1.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/13


OPINJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Italja, 2009-2012

2010/C 142/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

(1)

Fit-26 ta’ April 2010 l-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà aġġornat ta' l-Italja, li jkopri l-perijodu mill-2009 sa l-2012.

(2)

Filwaqt li d-dejn baxx tal-qasam tal-familji u qasam finanzjarju relattivament sod ipprovdew ċertu kenn mill-kriżi finanzjarja globali, dgħufijiet li għandhom is-sisien tagħhom fil-fond li jagħtu lok għal tkabbir tal-produttività mhux sodisfaċenti kienu dgħajfu l-ekonomika Taljana qabel it-tnaqqis fl-attività kummerċjali globali. Wara tnaqqis għal sena u tliet xhur, il-PDG irpilja fit-tielet kwart tal-2009, iżda reġa' naqas xi ftit fl-aħħar kwart. Ir-riċessjoni laqtet is-suq tax-xogħol wara ċertu żmien: fl-2009, l-impatt tagħha seħħ aktar f'termini ta' sigħat maħduma milli bħala għadd ta' ħaddiema fix-xogħol, b'ħafna ħaddiema, b'mod partikolari fil-qasam l-aktar milqut tal-manifattura, jirrikorru għall-fond ta' supplement tal-pagi biex ipattu għas-salarju nieqes minħabba sigħat inqas maħduma. Ir-reazzjoni tal-politika tal-gvern għall-kriżi kienet adegwata fid-dawl tad-dejn għoli ħafna tal-gvern tagħha, f'kuntest ta' stmerrija akbar tar-riskju. Mill-aħħar kwart tal-2008 lil hawn, il-gvern approva bosta miżuri biex jirfed l-istabbiltà tal-qasam finanzjarju, jikseb lura l-fiduċja u joffri serħan lid-ditti u lill-familji fil-bżonn. Skont l-istimi tal-gvern, il-miżuri ta' rkupru ġew iffinanzjati bis-sħiħ mit-tqassim mill-ġdid ta' fondi eżistenti u biż-żieda tad-dħul, b'ebda effett fuq l-iżbilanċ. Minkejja l-qagħda fiskali prudenti tal-gvern, l-impatt tat-tnaqqis tal-attività ekonomika fuq il-finanzi pubbliċi Taljani kien sinifikanti. Il-proporzjon tal-iżbilanċ tal-gvern irdoppja bejn l-2008 u l-2009, għal 5,3 % tal-PDG (ikkonfermat fl-istima tal-uffiċċju tal-istatistika maħruġa fl-1 ta' Marzu 2010). Dan, flimkien mal-proporzjon għoli ħafna tad-dejn tal-gvern, wassal biex il-Kunsill jiddeċiedi li l-Italja kellha żbilanċ eċċessiv fit-2 ta' Diċembru 2009, bi skadenza għall-korrezzjoni ta' din il-qagħda sal-2012. Minbarra t-tisħiħ fiskali, li huwa kundizzjoni biex il-finanzi pubbliċi jinżammu fuq triq sostenibbli, l-isfida ewlenija għall-politika ekonomika tal-Italja fis-snin li ġejjin ser tkun li jitrawwem irkupru malajr u fit-tul fit-tkabbir tal-produttività sabiex terġa' tinkiseb il-kompetittività u jiżdied it-tkabbir potenzjali relattivament baxx tal-pajjiż. Riformi strutturali ambizzjużi huwa ta' importanza ewlenija għall-isfida tal-produttività. Barra minn hekk, il-ksib lura tal-kompetittività fil-medda qasira ta' żmien jitlob ukoll l-iżgurar li l-iżviluppi tal-pagi jkunu allinjati aħjar mal-iżviluppi tal-produttività.

(3)

Għalkemm ħafna mid-deterjorament li ġie osservat fil-PDG attwali fil-kuntest tal-kriżi huwa ċikliku, il-livell ta' produzzjoni potenzjali ġie wkoll affettwat b'mod negattiv. Barra minn hekk, il-kriżi tista' wkoll taffettwa t-tkabbir potenzjali f'medda medja ta' żmien permezz ta' investiment iktar baxx, trażżin fid-disponibbiltà tal-kreditu u qgħad strutturali li dejjem jiżdied. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika jaggrava l-effetti negattivi tat-tixjiħ demografiku fuq il-produzzjoni potenzjali u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Fuq dan l-isfond ser ikun meħtieġ li jitħaffef il-pass tar-riformi strutturali bl-għan li t-tkabbir potenzjali jsib appoġġ. B'mod partikolari, huwa importanti għall-Italja li jseħħu riformi fl-oqsma tal-kompetizzjoni tas-suq, l-ambjent tan-negozju, il-kwalità tas-servizzi pubbliċi u t-tħaddim tas-suq tax-xogħol, inkluża allokazzjoni mill-ġdid tal-infiq soċjali lejn sistema aktar komprensiva u uniformi tal-benefiċċji tal-qgħad.

