30.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/24


DEĊIŻJONI TAS-SEGRETARJI ĠENERALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI, TAR-REĠISTRATUR TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA, TAS-SEGRETARJI ĠENERALI TAL-QORTI TAL-AWDITURI, TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U TAL-OMBUDSMAN EWROPEW

tad-19 ta’ Jannar 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2002/621/KE dwar l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-Uffiċċju għall-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej

(2010/51/UE)

IS-SEGRETARJI ĠENERALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, U TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, U TAL-KUMMISSJONI, U R-REĠISTRATUR TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA, U S-SEGRETARJI ĠENERALI TAL-QORTI TAL-AWDITURI, U TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, U TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI, U TAL-OMBUDSMAN EWROPEW,

Wara li kkunsidraw ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-aġenti oħra tal-Komunità stabbiliti mir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1),

Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Uffiċċju għall-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod speċjali l-Artikolu 5 tiegħu,

wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7 (il-ħatra tal-persunal) tad-deċiżjoni dwar l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-Uffiċċju adottata fil-25 ta’ Lulju 2002 ma jipprevedix il-possibbiltà li jsir rikors għall-aġenti b’kuntratt skont l-Artikolu 3a(1)(c) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej, minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni tal-aħħar ġiet adottata wara din id-deċiżjoni, mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 (3)

(2)

L-esperjenza wriet li jaqbel li jkun awtorizzat it-tiġdid, għal tul ta’ żmien mhux determinat, tal-kuntratti tal-aġenti b’kuntratt, meta l-interess tas-servizz jiġġustifikah, b’mod speċjali meta, minħabba t-tul ta’ żmien u/jew l-ispeċifiċità tal-kompiti tal-Uffiċċju, it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti għal tul ta’ żmien mhux determinat jippermetti lill-Uffiċċju biex iżomm il-persunal tiegħu kkwalifikat u kapaċi li jiżgura l-kontinwità u l-effiċjenza tal-kompiti tiegħu.

(3)

Ir-rikors għall-aġenti b’kuntratt se jsir fil-limiti previsti fl-Artikolu 3 a(2) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.

(4)

Ir-rikors għall-aġenti b’kuntratt se jsir fil-limiti tal-approprjazzjonijiet previsti mill-baġit annwali tal-Uffiċċju, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kunsill tal-amministrazzjoni tal-EPSO li fih huma membri l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u, bħala osservaturi r-rappreżentant tal-Kontrollur Ewropew tal-protezzjoni tad-dejta u r-rappreżentanti tal-persunal,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tas-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-Segretarji Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni, u tar-Rappreżentant tal-Ombudsman, tal-25 ta’ Lulju 2002, dwar l-organizzazzjoni u l-ħidma tal-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (4) jiddaħħal il-paragrafu 4a:

“4a.   Għat-twettiq tal-kompiti taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali jew aġenti temporanji, l-Uffiċċju jista’ jagħmel rikors għall-aġenti b’kuntratt skont l-Artikolu 3 a(1)(c), tal-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej. Ir-rikors għall-aġenti b’kuntratt se jsir fil-limiti previsti mill-baġit annwali tal-Uffiċċju, fuq il-bażi tal-istima preliminari tad-dħul u l-infiq kif imwaqqfa qabel mill-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-EPSO”.

Artikolu 2

Data tad-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għall-Parlament Ewropew

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE

Għall-Kunsill

Is-Segretarju Ġenerali

Pierre DE BOISSIEU

Għall-Kummissjoni

Is-Segretarju Ġenerali

Catherine DAY

Għall-Qorti tal-Ġustizzja

Ir-Reġistratur

Roger GRASS

Għall-Qorti tal-Awdituri

Is-Segretarju Ġenerali

Eduardo RUIZ GARCÍA

Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Is-Segretarju Ġenerali

Martin WESTLAKE

Għall-Kumitat tar-Reġjuni

Is-Segretarju Ġenerali

Gerhard STAHL

Għall-Ombudsman Ewropew

Is-Segretarju Ġenerali

Ian HARDEN


(1)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(2)  ĠU L 197, 26.7.2002, p. 53.

(3)  ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 197, 26.7.2002, p. 56.