16.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 11/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Ġunju 2009

dwar l-iskema sabiex ikunu kkonsolidati d-djun il-kbar tal-koperattivi tal-bdiewa u tal-azjendi agrikoli implimentata fir-reġjun ta’ Lazio (l-Italja) skont il-Liġi Reġjonali Nru 52/1994 u ffinanzjata mill-ġdid permezz tal-Artikolu 257 tal-Liġi Reġjonali Nru 10 tal-10 ta’ Mejju 2001

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 4525)

(Il-test Taljan biss huwa awtentiku)

(2010/27/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 88(2)(1) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom skont dak l-Artikolu,

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-11 ta’ Settembru 2001, irreġistrata fit-13 ta’ Settembru 2001, ir-Rappreżentanza Permanenti Taljana għall-Unjoni Ewropea għarrfet lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, bit-test tal-Artikolu 257 tal-Liġi Reġjonali Nru 10 tal-10 ta’ Mejju 2001, li jemenda l-Artikolu 2 tal-Liġi Reġjonali Nru 52 tal-31 ta’ Ottubru 1994.

(2)

Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tad-19 ta’ April 2002, irreġistrata fit-22 ta’ April 2002, ir-Rappreżentanza Permanenti Taljana għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni t-tagħrif addizzjonali dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq li l-Kummissjoni kienet talbet lill-awtoritajiet Taljani jibagħtulha permezz ta’ ittra li ġġib id-data tad-9 ta’ Novembru 2001.

(3)

Wara li eżaminat dan it-tagħrif, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jibagħtulha iktar tagħrif fi żmien erba’ ġimgħat, permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Ġunju 2002.

(4)

Minħabba li l-Kummissjoni ma kienet irċeviet l-ebda tweġiba sad-data ta’ skadenza stabbilita fl-ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Ġunju 2002, bagħtet ittra ġdida li ġġib id-data tad-19 ta’ Awwissu 2003, li fiha talbet li tingħata t-tagħrif li kien intalab qabel mill-aktar fis possibbli.

(5)

Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-23 ta’ Ottubru 2003, irreġistrata fid-29 ta’ Ottubru 2003, ir-Rappreżentanza Permanenti Taljana għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni t-tagħrif addizzjonali li l-Kummissjoni kienet talbet lill-awtoritajiet Taljani jibagħtulha fl-ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Ġunju 2002.

(6)

Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-11 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura li dwarha hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE b’rabta mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 257 tal-Liġi Reġjonali Nru 10 tal-10 ta’ Mejju 2001 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Liġi Nru 10/01”) u mal-għajnuna mħallsa bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-20 ta’ Mejju 2001 (id-data li fiha daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 10/01) skont l-iskema tal-għajnuna li kellha tkun iffinanzjata mill-ġdid bl-allokazzjoni tal-baġit li dwarha hemm dispożizzjoni f’dak l-Artikolu (1).

(7)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom.

(8)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummenti mingħand il-partijiet interessati. Madanakollu, l-awtoritajiet Taljani ltaqgħu mal-persunal tal-Kummissjoni sabiex jiċċaraw l-affarijiet b’rabta mal-kummenti li għamlet il-Kummissjoni wara li nbdiet il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE.

(9)

Permezz ta’ ittra elettronika li ġġib id-data tat-3 ta’ April 2009, ir-Rappreżentanza Permanenti Taljana għall-Unjoni Ewropea bagħtet ittra tal-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni li fiha kien hemm taqsira tad-diskussjonijiet li saru matul il-laqgħa msemmija fil-paragrafu ta’ qabel.

II.   DESKRIZZJONI

Il-miżura mgħarrfa

(10)

L-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 jipprovdi għal allokazzjoni addizzjonali ta’ ITL 400 miljun (EUR 206 583) bħala sussidju fuq ir-rati tal-imgħax fuq self għal perjodu ta’ 15-il sena maħsub għall-konsolidazzjoni tad-djun il-kbar tal-koperattivi agrikoli, tal-gruppi ta’ dawn il-koperattivi u tal-azjendi agrikoli skont il-Liġi Reġjonali Nru 52 tal-31 ta’ Ottubru 1994 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Liġi Nru 52/94”), kif emendata mil-Liġi Nru 13 tad-29 ta’ April 1996 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Liġi Nru 13/96”). Dan jibdel ukoll l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 52/94 billi jwessa’ l-possibbiltà li wieħed jirċievi l-għajnuna li dwarha hemm dispożizzjoni f’dik il-liġi għad-djun il-kbar li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 2000. Barra minn hekk, jinkludi klawżola li biha l-għajnuna li dwarha hemm dispożizzjoni tista’ tiġi implimentata biss wara l-pubblikazzjoni tar-riżultat pożittiv tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE fil-Bollettino ufficiale della Regione Lazio [il-Bulettin uffiċjali tar-reġjun tal-Lazio].