(4)

Ix-xenarju makroekonomiku fl-isfond tal-programm jipprevedi li l-PDG reali ser jerġa' lura lejn tkabbir pożittiv ta' 1,1 % fl-2010, minn – 4,8 % fl-2009 (– 5 % skont l-istima tal-uffiċċju tal-istatistika maħruġa fl-1 ta' Marzu 2010), u jżid il-pass lejn rata ta' 2 % matul il-bqija tal-perijodu tal-programm. Ivvalutat skont l-informazzjoni disponibbli attwalment (2), dan ix-xenarju jidher li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta’ tkabbir favorevoli. Il-previżjoni tal-programm għall-inflazzjoni jidhru realistiċi. Il-previżjonijiet dwar it-tkabbir tal-impjiegi u r-rata tal-qgħad huma aktar favorevoli mill-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009, b'mod konsistenti mal-previżjonijiet ogħla tat-tkabbir tal-PDG reali tal-programm.

(5)

Skont l-istima tal-programm l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali fl-2009 huwa ta' 5,3 % tal-PDG. It-tiħżin sinifikanti minn żbilanċ ta' 2,7 % tal-PDG fl-2008 jirrifletti fil-biċċa l-kbira tiegħu l-impatt tal-kriżi fuq il-finanzi tal-gvern. Ġew adottati bosta pakketti ta' rkupru bi qbil mal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (PERE), li flimkien jammontaw għal madwar 0,7 % tal-PDG fl-2009 u, skont l-awtoritajiet, iffinanzjati bis-sħiħ bit-tqassim mill-ġdid ta' fondi eżistenti u dħul addizzjonali. Skont il-programm, il-politika fiskali hija ppjanata li ssir restrittiva bi ftit diġà fl-2010, u aktar u aktar fl-2011 u l-2012, bil-ħsieb li jissewwa l-iżbilanċ żejjed sal-2012. Dan huwa b'mod wiesa' bi qbil mal-istrateġija ta' ħruġ irrakkomandata mill-Kunsill, ukoll meta jitqies il-proporzjon ta' dejn tal-gvern li huwa għoli ħafna.

(6)

Għall-2010 l-programm jippjana tnaqqis ta' 0,3 pp. tal-PDG fl-iżbilanċ tal-gvern ġenerali, sa 5,0 % tal-PDG , li meħud hekk kif jidher jista' jitqies bħala bi qbil b'mod ġenerali mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta' Diċembru 2009. Il-proporzjon tad-dħul mal-PDG mistenni jonqos b'0,5 pp., ukoll minħabba li l-iskadenza tal-miżuri ta' darba għaż-żieda tad-dħul kellhom impatt fuq l-2009. Il-proporzjon tal-infiq mal-PDG huwa ppjanat li jonqos b'mod aktar sinifikanti, b'0,8 pp tal-PDG l-aktar minħabba t-trażżin fuq l-infiq adottat bil-pakkett fiskali għall-2009-2011 approvat fis-sajf tal-2008. Dan jidher fit-tnaqqis fit-tkabbir tal-infiq primarju, li mistenni li jiżdied b'0,6 % biss fl-2010, ukoll permezz tat-tnaqqis fl-investiment pubbliku wara l-aċċellerazzjoni fl-2009. Il-baġit tal-2010 nnifsu fih xi miżuri barra dawk ippjanati fil-pakkett fiskali għall-2009-2011 approvat fl-2008, u, skont l-awtoritajiet, għandu impatt newtrali fuq il-qagħda baġitarja. Huwa fih xi miżuri ġodda ta' espansjoni, li jitilgħu għal madwar 0,4 % tal-PDG , maħsuba bħala sostenn għall-ħaddiema b'paga baxxa u li jiżguraw il-finanzjament tal-infiq soċjali addizzjonali u fuq is-saħħa, kif ukoll fuq il-missjonijiet militari barra mill-pajjiż. Is-sors ewlieni ta' finanzjament huwa rappreżentat minn dħul ta' darba mit-taxxa straordinarja fuq assi maħruġa mill-pajjiż b'mod illegali – scudo fiscale – reġistrati fl-2009 (0,35 % tal-PDG ) billi l-eżitu pożittiv ta' dan wassal għad-deċiżjoni, meħuda fil-baġit għall-2010, li l-ġbir ta' xi taxxi tad-dħul b'valur ta' 0,25 % tal-PDG jitħalla għall-2010 minflok fl-2009.

