22.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 17/50


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Ottubru 2008

dwar l-Għajnuna mill-Istat 20/08 (ex N 62/08) li l-Italja qed tippjana li timplimenta permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/04 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 6015)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/38/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati aktar 'il fuq (1),

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

B’ittra tal-1 ta’ Frar 2008, irreġistrata mal-Kummissjoni dakinhar stess, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni l-għajnuna C 20/08 (ex N 62/08). B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Marzu 2008, l-Italja pprovdiet aktar informazzjoni lill-Kummissjoni.

(2)

B’ittra tat-30 ta’ April 2008, il-Kummissjoni informat lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE rigward l-għajnuna inkwistjoni. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-Italja fis-7 ta’ Mejju 2008.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex iressqu l-kummenti tagħhom rigward il-miżura tal-għajnuna inkwistjoni.

(4)

Permezz ta’ e-Mail tal-4 ta’ Ġunju 2008, irreġistrata mal-Kummissjoni dakinhar stess (jiġifieri fil-perjodu ta’ żmien biex jintbagħtu l-kummenti min-naħa tal-Italja li kien iffissat fid-deċiżjoni li tat bidu għall-proċedura), l-Italja talbet li l-imsemmi perjodu ta’ żmien jiġi estiż b’xahar. B’ittra tad-9 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni estendiet il-perjodu ta’ żmien sas-7 ta’ Lulju 2008. Fl-aħħarnett, l-Italja bagħtet il-kummenti tagħha b’ittra tas-7 ta’ Lulju 2008, li kienet irreġistrata mal-Kummissjoni dakinhar stess (jiġifieri fl-aħħar jum tal-perjodu ta’ żmien estiż).

(5)

B’ittra tat-12 ta’ Settembru 2008, li kienet irreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta’ Settembru 2008, waslu kummenti min-naħa tal-Cantiere Navale De Poli S.p.A. (minn hawn 'il quddiem: “De Poli”), li sostna li huwa parti kkonċernata. De Poli huwa tarzna Taljana u jinsab f’Venezia-Pellestrina. Skont l-informazzjoni pprovduta fin-notifika, dan huwa wieħed miż-żewġ tarznari li potenzjalment jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat skont l-iskema msemmija aktar ‘il quddiem fil-punt 6, sakemm l-għajnuna nnotifikata tkun awtorizzata. Madankollu, il-perjodu ta’ żmien li fih il-partijiet ikkonċernati setgħu jressqu l-kummenti tagħhom kien skada xahar wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE, jiġifieri fis-7 ta’ Lulju 2008. Il-kummenti ta’ De Poli tressqu wara li kien skada dak il-perjodu. F’dan ir-rigward, De Poli qed isostni li sar jaf tard bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tat bidu għall-proċeduri u bil-kummenti li għamlet l-Italja f’dan ir-rigward.

(6)

Skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati biex iressqu l-kummenti tagħhom. Madankollu, dan ma jobbligax lill-Kummissjoni li tinforma individwalment lil kull parti kkonċernata, imma li tipprovdi sabiex il-persuni potenzjalment ikkonċernati kollha jkollhom il-possibbiltà li jressqu l-kummenti tagħhom. Il-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali huwa metodu adegwat biex il-partijiet ikkonċernati kollha jiġu informati li qed jingħata bidu għal proċedura (3). Konsegwentement, għandu jitqies li l-Cantiere De Poli ġie informat b’mod xieraq bid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura u bil-perjodu ta’ żmien stabbilit biex jitressqu l-kummenti permezz tal-pubblikazzjoni msemmija. Minkejja dan, De Poli ma rrispettax il-perjodu ta’ żmien stabbilit biex jitressqu l-kummenti pprovdut mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (4) (minn hawn ’il quddiem: ir-“Regolament ta’ proċedura”). Il-Kummissjoni tosserva li De Poli ma talabx estensjoni għall-perjodu ta’ żmien stabbilit biex iressaq il-kummenti tiegħu, u lanqas ma ta xi raġuni partikolari għaliex il-kummenti tiegħu kellhom jitqiesu, minkejja li tressqu wara li skada l-perjodu ta’ żmien. Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhux se tqis il-kummenti ta’ De Poli li waslu tard.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

