28.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/1


OPINJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm ta’ konverġenza aġġornat tar-Repubblika Ċeka, 2009-2012

2010/C 138/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

(1)

Fis-26 ta’ April 2010 l-Kunsill eżamina l-programm ta’ konverġenza aġġornat tar-Repubblika Ċeka, li jkopri l-perijodu mill-2009 sal-2012.

(2)

Il-kriżi globali kellha impatt qawwi fuq l-ekonomija Ċeka. Wara perijodu ta' tliet snin ta' tkabbir ta' 'l fuq minn 6 %, il-PDG reali kiber b'2,5 % biss fl-2008 u naqas b'4 % fl-2009, skont il-programm ta' konverġenza aġġornat. L-ekonomija kienet affettwata l-aktar fejn jidħol il-kummerċ, iżda wkoll permezz tal-effetti ta' kunfidenza, restrizzjoni ta' kondizzjonijiet ta' kreditu, u deterjorament tad-dħul ta' investiment minn barra. L-awtoritajiet irreaġixxew b'determinazzjoni għall-kriżi.

Il-Bank Nazzjonali Ċek naqqas ir-rata tal-imgħax tal-politika ewlenija tiegħu minn 3,75 % f'nofs l-2008 għal 1 % fil-preżent u l-gvern fassal u implimenta pakkett ta' stimulu fiskali mdaqqas f'konformità mal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (PERE), li jammonta għal 2,2 % tal-PDG fl-2009. Il-koruna Ċeka naqqset il-valur b'madwar wieħed minn ħamsa kontra l-euro bejn nofs Lulju 2008 u nofs Frar 2009 (din imbagħad għolliet il-valur b'madwar 14 % sa nofs Frar 2010). Fil-perijodu attwali immedjat ta' wara l-kriżi, l-ekonomija Ċeka mhijiex issofri minn vulnerabbiltajiet makroekonomiċi importanti. L-isfida ewlenija hi li jitnaqqas id-defiċit għoli strutturali tal-gvern, li hu stmat għal madwar 6 % tal-PDG fl-2009, għal livell sostenibbli. Barra minn dan, huwa importanti wkoll li jkun żgurat aġġustament rapidu tas-suq tax-xogħol għat-tnaqqis u l-progress lejn konverġenza għal tul ta' żmien. Fit-2 ta' Diċembru 2009, minħabba d-defiċit ippjanat għall-2009, il-Kunsill iddeċieda dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjonijiet biex iġibu d-defiċit taħt it-3 % tal-livell massimu tal-PDG sal-2013.

(3)

Għalkemm ħafna mid-deterjorament li ġie osservat fil-PDG attwali fil-kuntest tal-kriżi huwa ċikliku, il-livell ta' produzzjoni potenzjali ġie wkoll affettwat b'mod negattiv. Barra minn hekk, il-kriżi tista’ taffettwa wkoll it-tkabbir potenzjali fuq il-perijodu medju kawża ta' inqas investiment u żieda fil-qgħad strutturali. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika jaggrava l-effetti negattivi tat-tixjiħ demografiku fuq il-produzzjoni potenzjali u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. F’dan il-kuntest se jkun essenzjali li jitħaffef il-pass tar-riformi strutturali bil-għan li jiġi sostnut it-tkabbir potenzjali. B’mod partikolari, għar-Repubblika Ċeka huwa importanti li jsiru riformi mmirati lejn it-tkabbir fil-produttività (titjib fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni, l-ambjent kummerċjali u l-kompetizzjoni) kif ukoll il-provvista tax-xogħol u l-ħiliet.

(4)

Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa bbażat il-programm jipprevedi li t-tkabbir reali fil-PDG ser ikun 1,3 % fl-2010, 2,6 % fl-2011 u 3,8 % fl-2012. Evalwat skont l-informazzjoni disponibbli attwalment, dan ix-xenarju jidher li huwa plawsibbli sal-2011 u huwa konsistenti ma' suppożizzjonijiet ta' rati ta' kambju u dawk monetarji.