Il-miżuri addizzjonali ta' espansjoni jimplikaw xi devjazzjoni mir-rakkomandazzjonijiet għall-2010, għalkemm wieħed irid jammetti li dan huwa ammont żgħir u, skont l-istima tal-awtoritajiet, iffinanzjat kompletament bis-saħħa tat-tqassim mill-ġdid tad-dħul ta' darba mill-iscudo fiscale. Wara tiħżin ta' 0,25 pp. tal-PDG fl-2009, il-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta' darba u oħrajn temporanji, skont il-metodoloġija aċċettata minn kulħadd huwa mistenni li jitjieb b'0,5 pp. tal-PDG fl-2010 l-aktar bis-saħħa tat-trażżin fl-infiq.

(7)

L-għan ewlieni tal-istrateġija baġitarja tal-programm fuq medda medja ta' żmien huwa li l-iżbilanċ jinżel taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG sal-2012, id-data finali għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv stabbilita mill-Kunsill, bil-miri tal-iżbilanċ stabbiliti għal 3,9 % tal-PDG fl-2011 u 2,7 % tal-PDG fl-2012. Biex jintlaħqu l-miri, il-gvern qed jipprevedi sforz ta' tisħiħ addizzjonali, akbar minn dak li kien diġà ġie adottat mal-pakkett fiskali għall-2009-2011, li jwassal għal 0,4 pp. tal-PDG fl-2011 u 0,8 pp oħra fl-2012. Ma hemmx tagħrif dwar il-miżuri wiesgħa wara dan it-tisħiħ addizzjonali u dan ixekkel il-valutazzjoni tal-kompożizzjoni ġenerali tal-aġġustament ippjanat. Il-bilanċ primarju huwa ppjanat għal 1,3 % tal-PDG fl-2011, u 2,7 % fl-2012. It-tisħiħ annwali kkonsolidat iwassal għal 0,5 pp tal-PDG fl-2011 u — pp fl-2012 f'termini strutturali. L-aġġustament baġitarju matul il-perijodu tal-programm għalhekk jidher li qed jitressaq lura fiż-żmien. Il-programm jikkonferma l-impenn għal mira fuq medda medja ta' żmien (medium term objective, MTO), li huwa pożizzjoni baġitarja fil-bilanċ f'termini strutturali. Minħabba l-previżjonijiet u l-livell tad-dejn l-aktar reċenti, l-MTO jirrifletti l-għanijiet tal-Patt; madankollu, il-programm ma jipprevedix li dan jinkiseb fi żmien il-perijodu tal-programm.

(8)