(7)

Permezz tal-ittra C(2004)1807 finali tad-19 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet rigward skema Taljana ta’ għajnuna mill-Istat dwar il-mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti (5) (minn hawn ‘il quddiem: l-“iskema”). Il-Kummissjoni kienet qieset l-iskema bħala kompatibbli mas-suq komuni peress li kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2002 tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jikkonċerna mekkaniżmu difensiv temporanju għall-bini ta’ bastimenti (6), emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004 (7) (minn hawn ‘il quddiem: ir-“Regolament MDT”).

(8)

L-imsemmija skema, hekk kif ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u hekk kif ġiet approvata minnha, kellha baġit ta’ EUR 10 miljuni.

(9)

L-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħha li talloka EUR 10 miljuni oħra għall-baġit tal-iskema.

III.   DESKRIZZJONI TAR-RAĠUNIJIET LI WASSLU BIEX JINGĦATA BIDU GĦALL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(10)

Il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE għaliex kellha xi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata mas-suq komuni, għar-raġunijiet li ġejjin.

(11)

Il-Kummissjoni, filwaqt li qieset l-Artikolu 1(c) tar-Regolament ta’ proċedura u l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (8) (minn hawn ‘il quddiem: ir-“Regolament ta’ implimentazzjoni”) qieset li ż-żieda nnotifikata tal-baġit kienet tikkostitwixxi modifika fl-iskema u għalhekk għajnuna ġdida li kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE. Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata mas-suq komuni kellha tiġi vvalutata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet attwalment fis-seħħ. Ir-Regolament MDT skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u għaldaqstant ma jikkostitwix bażi legali għall-approvazzjoni tal-għajnuna.

(12)

Il-Kummissjoni osservat ukoll li ma jidhirx li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni oħra fost dawk applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

IV.   IL-KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET TALJANI

(13)

L-Italja kkontestat id-dubji tal-Kummissjoni u għamlet il-kummenti li ġejjin.

(14)

L-ewwel nett, l-Italja qed tikkontesta l-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni, jiġifieri li l-miżura nnotifikata hija għajnuna ġdida. L-Italja qed issostni li, skont interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, id-definizzjoni ta’ għajnuna ġdida għandha tkun riservata għaż-żidiet fil-baġit ta’ skemi ta’ għajnuna awtorizzati, akkumpanjati minn ftuħ mill-ġdid tat-termini ta’ aċċess tal-intrapriżi għall-benefiċċji relatati, b’tgħawwiġ konsegwenti tal-kompetizzjoni. L-Italja qed issostni li jidher biċ-ċar li f’dan il-każ din iċ-ċirkostanza mhix preżenti, peress li dan il-każ jikkonċerna t-tlestija ta’ inizjattivi li għalihom ġiet ippreżentata talba formali skont ir-Regolament MDT. F’dan ir-rigward, l-Italja qed issostni wkoll li l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni huwa dispożizzjoni proċedurali li jistabbilixxi l-metodi ta’ notifika ta’ bidliet partikolari f’għajnuna eżistenti, mingħajr ma jinterferixxi fid-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà u għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-Artikolu 4 biex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat proposta.

(15)

L-Italja qed tagħmel ukoll xi kummenti dwar il-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni, jiġifieri li r-Regolament MDT ma jikkostitwix bażi legali għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata. L-ewwel nett, l-Italja qed issostni li dan l-argument mhux koerenti mal-pożizzjoni li ġiet adottat fir-Regolament MDT, li, minkejja li kien fis-seħħ biss sal-31 ta’ Marzu 2004 (perjodu ta’ żmien li sussegwentement ġie estiż sal-31 ta’ Marzu 2005), madankollu kellu bħala bażi legali r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1540/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998 li jistabbilixxi regoli ġodda għall-bini tal-bastimenti (9) (minn hawn ‘il quddiem: ir-“Regolament dwar il-bini tal-bastimenti”), li l-applikazzjoni tiegħu kellha tintemma diġà fil-31 ta’ Diċembru 2003.