Il-previżjoni tal-programm ta' tkabbir tal-PDG reali għall-2012, li jipprevedi żieda ta' tkabbir għal livell li hu 'l fuq mill-potenzjal tiegħu, jidher li hu fuq in-naħa favorevoli. L-inflazzjoni hi mistennija li tiżdied b'mod moderat fl-2010, l-aktar minħabba żidiet fit-taxxi indiretti, u biex tibqa’ moderata matul il-perijodu tal-programm. Il-programm jipprevedi deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol fl-2010. B'mod ġenerali, il-previżjonijiet tal-inflazzjoni u tas-suq tax-xogħol jidhru plawsibbli u konsistenti mal-previżjonijiet tat-tkabbir tal-PDG reali.

(5)

Il-programm jistma d-defiċit tal-gvern ġenerali fl-2009 għal 6,6 % tal-PDG. Id-deterjorament sinifikanti minn defiċit ta' 2,1 % tal-PDG fl-2008 jirrifletti ħafna l-impatt tal-kriżi fuq il-finanzi tal-gvern, iżda li kien ukoll riżultat ta' miżuri ta' stimulu sinifikanti li jammonta għal 2,2 % tal-PDG fl-2009 adottat mill-gvern f'konformità mal-PERE. Il-miżuri ewlenin inkludew nuqqas fil-kontribuzzjonijiet soċjali, żidiet fl-investiment pubbliku tal-infrastruttura, u sostenn finanzjarju lin-negozji u l-impjiegi. Wieħed ta' min jinnotya li fl-2009, l-infiq tal-gvern ġenerali żdied inqas milli ppjanat fl-aġġornament preċedenti tal-programm ta' konverġenza. L-iżbilanċ strutturali (jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament nett mill-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra skont il-metodoloġija li kulħadd jaqbel magħha fuq il-bażi tad-data fil-programm) iddeterjora b'madwar 2 punti perċentwali tal-PDG fl-2009. Skont il-programm, l-awtoritajiet Ċeki jippjanaw konsolidazzjoni antiċipata li tibda fl-2010, li minħabba d-defiċit strutturali kbir tar-Repubblika Ċeka u t-titjib imbassar fil-kondizzjonijiet ekonomiċi hi konformi mal-istrateġija ta' ħruġ irrakkomandata mill-Kunsill.

(6)

Il-programm ibassar id-defiċit tal-gvern ġenerali għal 5,3 % tal-PDG fl-2010. Dan jimplika titjib fil-bilanċ strutturali b'2 punti perċentwali tal-PDG, li hu aktar milli rrakkomandat mill-Kunsill f'Diċembru 2009 – ir-rakkomandazzjoni kienet li tintlaħaq medja ta' sforz annwali strutturali ta' 1 punt perċentwali tal-PDG matul l-2010–2013. Fl-2010, il-konsolidazzjoni se tkun ibbażata fuq iż-żieda tal-proporzjon tad-dħul b'1,5 punti perċentwali tal-PDG.

Il-miżuri ta' bażi jinkludu żidiet fil-VAT, dazji tas-sisa u taxxi tal-proprjetà (madwar 0,8 % tal-PDG ). Dan jirrifletti wkoll irtirar bikri ta' tnaqqis temporanju tal-kontribuzzjonijiet soċjali u żieda fil-limiti tas-sigurtà soċjali. Miżuri fuq in-naħa tal-infiq jinkludu tnaqqis fil-benefiċċji soċjali li jkopru l-mard u l-leave tal-maternità (madwar 0,1 % tal-PDG ) u l-possibbiltà mhux użata ta' indiċjar tal-pensjonijiet (madwar 0,2 % tal-PDG ).