Kollox ma' kollox, ir-riżultati baġitarji jistgħu jkunu agħar minn dawk fil-mira tal-programm. Din il-possibbiltà tiżdied fis-snin imbiegħda tal-perijodu tal-programm. L-ewwel nett, it-tkabbir reali tal-PDG jista' jkun inqas minn dak li hu maħsub fil-programm għall-perijodu kollu 2010-2012. F'dan il-kuntest, l-analiżi tas-sensittività mwettqa fil-programm turi li tkabbir annwali iktar baxx b'0,5 % tal-PDG tul il-perijodu tal-programm jimplika żbilanċ nominali ogħla ta' 0,7 pp. tal-PDG sal-2012 (3,4 % tal-PDG kontra l-mira ta' 2,7 %) u, minħabba l-implikazzjonijiet għat-tkabbir potenzjali, aġġustament strutturali ġenerali iżgħar b'0,5 pp. matul il-perijodu 2010-2012. It-tieni nett, il-miri baġitarji għall-2011 u l-2012 iserrħu fuq l-ispeċifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' aktar sforzi ta' tisħiħ iżda l-programm ma jagħtix dettalji dwar il-miżuri ġenerali wara dan l-aġġustament addizzjonali ppjanat fir-rigward tax-xenarju ta' bixra msejjes fuq leġiżlazzjoni mhux mibdula ppreżentat fil-programm. Dan tal-aħħar, barra minn hekk, xi ftit jew wisq jissottovaluta l-bixriet attwali ta' nfiq u għaldaqstant ukoll id-daqs tal-miżuri ta' tisħiħ meħtieġa biex jinkisbu l-miri baġitarji. It-tielet nett, ukoll qabel ma jitqiesu l-isforzi meħtieġa ta' tisħiħ addizzjonali, il-ksib tal-previżjonijiet ta' bixra, li jinkludu l-pakkett fiskali tas-sajf tal-2008 għall-perijodu 2009-2011, ser tkun ta' sfida għaliex diġà jipprevedu grad sinifikanti ta' trażżin ta' nfiq. F'dan il-kuntest, il-passat juri li l-infiq żejjed fil-livell ċentrali u lokali jrid jitqies ukoll, b'mod partikolari fl-infiq primarju attwali, li żdied b'madwar 4,5 % bħala medja matul l-aħħar għaxar snin. Waqt li jirrispetta l-miri stretti ta' nfiq li ġew stabbiliti fil-pakkett fiskali tas-sajf tal-2008 ser jeħtieġ intensifikazzjoni tal-isforzi biex jonqos l-infiq, tiżdied l-effiċjenza u titjieb il-kwalità tas-servizz.

(9)

Il-proporzjon tad-dejn gross mal-PDG tal-gvern ġenerali huwa sewwa 'l fuq mil-valur ta' referenza tat-Trattat u huwa previst li jkompli jiżdied sal-2010. Wara li għola fl-2008, il-proporzjon tad-dejn skont l-istima tal-programm żdied b'9,3 pp, sa 115,1 % tal-PDG fl-2009 (115,8 % skont l-istima tal-uffiċċju tal-istatistika maħruġa fl-1 ta' Marzu 2010), l-aktar minħabba l-piż ta' mgħax għoli u t-tnaqqis qawwi fil-PDG reali, li patta għalih parzjalment biss l-effett ta' deflazzjoni li għadu mdaqqas tal-PDG. Bilanċ primarju negattiv għall-ewwel darba mill-1991 żied ukoll id-dejn, kif l-istess għamel ukoll l-aġġustament tal-fluss tal-istokk, l-aktar minħabba l-akkumulu ta' assi likwidi ta' prekawzjoni tat-Teżor. Għall-2010 l-programm jipprevedi żieda addizzjonali ta' 1,8 pp fil-proporzjon tad-dejn billi l-effett tal-piż tal-imgħax li jżid id-dejn ipattu għalih parzjalment biss it-tkabbir pożittiv previst tal-PDG reali u l-effett ta' deflazzjoni tal-PDG. Il-proporzjon tad-dejn huwa mbagħad previst li jimxi fuq triq ta' tnaqqis fl-2011 u l-2012, sa 114,6 % tal-PDG, l-aktar minħabba l-bilanċi primarji pożittivi ppjanati u ż-żieda fil-pass prevista fit-tkabbir reali tal-PDG. L-evoluzzjoni tal-proporzjon tad-dejn tista' tkun anqas favorevoli milli kien previst fil-programm, speċjalment wara l-2010, fid-dawl tar-riskji identifikati għat-tisħiħ baġitarju li jkomplu jiżdiedu minħabba l-possibbiltà ta' tkabbir reali anqas favorevoli tal-PDG milli kien previst fil-programm.

(10)

Il-previżjonijiet tad-dejn fuq perijodu medju li jassumu li r-rati tat-tkabbir tal-PDG jirkupraw gradwalment għall-valuri previsti qabel il-kriżi u li l-proporzjonijiet tat-taxxa ser jitreġġgħu lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi u li jinkludu ż-żieda fl-infiq relatat mat-tixjiħ previst, juru li l-istrateġija baġitarja stipulata fil-programm għall-perijodu sal-2012, meqjusa b'valur nominali u mingħajr aktar tibdil fil-politika, ma tkunx biżżejjed biex tistabbilizza l-proporzjon tad-dejn mal-PDG sal-2020.