(16)

Barra minn hekk, l-Italja ma tistax tifhem għal-liema raġuni r-Regolament MDT ma jistax jiġġustifika l-aġġornament tal-allokazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, li tikkostitwixxi sempliċi operazzjoni finanzjarja li għandha l-għan li tqiegħed fuq livell ta’ trattament ugwali mat-tarznari li diġà bbenefikaw mill-iskema lit-tarznari li ressqu talba skont it-termini tar-Regolament MDT u għadhom ma bbenefikawx mill-għajnuna minħabba n-nuqqas magħruf ta’ allokazzjonijiet (il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali). L-Italja qed issostni li l-attwalizzazzjoni (il-proċedura finanzjarja li tippermetti li jiġi stabbilit illum il-valur attwali ta’ kapital li jkollu skadenza naturali f’data futura) f’termini ta’ riżorsi tal-interventi pubbliċi li għandhom l-għan li jikkorreġu l-effetti taż-żmien jew tal-previżjonijiet tal-infiq li rriżulta li kienu insuffiċjenti, minkejja ż-żieda fl-ammont tas-sussidju inizjali, ma tikkostitwix għajnuna ġdida jew hija kompatibbli fl-ambitu tal-bażi legali li kienet tiġġustifika l-għajnuna oriġinali. Fi ftit kliem, l-Italja temmen li din hija kwistjoni li tikkonċerna r-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjonijiet pendenti li għandhom x’jaqsmu ma’ talbiet għal għajnuna li jikkonċernaw kuntratti li ġew konklużi qabel il-31 ta’ Marzu 2005, mingħajr ma dan jista’ jitqies bħala estensjoni tal-iskema, estensjoni tal-isfera suġġettiva jew bidla fl-istruttura fundamentali. Biex issostni l-pożizzjoni li ħadet, l-Italja qed tinvoka l-prinċipji ġenerali tat-trattament ugwali, tal-ħtieġa li titqies b’mod xieraq l-aspettattiva leġittima tal-benefiċjarji kif ukoll il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenzi mogħtija fil-kawżi 223/85 (10) u C-364/90 (11)).

(17)

Fl-aħħarnett, l-Italja qed issostni li l-għajnuna nnotifikata ma tmurx kontra deċiżjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li tqis li r-Regolament MDT mhux konformi mar-regoli tad-WTO.

V.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

Definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat

(18)

Peress li l-miżura għandha natura purament finanzjarja, il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni għandha tkun ivvaluta b’referenza għall-miżuri li biħsiebha tiffinanzja, jiġifieri l-għoti ta’ għajnuna fl-ambitu tal-iskema. Għar-raġunijiet imsemmija fl-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2004, l-iskema tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

Għajnuna ġdida

(19)

Skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament ta’ proċedura u skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, iż-żidiet fil-baġit għal skema ta’ għajnuna awtorizzata jikkostitwixxu għajnuna ġdida, jekk jaqbżu l-20 % tal-baġit oriġinali. F’dan il-każ, iż-żieda nnotifika hija ta’ 100 % tal-baġit oriġinali u konsegwentement għandha tiġi vvalutata bħala għajnuna ġdida fit-tifsira tal-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE.

(20)

L-oġġezzjonijiet imqajma mill-Italja f’dan ir-rigward ma jbiddlux il-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

(21)

Il-Kummissjoni tosserva li, b’relazzjoni għall-kunċett ta’ għajnuna ġdida, suġġett għall-obbligu ta’ notifika fit-tifsira tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tapplika d-definizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 1(c) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. L-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-Regolament jiddefinixxi bħala għajnuna ġdida, fost l-oħrajn, “tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

(22)