(7)

L-għan ewlieni tal-istrateġija baġitarja għall-perijodu medju huwa l-kontinwazzjoni tal-konsolidazzjoni wara l-2010 u li jitnaqqas id-defiċit tal-gvern taħt it-3 % tal-PDG sal-2013, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Diċembru. Skont il-programm, id-defiċit se jiżdied minn 5,3 % tal-PDG fl-2010 għal 4,8 % u 4,2 % tal-PDG fl-2011 u fl-2012 rispettivament. Minkejja l-irkupru ekonomiku mistenni, it-titjib fil-bilanċ strutturali se jonqos notevolment meta mqabbel mal-2010, u mhux se jaqbeż iż-0.6 punti perċentwali tal-PDG matul l-2011–2012. Il-biċċa l-kbira tal-aġġustament se jsir min-naħa tal-infiq. Il-programm jindika li nofs it-tnaqqis tal-infiq jinvolvi infiq operattiv u n-nofs l-ieħor infiq mandatorju, iżda ma jipprovdix biżżejjed dettalji dwar kif jinkiseb dan it-tnaqqis. Il-miżuri fuq in-naħa tad-dħul huma żgħar iżda speċifikati aħjar u jinkludu kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali ogħla u taxxa tad-dħul personali ogħla. Għas-sena 2013, il-programm jipprovdi l-mira għad-defiċit tal-gvern (3 % tal-PDG) iżda l-ebda dettall dwar kif dan jintlaħaq (inklużi s-suppożizzjonijiet ta' bażi ta' tkabbir), li għal din ir-raġuni mhux possibbli li jkun iddeterminat l-isforz fiskali annwali medju għall-perijodu tal-2010–2013. Kif ikkomunikat mill-awtoritajiet, l-MTO tar-Repubblika Ċeka huwa bilanċ tal-gvern ta' – 1,0 % tal-PDG f'termini strutturali. Minħabba l-previżjonijiet l-aktar reċenti u l-livell tad-dejn, l-MTO jirrifletti l-għanijiet tal-Patt. Madankollu, il-programm ma jipprevedix li dan jinkiseb fi żmien il-perijodu tal-programm.

(8)

Ir-riżultati baġitarji fl-2010 jistgħu jkunu xi ftit inqas milli previst fil-programm. Id-dħul mill-VAT u d-dazji tas-sisa jistgħu jkunu xi ftit aktar baxxi milli mistenni minħabba l-konsum privat dgħajjef possibbli.

Min-naħa tal-infiq, dan jista' jiżdied minħabba l-pressjonijiet tal-infiq qabel l-elezzjonijiet parlamentari. L-inċertezzi dwar il-miri fiskali huma akbar għas-snin imbiegħda. Il-miri tal-infiq stabbiliti fl-aġġornament attwali għall-2011 u l-2012 mhumiex sostnuti b'miżuri konkreti, li jagħmlu l-ksib tagħhom inċert, u l-previżjonijiet tad-dħul għall-2012 huma bbażati fuq suppożizzjoni ta' tkabbir tal-PDG reali favorevoli. Finalment, il-programm ma jipprovdix informazzjoni dwar kif id-defiċit għandu jinġieb minn 4,2 % fl-2012 għal taħt it-3 % tal-PDG fl-2013.

(9)

Id-dejn gross tal-gvern huwa stmat għal 35 % tal-PDG fl-2009, ’il fuq minn 30 % fis-sena ta' qabel. Il-proporzjon tad-dejn hu maħsub li jiżdied b'7 pp. aktar matul il-perijodu tal-programm, li jilħaq 42 % tal-PDG fl-2012, li hu kkawżat l-aktar minħabba defiċit tal-gvern relattivament għoli. L-evoluzzjoni tal-proporzjon tad-dejn x'aktarx tkun anqas favorevoli milli mbassra fil-programm, speċjalment wara l-2010, minħabba r-riskji identifikati għall-konsolidazzjoni baġitarja li komplew jiggravaw bil-possibbiltà ta' tkabbir tal-PDG reali inqas favorevoli fl-2012 milli maħsub fil-programm. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern madankollu se jibqa’ taħt is-60 % tal-livell massimu tal-PDG matul il-perijodu sħiħ tal-programm.