(11)

L-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ hu naturalment inqas mill-medja tal-UE, bl-ispiża tal-pensjoni li turi żieda aktar limitata mill-medja fl-UE, permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi adottati. Madankollu, l-ispiża tal-pensjonijiet bħala sehem tal-PDG tibqa' fost l-ogħla fl-UE. Il-qagħda baġitarja fl-2009 skont l-istima tal-programm ma tkunx biżżejjed biex tistabbilixxi l-proporzjon attwali tad-dejn. Il-kisba ta’ bilanċi pożittivi primarji għoljin tgħin għalhekk biex tillimita r-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien li ġew ivvalutati bħala medji fir-Rapport ta' Sostenibbiltà tal-2009 (3) tal-Kummissjoni.

(12)

Il-governanza fiskali fl-Italja tjiebet b'mod konsiderevoli minn mindu daħlet fiż-żona tal-euro, bis-saħħa tat-trażżin baġitarju impost bit-Trattat u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Iżda, għad fadal lok għal titjib f'ħafna oqsma tal-qafas fiskali tagħha. Għadd ta' inizjattivi ttieħdu dan l-aħħar biex titjieb il-governanza fiskali fl-Italja. L-ewwel nett, biex jindirizza l-orjentament tradizzjonali tal-pjanijiet baġitarji fuq medda qasira ta' żmien, fis-sajf tal-2008 l-gvern adotta pakkett ta' tliet snin li fih ta dettalji mhux biss ta' miri ta' kull sena għall-unitajiet waħdanin ta' nfiq u dħul, iżda wkoll il-miżuri ġenerali meħtieġa biex jinkisbu. Skont l-awtoritajiet, din l-esperjenza ma reġgħatx ġiet irripetuta bil-baġit għall-2010 minħabba l-inċertezza konnessa mat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Iżda, il-liġi qafas dwar ir-riforma tal-proċess baġitarju adottata fl-2009 kkonfermat fil-leġiżlazzjoni l-mira ta' baġit ta' tliet snin. Titjib ieħor seħħ fis-semplifikazzjoni tal-istruttura tal-baġit tal-Istat, fejn twettqet allokazzjoni ta' riżorsi aktar sempliċi u aktar orjentata lejn l-istrateġiji politiċi.

Bħala t-tielet pass, ittieħdu xi miżuri biex titjieb is-sorveljanza tal-infiq permezz ta' eżerċizzji ta' reviżjoni tal-infiq fid-dettall fil-livell tal-ministeri. Barra minn hekk, l-aħħar żewġ azzjonijiet ta' titjib ġew adottati fil-liġi qafas biex isiru karatteristika permanenti tal-proċess baġitarju. Għad irid wieħed jara jekk l-implimentazzjoni fil-prattika ta' din ir-riforma, li teħtieġ għadd ta' snin, ser twassalx għar-riżultati ppjanati f'termini ta' kontroll aħjar tal-infiq u ta' governanza fiskali. Għall-ġejjieni, sfida ewlenija għall-governanza fiskali hija li jiġi speċifikat u implimentat qafas ġdid għall-federaliżmu fiskali sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-gvernijiet lokali u titrawwem l-effiċjenza.

(13)

Għalkemm l-implimentazzjoni tar-riformi tal-pensjoni u ż-żieda bil-mod il-mod tal-età tal-pensjoni għall-impjegati nisa tas-servizz pubbliku introdotta fl-2009 huma żviluppi pożittivi, il-kompożizzjoni tan-nefqa soċjali tibqa' mxaqilba lejn infiq għoli fil-pensjonijiet. Dan iħalli effett fuq l-infiq soċjali l-ieħor u infiq aktar produttiv maħsub biex jagħti sostenn lir-riċerka u l-innovazzjoni, u min-naħa tiegħu jista' jkollu effetti negattivi fuq il-potenzjal tat-tkabbir. Barra minn hekk, billi l-istrateġija ta' tisħiġ matul il-perijodu tal-programm isserraħ fuq l-aġġustament ibbażat fuq l-infiq, jinħtieġ titjib sinifikanti tal-effiċjenza biex il-livell u l-kwalità tas-servizzi pprovduti ma jġarrbux ħsara. Xi sforzi ta' dan l-aħħar biex jitjiebu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq fl-amministrazzjoni pubblika u biex tiġi riformata l-organizzazzjoni tal-kurrikula tal-iskola sekondarja ogħla jistgħu potenzjalment iwasslu għal riżultati baġitarji pożittivi fil-medda l-medja sa dik fit-tul.

