4.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 146/18


OPINJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm ta’ konverġenza aġġornat tar-Renju Unit, 2009/2010-2014/2015

2010/C 146/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

(1)

Fis-26 ta' April 2010 il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza aġġornat tar-Renju Unit, li jkopri l-perijodu mill-2009/2010 sal-2014/2015.

(2)

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet wara l-2007 wara diversi snin ta' tkabbir qawwi, rat il-produzzjoni ekonomika tar-Renju Unit tonqos b'mod kumulattiv b'madwar 6 %, b'irkupru żgħir li beda jidher fl-aħħar kwart tal-2009. Il-kriżi kienet preċeduta u aggravata parzjalment minn perijodu ta' żidiet progressivi fl-ingranaġġ tas-settur tad-djar u dak finanzjarju, b'tali mod li d-dipendenza fuq l-influssi kapitali netti kienet kbira u persistenti. Bi tweġiba għall-kriżi li qed tiżvolġi, il-Bank tal-Ingilterra rreaġixxa bi programm aggressiv ta' tnaqqis tar-rati tal-imgħax, appoġġ għal-likwidità għas-settur bankarju u minn Marzu tal-2009, tnaqqis kwantitattiv. Il-gvern intervjena wkoll b'mod estensiv biex jistabbilizza s-sistema finanzjarja, permezz ta' injezzjonijiet kbar ta' ekwità, garanziji ta' depożitu u l-provvista ta' assigurazzjoni ta' responsabbilità. F'konformità mal-PERE, il-gvern implimenta stimolu fiskali mdaqqas, li flimkien mat-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi u l-effetti fuq id-dħul tat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-assi kkontribwew għal deterjorament kbir fil-finanzi pubbliċi. Id-dgħajfien tas-sostennibbilità tal-finanzi pubbliċi tar-Renju Unit ġie aggravat mill-fatt li l-bilanċ primarju kien diġà jinsab fi żbilanċ strutturali sostanzjali fil-perijodu li wassal għall-kriżi, li wassal biex l-iżbilanċ ta’ bażi tal-gvern ġenerali jaqbeż sew il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG hekk kif żvolġiet il-kriżi. Minħabba f'dan, ir-Renju Unit ġie soġġett għal proċedura ta' żbilanċ eċċessiv fit-8 ta' Lulju 2008, u fit-2 ta' Diċembru 2009 il-Kunsill ħareġ l-aħħar rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jikkoreġi l-iżbilanċ sal-2014/2015. L-isfidi ewlenin għall-ekonomija tar-Renju Unit matul is-snin li ġejjin huma li l-finanzi pubbliċi jiġu stabbilizzati fil-kuntest tal-isforzi li għaddejjin min-naħa tas-settur tad-djar biex jitnaqqas l-ingranaġġ pendenti; biex jintlaħqu livelli adegwati ta' għoti ta' kreditu minn sistema finanzjarja li għadha fraġli b'bosta fornituri ta' kreditu li naqqsu l-kapaċità ta' self tagħhom; u biex tiġi enfasizzata mixja ta' produzzjoni lejn prodott iktar negozjabbli sabiex il-bilanċ estern jittejjeb b'mod permanenti.

(3)

Minkejja li ħafna mit-tnaqqis osservat fil-PDG reali fil-kuntest tal-kriżi huwa ċikliku, il-livell tal-produzzjoni potenzjali wkoll ġie affettwat b'mod negattiv. Barra minn hekk, il-kriżi tista' wkoll taffettwa t-tkabbir potenzjali fil-perijodu medju permezz ta' investiment iktar baxx u tnaqqis fid-dispoibbiltà tal-kreditu. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika jaggrava l-effetti negattivi tat-tixjiħ demografiku fuq il-produzzjoni potenzjali u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Fuq dan l-isfond ser ikun essenzjali li jiġi mgħaġġel il-pass tar-riformi strutturali bl-għan li t-tkabbir potenzjali jiġi appoġġat. B'mod partikolari, huwa importanti għar-Renju Unit li jimpenja ruħu b'riformi li jtejbu l-livelli tal-ħiliet u jżidu l-produttività.

(4)

