10.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/64


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1204/2009

tal-4 ta’ Diċembru 2009

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 (2) iffissa xi dati ta’ skadenza għall-implimentazzjoni ta’ miżuri fil-qafas tal-pjanijiet ta’ ristrutturar u l-programmi nazzjonali ta’ diversifikazzjoni. Minn dak iż-żmien sar evidenti li hemm il-bżonn li jiġi definit kalendarju ġdid għall-iskema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor sabiex jitqiesu l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja globali fuq l-ekonomiji ta’ ċerti Stati Membri u l-bidliet importanti ta’ f’daqqa fil-programmi nazzjonali ta’ ristrutturar li bdew fl-2008 u għadhom għaddejjin.

(2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 jipprovdi li kwalunkwe ammont li jifdal fil-fond tar-ristrutturar temporanju wara l-finanzjament tal-miżuri jiġi ttrasferit fil-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Sabiex tkun żgurata ġestjoni soda finanzjarja u tal-baġit tal-fondi li jibqgħu, huwa xieraq li jiġu postposti d-dati finali eżistenti għall-eliġibbiltà tal-ħlasijiet li saru taħt il-fond ta’ ristrutturar fil-każ li l-impriżi kkonċernati jaġġornaw il-pjanijiet ta’ ristrutturar tagħhom.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 968/2006 għandu, għalhekk, jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 968/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 6(1), jiġi miżjud it-tieni subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fuq talba motivata tal-impriża kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu estensjoni tad-data ta’ skadenza ffissata f’dak il-punt sat-30 ta’ Settembru 2011 l-iktar tard. F’dan il-każ, l-impriża għandha tressaq pjan emendat tar-ristrutturar skont l-Artikolu 11.”

(2)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   L-azzjonijiet u l-miżuri pprovduti fil-programm nazzjonali ta’ ristrutturar għandhom jiġu implimentati sat-30 ta’ Settembru 2011.”

(3)

Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   L-ewwel ħlas jista’ jsir f’Settembru 2007. L-għajnuna għad-diversifikazzjoni, l-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni u l-għajnuna tranżitorja għal ċerti Stati Membri ma għandiex titħallas iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2012.”

(4)

Fl-Artikolu 22, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Bl-eċċezzjoni ta’ każ ta’ forza maġġuri, is-sigurtà tintilef jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti sat-30 ta’ Settembru 2012 l-iktar tard.”

(5)

Fl-Artikolu 24, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Sat-30 ta’ Ġunju 2012, l-Istat Membru għandu jressaq lill-Kummissjoni rapport finali ta’ progress li jqabbel l-azzjonijiet jew il-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba ma’ dawk previsti fil-pjanijiet ta’ ristrutturar, il-programmi nazzjonali ta’ ristrutturar u l-pjanijiet tal-kummerċ u l-ispjegazzjoni tar-raġunijiet għad-devjazzjonijiet.”

(6)

Fil-Kapitolu V jidħol Artikolu 22b ġdid:

“L-Artikolu 22b

L-eliġibbiltà tal-ħlasijiet

In-nefqa għandha tkun eliġibbli biss għall-finanzjament Komunitarju jekk tħallset mill-Istati Membru lill-benefiċjarju sat-30 ta’ Settembru 2012 l-iktar tard.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2006, p. 32.