(14)

Kollox ma' kollox, fl-2010 l-istrateġija baġitarja stabbilita fil-programm hija konsistenti b'mod wiesa' mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7). Iżda, mill-2011 lil hemm, meqjusa r-riskji fil-miri tal-iżbilanċ, l-istrateġija baġitarja tista' ma tkunx konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. B'mod partikolari, il-miri tal-iżbilanċ għall-2011-2012 jeħtieġ li jkunu mirfuda minn miżuri sħaħ u l-pjanijiet għall-perijodu kollu jissaħħu biżżejjed biex jiġu indirizzati r-riskji minn tkabbir possibbli inqas favorevoli tal-PDG u xi nuqqas ta' ilħuq ta' miri fuq in-naħa tal-infiq. L-istess konklużjoni tapplika għall-isforz strutturali ppjanat fil-programm, li jista' ma jilħaqx dak li l-Kunsill irrakkomanda. Sakemm dawn ir-riskji ma jiġux indirizzati b'mod adegwat, u jiġu implimentati bis-sħiħ il-pjanijiet ta' tisħiħ, l-istrateġija baġitarja tista' ma tkunx biżżejjed biex il-proporzjon għoli ħafna tad-dejn tal-gvern jiġi lura fuq it-triq tat-tnaqqis fl-2011-2012.

(15)

Fir-rigward tar-rekwiżiti tad-data speċifikati fil-kodiċi tal-kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm fih xi lakuni fid-data mitluba u f'dik fakultattiva (4). Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta' Diċembru 2009 bil-ħsieb li l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv tiġi fi tmiemha, il-Kunsill stieden ukoll lill-Italja tirrapporta dwar il-progress magħmul fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet f'kapitolu għalih fl-aġġornamenti tal-programmi ta' stabbiltà. L-Italja ma kinitx konformi għal kollox ma' din ir-rakkomandazzjoni, billi ebda tagħrif ma ngħata dwar miżuri ġenerali meħtieġa biex jinkiseb it-tisħiħ addizzjonali ppjanat fl-2011-2012.

Il-konklużjoni ġenerali hi li l-programm jipprevedi li l-iżbilanċ jonqos bi ftit, sa 5 % tal-PDG fl-2010, minn 5,3 % fl-2009, bis-saħħa tal-aġġustament imsejjes fuq l-infiq adottat fis-sajf tal-2008 u kkonfermat mil-baġit tal-2010. Minn hemm 'il quddiem, il-proporzjon tal-iżbilanċ huwa ppjanat li jinżel taħt it-3 % sal-2012, l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv. L-istrateġija hija bbażata fuq (i) l-implimentazzjoni ulterjuri tal-aġġustament ibbażat fuq l-infiq għall-perijodu 2009-2011 adottat fis-sajf tal-2008; u (ii) sforz addizzjonali ta' tisħiħ li jwassal għal 0,4 pp. tal-PDG fl-2011 u 0,8 pp. oħra fl-2012, li iżda mhux mirfud minn miżuri ġenerali. Il-proporzjon tad-dejn gross huwa mistenni li jiżdied minn ftit aktar minn 115 % tal-PDG fl-2009 għal madwar 117 % tal-PDG fl-2010. Minn hemm 'il quddiem, huwa previst li jonqos għal 114,6 % tal-PDG fl-2012, konsistenti mal-miri baġitarji ppjanati u s-suppożizzjonijiet ta' tkabbir ekonomiku. Iżda, il-proporzjonijiet tal-iżbilanċ u d-dejn jistgħu jkunu ogħla mill-miri. Kollox ma' kollox, is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-programm jidhru favorevoli. Barra minn dan, lil hinn min-nuqqas ta' miżuri ġenerali li jirfdu l-isforzi ta' tisħiħ addizzjonali ppjanati, il-kisba tal-previżjonijiet tat-tendenza ser tkun sfida kbira billi minnhom infushom jitolbu livell għoli ħafna ta' trażżin tal-infiq. F'dan il-kuntest, il-passat juri li l-infiq żejjed irid jitqies ukoll. Sfida ewlenija għall-governanza fiskali hija l-implimetazzjoni tar-riforma tal-proċess baġitarju u tar-regoli li jirregolaw il-federaliżmu fiskali b'mod li titjieb il-kontabbiltà tal-gvernijiet lokali u tiġi żgurata d-dixxiplina fiskali. Minbarra t-tisħiħ fiskali, li huwa kondizzjoni biex il-finanzi pubbliċi jinżammu fuq triq sostenibbli minħabba wkoll il-proporzjon għoli ħafna tad-dejn, sfida ewlenija oħra għall-politika ekonomika tal-Italja fis-snin li ġejjin ser tkun li jitrawwem irkupru malajr u fit-tul fit-tkabbir tal-produttività sabiex terġa' tinkiseb il-kompetittività u jiżdied it-tkabbir potenzjali relattivament baxx tal-PDG tal-pajjiż.