L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jkompli jispjega li “alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistgħux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura tal-għajnuna mas-suq komuni”, inklużi ż-żidiet li jaqbżu l-20 % tal-baġit għal skema ta’ għajnuna awtorizzata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni ma jikkostitwix il-bażi legali biex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-għajnuna l-ġdida, u l-Kummissjoni, bil-kontra ta’ dak li ssuġġeriet l-Italja (ara l-punt 13), lanqas ma bbażat ruħha fuq dan l-Artikolu għal dak il-għan; min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu jiċċara kif il-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 1(c) tar-Regolament ta’ proċedura rigward il-kunċett ta’ “għajnuna ġdida”. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li t-teżi tal-Italja, jiġifieri li l-miżura hija sempliċi attwalizzazzjoni tal-ispejjeż li kienu jkunu inadegwati mingħajr bidliet suffiċjenti fl-istruttura fundamentali tal-iskema, ma tneħħi xejn mill-fatt li din iż-żieda fil-baġit tiġi ddefinita bħala bidla fl-għajnuna eżistenti u għalhekk hija għajnuna ġdida, fit-tifsira tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament ta’ proċedura u tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni.

(23)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ taċċetta t-teżi tal-Italja, jiġifieri li fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, id-definizzjoni ta’ għajnuna ġdida għandha tkun riservata għaż-żidiet fil-volum tal-allokazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna awtorizzati, jekk ikunu akkumpanjati minn ftuħ mill-ġdid tat-termini ta’ aċċess tal-intrapriżi għall-benefiċċji relatati, b’tgħawwiġ konsegwenti tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tosserva li ż-żidiet fil-baġit ta’ skema awtorizzata (b’differenza għal żidiet marġinali ta’ inqas minn 20 %) inevitabbilment ikollhom impatt fuq il-kompetizzjoni, peress li jippermettu li l-Istat Membri jagħti għajnuna akbar minn dik li kienet approvata oriġinarjament. Din il-bidla fl-effetti tal-iskema fuq il-kompetizzjoni wasslet lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni ġdida tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Jirriżulta li żieda fil-baġit bl-ammont innotifikat mill-Italja ma tistax titqies bħala ta’ natura purament formali jew amministrattiva jew tali li ma jkollhiex impatt fuq il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni.

(24)

Konsegwentement, fuq il-bażi ta’ dak li ngħad aktar ‘il fuq, il-Kummissjoni tikkonferma li l-miżura nnotifikata għandha tiġi vvalutata bħala għajnuna ġdida fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

Ir-Regolament MDT m’għadux jikkostitwixxi bażi legali valida

(25)

Rigward l-ewwel kumment tal-Italja f’dan ir-rigward, l-ewwel nett il-Kummissjoni tenfasizza li l-bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament MDT ma kinitx ir-Regolament dwar il-bini tal-bastimenti imma t-Trattat tal-KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(3)(e), l-Artikolu 93 u l-Artikolu 133. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tara l-ebda nuqqas ta’ koerenza bejn il-pożizzjoni li ħadet f’dan il-każ u l-fatt li parti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament MDT jirreferu għar-Regolament dwar il-bini tal-bastimenti. Din kienet sempliċement kwistjoni ta’ teknika leġiżlattiva fejn, biex jiġu evitati ripetizzjonijiet, ir-Regolament MDT ma rripetix ċerti definizzjonijiet jew dispożizzjonijiet diġà inklużi fir-Regolament dwar il-bini tal-bastimenti, imma inkorpora sempliċement is-sustanza tagħhom permezz ta’ referenza. Konsegwentement, l-applikazzjoni tar-Regolament MDT fuq dawn il-punti ma kinitx tiddependi mill-validità mhux interrotta tar-Regolament dwar il-bini tal-bastimenti, imma minflok ħolqot dispożizzjonijiet ġodda u awtonomi fir-Regolament MDT, essenzjalment simili għad-dispożizzjonijiet inklużi fir-Regolament dwar il-bini tal-bastimenti li kienu jirreferu għalih. Dan bl-ebda mod ma jikkontradixxi l-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni f’dan il-każ, jiġifieri li att tal-istituzzjonijiet Komunitarji, meta jiġi adottat, għandu jkun imsejjes fuq bażi legali valida.