Il-programm fih żewġ xenarji makroekonomiċi: xenarju ċentrali u xenarju alternattiv aktar kawt ibbażat fuq tendenza ta’ tkabbir ta’ kwart ta’ punt perċentwali inqas mill-perspettiva ċentrali. Il-previżjonijiet tal-finanzi pubbliċi huma bbażati fuq ix-xenarju alternattiv, li jitqies bħala x-xenarju ta’ referenza fl-evalwazzjoni tal-programm aġġornat. Dan ix-xenarju jipprevedi tkabbir tal-PDG sa 2 % fl-2010/2011 u sa 3,25 % fis-sena bejn l-2011/2012 u l-2014/2015. Madankollu, b'riżultat tad-data reċenti issa anke dan ix-xenarju iktar kawt, iffinalizzat fil-bidu ta' Diċembru 2009, jidher li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta' tkabbir favorevoli, notevolment għas-snin 2010/2011 u 2011/2012 (2). Il-previżjonijiet għall-inflazzjoni jidhru realistiċi. Il-programm ma jinkludix previżjonijiet espliċiti tar-rata tal-kambju, u jassumi kontribut pożittiv għat-tkabbir tal-PDG mill-kummerċ nett, iċ-ċiklu tal-istokks u – mill-2011 'il quddiem – id-domanda domestika b'mod partikolari investiment fiss u l-infiq fid-djar. Dawn il-previżjonijiet huma plawsibbli b'mod wiesa'. Il-kontribut nett tal-kummerċ huwa konformi mal-previżjonijiet tal-Kummissjoni għalkemm il-kontribut nett negattiv tal-kummerċ fit-tieni nofs tal-2009 għandu impatt negattiv fuq dawn il-previżjonijiet. It-tnaqqis potenzjali fit-tkabbir tad-dħul disponibbli dovut inter alia għal irkupru insuffiċjenti tas-suq tax-xogħol u żieda oħra fil-proporzjon tat-tfaddil fid-djar tikkostitwixxi żewġ riskji negattivi għall-infiq fid-djar.

(5)

Il-programm jistima l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali fl-2009/10 bħala 12,7 % tal-PDG. Id-deterjorament sinifikanti minn żbilanċ ta' 6,8 % tal-PDG fl-2008/09 jirrifletti fil-biċċa l-kbira l-impatt tal-kriżi fuq il-finanzi tal-gvern. It-tnaqqis fil-proporzjon tad-dħul tal-gvern u ż-żieda fil-proporzjon tal-infiq fl-2009/2010, aġġustat għall-effett tad-denominatur minn tnaqqis f'salt fil-PDG nominali, huwa stmat li kkontribwixxa madwar 45 % u 55 % rispettivament għad-deterjorament fl-iżbilanċ tal-gvern. L-impatt tat-tnaqqis fl-attività ekonomika fuq il-finanzi pubbliċi ġie aggravat minħabba t-tgħaqqid tar-reċessjoni mat-tnaqqis sever fis-suq finanzjarju u dak tad-djar, li kull wieħed minnhom kien s'issa sors ewlieni ta' dħul. Barra minn hekk, madwar kwart taż-żieda fl-iżbilanċ fl-2009/2010 rriżulta mill-miżuri ta' stimolu li ammonta għal 1½ % tal-PDG li l-gvern adotta f'konformità mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku (PERE), flimkien mad-deċiżjoni li l-istabbilizzaturi awtomatiċi jitħallew joperaw bis-sħiħ b'appoġġ għall-ekonomija. Madankollu, id-deterjorament rapidu fil-finanzi pubbliċi affettwa b'mod sever l-ambitu tar-Renju Unit biex jimplimenta politika fiskali inqas stretta waqt li jżomm sostenibbiltà baġitarja u jappella għal titjib rapidu fil-qagħda baġitarja. F'konformità mal-istrateġija ta' ħruġ issuġġerita mill-Kunsill, u bil-ħsieb tal-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv sal-2014/2015 u t-treġġigħ lura għal qagħda finanzjarja pubblika sostenibbli, jeħtieġ jiġi implimentat aktar issikkar fiskali. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' konsolidazzjoni stipulati fil-programm ser jgħinu fl-appoġġ għas-sostenibbiltà fil-perijodu medju u għat-titjib tal-qagħda fiskali.

(6)

L-aġġornament jipprevedi tnaqqis sena wara l-oħra fil-proporzjon tal-iżbilanċ tal-gvern ġenerali b'0,6 punt perċentwali, għal 12,1 % tal-PDG. It-titjib modest fl-iżbilanċ tal-gvern jirrifletti b'mod sħiħ żieda ppjanata fid-dħul tal-gvern b'6,5 % f'termini nominali, li madwar terz minnhom hija dovuta għal żieda fir-rata tal-VAT għal-livell ta' qabel l-istimolu implimentat f'Jannar 2010. Min-naħa l-oħra, l-infiq tal-gvern huwa previst li jkompli jikber b'ritmu għoli għalkemm iktar bil-mod: b'madwar 4,5 % f'termini nominali u 2,25 % f'termini reali matul is-sena preċedenti u li jħallu l-proporzjon tal-infiq vis-a-vis l-PDG l-istess bħas-sena ta' qabel. Kumplessivament, il-miżuri diskrezzjonarji li ser jidħlu fis-seħħ fl-2010/2011, inklużi dawk imħabbra fir-Rapport ta' qabel il-Baġit ta' Novembru 2008 u fil-Baġit ta' April 2009, ser inaqqsu l-iżbilanċ tal-gvern b'madwar 1,0 % tal-PDG. Il-bilanċ strutturali, jiġifieri, il-bilanċ nett aġġustat ċiklikament b'miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji, fl-2010/2011 huwa smat li ser jitjieb anke b'inqas, bi 0,25 % tal-PDG. It-titjib stmat fl-iżbilanċ strutturali tal-baġit huwa sinifikament inqas mill-effett nett tal-miżuri diskrezzjonarji msemmija hawn fuq, li jirriflettu l-effetti kontinwi ta' kompożizzjoni li jnaqqsu l-elastiċità kumplessiva tad-dħul.