(10)

Il-previżjonijiet tad-dejn fuq perijodu medju li jassumu r-rati ta' tkabbir tal-PDG biex jirkupraw gradwalment għall-valuri previsti qabel il-kriżi, il-proporzjonijiet tat-taxxi biex jerġgħu lura għal-livell ta' qabel il-kriżi u jinkludu ż-żieda prevista fin-nefqa relatata mal-età, juru li l-istrateġija baġitarja imfassla fil-programm, minn dak li jidher superfiċjalment u mingħajr aktar tibdil fil-politika, mhix biżżejjed biex tistabbilizza l-proporzjon tad-dejn sal-2020.

(11)

L-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa b'mod ċar ogħla mill-medja fl-UE, l-iktar b'riżultat ta' żieda relattivament għolja fl-infiq fuq il-pensjonijiet bħala proporzjon tal-PDG tul id-deċennji li ġejjin. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2009, kif stmata fil-programm, tkompli tkabbar l-impatt baġitarju ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ minħabba l-lakuna li hemm fis-sostenibbiltà.

Jekk ikun hemm bilanċ primarju pożittiv matul it-terminu l-medju u twettiq ta' riformi ta' pensjoni u sistemi tal-kura tas-saħħa bl-għan li titrażżan iż-żieda fil-futur f'dan l-infiq, dan jikkontribwixxi biex jitntaqqsu r-riskji lis-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li fir-Rapport tas-Sostenibbiltà tal-2009 tal-Kummissjoni kienu ġew ivvalutati bħala kbar. F'Jannar tal-2010 ġie stabbilit grupp ta' konsulenza esperta tal-Ministru tal-Finanzi u tal-Ministru tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali bl-għan li jitħejjew proposti alternattivi għar-riforma tal-pensjoni. Dawn ser jiġu ffinalizzati sal-aħħar ta' Mejju 2010 u se jintbagħtu lill-gvern il-ġdid.

(12)

Fir-rigward ta' proċeduri baġitarji, it-tħejjija għall-baġit hija deċentralizzata ħafna iżda fl-istess ħin mhix irregolata minn regoli fiskali sodi. Fl-2004, ir-Repubblika Ċeka introduċiet qafas baġitarju għall-medda medja taż-żmien li jiffissa l-massimi annwali għal infiq nominali għall-baġit statali matul tliet snin. Madankollu, l-esperjenza turi li l-livelli massimi ġew riveduti 'l fuq diversi drabi fil-passat lil hinn mir-reviżjonijiet permessi mir-regoli baġitarji. In-nuqqasijiet ewlenin tas-sistema attwali jinkludi infurzar dgħajjef, monitoraġġ limitat ex post, kumplessità operattiva u skrutinju pubbliku limitat tal-proċess. Fit-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill irrakkomanda lir-Repubblika Ċeka biex “tinforza b'mod rigoruż il-qafas baġitarju għall-medda medja taż-żmien u ttejjeb il-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tal-baġit matul is-sena biex jiġi evitat infiq żejjed meta mqabbel mal-pjanijiet multiannwali u tal-baġit.” Il-programm ma jinkludix biżżejjed proposti f'din id-direzzjoni. Madankollu qed isir xi progress biex titjieb il-governanza fiskali. L-implimentazzjoni kontinwa ta' tibdil sinifikanti fil-ġbir tat-taxxa u l-immaniġġjar tat-taxxa kif ukoll it-tibdil mgħaġġel għal sistema tat-teżor ta' ġestjoni tal-baġit se jikkontribwixxu għal ġestjoni aktar effiċjenti ta' finanzi pubbliċi.

