19.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/22


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1257/2009

tal-15 ta’ Diċembru 2009

li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 391/2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (1), b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

L-UE ilha tiffinanzja azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll u l-infurzar tas-sajd mill-1990, skont l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (2).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2006 jipprovdi, fost azzjonijiet oħra, għal miżuri finanzjarji Komunitarji għan-nefqa li ssir fil-kontroll l-ispezzjoni u s-sorveljanza tas-sajd għall-perjodu mill-2007 sal-2013; Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 391/2007 (3) jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

(3)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda, l-Istati Membri jrid ikollhom indikazzjonijiet ċari dwar ir-regoli li għandhom isegwu sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-UE għall-infiq li jsir fil-qasam tal-kontroll u tal-infurzar tas-sajd.

(4)

Ir-regoli li japplikaw għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-programmi ta’ kontroll nazzjonali għandhom jiġu ssimplifikati u ċċarati.

(5)

Talbiet għar-rimborż għandhom jiġu rrelatati mad-deċiżjoni preċiża tal-Kummissjoni li tapprova l-proġett li għalih qed jintalab rimborż.

(6)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-eliġibbiltà tal-infiq li jsir fl-implimentazzjoni tal-proġetti kofinanzjanti skont għadd ta’ deċiżjonijiet konsekuttivi tal-Kummissjoni.

(7)

It-talbiet għar-rimborż għal kull proġett jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni qabel ma proġett ikun tlesta. Għalhekk, hu meħtieġ li l-Istati Membri jitolbu rimborż sa ċertu żmien wara d-data li fiha jsir l-infiq jew inkella dan jiġi kkunsidrat bħala mhux eliġibbli.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 391/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 391/2007 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu (1) għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fil-każ ta’ proġetti kofinanzjati skont għadd ta’ deċiżjonijiet konsekuttivi tal-Kummissjoni, l-ewwel subparagrafu għandu japplika biss fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-proġetti kkonċernati.”

(b)

Il-paragrafu li ġej (2) huwa miżjud:

“2.   Infiq li għalih ma ntalabx rimborż saż-żmien speċifikat fl-Artikolu 11 il-paragrafu 1 għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux eliġibbli.”

(c)

Il-paragrafi li jiġu wara huma nnumerati mill-ġdid skont dan.

2.

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa mibdul b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu t-talbiet tagħhom għar-rimborż lill-Kummissjoni fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha jkun sar l-infiq. Dawk it-talbiet għandhom jindikaw b’mod ċar il-proġett u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li għalihom qed jirreferu.”

(b)

il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(c)

il-paragrafu 6 huwa mibdul b’dan li ġej:

“6.   Jekk il-Kumissjoni tikkonsidra li t-talba mhix konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 861/2006, f’dan ir-Regolament, fid-deċiżjoni provduta fl-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006, jew mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-għotja ta’ kuntratti pubbliċi, hi għandha titlob lill-Istat Membru biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-każ f’perjodu ta’ żmien limitat. Jekk l-eżami jikkonferma n-nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta li tirrimborża n-nefqa kollha, jew parti minnha u, fejn xieraq, titlob rimborż tal-ħlasijiet mhux dovuti.”

3.

Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.   Ir-rimborż għandu jsir bl-euro abbażi tar-rata ta’ kambju ppublikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tax-xahar li fih tiġi rreġistrata l-fattura fis-sistema tal-kontabbiltà dipartiment li jawtorizza tal-Kummissjoni.”

4.

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2(a), il-punt (iv) huwa mibdul b’li ġej:

“(iv)

lista tal-proġetti li huma rrinunzjati, jekk hemm;”

(b)

fil-paragrafu 2(a), il-punt (iv) huwa mibdul b’li ġej:

“(iv)

lista tal-proġetti li ma ġewx implimentati, jekk hemm, bl-indikazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-UE f’dawk il-proġetti,”

5.

Fl-Anness VI, (d) il-punt (vii), huwa mibdul b’dan li ġej:

“(vii)

Informazzjoni dwar l-għoti ta’ akkwist pubbliku: fil-każijiet kollha fejn l-infiq jaqbeż il-pubblikazzjoni tal-limitu massimu, għandhom jiġu mehmuża, il-fotokopja tal-avviżi tas-sejħiet għall-offerti pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tal-minuti tal-ftuħ tal-offerti,tal-evalwazzjoni tal-offerti, tal-avviż tal-għoti kif ukoll tal-kuntratt. L-infiq li jsir fuq bastimenti u inġenji tal-ajru li għandhom jintużaw kompletament jew parzjalment għal finijiet ta’ kontroll tas-sajd ma jistgħu jibbenefikaw minn l-ebda eżenzjoni mir-regoli tal-akkwist tal-UE b’referenza għall-Artikolu 346 dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, il-15 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(3)  ĠU L 97, 12.4.2007, p. 30.