Il-bażi legali mibdula mill-miżura mgħarrfa

(11)

Il-Liġi Nru 52/94, li tifforma l-bażi legali għall-konsolidazzjoni, kienet tipprovdi għal dan li ġej:

a)

għall-għajnuna għall-koperattivi u għall-gruppi ta’ dawn il-koperattivi fil-forma ta’ sussidju fuq ir-rati tal-imgħax fuq self għal perjodu ta’ 15-il sena maħsub għall-konsolidazzjoni tad-djun il-kbar li ġejjin mis-self li mhux kopert mis-sussidji pubbliċi (l-Artikolu 1(1));

b)

għall-għajnuna għall-azjendi agrikoli fil-forma ta’ sussidju fuq ir-rati tal-imgħax fuq self għal perjodu ta’ 15-il sena maħsub għall-konsolidazzjoni tad-djun il-kbar li ġejjin minn investimenti li kienu saru diġà (l-Artikolu 1(2));

c)

għall-għajnuna fil-forma ta’ għotjiet lill-koperattivi u lill-gruppi ta’ dawn il-koperattivi f’każ li jingħaqdu ma’ koperattiva oħra jew li jkunu assorbiti fiha; liema għotjiet ikopru sa 50 % mill-obbligazzjonijiet tal-karta tal-bilanċ tal-koperattivi jew tal-gruppi ta’ dawn il-koperattivi msemmija qabel, bil-għan li jitneħħew dawn l-obbligazzjonijiet (l-Artikolu 4);

d)

id-djun il-kbar kienu ddefiniti bħala dawk li ġejjin minn self mill-banek fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju jew twil, li nkiseb mingħajr għajnuna pubblika u li kien jeżisti meta daħlet fis-seħħ il-liġi.

(12)

Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ stħarriġ skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE (li qabel kien l-Artikolu 93), b’rabta mal-għajnuna li dwarha hemm dispożizzjoni fil-liġi kkonċernata (3), minħabba li ma kinetx ċerta jekk din l-għajnuna kinetx konformi mal-kriterji użati dak iż-żmien għall-analiżi tagħha.

(13)

Skont dawk il-kriterji, il-Kummissjoni qieset din it-tip ta’ għotja bħala għajnuna operattiva li, fil-prinċipju, setgħet titqies li kienet kompatibbli mas-suq komuni biss jekk ikunu ssodisfati t-tliet kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

it-tali għajnuna kellu jkollha x’taqsam mad-djun il-kbar li kienu ġejjin mis-self meħud sabiex ikunu ffinanzjati investimenti li kienu saru diġà;

b)

l-ammont kumplessiv ta’ kwalunkwe għajnuna mogħtija meta jkun ittieħed is-self flimkien mal-għajnuna kkonċernata ma kellux jaqbeż il-perċentwal awtorizzat b’mod ġenerali mill-Kummissjoni, jiġifieri:

għall-investimenti fis-settur agrikolu primarju: ammont ta’ 35 % jew ta’ 75 % fiż-żoni żvantaġġati fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 75/268/KEE (4);

għall-investimenti fis-settur tal-ipproċessar u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli: ammont ta’ 55 % (jew ta’ 75 % fir-reġjuni li jaqgħu fi ħdan l-Għan Nru 1) għall-proġetti li huma konformi mal-programmi settorjali jew ma’ wieħed mill-għanijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 866/90 (5), u ta’ 35 % (jew ta’ 50 % fir-reġjuni li jaqgħu fi ħdan l-Għan Nru 1) għall-proġetti l-oħra li mhumiex esklużi abbażi tal-kriterji tal-għażla mogħtija fil-punt 2 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/342/KEE (6) (jew għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/173/KEE (7);

c)

l-għajnuna kkonċernata kellha tkun tista’ titħallas biss wara li jkun hemm tibdil fir-rati għas-self il-ġdid li jkun ittieħed, sabiex jitqiesu d-differenzi f’kemm jiswew il-flus (fit-tali każijiet, l-ammont tal-għajnuna kellu jkun daqs kemm jiswa t-tali tibdil jew inqas minnu) jewinkella kellu jkollu x’jaqsam ma’ azjendi agrikoli li jipprovdu garanziji tal-vijabbiltà, b’mod partikulari f’każ li l-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw mis-self eżistenti jkunu tali li jagħmlu ħsara lill-azjendi jew li jwassluhom biex ifallu.