(7)

Għalkemm il-programm ma jistipolax pjanijiet għall-konsolidazzjoni fiskali mill-2010/2011 'il quddiem, l-aġġornament ma jippreżentax objettiv għall-perijodu medju li jwassal il-finanzi pubbliċi fi triq sostenibbli (3). Dan mhuwiex f'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-istrateġija fiskali tal-programm għall-perijodu medju hija sinifikament inqas ambizzjuża minn dik irrakkomandata mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) fit-2 ta' Diċembru 2009 u mhux f'konformità mar-rakkomandazzjoni biex jitnaqqas l-iżbilanċ għal inqas minn 3 % tal-PDG sal-2014/2015.

B'mod partikolari, l-iżbilanċ tal-gvern fl-2014/2015 – l-iskadenza ffissata fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għar-Renju Unit biex iniżżel l-iżbilanċ għal inqas minn 3 % tal-PDG - huwa previst fil-programm għal 4,7 % tal-PDG. It-titjib medju annwali fl-iżbilanċ strutturali, kif ikkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija bi qbil komuni, bejn l-2010/2011 u l-2014/2015 huwa stmat li ser ikun biss ta' 1,0 % tal-PDG, 0,75 p.p. inqas minn dak irrakkomandat mill-Kunsill f'Diċembru 2009. Madwar 60 % tat-tnaqqis tas-7,5 p.p. fil-proporzjon tal-iżbilanċ tal-gvern bejn l-2011/2012 u l-2014/2015 huwa dovut għall-issikkar ippjanat fit-tkabbir tal-infiq. L-infiq primarju tal-gvern matul dawn is-snin huwa ppjanat li jiżdied b'medja annwali ta' madwar 1,5 %, li timplika tnaqqis f'termini reali ta' medja annwali ta' madwar 0,75 %. Kważi kwart mit-tnaqqis fil-proporzjon tal-infiq bejn l-2011/2012 u l-2014/2015 huwa dovut għal tnaqqis fl-infiq tal-investiment. Il-miżuri diskrezzjonarji li jżidu d-dħul, inkluża rata massima addizzjonali ta' taxxa tad-dħul f'April 2010 u minn April 2010, żieda ppjanata fir-rati tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jammontaw għal madwar 10 % mit-tnaqqis previst fl-iżbilanċ tal-baġit mill-2001/2012 'il quddiem, filwaqt li madwar 30 % tat-titjib fl-iżbilanċ ewlieni huwa dovut għall-irkupru ċikliku previst fil-programm. Il-baġit għall-2010, li kien ippreżentat fl-24 ta' Marzu 2010, jistima li fl-2009/2010 kien hemm żbilanċ ta' 0,5 % inqas milli previst fil-programm, bir-riżultat aħjar milli mistenni jikkontribwixxi għal inqas żbilanċ fis-snin sussegwenti. Il-baġit ħabbar miżuri ta' ssikkar fiskali ġodda li jammontaw għal 0,1 % tal-PDG matul il-perijodu kollu tal-programm u l-iżbilanċ fl-2014/2015 huwa previst li jkun 4,2 % tal-PDG.

(8)

Ir-riżultati baġitarji jistgħu jkunu agħar minn dawk previsti fil-programm tul il-perijodu kollu. Il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009 tipprevedi tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef fl-2010/2011 u fl-2011/2012, filwaqt li skont il-valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni, it-tkabbir ekonomiku annwali tar-Renju Unit bejn l-2012/2013 u l-2014/2015 x'aktarx li ma jilħaqx it-3,25 % fis-sena, kif huwa previst fil-programm. Il-kuntest makroekonomiku favorevoli ħafna previst fil-programm iġib miegħu riskji għall-previżjonijiet fiskali fil-programm.