(13)

Hemm xi ftit wisa’ għal titjib tal-kwalità tal-infiq pubbliku fir-Repubblika Ċeka. B'mod partikolari, l-infiq fuq l-R&D hu aktar baxx mill-medja tal-UE u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku f'oqsma bħall–kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkwist pubbliku jistgħu jitjiebu.

B’kuntrast, il-livell tal-investiment tal-gvern huwa għoli meta mqabbel mal-medja tal-UE u r-reġjuni simili (qrib il-5 % tal-PDG matul l-aħħar erba’ snin). Fuq in-naħa tad-dħul, l-awtoritajiet Ċeki implimentaw diversi riformi mill-2007 bil-mira ta' tibdil gradwali minn tassazzjoni diretta għal dik indiretta. Madankollu, aktar riformi tas-sistemi tat-taxxa u l-benefiċċji ikunu meħtieġa biex jiżdiedu l-inċentivi għax-xogħol u jitnaqqas il-qgħad. Barra minn dan, is-sistema ta' tassazzjoni diretta u l-ġbir tat-taxxa hi kumplessa u tibbenefika minn simplifikazzjoni ulterjuri.

(14)

B’mod ġenerali, fl-2010 l-istrateġija baġitarja stipulata fil-programm hija konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7). Il-mira tad-defiċit tidher xierqa u hi sostnuta b'miżuri ta' konsolidazzjoni speċifiċi. Mill-2011 ’il quddiem, meta jitqiesu r-riskji msemmija hawn fuq, l-istrateġija baġitarja ma tistax tkun konsistenti b’mod sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikou 126(7). B'mod partikolari, il-pjanijiet ta' konsolidazzjoni għas-snin 2011 u 2012 mhumiex ambizzjużi biżżejjed, b'aġġustament fiskali medju ta' 0,3 % tal-PDG kull sena, u soġġetti għar-riskji. Il-miri tal-infiq mhumiex sostnuti minn miżuri speċifiċi, il-previżjonijiet tad-dħul għall-2012 hu bbażat fuq suppożizzjonijiet makroekonomiċi favorevoli, u l-ebda dettall mhu pprovdut dwar kif id-defiċit se jitnaqqas minn 4,2 % tal-PDG fl-2012 għal taħt it-3 % tal-PDG fl-2013. L-informazzjoni dwar l-istrateġija baġitarja għall-2013 hija nieqsa. L-isforz fiskali annwali matul il-perijodu tal-programm (2010–2012) jammonta għal medja ta' 0,8 %, li hu qrib iżda taħt il-1 % tal-isforz fiskali annwali medju rrakkomandat mill-Kunsill. Biex tiġi ssodisfata r-rakkomandazzjoni se tkun meħtieġa implimentazzjoni ta' miżuri ta' konsolidazzjoni ulterjuri matul il-perijodu tal-2011-2013 biex ikun żgurat l-isforz fiskali rrakkomandat ta' medja ta' 1 %.

(15)

Fir-rigward tar-rekwiżiti dwar id-dejta speċifikati fil-kodiċi ta’ kondotta għal programmi ta’ stabbiltà u konverġenza, il-programm għandu xi lakuni fid-dejta meħtieġa (2). Fir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta' Diċembru 2009 bil-ħsieb li tiġi fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, il-Kunsill stieden ukoll lir-Repubblika Ċeka biex tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill f'kapitlu separat fl-aġġornamenti tal-programmi ta' konverġenza. Ir-Repubblika Ċeka kkonformat b'mod parzjali ma' din ir-rakkomandazzjoni.