(14)

Wara li kienet inbdiet il-proċedura, l-awtoritajiet Taljani emendaw il-Liġi Nru 52/94 permezz tal-Liġi Nru 13/96. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni setgħet tagħlaq il-proċedura billi tiddikjara li l-għajnuna, kif mibdula b’dik il-liġi, kienet kompatibbli mas-suq komuni (8).

(15)

Il-Liġi Nru 13/96 biddlet l-iskema bil-mod li ġej:

a)

tħassret l-għajnuna li kienet tkopri sa 50 % mill-obbligazzjonijiet imniżżlin fil-karta tal-bilanċ tal-koperattivi f’każ li jkun hemm għaqda bejniethom jew li jkun hemm assorbiment tagħhom;

b)

l-għajnuna għall-konsolidazzjoni tad-djun il-kbar tal-koperattivi u tal-gruppi ta’ dawn il-koperattivi (l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 52/94) u l-għajnuna għall-azjendi (l-Artikolu 1(2)) tista’ tingħata biss għal djun ikkonsolidati li ġejjin mit-twettiq tal-investimenti;

c)

din l-għajnuna jista’ jkollha x’taqsam biss ma’ parti (sehem) mill-investiment, jiġifieri ma’ 80 % għall-koperattivi u ma’ 65 % għall-azjendi agrikoli;

d)

l-għajnuna trid tingħata fil-limiti tar-rati awtorizzati b’mod ġenerali mill-Kummissjoni, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ammont ta’ kwalunkwe għajnuna mogħtija meta jkun ittieħed is-self flimkien mal-għajnuna kkonċernata, jiġifieri rata ta’ 35 % (jew ta’ 75 % fiż-żoni żvantaġġati fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 75/268/KEE) għall-investimenti fis-settur agrikolu primarju u ta’ 55 % għall-investimenti fis-settur tal-ipproċessar u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli;

e)

l-għajnuna kkonċernata jista’ jkollha x’taqsam biss ma’ azjendi agrikoli jew koperattivi li jipprovdu garanziji tal-vijabbiltà, b’mod partikulari f’każ li l-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw mis-self eżistenti jkunu tali li jagħmlu ħsara lill-azjendi jew li jwassluhom biex ifallu.

(16)

L-iskema tal-għajnuna, li kienet approvata fid-dawl ta’ dawn it-tibdiliet, baqgħet ma nbidlitx sa ma l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura li dwarha hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE b’rabta mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01.

III.   IL-BIDU TAL-PROĊEDURA SKONT L-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT TAL-KE

(17)

Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura li dwarha hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE b’rabta mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 u mal-għajnuna mħallsa bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-20 ta’ Mejju 2001 (id-data li fiha daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 10/01) skont l-iskema tal-għajnuna li kellha tkun iffinanzjata mill-ġdid bl-allokazzjoni tal-baġit li dwarha kien hemm dispożizzjoni f’dak l-Artikolu, minħabba li kellha dubji dwar kemm l-għajnuna kkonċernata kienet kompatibbli mas-suq komuni, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspetti li ġejjin:

a)

l-allokazzjoni skont l-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 kellha tintuża biex tiffinanzja skema tal-għajnuna għall-konsolidazzjoni tad-djun il-kbar tal-koperattivi u tal-azjendi agrikoli, kif approvata mill-Kummissjoni fl-1996 abbażi ta’ kundizzjonijiet speċjali dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar tal-azjendi li jinsabu f’diffikultà li setgħu jiġu applikati għas-settur agrikolu minflok id-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ gwida tal-Komunità tal-1994 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-azjendi li jinsabu f’diffikultà (9) (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-Linji ta’ gwida tal-1994”), kif ipprovdut b’mod ċar f’dawn tal-aħħar;

b)

il-Linji ta’ gwida tal-1994 inbidlu bil-Linji ta’ gwida tal-Komunità tal-1997 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-azjendi li jinsabu f’diffikultà (10) (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-Linji ta’ gwida tal-1997”), li stipulaw kundizzjonijiet ġodda li japplikaw għas-settur agrikolu. L-iskema kellha tinġieb f’konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda b’effett mill-1 ta’ Jannar 1998, imma l-ebda parti mit-tagħrif disponibbli ma ppermettiet li wieħed jistabbilixxi jekk dan kienx seħħ jew le;

