
(c) |
li hu jkun implimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà speċifikati f’Appendiċi 2 qabel ma jipproċessa d-dejta personali trasferita; |
|
(d) |
li hu jinnotifika fil-pront lill-esportatur tad-dejta dwar:
|
|
(e) |
li jitratta kif suppost u fil-pront il-mistoqsijiet kollha mill-esportatur tad-dejta relatati mal-ipproċessar tad-dejta personali suġġetta għat-trasferiment u li jimxi mal-pariri tal-awtorità tas-superviżjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta trasferita; |
|
(f) |
li fuq it-talba tal-esportatur tad-dejta jissottometti l-faċilitajiet tiegħu għall-ipproċessar tad-dejta għall-verifika tal-attivitajiet ta’ pproċessar koperti mill-Klawżoli li għandhom jitwettqu mill-esportatur tad-dejta jew korp ta’ spezzjoni magħmul minn membri indipendenti u li għandhom il-kwalifiki professjonali meħtieġa marbuta bid-dover tal-kunfidenzjalità, magħżula mill-esportatur tad-dejta, fejn applikabbli, bi qbil mal-awtorità tas-superviżjoni; |
|
(g) |
li jpoġġi għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-dejta meta jintalab, kopja tal-Klawżoli, jew kwalunkwe kuntratt eżistenti għas-sottoproċessar, sakemm il-Klawżoli jew il-kuntratt ma jinkludux informazzjoni kummerċjali, f’liema każ ikun jista’ jneħħi tali informazzjoni kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ Appendiċi 2 li postu għandu jittieħed minn deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri ta’ sigurtà f’dawk il-każi fejn is-suġġett tad-dejta ma jkunx jista’ jikseb kopja mill-esportatur tad-dejta; |
|
(h) |
li, fil-każ tas-sottoproċessar, huwa jkun informa minn qabel lill-esportatur tad-dejta u kiseb il-kunsens bil-miktub minn qabel; |
|
(i) |
li s-servizzi tal-ipproċessar mis-sottoproċessur ikunu mwettqa b’konformità mal-Klawżola 11; |
|
(j) |
biex jibgħat fil-pront kopja ta’ kwalunkwe ftehim mas-sottoproċessur li jkun ikkonkluda taħt dawn il-klawżoli lill-esportatur tad-dejta. |
Klawżola 6
Responsabbiltà
|
1. |
Il-partijiet jaqblu li kwalunkwe suġġett tad-dejta, li sofra dannu bħala riżultat ta’ kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fil-Klawżola 3 jew Klawżola 11 minn kwalunkwe parti jew sottoproċessur huwa intitolat li jirċievi kumpens mill-esportatur tad-dejta għad-dannu soffert. |
|
2. |
Jekk suġġett tad-dejta ma jkunx jista’ jagħmel talba għall-kumpens skont il-paragrafu 1 kontra l-esportatur tad-dejta minħabba ksur min-naħa tal-importatur tad-dejta jew is-sottoproċessur tiegħu, jew kwalunkwe mill-obbligi tagħhom imsemmijin fi Klawżoli 3 jew fil-Klawżola 11 minħabba li l-esportatur tad-dejta jkun fattwalment għeb jew ma jkunx għadu jeżisti legalment jew ikun sar insolventi, l-importatur tad-dejta jaqbel li s-suġġett tad-dejta jista’ jiftaħ pretensjoni kontra l-importatur tad-dejta daqslikieku kien l-esportatur tad-dejta, sakemm ma jkunx hemm entità suċċessur li tkun ħadet fuqha l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz ta’ operat tal-liġi, f’liema każ is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza d-drittijiet tiegħu kontra entità bħal din.