Il-konklużjoni ġenerali hi li l-istrateġija baġitarja tar-Repubblika Ċeka għall-2010 tkun xierqa u konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE. L-istrateġija fiskali għas-snin li ġejjin hi nieqsa mill-ambizzjoni u l-miri fiskali huma soġġetti għal riskji kemm fuq id-dħul u fuq in-naħa tal-infiq. Partikolarment, il-miri tal-infiq mhumiex sostnuti minn miżuri speċifiċi mill-2011 ’il quddiem u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi favorevoli jpoġġu ftit dubji fuq il-previżjonijiet tad-dħul għall-2012. Barra minn dan, filwaqt li d-data mmirata biex id-defiċit tal-gvern jinġieb taħt it-3 % tal-PDG (2013) hi konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, mhuwiex possibbli li tiġi vvalutata l-istrateġija baġitarja kollha minħabba li l-programm ma jipprovdix dettalji dwar il-miżuri ta' konsolidazzjoni li huma neċessarji biex jinkiseb l-aġġustament sinifikanti ppjanat f'dik is-sena. Għaldaqstant, aktar informazzjoni dwar l-istrateġija wiesgħa li ssostni il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b'mod partikolari fl-2013, tintlaqa’ tajjeb. Fir-rigward tal-qafas fiskali, hemm dgħufijiet notevoli f'diversi oqsma, b'mod partikolari fil-proċeduri baġitarji, l-infurzar tal-qafas baġitarju fuq medda medja ta' żmien. Barra minn hekk, l-impatt baġitarju għal perijodu fit-tul tal-popolazzjoni li qed tixjieħ hu b'mod ċar 'il fuq mill-medja tal-UE li jibqa’ wieħed ta' tħassib għal sostenibbiltà fuq terminu ta' żmien twil tal-finanzi pubbliċi u jisħaq għall-ħtieġa għal riformi fl-oqsma tal-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa.

Minħabba l-valutazzjoni ta’ hawn fuq u wkoll fid-dawl tar-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126 TFUE tat-2 ta’ Diċembru 2009 u wkoll minħabba l-ħtieġa li tkun żgurata konverġenza sostenibbli, ir-Repubblika Ċeka hija mistiedna li:

(i)

timplimenta l-baġit tal-2010 b'mod rigoruż u tevita l-laxkar tal-infiq; f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7), timmira fil-kuntest tal-baġit tal-2011 u l-2012, aġġustament baġitarju akbar minn dak ippjanat fil-programm u tispeċifika f'aktar dettall il-miżuri li huma neċessarji biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv mhux aktar tard mill-2013;

(ii)

tieħu azzjoni biex ittejjeb il-proċeduri baġitarji u tinforza u tissorvelja b'mod aktar rigoruż il-miri baġitarji fuq medda medja ta' żmien; b'mod partikolari, reviżjonijiet ’il fuq ta' limiti ta' nfiq lil hinn mir-reviżjonijiet permessi mir-regoli baġitarji;

(iii)

timplimenta r-riformi neċessarji sabiex ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

Ir-Repubblika Ċeka hi mistiedna wkoll biex fl-aġġornament tal-programm ta' konverġenza li jmiss iżżid informazzjoni sostanzjali f'kapitlu separat dwar il-progress li sar biex ittemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, kif mitlub mill-Kunsill fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta' Diċembru 2009.

Tqabbil tal-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ewlenin

 

2008

2009

2010

2011

2012

PDG reali

(% ta’ bidla)

PK Frar 2010

2,5

–4,0

1,3

2,6

3,8

COM Nov 2009

2,5

–4,8

0,8

2,3

m.a.

PK Ottubru 2008

4,4

3,7

4,4

5,2

m.a.

Inflazzjoni HICP

(%)

PK Frar 2010

6,3

0,6

1,8

1,5

1,8

COM Nov 2009

6,3

0,6

1,5

1,8

m.a.

PK Ottubru 2008

6,4

2,9

3,0

2,5

m.a.

Differenza fil-produzzjoni (3)

(% tal-PDG potenzjali)

PK Frar 2010

4,8

–2,0

–2,9

–2,6

–1,1

COM Nov 2009 (4)

5,6

–1,8

–2,9

–2,5

m.a.