Tkabbir ekonomiku inqas milli mistenni mill-2011/2012 'il quddiem jista' jwassal għal qabża tal-iżbilanċ tal-gvern previst fil-programm. Filwaqt li l-programm ta' konsolidazzjoni tal-gvern għall-perijodu medju huwa xprunat l-aktar mis-suppożizzjoni ta' restrizzjoni konsiderevoli u bla preċedent fl-infiq primarju, għas-snin bejn l-2011/2012 u l-2014/2015, din is-suppożizzjoni għadha mhix mirfuda mill-pjanijiet ddettaljati għall-infiq dipartimentali (li bħalissa jestendu biss sal-aħħar tas-sena finanzjarja 2010/2011). L-assenza ta' limiti ddettaljati għall-infiq dipartimentali bħala appoġġ għas-suppożizzjonijiet tal-programm fuq l-infiq aggregat tirrappreżenta sors ieħor ta' inċertezza dwar il-pjan fiskali għall-perijodu medju tal-programm. It-tnaqqis f'daqqa fit-tkabbir fl-infiq għall-perijodu medju li huwa fil-mira fl-aġġornament jimplika sfidi ta' effiċjenza konsiderevoli kif ukoll prijoritizzazzjoni mill-ġdid estensiva għas-settur pubbliku. B'mod ġenerali, hemm sfidi konsiderevoli ta' implimentazzjoni marbuta mal-grad bla preċedenti s'issa ta' restrizzjoni fl-infiq ippjanat li jeħtieġ li jkun sostnut fuq perijodu ta' żmien twil. Ir-Renju Unit impenja ruħu wkoll b'responsabbiltajiet ta' kontinġenza sostanzjali b'riżultat tal-interventi tiegħu fis-settur finanzjarju. Taħt l-Iskema ta' Protezzjoni tal-Assi, il-gvern qabel li jassigura l-assi tas-settur bankarju li jammontaw għal kważi 20 % tal-PDG. Filwaqt li l-limitu sa fejn is-self u l-investimenti assigurati huma f'riskju ta' inadempjament huwa soġġett għal livell għoli ta' inċertezza, l-iskema tista' tirriżulta fi spiża netta għall-gvern, jekk l-ispejjeż tal-appoġġ tal-gvern ma ġewx kompletament irkuprati fil-futur. Għalhekk, dan seta' jnaqqas il-pass tal-konsolidazzjoni fiskali.

(9)

Id-dejn gross tal-gvern huwa stmat madwar 73 % tal-PDG fl-2009/2010, 'il fuq mill-55,5 % tas-sena preċedenti. Madwar sittin fil-mija taż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2009/10 jirriflettu l-iżbilanċ primarju għoli, filwaqt li aġġustament fil-fluss tal-istock bħala riżultat tas-self tal-gvern biex jiffinanzja x-xiri tal-ekwità tas-settur bankarju u l-għoti ta' self lill-istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali kkontribwew għal żieda fil-proporzjon tad-dejn bi kważi 3,75 punti perċentwali. Il-proporzjon tad-dejn huwa previst li jiżdied bi 18,25 p.p. bejn l-2010/2011 u l-2014/2015. Sas-sena msemmija l-aħħar, il-programm jipprevedi stabilizzazzjoni fil-proporzjon tad-dejn ta' madwar 91,50 % tal-PDG, hekk kif il-kontribut għall-proporzjon tad-dejn ta' tkabbir tal-PDG nominali għoli huwa mistenni li jikkumpensa għaż-żieda fid-dejn tal-gvern dovut għall-bilanċ primarju, li mistenni li jibqa fi żbilanċ sal-aħħar tal-perijodu tal-programm, u għall-ħlasijiet tal-interessi, li huma mistennija li jiżdiedu minn 2,25 % tal-PDG fl-2009/2010 sa kważi 4 % fl-2013/2014. Il-proporzjon tad-dejn huwa wkoll soġġett għal għadd ta' riskji fuq il-perijodu tal-programm. Mil-lat pożittiv, il-bejgħ b'suċċess tal-ekwità tas-settur bankarju miksub bħala riżultat tal-intervenzjonijiet fis-settur finanzjarju tal-gvern jista' jintuża biex jitnaqqas id-dejn tal-gvern. Ir-riskji negattivi għal proporzjon tad-dejn ġejjin prinċipalment mill-probabbiltà ta' żbilanċi ikbar milli previsti u minn effett tad-denominatur tal-PDG negattiv bħala riżultat ta' tkabbir ekonomiku reali iżgħar; l-impatt ta' spejjeż għal self possibbilment ogħla milli previst, minn influwenzi tas-swieq globali jew domestiċi, għandu jkun relattivament imrażżan, meta wieħed iqis l-istruttura ta' skadenzi twal tar-Renju Unit, għalkemm xorta dan ma jkunx ta' għajnuna.

(10)

Il-previżjonijiet tad-dejn għall-perijodu medju li jassumu li r-rati tat-tkabbir tal-PDG ser jirkupraw gradwalment biss għall-valuri previsti qabel il-kriżi, u l-proporzjonijiet tat-taxxa ser jitreġġgħu lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi u li jinkludu ż-żieda prevista fl-infiq relatat mat-tixjiħ juru li l-istrateġija baġitarji prevista fil-programm, meħuda b'valur nominali, u mingħajr iktar bidla fil-politika, ser ikunu biżżejjed biex jistabbilizzaw il-proporzjon tad-dejn mal-PDG sal-2020.

(11)

Filwaqt li l-impatt baġitarju għall-perijodu fit-tul tat-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa qrib il-medja tal-UE, il-pożizzjoni baġitarja fl-2009 kif stmata fil-programm tikkostitwixxi riskju għal finanzi pubbliċi sostenibbli, anke qabel ma jitqies l-impatt baġitarju fit-tul ta' popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-kisba ta’ bilanċi pożittivi primarji fil-perijodu medju, flimkien ma' riformi strutturali, tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li kienu vvalutati fir-Rapport ta' sostenibbiltà 2009 tal-Kummissjoni (4) bħala għolja. Il-proporzjon tad-dejn gross huwa ogħla mill-valur ta' referenza tat-Trattat tul il-perijodu kollu tal-programm.