(26)

Kif issemma fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2008 dwar il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Regolament MDT m’għadux fis-seħħ u għalhekk ma jistax jagħmilha aktar ta’ bażi legali għall-valutazzjoni tal-għajnuna l-ġdida. Għar-raġunijiet li ssemmew fid-Deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali (punti 9 u 10), l-għajnuna nnotifikata mhix kompatibbli mas-suq komuni skont il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-bini tal-bastimenti (12), u lanqas ma jidher li hija kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ kwalunkwe dispożizzjoni applikabbli ieħor fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Italja ma ssuġġeriet l-ebda bażi legali alternattiva għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, imma sostniet li mhix “għajnuna ġdida”, teżi, li kif diġà ġie spjegat fil-punti 18-22, il-Kummissjoni ma tistax taċċettaha.

(27)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tilqa’ l-argumenti mressqa mill-Italja dwar il-prinċipji legali ġenerali tal-aspettattiva leġittima u tat-trattament ugwali.

(28)

L-Italja qed issostni li l-bennejja tal-bastiment li ressqu talba għall-għajnuna skont l-iskema meta kien għadu fis-seħħ ir-Regolament MDT u li rrispettaw it-termini biex jibbenefikaw minn tali għajnuna, imma ma rnexxilhomx jiksbuha minħabba nuqqas ta’ fondi fil-baġit, għandhom aspettattiva leġittima li jirċievu l-għajnuna u barra minn hekk qed issostni li fuq il-bażi tal-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattiva leġittima (kif ukoll għal raġunjiet ta’ trattament ugwali ma’ dawk il-bennejja tal-bastimenti li tabilħaqq ingħataw l-għajnuna mill-fondi disponibbli) għandhom id-dritt li jirċievu l-għajnuna, irrispettivament mill-fatt jekk ir-Regolament MDT għadux fis-seħħ jew le.

(29)

Skont każistika stabbilita, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattiva leġittima jkopri kwalunkwe persuna li tinsab f’sitwazzjoni fejn jidher ċar li l-awtoritajiet Komunitarji, meta jagħtuha assigurazzjonijiet preċiżi, wassluha biex ikollha aspettattiva leġittima. Madankollu, persuna ma tistax tinvoka l-ksur ta’ dan il-prinċipju sakemm ma jkunux ingħatawlha assigurazzjonijiet preċiżi min-naħa tal-awtoritajiet (13).

(30)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni temmen li l-benefiċjarji potenzjali tal-iskema jistgħu jinvokaw aspettattiva leġittima dwar il-legalità ta’ kwalunkwe għajnuna mogħtija skont l-iskema kif ġiet approvata mill-Kummissjoni, inkluża r-restrizzjoni tal-baġit għal EUR 10 miljuni. Madankollu, dak li qed issostni l-Italja huwa ekwivalenti għal aspettattiva li wieħed jista’ jibbenefika minn għajnuna wara l-iskadenza tal-perjodi ta’ żmien tal-iskema, u b’mod partikolari, li wieħed jista’ jibbenefika minn sussidji li jaqbżu l-baġit approvat, jiġifieri aspettattiva li jirċievi għajnuna ġdida mill-Istat. Fil-prinċipju, intrapriża ma tistax tinvoka aspettattiva leġittima biex tirċievi għajnuna li ma kinitx approvata mill-Kummissjoni skont il-proċedura pprovduta mit-Trattat tal-KE (14). Għall-istess raġuni, ma tistax tinvoka prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali sabiex tkun ittrattata bħall-benefiċjarji ta’ għajnuna approvata.

(31)

Barra minn hekk, l-Italja qed tiċċita każistika stabbilita li, fil-fehma tagħha, tirrifletti l-applikazzjoni tal-iskema “accessorium sequitur principale” u tippermetti li wieħed jiddeduċi li l-attwalizzazzjoni f’termini ta’ riżorsi tal-interventi pubbliċi li għandhom l-għan li jikkorreġu l-effetti taż-żmien jew ta’ previżjonijiet ta’ nfiq li rriżulta li ma kinux suffiċjenti, anki jekk jinvolvu ż-żieda fl-ammont tas-sussidju inizjali, ma tikkostitwix għajnuna ġdida jew hija kompatibbli fl-ambitu tal-bażi legali li kienet tiġġustifika l-għajnuna oriġinali.