Minħabba l-valutazzjoni ta' hawn fuq u wkoll fid-dawl tar-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE tat-2 ta' Diċembru 2009, l-Italja hija mistiedna:

(i)

timplimenta b'mod rigoruż l-aġġustament baġitarju ppjanat, b'mod partikolari twettaq it-tisħiħ fiskali fl-2010 kif ippjanat u tirfed it-tisħiħ ippjanat għall-2010 u l-2012 b'miżuri konkreti li tkun lesta li tadotta l-miżuri ta' tisħiħ meħtieġa fil-każ li x-xenarju makroekonomiku tal-programm li jirfed l-Artikolu126(7) tar-Rakkomandazzjoni; taħtaf, kif preskritt fir-rakkomandazzjoni tal-EDP, kull opportunità wara l-isforzi fiskali, inkluż permezz ta’ kondizzjonijiet ekonomiċi aħjar, biex jitħaffef t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn gross lejn il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG.

(ii)

tiżgura li l-implimentazzjoni tar-riforma tal-proċess baġitarju ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-kontroll tal-infiq u tgħin isostni l-mira ta' finanzi pubbliċi sodi u li r-regoli li jirregolaw il-federaliżmu fiskali jtejbu t-trasparenza tal-gvernijiet lokali u jrawwmu l-effiċjenza.

L-Italja hija wkoll mistiedna ttejjeb il-konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-kodiċi tal-kondotta fid-dawl tan-natura indikattiva tal-previżjonijiet ta' dħul u nfiq fis-snin imbiegħda u tipprovdi aktar tagħrif dwar il-miżuri ġenerali li jservu ta' bażi għall-konsolidazzjoni prevista f'dawn is-snin fil-kapitolu tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv tal-aġġornamenti li ġejjin tal-programm ta' stabbiltà.

Tqabbil tal-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ewlenin

 

2008

2009

2010

2011

2012

PDG reali

(% ta' bidla)

PS Jan 2010

–1,0

–4,8

1,1

2,0

2,0

COM Nov 2009

–1,0

–4,7

0,7

1,4

m.d.

PS Frar 2009

–0,6

–2,0

0,3

1,0

m.d.

Inflazzjoni tal-IAPK

(%)

PS Jan 2010

3,5

0,8

1,5

2,0

2,0

COM Nov 2009

3,5

0,8

1,8

2,0

m.d.

PS Frar 2009

3,5

1,2

1,7

2,0

m.d.

Lakuna fil-produzzjoni (5)

(% tal-PDG potenzjali)

PS Jan 2010

1,1

–4,0

–3,5

–2,5

–1,6

COM Nov 2009 (6)

1,3

–3,6

–3,2

–2,5

m.d.

PS Frar 2009

0,3

–2,3

–2,7

–2,5

m.d.

Self mogħti/meħud nett meta mqabbel mal-bqija tad-dinja

(% tal-PDG)

PS Jan 2010

–2,9

–1,8

–1,6

–1,3

–1,3

COM Nov 2009

–2,9

–2,3

–2,3

–2,3

m.d.

PS Frar 2009

–1,6

–1,3

–1,1

–0,9

m.d.

Introjtu ġenerali tal-gvern (7)

(% tal-PDG)

PS Jan 2010

46,0

46,4

45,9

45,5

45,6

COM Nov 2009

46,0

46,3

45,5

45,4

m.d.

PS Frar 2009

46,4

46,8

46,8

46,4

m.d.

Nefqa ġenerali tal-gvern (7)

(% tal-PDG)

PS Jan 2010

48,8

51,7

50,9

49,9

49,5

COM Nov 2009

48,8

51,6

50,8

50,5

m.d.

PS Frar 2009

49,0

50,5

50,0

49,5

m.d.

Bilanċ ġenerali tal-gvern

(% tal-PDG)

PS Jan 2010

–2,7

–5,3

–5,0

–3,9

–2,7

COM Nov 2009

–2,7

–5,3

–5,3

–5,1

m.d.