c)

min-naħa tagħhom, il-Linji ta’ gwida tal-1997 inbidlu bil-Linji ta’ gwida tal-Komunità tal-1999 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-azjendi li jinsabu f’diffikultà (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-Linji ta’ gwida tal-1999”). Għal darb’oħra, l-iskema suppost li kellha tinġieb f’konformità magħhom ukoll;

d)

l-ebda parti mit-tagħrif disponibbli ma ppermettiet li wieħed jistabbilixxi jekk l-iskema kkonċernata kenitx inġiebet f’konformità mal-kundizzjonijiet mogħtija fil-Linji ta’ gwida tal-1999 jew le;

e)

f’dan il-kuntest, deher dubjuż kemm l-għajnuna mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-20 ta’ Mejju 2001 (id-data li fiha daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 10/01) u kemm il-mod kif intużat l-allokazzjoni li dwarha kien hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 kienu kompatibbli mas-suq komuni.

IV.   IL-KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET TALJANI

(18)

Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-2 ta’ Lulju 2004, irreġistrata fis-7 ta’ Lulju 2004, ir-Rappreżentanza Permanenti Taljana għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni l-kummenti tal-awtoritajiet Taljani wara li nbdiet il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat b’rabta mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 u mal-għajnuna mħallsa bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-20 ta’ Mejju 2001 (id-data li fiha daħlet fis-seħħ il-Liġi Reġjonali) skont l-iskema tal-għajnuna li kellha tkun iffinanzjata mill-ġdid bl-allokazzjoni tal-baġit li dwarha kien hemm dispożizzjoni f’dak l-Artikolu.

(19)

F’dik l-ittra, l-awtoritajiet Taljani l-ewwel ħabbru li kienet se tiġi rtirata n-notifika tal-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 u li kienet se titnieda l-proċedura biex jitħassar, filwaqt li stqarrew li ma kienu ġew adottati l-ebda miżuri ta’ implimentazzjoni u li ma kienet tħallset l-ebda għajnuna skont dak l-Artikolu.

(20)

L-awtoritajiet Taljani saħqu wkoll li, fl-ittra li biha approvat il-Liġi Nru 52/94, il-Kummissjoni kienet stqarret li l-għajnuna kkonċernata kienet konformi mal-kriterji li kienu japplikaw għaliha u li b’hekk setgħet tibbenefika mill-eżenzjoni skont il-paragrafu 3(c) tal-Artikolu 92 (issal-Artikolu 87) tat-Trattat tal-KE, minħabba li dawn kienu miżuri maħsubin biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ċerti oqsma ekonomiċi, mingħajr ma kienu se jaffettwaw ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ tant li jmorru kontra l-interess komuni, u li ma kenitx irreferiet għal-Linji ta’ gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-azjendi li jinsabu f’diffikultà.

(21)

Fl-opinjoni tagħhom, hekk kif jidher mill-korrispondenza tagħhom ta’ bejn l-1994 u l-1996 mal-Kummissjoni, kien ċar li l-għan tal-Liġi Nru 52/94 kien li jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom l-azjendi agrikoli jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ rati tal-imgħax ferm ogħla mir-rati tas-suq huma u jagħmlu l-investimenti minħabba l-varjazzjonijiet f’kemm jiswew il-flus, u b’hekk jispiċċaw f’diffikultajiet. Barra minn hekk, l-awtorità reġjonali tal-Lazio dejjem żgurat li kienet se tiġi ċċekkjata l-vijabbiltà tal-azjendi li kienu qed jibbenefikaw, b’referenza partikulari mogħtija lill-pjanijiet ta’ rkupru li dawn tal-aħħar kellhom l-obbligu li jibagħtu skont il-Liġi Nru 52/94 u l-emendi tagħha.