L-importatur tad-dejta ma jistax jistrieħ fuq ksur min-naħa ta’ sottoproċessur tal-obbligi tiegħu sabiex jevita r-responsabbiltajiet tiegħu stess. |
|
3. |
Jekk suġġett tad-dejta ma jkunx jista jagħmel talba kontra l-esportatur tad-dejta jew l-importatur tad-dejta msemmijin f’paragrafi 1 u 2 minħabba ksur ta’ kwalunkwe mill-obbligi msemmijin fi Klawżoli 3 jew fil-Klawżola 11 peress li kemm l-esportatur tad-dejta kif ukoll l-importatur tad-dejta jkunu fattwalment għebu jew ma jkunux għadhom jeżistu legalment jew ikunu saru insolventi, is-sottoproċessur jaqbel li s-suġġett tad-dejta jista’ jiftaħ pretensjoni kontra s-sottoproċessur tad-dejta fir-rigward tal-operazzjoni tal-ipproċessar tiegħu stess skont il-Klawżoli daqslikieku kien l-esportatur tad-dejta jew l-importatur tad-dejta, sakemm ma jkunx hemm suċċessur legali li jkun ħa fuqu l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta u l-importatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz ta’ operat tal-liġi, u f’liema każ is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza d-drittijiet tiegħu kontra entità bħal din. Ir-responsabbiltà tas-sottoproċessur għandha tkun limitata għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tiegħu stess taħt il-Klawżoli. |
Klawżola 7
Medjazzjoni u ġuriżdizzjoni
|
1. |
L-importatur tad-dejta jaqbel li jekk is-suġġett tad-dejta jinvoka kontrieh id-drittijiet tal-parti terza benefiċjarja u/jew pretensjonijiet għal kumpens minħabba ħsarat taħt il-Klawżoli, l-importatur tad-dejta jaċċetta d-deċiżjoni tas-suġġett tad-dejta:
|
|
2. |
Il-partijiet jaqblu li l-għażla magħmula mis-suġġett tad-dejta ma tippreġudikax id-drittijiet sostantivi u proċedurali tiegħu li jfittex rimedji skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi nazzjonali jew internazzjonali. |
Klawżola 8
Kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni
|
1. |
L-esportatur tad-dejta jaqbel li jiddepożita kopja ta’ dan il-kuntratt mal-awtorità ta’ superviżjoni jekk din titolbu jew jekk tali depożitu jkun mitlub skont il-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. |
|
2. |
Il-partijiet jaqblu li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha d-dritt li twettaq verifika tal-importatur tad-dejta, u ta’ kwalunkwe sottoproċessur, li għandu l-istess ambitu u huwa suġġett għall-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-verifika tal-esportatur tad-dejta taħt il-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. |
|
3. |
L-importatur tad-dejta għandu jinforma fil-pront lill-esportatur tad-dejta dwar l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalih jew għal kwalunkwe sottoproċessur li timblokka l-kondotta ta’ verifika ta’ importatur tad-dejta, jew ta’ kwalunkwe sottoproċessur, skont il-paragrafu 2. F’każ bħal dan l-esportatur tad-dejta għandu jkun intitolat li jieħu l-miżuri previsti fi Klawżola 5 (b). |
Klawżola 9
Liġi Regolatorja
Il-Klawżoli għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit, jiġifieri …
Klawżola 10
Varjazzjoni tal-kuntratt
Il-partijiet jintrabtu li la jvarjaw u lanqas jimmodifikaw il-Klawżoli. Dan ma jipprekludix lill-partijiet milli jżidu klawżoli jew kwistjonijiet relatati man-negozju fejn ikun meħtieġ sakemm ma jmorrux kontra lKlawżola.