PS Frar 2009

–2,6

–3,7

–3,3

–2,9

m.d.

Bilanċ primarju

(% tal-PDG)

PS Jan 2010

2,4

–0,5

–0,1

1,3

2,7

COM Nov 2009

2,4

–0,5

–0,6

0,1

m.d.

PS Frar 2009

2,5

1,3

1,9

2,6

m.d.

Bilanċ aġġustat ċiklikalment (5)

(% tal-PDG)

PS Jan 2010

–3,3

–3,2

–3,2

–2,7

–1,9

COM Nov 2009

–3,4

–3,5

–3,7

–3,8

m.d.

PS Frar 2009

–2,7

–2,6

–1,9

–1,6

m.d.

Bilanċ strutturali (8)

(% tal-PDG)

PS Jan 2010

–3,5

–3,8

–3,3

–2,7

–1,9

COM Nov 2009

–3,6

–3,7

–3,7

–3,7

m.d.

PS Frar 2009

–2,9

–2,7

–2,0

–1,7

m.d.

Dejn gross tal-gvern

(% tal-PDG)

PS Jan 2010

105,8

115,1

116,9

116,5

114,6

COM Nov 2009

105,8

114,6

116,7

117,8

m.d.

PS Frar 2009

105,9

110,5

112,0

111,6

m.d.

Programm ta’ Stabbiltà (PS); Il-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa tal-2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jistgħu jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/index_mt.htm

(2)  Il-valutazzjoni b'mod partikolari tqis il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 u l-previżjoni interim ta' Frar 2010, iżda wkoll tagħrif ieħor li laħaq sar disponibbli minn dakinhar ’il hawn.

(3)  Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill mill-10 ta' Novembru 2009 dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi “il-Kunsill jappella lill-Istati Membri biex jiffokaw l-attenzjoni fuq strateġiji orjentati lejn is-sostenibbiltà fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza li ġejjin” u jkompli billi “jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Kumitat għall-Politika Ekonomika u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, biex jiġu żviluppati ulterjorment metodoloġiji għall-valutazzoni tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien fil-ħin għar-rapport ta' Sostenibbiltà li jmiss,” li huwa previst fl-2012.

(4)  B'mod partikolari, il-programm ma jindikax il-miżuri wesgħin li jirfdu t-tisħiħ addizzjonali ppjanat meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi baġitarji fuq perijodu medju. Skont dan, il-proporzjonijiet ta' nfiq u dħul ippreżentati fil-programm għall-2011 u l-2012 mhumiex konsistenti mal-miri baġitarji. Barra minn dan, id-data fakultattiva dwar l-infiq tal-gvern ġenerali skont il-funzjoni (it-Tabella 3 fl-Anness 2 tal-kodiċi tal-kondotta) u dwar l-assi finanzjarji likwidi u d-dejn finanzjarju nett (it-Tabella 4 fl-Anness 2 tal-kodiċi tal-kondotta) mhix ippreżentata.

(5)  Lakuni fil-produzzjoni u bilanċi aġġustati ċiklikament skont il-programmi kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fil-programmi.

(6)  Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 0,4 %, 0,2 %, 0,3 % u 0,7 % rispettivament fil-perijodu 2008-2011.

(7)  Id-data tad-dħul u l-infiq pprovduta fil-programm hija xejra bbażata fuq leġislazzjoni mhux emendata. Il-bilanċi ġenerali tal-gvern immirati jinkorporaw miżuri addizzjonali b'impatt pożittiv ta' 0,4 % tal-PDG fl-2011 u ta' 0,8 % oħra fl-2012.

(8)  Bilanċ aġġustat ċiklikament bl-esklużjoni ta' miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn. Il-miżuri ta' darba u oħrajn temporanji huma 0,2 % tal-PDG fl-2008, 0,6 % fl-2009 u 0,1 % fl-2010; kollha jnaqqsu l-iżbilanċ skont l-iktar programm reċenti. Fil-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2009 l-miżuri ta' darba u oħrajn temporanji huma 0,2 % tal-PDG kemm fl-2008 kif ukoll fl-2009 bi tnaqqis tal-iżbilanċ; 0 % fl-2010, u 0,1 % tal-PDG fl-2011, b'żieda tal-iżbilanċ.

Sors:

Programm ta’ Stabbiltà (PS); Il-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa tal-2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.