(22)

F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Taljani qalu li l-għajnuna skont il-Liġi Nru 52/94 setgħet tibbenefika mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

(23)

Fl-ittra tagħhom tat-2 ta’ Lulju 2004, l-awtoritajiet Taljani staqsew ukoll jekk, f’dan il-każ speċifiku, f’dak li għandu x’jaqsam mas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-azjendi li jinsabu f’diffikultà, kienx se jkun possibbli li l-għajnuna mħallsa bejn l-1998 u l-2000 (11) għas-self li kien hemm fil-5 ta’ Diċembru 1994 tkun koperta mill-punt 2.5 tal-Linji ta’ gwida tal-1997, skont liema punt “il-linji ta’ gwida huma wkoll mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-iskemi tal-għajnuna awtorizzati għal għanijiet oħra u mhux għas-salvataġġ u r-ristrutturar, bħall-iżvilupp reġjonali [u] l-iżvilupp tal-SMEs”, minħabba li l-miżuri li dwarhom hemm dispożizzjoni fil-Liġi Nru 52/94 kienu ġew approvati bħala miżuri maħsubin biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ċerti oqsma ekonomiċi, mingħajr ma kienu se jaffettwaw ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ tant li jmorru kontra l-interess komuni.

(24)

Fl-aħħar nett, bi tweġiba għall-punt 29 tal-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2003 (ara n-nota 1), li fiha l-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jibagħtulha għadd ta’ Deċiżjonijiet tal-Awtorità Reġjonali tal-Lazio u estratti tal-Liġijiet Finanzjarji kollha adottati b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 1998, sabiex tkun tista’ tistabbilixxi l-valur eżatt tal-allokazzjonijiet ippjanati kull sena għall-finanzjament tal-iskema kkonċernata, l-awtoritajiet Taljani spjegaw li:

a)

l-uniku finanzjament stipulat għal-Liġi Nru 52/94 kien dak li dwaru kien hemm dispożizzjoni fil-liġi nnifisha u li kien muri mill-ġdid fil-baġit reġjonali tal-1995 (12);

b)

l-impenji tal-infiq daħlu fis-seħħ biss mill-1996 ‘il quddiem, wara li l-liġi kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni;

c)

wara dan, l-għajnuna lill-impriżi li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Liġi Nru 52/94 kienu ffinanzjati permezz ta’ fondi li kienu saru disponibbli minħabba ffrankar li ġie mit-tnaqqis fir-rati tal-imgħax u l-implimentazzjoni rigoruża tal-liġi, mingħajr ma kien hemm bżonn li wieħed jirrikorri għal approprjazzjonijet oħrajn tal-baġit;

d)

l-għajnuna mir-Reġjun tal-Lazio lill-azjendi agrikoli kellha x’taqsam biss ma’ self mill-banek li kien hemm fil-5 ta’ Diċembru 1994 u li kien marbut mat-twettiq tal-investimenti, dejjem jekk wieħed jiftakar li, fl-1994, bħal fis-snin ta’ qabel, l-Italja kellha waħda mill-ogħla rati tal-imgħax minn fost dawk tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(25)

Fl-ittra li bagħtu lill-Kummissjoni fit-3 ta’ April 2009, l-awtoritajiet Taljani ċċaraw il-fatt li l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna skont l-iskema kienu ntbagħtu qabel l-1 ta’ Jannar 1998.

V.   IL-VALUTAZZJONI

(26)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew pemezz tar-riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

(27)

Il-miżura kkonċernata tissodisfa din id-definizzjoni, sa fejn tiffavorixxi ċerti impriżi (dawk fis-settur agrikolu li għandhom djun kbar) u tista’ taffettwa l-kummerċ, minħabba l-pożizzjoni tal-Italja fis-settur tal-produzzjoni agrikola (per eżempju, fl-2006 l-Italja kienet it-tielet l-ikbar produttur taċ-ċanga u tal-vitella u l-ikbar produttur tat-tadam fl-Unjoni).

(28)

Madanakollu, fil-każijiet li dwarhom hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat tal-KE, b’deroga, it-tali miżuri jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq komuni.

(29)

F’dan il-każ, minħabba t-tip ta’ skema kkonċernata, l-unika deroga li tista’ tkun invokata hi dik stipulata fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE. Skont din, l-għajnuna tista’ titqies li hi kompatibbli mas-suq komuni jekk tkun maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ċerti oqsma ekonomiċi, dejjem jekk din ma taffettwax ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ tant li tmur kontra l-interess komuni.

(30)

Qabel ma teżamina kemm tapplika dik id-deroga, il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li, fl-ittra tagħhom tat-2 ta’ Lulju 2004, wara li nbdiet il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE, l-awtoritajiet Taljani kienu stqarrew li kienet tnediet il-proċedura sabiex jitħassar l-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 u li ma kienet tħallset l-ebda għajnuna skont dak l-Artikolu. Permezz ta’ teleks li jġib id-data tal-20 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jagħtuha provi li l-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 kien tħassar tassew.