(12)

L-Att ta' Responsabbiltà Fiskali (FRA), li ġie approvat mill-Parlament fl-10 ta' Frar 2010, stabbilixxa pjan fiskali statutorju għall-awtoritajiet tar-Renju Unit. Il-FRA jistabbilixxi Pjan ta' Konsolidazzjoni Fiskali (FCP) li jeħtieġ li l-gvern “fuq perijodu ta' erba' snin ikollu jnaqqas is-self nett tas-settur pubbliku bħala proporzjon tal-PDG, bin-nofs, kif imqabbel mal-ogħla valur previst għall-2009-2010. Fid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja stabbiliti mil-Liġi (The Bill), il-Gvern qed jiffissa mira biex is-self ikun ta' 5,5 fil-mija tal-PDG jew inqas fl-2013-2014”. L-FCP jeħtieġ ukoll lill-gvern biex: “inaqqas is-self bħala proporzjon tal-PDG għal kull sena mill-2009-2010 sal-2015-2016, u jiżgura li d-dejn nett tas-settur pubbliku qed jonqos bħala proporzjon tal-PDG fl-2015-2016”. Jeżerċita iktar kontroll ta' nfiq speċifiku permezz ta' sistema ta' “reviżjonijiet ta' infiq” fuq ħafna snin, li tistabbilixxi pakketti ta' nfiq kumplessiv u limiti dipartmentali għal infiq li jista' jitbassar minn qabel dipartiment b'dipartiment (“limiti ta' nfiq dipartmentali”). Madankollu, l-infiq pubbliku mhux dejjem ġie mrażżan biżżejjed, bir-riżultati tal-infiq totali bejn 2002/2003 u l-2008/2009 fuq medja jaqbżu l-limiti massimi oriġinali stabbiliti fir-reviżjonijiet tal-infiq. L-Att ta' Responsabbilità Fiskali jeħtieġ ukoll li l-gvern “jipprovdi spjegazzjoni (lill-Parlament) jekk ma jintlaħqux il-miri”. Sabiex jitnaqqas ir-riskju li ma jintlaħqux il-miri, ikun utli li jkun hemm tisħiħ tal-mekkaniżmu li jivvaluta r-realizmu tagħhom u pjan ta' kontinġenza – li jiġi implimentat kemm il-darba s-suppożizzjonijiet bażiċi u l-previżjonijiet makroekonomiċi jirriżultaw mhux eżatti.

Kumplessivament, l-FRA huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, il-pjan ta' konsolidazzjoni stabbilit fl-Att huwa sinifikament inqas ambizzjuż minn dak fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta' Diċembru 2009 u mhuwiex konsistenti mat-tnaqqis fl-iżbilanċ għal inqas mill-valur referenzjali ta' 3 % tal-PDG sal-2014/2015.

(13)

Iż-żieda fil-proporzjon tal-infiq tal-gvern mill-2000 u b'mod aktar sever fis-snin reċenti, tenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq pubbliku fir-Renju Unit. Matul il-perijodu ta' tliet snin kopert mir-Reviżjoni Komprensiva tal-Infiq (CSR) tal-2007 (jiġifieri bejn l-2008/2009 u l-2010/2011), il-gvern tar-Renju Unit ikkommetta ruħu biex jikseb iktar tfaddil permezz ta' effiċjenza finanzjarja aħjar ekwivalenti għal 2,5 % tal-PDG iktar. Madwar 20 fil-mija ta' dan tal-aħħar jirrappreżentaw tfaddil li l-gvern qed jippjana li jikseb matul il-perijodu tas-CSR tal-2007, b'segwitu għar-riżultati tal-programm ta' sena tiegħu l-Operational Efficiency Programme (OEP), li eżamina l-infiq operattiv fis-settur pubbliku u żvela ambitu għat-tfaddil annwali ibbażat fuq l-effiċjenza ta' 1 % tal-PDG sal-2013-2014 meta mqabbel mal-2007/2008. Il-kejl tas-suċċess ta' dawn l-inizjattivi ta' effiċjenza ambizzjużi u mfassla sew ser ikun pass importanti biex jintwera li dawn tabilħaqq itejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll jillimitaw l-iskala tal-infiq pubbliku. F'dak ir-rigward, il-pjanijiet imħabbra biex in-National Audit Office jevalwa t-tfaddil mis-CSR 2007 għandhom jintlaqgħu sew. Barra minn hekk, il-fokus qawwi tal-Public Value Programme biex jinkiseb tfaddil effiċjenti fis-settur tas-saħħa pubblika ta' madwar 0,5 % tal-PDG kull sena sal-2012/2013 jidher partikolarment iġġustifikat, meta wieħed iqis illi, sa mis-sena 2000, l-infiq fis-Servizz tas-Saħħa Pubblika tar-Renju Unit (NHS) żdied f'daqqa u l-produttività waqgħet, minkejja t-titjib fir-riżultati tas-saħħa.