(32)

Madankollu, il-każistika ċċitata ma tikkoraborax it-teżi tal-Italja.

(33)

Fis-sentenza li ngħatat fil-kawża C 223/85, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li n-nuqqas ta’ intervent min-naħa tal-Kummissjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, flimkien mal-fatt li l-għajnuna kienet maħsuba biex tkopri l-ispejjeż addizzjonali ta’ operazzjoni li kienet ibbenefikat minn għajnuna awtorizzata, bnew fil-benefiċjarju l-aspettattiva leġittima li ma kienx se jkun hemm oġġezzjonijiet għall-għajnuna. Madankollu, il-Kummissjoni ma tarax kif dan il-preċedenti jikkorrabora t-teżi tal-Italja, jiġifieri li l-aġġornament tal-baġit tal-iskema ma jikkostitwix għajnuna ġdida jew, inkella, li huwa kompatibbli skont il-bażi legali li ġġustifikat l-għajnuna oriġinali, jiġifieri r-Regolament MDT. Bil-kontra, il-Kummissjoni tosserva li fis-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma kkontestat li “l-għajnuna maħsuba biex tilqa’ għaż-żieda fl-ispejjeż ta’ operazzjoni li kienet [……] ibbenefikat minn sussidju awtorizzat” kienet teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 87(1) (dak iż-żmien l-Artikolu 93) tat-Trattat tal-KE.

(34)

Barra minn hekk, l-Italja ma pprovatx li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx se tintervjeni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Bil-kontra, hija pjuttost l-Italja li ma nnotifikatx iż-żieda fl-iskema waqt li kien għadu fis-seħħ ir-Regolament MDT.

(35)

Lanqas il-kawża C-364/90 ma tikkorrabora t-teżi li qed issostni l-Italja. Fil-parti tas-sentenza li l-Italja tirreferi għaliha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata sempliċement li l-Kummissjoni ma rnexxilix timmotiva b’mod adegwat deċiżjoni negattiva dwar għajnuna mill-Istat, fejn imbagħad ippreċiżat li ċerti dokumenti mressqa fil-fażi prekontenzjuża kienu biżżejjed ċari għall-finijiet tal-ammissibbiltà tal-istess argumenti fil-proċedura ta’ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ma tistax tifhem kif dawn il-punti purament proċedurali jikkorraboraw it-teżi tal-Italja, jiġifieri li ż-żieda fil-baġit tal-iskema, peress li hija kwistjoni ta’ dritt sostantiv, għandha tkun approvata skont ir-Regolament MDT. Fl-aħħar nett, fejn għandu x’jaqsam il-kumment tal-Italja li l-għajnuna nnotifikata ma tmurx kontra deċiżjoni tad-WTO (l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) li ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament MDT mhumiex konformi mar-regoli tad-WTO, il-Kummissjoni diġà osservat f’deċiżjonijiet preċedenti li skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet Komunitarji għandhom jiġu interpretati, safejn ikun possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, inklużi l-obbligi tal-KE fil-konfront tad-WTO (15). Konsegwentement, l-interpretazzjoni tar-Regolament MDT għandha titqies anki fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-Komunità (16).

(36)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Korea ma kkontestatx il-kompatibbiltà tar-Regolament MDT mar-regoli tad-WTO. Fit-22 ta’ April 2005, grupp ta’ esperti ppubblikaw rapport fejn ġie konkluż li r-Regolament MDT u diversi skemi MDT nazzjonali – li kienu jeżistu dak iż-żmien meta l-Korea tat bidu għat-tilwima mad-WTO – kienu jiksru l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim fuq ir-Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni tal-Kontroversji (17). Fl-20 ta’ Ġunju 2005, il-Korp għall-Ftehim dwar it-Tilwim tad-WTO (DSB) adotta r-rapport tal-grupp ta’ esperti, li kien jirrakkomanda li l-Komunità tagħmel lir-Regolament MDT u lill-iskemi MDT nazzjonali konformi mal-obbligi li għandha skont il-ftehimiet tad-WTO (18). Fl-20 ta’ Lulju 2005, il-Komunità informat lill-Korp għall-Ftehim dwar it-Tilwim li d-dispożizzjonijiet tagħha issa kienu konformi mad-deċiżjoni u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Korp għall-Ftehim dwar it-Tilwim, peress li r-Regolament MDT kien skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u l-Istati Membri ma setgħux aktar jagħtu għajnuna operattiva fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament.