(31)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba għal dak it-teleks permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-16 ta’ Lulju 2008, li fiha ngħatat konferma li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 li dwarhom kien hemm it-tilwim u li xorta waħda ma kinux qed jiġu applikati sa minn meta nbdiet il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE, kienu tħassru permezz tal-Artikolu 27(2) tal-Liġi Reġjonali Nru 4 tat-28 ta’ April 2006. Barra minn hekk, fl-ittra tagħhom tat-2 ta’ Lulju 2004, l-awtoritajiet Taljani ħabbru li li kienet se tiġi rtirata n-notifika tal-Artikolu 257 imsemmi hawn fuq.

(32)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni m’għandhiex għalfejn tkompli bl-istħarriġ tagħha dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 257 tal-Liġi Nru 10/01 u tista’ tagħlaq il-proċedura tal-eżami tagħha.

(33)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm tapplika d-deroga skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat b’rabta mal-għajnuna mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2000 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11), il-Kummissjoni tinnota li, fil-kummenti li saru wara li kienet inbdiet il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat u fil-laqgħa ta’ wara, l-awtoritajiet Taljani ċċaraw li din l-għajnuna kienet iffinanzjata b’mod esklużiv mill-ammonti mniżżlin fil-baġit għall-iskema Nru C 43/95 li kienet approvata mill-Kummissjoni (ara l-premessa 24). Mill-ittra tal-awtoritajiet Taljani li ġġib id-data tat-3 ta’ April 2009, wieħed jista’ jifhem ukoll li l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna kienu tressqu qabel l-1 ta’ Jannar 1998 (ara l-premessa 25).

(34)

Minħabba li dawn il-kjarifiki juru li l-ammonti wżati bejn l-1998 u l-2000 kienu diġà koperti minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni u li ma tressqet l-ebda applikazzjoni wara d-data li warajha kwalunkwe applikazzjoni ġdida kellha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-azjendi li jinsabu f’diffikultà (ara l-premessa 17), il-Kummissjoni m’għadx għandha għalfejn tieħu deċiżjoni ġdida, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dwar kemm tapplika d-deroga skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat għall-għajnuna mogħtija bejn l-1998 u l-2000, li, fil-prattika, hija tkomplija tal-finanzjament li jirriżulta mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna mressqa qabel l-1 ta’ Jannar 1998 u li kienu konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-premessa 15 u kienu diġà approvati mill-Kummissjoni (ara l-premessa 14). B’hekk, il-proċedura li nbdiet b’rabta mal-għajnuna mogħtija bejn l-1998 u l-2000 wkoll tista’ tingħalaq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat, li nbdiet permezz tal-ittra li ġġib id-data tal-11 ta’ Diċembru 2003 (13), b’rabta mal-iskema msemmija hawn fuq, b’dan qed tingħalaq minħabba li m’għadhiex tgħodd, minħabba li l-Italja rtirat in-notifika fit-2 ta’ Lulju 2004 u ma komplietx għaddejja bl-għajnuna proposta.

Artikolu 2

B’dan qed tingħalaq il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE, li nbdiet b’rabta mal-għajnuna mogħtija mill-Italja (mir-reġjun tal-Lazio) bejn l-1998 u l-2000 skont l-iskema msejsa fuq id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 52/94, kif emendata bil-Liġi Nru 13/96 u li m’għadhiex tgħodd.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  L-ittra SG (2003) D/233340.

(2)  ĠU C 15, 21.1.2004, p. 28.

(3)  Il-Każ Nru C 43/95 (li qabel kien NN 73/94) (ĠU C 327, 7.12.1995, p. 9).

(4)  ĠU L 128, 19.5.1975, p. 1.

(5)  ĠU L 91, 6.4.1990, p. 1.

(6)  ĠU L 163, 29.6.1990, p. 71.

(7)  ĠU L 222, 20.9.1995. p. 19.

(8)  L-ittra SG (96) D/3465 tad-29 ta’ Marzu 1996.

(9)  ĠU C 368, 23.12.1994, p. 12.

(10)  ĠU C 283, 19.9.1997, p. 2.

(11)  L-awtoritajiet Taljani għamlu referenza għas-sena 2000 u mhux għas-sena 2001, minħabba li wara s-sena 2000 ma ngħatat l-ebda għajnuna.

(12)  Dan kien ċifra ta’ ITL 4 000 000 000 (EUR 2 061 856). Bejn l-1998 u l-2000 il-valur totali tal-għajnuna mogħtija kienet ta’ ITL 1 400 000 000 (EUR 721 650).

(13)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2.