25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/232


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta' Mejju 2010

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2008

(2010/556/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Kulleġġ (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 (5827/2010 – C7-0061/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 319 tat-Trattat FUE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni 2005/681/JHA tal-Kunsill tal-20 ta' Settembru 2005 li twaqqaf il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) (3), u b'mod partikulari l-Artikolu 16 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4) u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0075/2010),

1.

Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lid-Direttur tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ għas-sena finanzjarja 2008;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lid-Direttur tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u sabiex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 304, 15.12.2009, p. 124.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.



25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/233


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta’ Mejju 2010

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2008

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Kulleġġ (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2010 (5827/2010 – C7-0061/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 319 tat-Trattat FUE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni 2005/681/JHA tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2005 li twaqqaf il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) (3), u b’mod partikulari l-Artikolu 16 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7–0075/2010),

A.

billi l-Kulleġġ twaqqaf fl-2001 u mill-1 ta’ Jannar 2006 huwa sar entità komunitarja fit-tifsira tal-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju li għalih japplika r-Regolament Finanzjarju ta’ Qafas għall-entitajiet,

B.

billi fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ għas-sena finanzjarja 2006, il-Qorti tal-Awdituri (minn hawn ’il quddiem “il-Qorti”) esprimiet riżervi fl-opinjoni tagħha dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi minħabba li l-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti ma kenux konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju,

C.

billi fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ għas-sena finanzjarja 2007, il-Qorti tal-Awdituri esprimiet riżervi fl-opinjoni tagħha dwar l-affidabilità tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi,

D.

billi fit-23 ta’ April 2009 il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ għas-sena finanzjarja 2007 (5), u billi fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza l-Parlament, b’mod partikulari:

esprima tħassib kbir għall-fatt li l-Qorti tal-Awdituri kienet sabet każijiet fejn l-approprjazzjonijiet kienu ntużaw biex jiffinanzjaw infiq privat ta’ membri tal-istaff tal-Kulleġġ,

stieden lill-Kulleġġ biex jadotta regoli dettaljati għall-implimentazzjoni, speċjalment sabiex tkun garantita t-trasparenza tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti b’konformità mar-Regolament Finanzjarju,

stieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ,

innota li l-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjoni interna dwar il-Kulleġġ,

E.

billi fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ għas-sena finanzjarja 2008, il-Qorti tal-Awdituri sostniet l-opinjoni tagħha, mingħajr ma esprimiet riżervi, dwar l-affidabilità tal-kontijiet u esprimiet opinjoni bir-riżervi dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi,

1.

iqis li, b’mod ġenerali, it-tweġibiet tal-Kulleġġ għar-rimarki tal-Qorti tal-Awdituri reġgħu kienu insuffiċjenti u r-riżoluzzjonijiet tiegħu huma wisq ġeneriċi u bl-addoċċ u li, għalhekk, l-awtorità tal-kwittanza mhijiex f’pożizzjoni li tevalwa sewwa jekk il-Kulleġġ huwiex fil-fatt kapaċi jitjieb fil-ġejjieni;

Problemi strutturali tal-Kulleġġ

2.

Iqis li d-daqs żgħir tal-Kulleġġ jitfa ’ dubju fuq il-kapaċità tiegħu li jimmaniġġja effettivament il-kumplessitajiet tar-regolamenti finanzjarji u l-istaff tal-UE;

3.

Jinnota li fejn qiegħed is-segretarjat tal-Kulleġġ qiegħed, fi Bramshill, madwar 70 kilometru bogħod minn Londra, huwa ta’ żvantaġġ, fost affarijiet oħra f’termini ta’ reklutaġġ u ta’ kollegamenti ta’ trasport pubbliku;

4.

jistaqsi kif id-direttur il-ġdid tal-Kulleġġ se jkun kapaċi jlaħħaq ma’ dawn il-problemi strutturali;

5.

jistaqsi jekk għandhiex tiġi kkunsidrata konnessjoni mal-Europol;

It-tmexxija tal-Kulleġġ u t-trasparenza

6.

iqis bħala sinifikanti n-nefqa fissa għat-tmexxija tal-Kulleġġ, fejn il-bord tad-diretturi huwa kompost minn 27 membru, imma jimpjega biss 24 membru tal-istaff (iċ-ċifri tal-bidu tas-sena finanzjarja 2008);

7.