(14)

Kumplessivament, fl-2010/2011 l-istrateġija bagitarja stabbilita fil-programm hija ġeneralment konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Art. 126(7), partikolarment il-bidu ta' konsolidazzjoni f'dik is-sena. Madankollu, mill-2011/2012 'il quddiem, l-istrateġija baġitarja mhix konsistenti mar-rakkomdazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Art. 126(7). B'mod partikolari, anke met jitqies b'valur nominali, l-iżbilanċ tal-gvern fl-2014/15 — l-iskadenza ta' żmien stipulata f'Diċembru 2009 fir-rakkomdazzjoni għar-Renju Unit biex tiġi kkoreġuta s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv - hija prevista b'mod ċar 'il fuq mit-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG (4,7 % tal-PDG) u hija soġġetta wkoll għar-riskji ta' tnaqqis msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, il-miżuri mħabbra wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-Rapport tal-Baġit għall-2009 tad-9 ta' Diċembru 2009, matul il-perijodu bejn l-2010/2011 u l-2012/2013 implikaw laxkar fiskali żgħir b'relazzjoni għall-pjanijiet fiskali fil-Baġit għall-2009 ta' April 2009, li huwa inkonsistenti mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li “jiġu evitati aktar miżuri li jikkontribwixxu għad-deterjorament tal-finanzi pubbliċi”. It-titjib medju annwali fl-iżbilanċ strutturali, kif ikkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija bi qbil komuni, bejn 2010/2011 u l-2014/2015 huwa stmat li ser ikun ta' 1,0 % tal-PDG, 0,75 p.p. inqas minn dak irrakkomandat mill-Kunsill f'Diċembru 2009. Minħabba l-previżjonijiet tad-dejn ippreżentati fil-programm u r-riskji msemmija hawn fuq, l-istrateġija baġitarja tista' ma tkunx suffiċjenti biex il-proporzjon tad-dejn mal-PDG jinġieb lura fit-triq 'l isfel.

(15)

Fir-rigward tar-rekwiżiti tad-data speċifikati fil-kodiċi tal-kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm għandu xi lakuni sinifikanti fil-provvediment ta' data rekwiżita u data fakultattiva (5). Il-Kunsill, fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 126(7) fit-2 ta' Diċembru 2009 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv, stieden ukoll lir-Renju Unit biex jirrapporta dwar il-progress imwettaq fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' konsolidazzjoni fiskali biex tiġi żgurata korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv f'kapitolu separat fl-aġġornamenti tal-programm ta' konverġenza. Ir-Renju Unit ma kkonformax b'mod sħiħ ma' din ir-rakkomandazzjoni, għalkemm l-informazzjoni kienet inkluża fil-programm.

Il-konklużjoni kumplessiva hija li l-istrateġija fiskali fil-programm ta' konverġenza mhix ambizzjuża biżżejjed u teħtieġ li tiġi rinfurzata b'mod sinifikanti biex tkun konsistenti mar-rakkomdazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE tat-2 ta' Diċembru 2009. It-tgħaqqid tal-operazzjoni tal-istabbilizzaturi awtomatiċi, jaqa' fil-prezzijiet tal-assi u l-istimolu fiskali pprovoka deterjorament maġġuri fil-finanzi pubbliċi tar-Renju Unit. Madankollu, il-qagħda tal-finanzi pubbliċi ġiet imdgħajfa aktar mill-fatt li l-iżbilanċi tar-Renju Unit kienu fir-riskju li jaqbżu l-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG diġà fil-perijodu li wassal għall-kriżi. Tkun adatta politika fiskali restrittiva fl-2010/2011. Skadenza ta' żmien kredibbli biex il-finanzi pubbliċi jinġiebu f'qagħda sostenibbli, kif iddefinit fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, teħtieġ miżuri ta' ssikkar fiskali addizzjonali lil hinn minn dawk ippjanati attwalment. Peress li l-parti l-kbira tat-tnaqqis previst fl-iżbilanċ fil-perijodu medju xprunat minn pakkett ta' infiq ġenerali ssikkat bejn l-2011/2012 u l-2014/2015, in-nuqqas ta' limiti ta' nfiq dipartimentali dettaljati biex jappoġġaw dawk il-miri ta' nfiq huwa sors ta' inċertezza. Il-kisba tal-konsolidazzjoni prevista mill-awtoritajiet tar-Renju Unit hija mtappna aktar mir-riskju li l-kuntest makroekonomiku jista' jkun inqas favorevoli minn dak previst mill-awtoritajiet, kif ukoll mill-inċertezzi relatati mas-self tas-settur bankarju u l-investimenti assigurati mill-gvern. B'kont meħud tar-riskji negattivi għall-previżjonijiet fiskali tar-Renju Unit, huwa meħtieġ pjan ta' konsolidazzjoni aktar ambizzjuż għall-perijodu viċin u dak medju. Il-ksib ta' bilanċi pożittivi primarji fil-perijodu medju wkoll jikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li ġew ivvalutati bħala għolja fir-Renju Unit fir-Rapport dwar is-Sostenibbiltà mill-Kummissjoni għall-2009.