Klawżola 11
Sottoproċessar
|
1. |
L-importatur tad-dejta m’għandu jagħti b’sottokuntratt l-ebda waħda mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar tiegħu mwettqin f’isem l-esportatur tad-dejta taħt il-Klawżoli mingħajr il-kunsens bil-miktub u minn qabel tal-esportatur tad-dejta. Fejn l-importatur tad-dejta, bil-kunsens tal-esportatur tad-dejta, jagħti b’sottokuntratt l-obbligi tiegħu taħt il-Klawżoli, għandu jagħmel dan biss permezz ta’ qbil bil-miktub mas-sottoproċessur li jimponi l-istess obbligi fuq is-sottoproċessur kif inhuma imposti fuq l-importatur tad-dejta skont il-Klawżoli (3). Fejn is-sottoproċessur jonqos milli jonora l-obbligi tal-protezzjoni tad-dejta taħt tali ftehim bil-miktub l-importatur tad-dejta għandu jibqa’ responsabbli mija fil-mija lejn l-esportatur tad-dejta għall-prestazzjoni tal-obbligi tas-sottoproċessur taħt tali ftehim. |
|
2. |
Il-kuntratt miktub li jkun bejn l-importatur tad-dejta u s-sottoproċessur għandu jipprovdi wkoll għal klawżola tal-parti terza benefiċjarja kif stipulata fi Klawżola 3 għall-każijiet fejn is-Suġġett tad-Dejta mhux kapaċi jagħmel il-talba għal kumpens imsemmija fil-paragrafu 1 tal- Klawżola 6, kontra l-Esportatur tad-Dejta jew l-Importatur tad-Dejta għaliex fattwalment ikunu għebu jew waqfu jeżistu legalment jew saru insolventi sakemm ma jkunx hemm entità suċċessur li tkun ħadet fuqha l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta jew l-importatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz ta’ operat tal-liġi. Responsabbiltà bħal din ta’ parti terza tas-sottoproċessur għandha tkun limitata għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tagħha taħt il-Klawżoli. |
|
3. |
Id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta għas-sottoproċessar tal-kuntratt imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit, jiġifieri … |
|
4. |
L-esportatur tad-dejta għandu jżomm lista ta’ ftehimiet tas-sottoproċessar konklużi skont il-Klawżoli u nnotifikati mill-importatur tad-dejta skont Klawżola 5 j), li għandha tkun aġġornata mill-anqas darba fis-sena. Il-lista għandha tkun disponibbli għall-awtorità superviżorja tal-protezzjoni tad-dejta tal-esportatur tad-dejta. |
Klawżola 12
Obbligu wara t-terminazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-dejta personali
|
1. |
Il-partijiet jaqblu li dwar it-terminazzjoni tad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-dejta, l-importatur tad-dejta u s-sottoproċessur għandhom, skont l-għażla tal-esportatur tad-dejta, jirritornaw id-dejta personali kollha trasferita u l-kopji tagħha lill-esportatur tad-dejta jew għandhom jiddistruġġu d-dejta personali kollha u jiċċertifikaw lill-esportatur tad-dejta li jkunu għamlu hekk, sakemm ma jkunx hemm leġiżlazzjoni imposta fuq l-importatur tad-dejta li twaqqfu milli jirritorna jew jiddistruġġi parti mid-dejta personali trasferita jew kollha kemm hi. F’dak il-każ, l-importatur tad-dejta jintrabat li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tad-dejta personali trasferita u ma jkomplix iżjed bl-ipproċessar attiv tad-dejta personali trasferita. |
|
2. |
L-importatur tad-dejta u s-sottoproċessur jiggarantixxu li fuq talba tal-esportatur tad-dejta u/jew l-awtorità superviżorja, jissottomettu l-faċilitajiet tagħhom tal-ipproċessar tad-dejta għal verifika tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. |
F’isem l-esportatur tad-dejta:
Isem (miktub sħiħ): …
Kariga: …
Indirizz: …
Informazzjoni oħra meħtieġa sabiex il-kuntratt ikun jorbot (jekk hemm):
|
|
Firma … |
F’isem l-importatur tad-dejta:
Isem (miktub sħiħ): …
Kariga: …
Indirizz: …
Informazzjoni oħra meħtieġa sabiex il-kuntratt ikun jorbot (jekk hemm):
|
|
Firma … |
(1) Il-parijiet jistgħu jirriproduċu definizzjonijiet u tifsiriet inklużi fid-Direttiva 95/46/KE fi ħdan din il-klawżola jekk jikkunsidraw li hekk ikun aħjar għall-kuntratt biex ikun indipendenti.