Jinnota li l-Kulleġġ ma jippubblikax informazzjoni dwar il-bordijiet tat-tmexxija tiegħu fuq il-websajt tiegħu; għalhekk jirrakkomanda, sabiex tiżdied it-trasparenza, li lista ta’ membri tal-bord titqiegħed fuq il-websajt tal-Kulleġġ, bid-dettalji sħaħ ta’ kuntatt għall-membri kollha tal-bord;

L-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Jesprimi tħassib serju għall-fatt li l-aġġustamenti għall-perjodu kopert mis-sistema ta’ kontabilità manwali implimentata matul l-intervall bejn it-tmiem tas-sistema ta’ kontabilità l-antika (23 ta’ Mejju 2008) u s-sistema l-ġdida tal-ABAC (14 ta’ Lulju 2008) mhux kollha saru fil-ħin u l-kwalità tal-informazzjoni finanzjarja rigward ir-rapporti dwar l-approprjazzjonijiet tas-sena finanzjarja ta’ qabel, l-użu tad-dħul assenjat, u r-rabta ma’ ċerti ammonti tal-karta tal-bilanċ għas-sena finanzjarja 2007 ma kenux ċari;

9.

Huwa mħasseb li minħabba l-koeżistenza fl-2008 ta’ żewġ sistemi ta’ ġestjoni tal-assi kapitali, il-Kulleġġ kultant irreġistra l-assi tiegħu darbtejn u ma ngħataw l-ebda tikketta jew numru uniku tal-inventarju;

10.

Jiddispjaċih li, kif tirrimarka l-Qorti tal-Awdituri fil-kummenti tagħha, ma tnediex kontroll ex post minn kumpanija esterna l-anqas f’nofs l-2009 (wara li fir-rapport tas-sena finanzjarja 2007 l-Qorti kienet sabet li kien hemm każijiet ta’ approprjazzjonijiet li ntużaw biex jiffinanzjaw infiq privat); jistieden lill-Kulleġġ biex jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiżgura li kontroll bħal dan jitwettaq malajr kemm jista’ jkun ħalli dan in-nuqqas ma jerġax jidher fir-rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ għall-2009;

Punti ta’ dgħufija fil-proċeduri tal-akkwist

11.

Jinnota l-irregolaritajiet fil-proċedura li ntużat għal kuntratt pubbliku ma’ fornitur li jiswa l-ekwivalenti ta’ madwar 2 % tal-ispiża operattiva; jinnota, b’mod partikulari, li l-kuntratt ma’ fornitur kien ibbażat fuq tip ta’ kuntratt ta’ qafas intiż għall-użu esklussiv f’kuntratti għat-taħriġ; jinnota, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali jippermettu lill-Kulleġġ li jġedded jew jestendi l-kuntratt mingħajr limitazzjoni;

12.

Jenfasizza, bħal fis-snin ta’ qabel, il-ħtieġa li l-Kulleġġ jikkonforma strettament mar-Regolament Finanzjarju u mal-leġiżlazzjoni tal-KE rigward l-akkwist pubbliku u li jtejjeb l-immaniġġjar finanzjarju tiegħu;

Il-ksur tar-regoli applikabbli għall-infiq fl-organizzazzjoni tal-korsijiet

13.

Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet inċidenza għolja ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli amministrattivi u finanzjarji applikabbli għall-infiq għall-organizzazzjoni ta’ korsijiet u seminars, li jirrappreżentaw sehem sinifikanti (64 %) tal-ispejjeż operattivi tal-Kulleġġ; jinnota li l-irregolaritajiet ewlenin ikkonċernaw: in-nuqqas li jiġu sottomessi dokumenti ta’ appoġġ fir-rigward tal-ispejjeż li saru, in-nuqqas tal-provvediment ta’ konferma ta’ attendenza u ta’ fatturi oriġinali u d-dokumenti neċessarji għar-rimborż tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, u n-nuqqas ta’ verifiki tal-ispejjeż għall-ivvjaġġar tal-esperti; iqis li r-risposti tal-Kulleġġ għar-rimarki tal-Qorti tal-Awdituri u l-mistoqsijiet tar-rapporteur fuq din il-kwistjoni huma vagi żżejjed u għalhekk mhux aċċettabbli għall-awtorità tal-kwittanza; jitlob lill-Kulleġġ biex jieħu passi biex itejjeb is-sitwazzjoni;

Trasferiment ta’ approprjazzjonijiet

14.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tirrimarka li iktar minn EUR 2 700 000 (ammont li jirrappreżenta 31 % tal-baġit totali tal-Kulleġġ) kellhom jiġu trasferiti; konsegwentament huwa mħasseb li din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ annwalità u turi nuqqasijiet fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-baġit tal-Kulleġġ;

15.

Jitlob lill-Kulleġġ biex jintroduċi sistema ta’ approprjazzjonijiet differenzjati fil-baġits tal-ġejjieni għas-sussidji, sabiex ikun evitat il-bżonn ta’ kanċellazzjonijiet;

Irregolaritajiet oħra

16.

Josserva li l-Qorti tal-Awdituri enfasizzat in-nuqqas ta’:

impenn legali fi tliet każijiet, b’valur totali ta’ EUR 39 500,

impenn baġitarju li jippreċedi l-impenn legali f’disa ’ każijiet, b’valur totali ta’ EUR 244 200;

u jitlob, għalhekk, lill-Kulleġġ biex jimpenja ruħu biex tittejjeb din is-sitwazzjoni u mbagħad jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-passi li jkun ħa;

17.

Jinnota li fis-snin li ġejjin il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ għandha tiġi bbażata aktar fuq il-prestazzjoni tal-Kulleġġ matul is-sena;

Inkjesta attwali tal-OLAF

18.

Jinnota li, fl-2008, l-OLAF fetaħ investigazzjoni interna li tikkonċerna l-Kulleġġ, wara li l-Qorti tal-Awdituri u s-Servizz ta’ Verifika Interna (IAS) stabilixxew li l-membri tal-persunal tal-Kulleġġ użaw flus pubbliċi għal skopijiet privati; jinnota li l-informazzjoni pprovduta mill-Kulleġġ fuq talba tal-Parlament fl-2009 kkonċernat l-użu tal-mowbajls, il-provvista ta’ għamara għall-akkomodazzjoni tal-persunal u servizzi ta’ trasport mingħajr ħlas għall-membri tal-persunal lejn ajruporti u stazzjonijiet tal-ferrovija; jinnota li skont il-Kulleġġ, l-ammonti involuti u s-sitwazzjoni rigward l-irkupru ta’ dawn l-ammonti kienu kif ġej:

l-użu tal-mowbajls mill-membri tal-persunal: 3 405 lira sterlina għall-perjodu bejn April – Diċembru 2007; l-ispejjeż kollha rkuprati;

l-użu tal-karozzi tal-pool mill-membri tal-persunal: 1 157 lira sterlina għall-perjodu bejn Lulju – Diċembru 2007; l-ispejjeż kollha rkuprati; il-karozzi nbiegħu minn dak iż-żmien ’l hawn;

għamara: 6 625 lira sterlina għall-għamara mixtrija fl-2007; l-għamara nbiegħet minn dak iż-żmien ’l hawn;

servizzi tat-trasport b’xejn lejn l-ajruporti u l-istazzjonijiet tal-ferrovija għall-persunal: spejjeż stabbiliti fl-ammont ta’ 9 508 lira sterlina għall-2007; il-proċess ta’ rkupru nbeda;

19.