Fid-dawl tal-valutazzjoni msemmija hawn fuq, kif ukoll bil-ħsieb tar-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE tat-2 ta' Diċembru 2009, ir-Renju Unit huwa mistieden biex:

(i)

jevita kwalunkwe miżura ulterjuri li tikkontribwixxi għad-deterjorament tal-finanzi pubbliċi fl-2010/2011 u f'każ ta' tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef milli previst fil-programm jillimita l-iżbilanċ tal-gvern fl-2010/2011 sa mhux aktar minn dak previst fil-programm ta' Jannar 2010 f'każ li jseħħu r-riskji relatati mal-fatt li x-xenarju makroekonomiku tal-programm ikun aktar favorevoli mix-xenarju li fuqu hi bbażata r-Rakkomandazzjoni tal-Artikolu 126(7);

(ii)

jimmira għal tnaqqis iktar ambizzjuż tal-iżbilanċ tal-gvern għal inqas mill-valur referenzjali tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG sa mhux aktar tard mill-2014/2015, inkluż billi jsaħħaħ ir-ritmu tal-isforz fiskali ppjanat mill-2011/2012 'il quddiem f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7), u jaħtaf kwalunkwe opportunità oħra, fosthom minn kondizzjonijiet ekonomiċi u tas-suq aħjar milli mistennija, biex jaċċelera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn gross u jqarrab iktar lejn il-valur referenzjali ta' 60 % tal-PDG, u b'hekk tittejjeb ukoll is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi;

(iii)

fl-2010 jippubblika limiti ddettaljati ta' nfiq dipartmentali li fuqhom ikunu bbażati l-previżjonijiet tal-infiq ġenerali għal tal-inqas il-perijodu ta' tliet snin, li jaqbeż l-2010/2011;

(iv)

jimplimenta t-tfaddil fl-effiċjenza tal-infiq identifikat fl-Operational Efficiency Programme (OEP) u f'inizjattivi oħra finanzjarjament favorevoli;

Ir-Renju Unit huwa mistieden ukoll itejjeb il-konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-kodiċi tal-kondotta.

Ir-Renju Unit huwa mistieden ukoll iressaq qabel il-valutazzjoni ta' azzjoni effettiva skont il-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv, addendum għall-programm dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta' Diċembru 2009 u jiddeskrivi fid-dettall l-istrateġija ta' konsolidazzjoni li ser tkun meħtieġa biex isir progress fil-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv. Il-Kunsill jerġa' jtenni l-istedina tiegħu li kull aġġornament sussegwenti għandu jipprovdi wkoll kapitolu b'din l-informazzjoni sakemm l-Istat Membru jibqa' soġġett għall-proċedura ta' żbilanċ eċessiv.

Ħarsa ġenerali tal-projezzjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ewlenin

 

2008/2009

2009/2010

2010/2011

2011/2012

2012/2013

2013/2014

2014/2015

PDG reali

(bidla f’%)

PK Jan 2010

–1,3

–3,5

2,0

3,3

3,3

3,3

3,3

COM Nov 2009

0,6

–4,6

0,9

1,9

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

–0,3

–0,5

2,0

3,0

3,0

3,0

m.d.

Inflazzjoni HICP

(%)

PK Jan 2010

3,8

2,3

2,0

1,5

1,8

2,0

2,0

COM Nov 2009

3,6

2,0

1,4

1,6

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

3,8

1,0

2,0

2,0

2,0

2,0

m.d.

Differenza fil-produzzjoni (6)

(% tal-PDG potenzjali)

PK Jan 2010

0,0

–4,6

–4,4

–2,8

–1,5

–0,4

0,5

COM Nov 2009 (7)

0,4

–3,7

–3,5

–2,7

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

–0,5

–2,4

–2,1

–1,2

–0,4

0,2

m.d.

Tislif/self nett fir-rigward tal-bqija tad-dinja

(% tal-PDG) (8)

PK Jan 2010

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

COM Nov 2009

–1,4

–2,2

–1,4

–0,7

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

Dħul tal-gvern ġenerali

(% tal-PDG)

CP Jan 2010  (9)

36,6

34,8

35,4

36,7

37,1

37,2

37,1

COM Nov 2009

41,9

38,4

39,2

39,8

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

36,7

35,5

36,6

37,3

37,7

38,0

m.d.

Infiq tal-gvern ġenerali

(% tal-PDG)

CP Jan 2010  (9)

43,4

47,4

47,4

45,8

44,2

42,7

41,5

COM Nov 2009

49,0

51,2

51,5

50,3

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

42,2

43,7

43,7

42,9

42,1

41,4

m.d.