(37)

Ir-rapport tal-grupp ta’ esperti u d-deċiżjoni tal-Korp għall-Ftehim dwar it-Tilwim li adotta l-imsemmija relazzjoni kkundannaw lir-Regolament MDT per se għaliex imur kontra r-regoli tad-WTO, u imponew lill-Komunità biex ma tapplikahx aktar. L-obbligu tal-Komunità li timplimenta d-deċiżjoni tal-Korp għall-Ftehim dwar it-Tilwim japplika anki għal deċiżjonijiet futuri biex tingħata għajnuna ġdida skont ir-Regolament MDT (19). Il-Komunità, meta informat lill-Korp għall-Ftehim dwar it-Tilwim li d-dispożizzjonijiet tagħha issa kienu konformi mad-deċiżjoni u mar-rakkomandazzjoni tal-Korp għall-Ftehim dwar it-Tilwim, peress li r-Regolament MDT kien skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u għalhekk l-Istati Membri ma setgħux aktar jagħtu għajnuna operattiva fuq din il-bażi, impenjat ruħha li ma tapplikax aktar l-imsemmi Regolament biex tagħti għajnuna ġdida. Konsegwentement, l-approvazzjoni ta’ din l-għajnuna kieku tikkostitwixxi ksur tal-impenji internazzjonali li daħlet għalihom il-Komunità.

VI.   KONKLUŻJONI

(38)

Għar-raġunijiet imsemmija aktar ’il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istat innotifikata mhix kompatibbli mas-suq komuni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li l-Italja qed tippjana li timplimenta permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/04 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti li tinvolvi żieda ta’ EUR 10 miljuni mal-baġit tal-iskema, mhix kompatibbli mas-suq komuni.

Għaldaqstant, din l-għajnuna m’għandiex tingħata.

Artikolu 2

Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-passi li tkun ħadet biex tkun konformi magħha.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 140, 6.6.2008, p. 20.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1984, SA Intermills vs Il-Kummissjoni, Ġabra, p. 3809, punt 17.

(4)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(5)  Għajnuna mill-Istat N 59/04 (ĠU C 100, 26.4.2005, p. 27). Id-deċiżjoni hija disponibbli fil-verżjoni lingwistika awtentika minn fuq http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/register/ii/by_case_nr_n2004_0030.html#59

(6)  ĠU L 172, 2.7.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 6.

(8)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(9)  ĠU L 202, 18.7.1998, p. 1.

(10)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 1987, kawża 223/85, RSV vs Il-Kummissjoni, Ġabra 1987, p. 4617.

(11)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1993, kawża C-364/90, L-Italja vs Il-Kummissjoni, Ġabra 1993, p. I-2097.

(12)  ĠU C 317, 30.12.2003, p. 11.

(13)  Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Settembru 2008 fil-kawża T-20/03, Kahla vs Thüringen Porzellan, għadha ma ġietx ippubblikata, punt 146.

(14)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1990 fil-kawża C-5/89, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Ġabra 1990, p. I-3437, punt 14.

(15)  Kawża C-53/96, Hermes, Ġabra 1998, p. I-3603, punt 28; kawża C-76/00 P. Petrotub, Ġabra 2003, p. I-79, punt 57.

(16)  Każijiet C 26/06 (ex N 110/06) (ĠU L 219, 24.8.2007, p. 25) u C 32/07 (ex N 389/06) (ĠU L 108, 18.4.2008, p. 23).

(17)  Ara EC – Measures affecting trade in commercial vessels, WT/DS301/R, punti 7.184 – 7.222 & 8.1(d).

(18)  Ara d-dokument tad-WTO WT/DS301/6.

(19)  Ara EC – Measures affecting trade in commercial vessels, WT/DS301/R, punt 7.21.