Jistieden lill-Kulleġġ u lill-Kummissjoni biex jikkomunika is-sejbiet tal-investigazzjoni tal-OLAF lill-awtorità tal-kwittanza mingħajr dewmien;

Riżorsi umani

20.

Huwa mħasseb li, sa issa, kien impjegat persunal temporanju għax-xogħol finanzjarju; jinnota li l-Kulleġġ stenna sal-2009 qabel ħareġ avviż ta’ impjieg għar-reklutaġġ ta’ Koordinatur għall-Kontroll tal-Istandards Interni u li l-intervisti għal dak l-impjieg kienu ppjanati għall-bidu tal-2010;

Verifika interna

21.

Jirrikonoxxi li, fir-rapport ta’ verifika tiegħu, l-IAS elenka 13-il rakkomandazzjoni (2 minnhom kritiċi u 9 importanti ħafna); jinnota li dawn huma marbutin l-aktar ma ’: konformità mar-regolament finanzjarju dwar l-akkwist pubbliku; assigurazzjoni tal-ġestjoni; assi fissi (sistema ta’ inventarju); ġestjoni tad-delegazzjonijiet (id-delegazzjonijiet iridu jkunu ddokumentati bis-sħiħ u eżaminati mill-ġdid regolarment); ġestjoni baġitarja; konformità mar-regoli u l-prinċipji tal-kontabilità; u l-lista ta’ kontroll li tiżgura konsistenza u dokumentazzjoni tal-kontrolli finanzjarji;

Pjan ta’ Azzjoni adottat mill-Bord tat-Tmexxija u li għandu jiġi implimentat mid-Direttur tal-Kulleġġ sat-30 ta’ Ġunju 2010

22.

Jistenna, bħala l-ewwel pass, li l-Bord tat-Tmexxija jadotta malajr pjan ta’ azzjoni għat-temma tal-għanijiet stabbiliti fl-anness għal din ir-riżoluzzjoni; jitlob lid-Direttur tal-Kulleġġ, b’koperazzjoni mal-IAS u d-direttorat ġenerali (DĠ) responsabbli minnu, biex imbagħad ifassal abbozz ta’ miżuri speċifiċi u skeda għall-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan u jressaqhom quddiem il-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni; jitlob għalhekk lill-IAS u l-DĠ responsabbli sabiex jipprovdi l-għajnuna kollha meħtieġa għall-identifikazzjoni ta’ indikaturi li jippermettu li jitkejjel f’intervalli regolari l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda mill-Kulleġġ; jistenna li l-Kulleġġ jikkomunika l-miżuri u l-indikaturi speċifiċi adottati lill-awtorità tal-kwittanza sat-30 ta’ Ġunju 2010;

23.

Jistieden lill-Qorti biex malajr kemm jista’ jkun tippreżenta opinjoni dwar l-istabbiliment tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kulleġġ permezz ta’ ittra lill-awtorità ta’ kwittanza;

24.

Jirreferi, għal osservazzjonijiet oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 (6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 304, 15.12.2009, p. 124.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 255, 26.9.2009, p. 157.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2010)0139 (Ara paġna 241 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

Pjan ta' Azzjoni adottat mill-Bord tat-Tmexxija u li għandu jiġi implimentat mid-Direttur tal-Kulleġġ għat-30 ta' Ġunju 2010

L-IPPJANAR BAĠITARJU

1.   Objettiv:

It-titjib futur tal-ippjanar u l-monitoraġġ tal-baġit u tat-tħaddim tal-kulleġġ.