Bilanċ tal-gvern ġenerali

(% tal-PDG)

PK Jan 2010

–6,9

–12,7

–12,1

–9,2

–7,4

–5,6

–4,7

COM Nov 2009

–6,9

–13,0

–12,5

–10,7

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

–5,5

–8,2

–7,1

–5,6

–4,4

–3,4

m.d.

Bilanċ primarju

(% tal-PDG)

PK Jan 2010

–4,7

–10,5

–9,1

–5,7

–3,7

–1,8

–0,9

COM Nov 2009

–4,8

–11,0

–9,6

–7,5

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

–3,4

–6,4

–4,5

–2,6

–1,4

–0,3

m.d.

Bilanċ stipulat b'mod ċikliku (6)

(% tal-PDG)

PK Jan 2010

–6,9

–10,8

–10,3

–8,0

–6,8

–5,5

–4,9

COM Nov 2009

–7,1

–11,5

–11,0

–9,6

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

–5,3

–7,2

–6,2

–5,1

–4,2

–3,5

m.d.

Bilanċ strutturali (10)

(% tal-PDG)

PK Jan 2010

–6,2

–10,5

–10,3

–8,0

–6,8

–5,5

–4,9

COM Nov 2009

–6,3

–11,4

–11,0

–9,6

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

–5,3

–7,2

–6,2

–5,1

–4,2

–3,5

m.d.

Dejn gross tal-gvern

(% tal-PDG)

PK Jan 2010

55,5

72,9

82,1

88,0

90,9

91,6

91,2

COM Nov 2009

55,5

71,7

81,9

89,0

m.d.

m.d.

m.d.

PK Diċ 2008

52,9

60,5

65,1

67,5

68,6

68,5

m.d.

Sors:

Programm ta' konverġenza (PK); Tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009(COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/index_en.htm

(2)  L-evalwazzjoni tieħu notevolment kont tal-previżjoni tas-Servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa tal-2009, imma wkoll tagħrif ieħor li sar disponibbli minn dak iż-żmien.

(3)  L-MTO's speċifiċi għall-pajjiż għandhom jieħdu kont ta' tliet komponenti: i) il-bilanċ li jistabbilizza d-dejn għal proporzjon ta' dejn ugwali għall-valur ta' referenza ta' (60 % tal-PDG) (jiddependi minn tkabbir potenzjali fil-perijodu medju), li jimplika flessibbiltà fil-manuvra baġitarja għall-Istati Membri b'dejn relattivament baxx; ii) sforz supplimentari li jnaqqas id-dejn għall-Istati Membri bi proporzjon tad-dejn li jaqbeż il-valur ta' referenza (ta' 60 % tal-PDG), li jimplika progress rapidu biex jintlaħaq; u iii) frazzjoni tal-aġġustament meħtieġ biex ikopri l-valur attwali taż-żieda fin-nefqa tal-gvern fil-ġejjieni fir-rigward tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

(4)  Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 Novembru 2009 dwar is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi “il-Kunsill jappella lill-Istati Membri biex jiffokaw l-attenzjoni tagħhom lejn strateġiiji orjentati lejn is-sostenibbiltà fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza li ġejjin” u “jistieden ulterjorment lill-Kummissjoni, flimkien mal-Kumitat għall-Politika Ekonomika u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, biex jiġu żviluppati ulterjorment metodoloġiji għall-valutazzjoni tas-sostenibbilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi fil-ħin għar-rapport ta' sostenibbilità li jmiss,” li huwa previst fl-2012.

(5)  B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ data dwar is-suq tax-xogħol ikkomplika b’mod sinifikanti l-kalkolu mill-ġdid tad-diskrepanzi bejn il-produzzjoni attwali u dik potenzjali skont il-metodoloġija bi qbil komuni.

(6)  Id-differenzi fil-produzzjoni u l-bilanċi aġġustati ċiklikament mill-programmi kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi ta' l-informazzjoni fil-programmi.

(7)  Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 1,5 %, 0,8 %, 0,8 % u 1,1 % rispettivament fil-perijodu 2008-2011.

(8)  Data għas-snin kalendarji.

(9)  Data għad-dħul u l-infiq mhumiex ipprovduti fil-programm tar-Renju Unit fuq bażi ESA95 armonizzata għas-settur tal-gvern ġenerali. Id-data fit-tabella hija bbażata fuq it-Tabella 2.7 tal-materjal supplimentari tar-Rapport ta' qabel il-Baġit għall-2009. Għas-snin bejn l-2011/2012 u l-2014/2015, iċ-ċifri għad-dħul tal-gvern ġenerali u l-infiq huma estrapolati minn previżjonijiet għas-settur pubbliku.

(10)  Bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta’ darba biss u oħrajn temporanji. Il-miżuri ta' darba u temporanji huma stmati għal 0,7 % tal-PDG fl-2008/2009 u 0,3 % tal-PDG fl-2009/2010 (li jżid l-iżbilanċ) fuq il-bażi tal-informazzjoni tal-programm l-iktar reċenti.

Sors:

Programm ta' konverġenza (PK); Tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009(COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.