(2) Rekwiżiti mandatarji tal-liġi nazzjonali applikabbli għall-importatur tad-dejta li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ f’soċjetà demokratika fuq il-bażi ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE, jiġifieri, jekk huma jikkostitwixxu miżura meħtieġa biex jissalvagwardjaw id-difiża tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika, il-prevenzjoni, investigazzjoni, individwar u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ ksur ta’ etika għall-professjonijiet irregolati, interess importanti ekonomiku u finanzjarju għall-Istat jew il-protezzjoni tas-suġġett tad-dejta jew id-drittijiet u l-libertajiet- tal-oħrajn, mhumiex f’kontradizzjoni mal-klawżoli kuntrattwali standard. Xi eżempji ta’ tali rekwiżiti mandatorji li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ f’soċjetà demokratika huma, fost l-oħrajn, sanzjonijiet rikonoxxuti internazzjonalment, rekwiżiti ta’ rrappurtar tat-taxxa jew rekwiżiti ta’ rrappurtar ta’ ħasil tal-flus.
(3) Dan ir-rekwiżit jista jiġi ssodisfatt mis-sottoproċessur li wkoll jiffirma l-kuntratt li jkun sar bejn l-esportatur tad-dejta u l-importatur tad-dejta skont din id-Deċiżjoni.
Appendiċi 1
Għall-klawżoli kuntrattwali standard
Dan l-Appendiċi jifforma parti mill-Klawżoli u għandu jimtela u jiġi ffirmat mill-partijiet
L-Istati Membri jistgħu jimlew jew jispeċifikaw, skont il-proċeduri nazzjonali tagħhom, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi inkluża f’dan l-Appendiċi
Esportatur tad-dejta
L-esportatur tad-dejta (jew jogħġbok speċifika fil-qosor l-attivitajiet tiegħek relevanti għat-trasferiment)
…
…
…
Importatur tad-dejta
L-importatur tad-dejta (jew jogħġbok speċifika fil-qosor l-attivitajiet tiegħek relevanti għat-trasferiment)
…
…
…
Suġġetti tad-dejta
Id-dejta personali trasferita għandha x’taqsam mal-kategoriji ta’ dejta li ġejjin tas-suġġetti tad-dejta (jekk jogħġbok speċifika):
…
…
…
Kategoriji tad-dejta
Id-dejta personali trasferita għandha x’taqsam mal-kategoriji ta’ dejta li ġejjin (jekk jogħġbok speċifika):
…
…
…
Kategoriji speċjali tad-dejta (jekk hu l-każ)
Id-dejta personali trasferita għandha x’taqsam mal-kategoriji speċjali ta’ dejta li ġejjin (jekk jogħġbok speċifika):
…
…
…
Operazzjonijiet ta’ pproċessar
Id-dejta personali trasferita se tkun suġġetta għall-attivitajiet bażiċi ta’ pproċessar li ġejjin (jekk jogħġbok speċifika):
…
…
…
|
|
ESPORTATUR TAD-DEJTA Isem: … Firma Awtorizzata … |
|
|
IMPORTATUR TAD-DEJTA Isem: … Firma Awtorizzata … |
Appendiċi 2
għall-klawżoli kuntrattwali standard
Dan l-Appendiċi jifforma parti mill-Klawżoli u għandu jimtela u jiġi ffirmat mill-partijiet
Deskrizzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà implimentati mill-importatur tad-dejta skont il-Klawżoli 4(d) u 5(c) (jew id-dokument/leġiżlazzjoni mehmuż/a):
…
…
…
…
KLAWŻOLA INDENIZZI ILLUSTRATTIVA (MHUX OBBLIGATORJA)
Responsabbiltà
Il-partijiet jaqblu li jekk parti waħda tinżamm responsabbli għall-ksur tal-klawżoli li jkun sar mill-parti l-oħra, tal-aħħar, sa fejn tkun responsabbli, tindennizza lill-ewwel parti għal kull spiża, imposta, ħsarat jew telf li tkun ġarrbet.
L-indennizzi hija kontinġenti fuq:
|
(a) |
li l-esportatur tad-dejta jinnotifika fil-pront lill-importatur tad-dejta bi pretensjoni; kif ukoll |
|
(b) |
li l-importatur tad-dejta jingħata l-possibbiltà li jikkoopera mal-esportatur tad-dejta fid-difiża u t-tpaċija tal-pretensjoni (1). |
(1) Il-paragrafu fuq ir-responsabbiltajiet mhuwiex obbligatorju.