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

It-twaqqif mid-direttur ta' pjan plurijennali li jkopri, għall-perjodu tal-mandat tiegħu, l-oqsma li ġejjin:

il-miżuri previsti (riżultati u impatt);

ir-rekwiżiti finanzjarji u t-tbassir baġitarju annwali korrispondenti;

ir-riżorsi umani meħtieġa biex jimplimentaw il-miżuri previsti;

ir-riżorsi materjal li jridu jiġu implimentati sabiex jassiguraw il-miżuri previsti;

SISTEMI TA' MONITORAĠĠ INTERN

2.   Objettiv:

It-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-attivitajiet tal-Kulleġġ, inklużi dawk il-programmi ffinanzjati minn dħul assenjat (AGIS, ISCE u MEDA).

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

Reviżjoni tas-sistema ta' ġestjoni finanzjarja (modifika ta' ċirkuwiti finanzjarji eżistenti) b'mod iktar armonizzat u effikaċi għall-attivitajiet varji tal-Kulleġġ. Dan l-adattament għandu wkoll l-għan li jipprovdi informazzjoni finanzjarja aħjar mill-maniġers individwali tal-programmi.

3.   Objettiv:

B'konformità mal-Artikolu 43 tar-regolament finanzjarju ta' qafas, għandhom jiġu vvalidati formalment il-proċeduri finanzjarji u s-sistema l-ġdida ta' kontabilità.

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

L-uffiċjal u d-delegati tiegħu għandhom jiddokumentaw formalment is-sistemi li huma waqqfu sabiex jipprovdu l-informazzjoni finanzjarja meħtieġa: l-accountant għandu jikkonferma dawn id-deskrizzjonijiet ta' sistemi sabiex jiżgura l-kwalità tal-informazzjoni finanzjarja provduta lilu għat-tħejjija tal-kontijiet annwali.

4.   Objettiv:

It-titjib tal-monitoraġġ tal-ispejjeż (il-punt 14 tar-rapport annwali speċifiku tal-Qorti tal-Awdituri rigward is-sena finanzjarja 2008).

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

L-adozzjoni formali u l-implimentazzjoni tal-proċeduri u/jew listi ta' kontroll effettivi biex ikun żgurat li t-talbiet ta' ħlas ippreżentati mill-entitajiet li jwettqu korsijiet f'isem il-Kulleġġ jikkonformaw mar-regoli amministrattivi u finanzjarji applikabbli.

L-ISTAFF

5.   Objettiv:

Li jimlew il-postijiet vakanti sabiex jinkiseb livell “normali” ta' postijiet vakanti (eż. 5 %).

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet annwali għar-reklutaġġ matul is-snin koperti mill-pjan plurijennali msemmi fil-punt 1.

L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' linji ta' gwida rigward ir-reklutaġġ.

6.   Objettiv:

It-tisħiħ tad-dipartiment tar-riżorsi umani.

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

Għandhom jiġu okkupati, sal-aħħar tas-sena, il-pożizzjonijiet kollha li bħalissa huma vakanti (jew okkupati mill-istaff tal-aġenziji) minn aġenti temporanji.

AKKWISTI PUBBLIĊI

7.   Objettiv:

It-titjib fil-monitoraġġ tal-akkwist pubbliku.

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' manwal ta' proċeduri għall-akkwist pubbliku u listi ta' kontroll biex jiżguraw l-għażla ta' proċeduri xierqa u l-implimentazzjoni xierqa tagħhom.

L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjan annwali tal-“akkwist ta' oġġetti u servizzi”

ĦWEJJEĠ OĦRA

8.   Objettiv:

L-għeluq finali tal-kwistjoni tal-approprjazzjonijiet użati biex jiffinanzjaw l-infiq privat.

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

Il-provvista ta' rapport finali ta' awditur estern li jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

il-kwantità totali ta' approprjazzjonijiet użati bex jiffinanzjaw l-infiq privat;

ammonti li fil-fatt ġew irkuprati s'issa;

għal ammonti pendenti, il-probabbiltà ta' rkupru u l-iskeda ta' dan l-irkupru.