PK Ottubru 2008

1,9

0,4

–0,4

–0,2

m.a.

Tislif/self nett fir-rigward tal-bqija tad-dinja

(% tal-PDG)

PK Frar 2010

–2,4

–0,2

1,0

0,2

0,6

COM Nov 2009

–2,2

–1,5

–0,7

–0,4

m.a.

PK Ottubru 2008

–1,0

–0,5

0,4

1,2

m.a.

Introjtu tal-amministrazzjoni pubblika

(% tal-PDG)

PK Frar 2010

40,9

39,0

40,5

40,8

40,5

COM Nov 2009

40,9

40,3

41,0

40,9

m.a.

PK Ottubru 2008

41,0

40,6

39,6

39,0

m.a.

Infiq tal-amministrazzjoni pubblika

(% tal-PDG)

PK Frar 2010

43,0

45,5

45,8

45,6

44,7

COM Nov 2009

43,0

46,9

46,5

46,6

m.a.

PK Ottubru 2008

42,2

42,2

41,1

40,2

m.a.

Bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika

(% tal-PDG)

PK Frar 2010

–2,1

–6,6

–5,3

–4,8

–4,2

COM Nov 2009

–2,1

–6,6

–5,5

–5,7

m.a.

PK Ottubru 2008

–1,2

–1,6

–1,5

–1,2

m.a.

Bilanċ primarju

(% tal-PDG)

PK Frar 2010

–1,0

–5,3

–3,5

–2,8

–2,0

COM Nov 2009

–1,0

–5,2

–3,9

–4,1

m.a.

PK Ottubru 2008

0,0

–0,4

–0,4

–0,1

m.a.

Bilanċ aġġustati ċiklikament (3)

(% tal-PDG)

PK Frar 2010

–3,8

–5,9

–4,2

–3,8

–3,8

COM Nov 2009

–4,1

–6,0

–4,5

–4,8

m.a.

PK Ottubru 2008

–2,0

–1,7

–1,4

–1,1

m.a.

Bilanċ strutturali (5)

(% tal-PDG)

PK Frar 2010

–3,7

–6,1

–4,1

–3,7

–3,5

COM Nov 2009

–4,1

–6,3

–4,7

–4,9

m.a.

PK Ottubru 2008

–1,9

–1,7

–1,3

–1,1

m.a.

Dejn gross tal-gvern

(% tal-PDG)

PK Frar 2010

30,0

35,2

38,6

40,8

42,0

COM Nov 2009

30,0

36,5

40,6

44,0

m.a.

PK Ottubru 2008

28,8

27,9

26,8

25,5

m.a.

Programm ta' konverġenza (PK); Il-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-Ħarifa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jistgħu jinsabu fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/index_en.htm

(2)  B’mod partikolari, id-dejta dwar l-infiq tal-gvern ġenerali skont il-funzjoni u fuq assi likwidi finanzjarji u dejn finanzjarju nett mhijiex pprovduta.

(3)  Differenzi fil-produzzjoni u bilanċi aġġustati ċiklikament skont il-programmi kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fil-programmi.

(4)  Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 2,4 %, 2,0 %, 2,0 % u 2,2 % rispettivament fil-perijodu 2009–2012.

(5)  Bilanċ aġġustat ċiklikament bl-esklużjoni ta' miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn. Miżuri ta’ darba u miżuri temporarji oħrajn huma 0,2 % tal-PDG fl-2009 (tnaqqis tad-defiċit) u – 0,1 % fl-2010 u 2011 (żieda fid-defiċit) skont l-aktar programm reċenti u 0,3 % tal-PDG fl-2009, 0,2 % fl-2009 tal-PDG fl-2010 u 0,1 % tal-PDG fl-2011(kollha kemm huma jnaqqsu l-iżbilanċ) skont il-previżjoni tal-Ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Sors:

Programm ta' konverġenza (PK); Il-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-Ħarifa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.