9.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1197/2009

tat-30 ta’ Novembru 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2115/2005 li jistabbilixxi pjan ta’ rkupru tal-provvista tal-ħalibatt tal-Groenlandja fil-qafas tal-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Majjistral

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2115/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 (1) jimplimenta pjan ta’ rkupru għall-ħalibatt tal-Groenlandja adottat mill-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “NAFO”).

(2)

Fid-29 Laqgħa Annwali li saret f’Settembru 2007, in-NAFO adottat għadd ta’ emendi għal dan il-pjan ta’ rkupru. Dawk l-emendi għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri mtejba ta’ kif jiġi rrappurat il-qbid u miżuri addizzjonali ta’ kontroll biex jissaħħu l-ispezzjonijiet fuq il-baħar għal bastimenti deħlin u ħerġin miż-Żona Regolatorja tan-NAFO.

(3)

Għalhekk huwa neċessarju li r-Regolament (KE) Nru 2115/2005 jiġi emendat sabiex jimplementa l-emendi għall-pjan ta’ rkupru,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2115/2005 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a

Dħul fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO

1.   Il-bastimenti tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 5(1) jistgħu jidħlu fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO biex jistadu għall-ħalibatt tal-Groenlandja biss jekk huma:

(a)

jkollhom inqas minn 50 tunnellata ta’ kwalunkwe qabda abbord; jew

(b)

jikkonformaw mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Fejn il-bastiment tas-sajd ikollu qabdiet minn barra ż-Żona Regolatorja tan-NAFO ta’ 50 tunnellata jew aktar abbord, għandu jikkomunika lis-Segretarjat tan-NAFO, permezz tal-posta elettronika jew fax, sa mhux aktar tard minn 72 siegħa qabel ma jidħol fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO:

(a)

l-ammont tal-qabda miżmuma abbord;

(b)

il-pożizzjoni (latitudni/lonġitudni) li fiha l-kaptan tal-bastiment jipprevedi li l-bastiment ikun ser jibda jistad; u

(c)

l-ħin stmat tal-wasla fil-pożizzjoni.

3.   Jekk bastiment ta’ spezzjoni, wara l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jindika li jkun biħsiebu jwettaq spezzjoni, dan għandu jikkomunika lill-bastiment tas-sajd l-koordinati ta’ punt ta’ kontroll fejn tkun tista’ ssir spezzjoni. Il-punt ta’ kontroll m’għandux ikun aktar minn 60 mil nawtiku mill-pożizzjoni li fih il-kaptan tal-bastiment jipprevedi li l-bastiment ikun ser jibda jistad.

4.   Il-bastiment tas-sajd imsemmi fil-paragrafu 2 jista’ jibda jistad f’kull wieħed mill-każjiet li ġejjin:

(a)

jekk jiġi notifikat b’dan mis-Segretarjat tan-NAFO;

(b)

jekk, wara spezzjoni mwettqa skont il-paragrafu 3, jiġi infurmat mill-bastiment ta’ spezzjoni li jista’ jibda jistad;

(c)

jekk il-bastiment ta’ spezzjoni ma jkunx beda l-ispezzjoni fi żmien tliet sigħat wara l-wasla tal-bastiment tas-sajd fil-punt ta’ kontroll indikat skont il-paragrafu 3;

(d)

jekk ma jirċievi l-ebda komunikazzjoni, mis-Segretarjat tan-NAFO jew minn bastiment ta’ spezzjoni sakemm jidħol fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO, li bastiment ta’ spezzjoni għandu l-intenzjoni li jagħmel spezzjoni skont il-paragrafu 3.”;

(2)

L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

kwantitajiet ta’ ħalibatt tal-Groenlandja fuq bażi ta’ ħamest ijiem, inkluż qabda li ma tirrendi xejn. Dan ir-rapport għandu jiġi trasmess għall-ewwel darba mhux aktar tard minn tmiem l-għaxar jum wara d-data tad-dħul tal-bastiment fis-Sub-żona 2 tan-NAFO u fid-Diviżjonijiet 3KLMNO;”,

(b)

il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom, malli jirċevuhom, jittrasmettu r-rapporti previsti fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat minnufih ir-rapport imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 lis-Segretarjat tan-NAFO.

3.   Meta l-qabdiet ta’ ħalibatt tal-Groenlandja notifikati skont il-paragrafu 2 jitqiesu li eżawrew 75 % tal-allokazzjoni tal-kwota tal-Istati Membri, il-kaptani għandhom jittrasmettu r-rapporti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 fuq bażi ta’ tlett ijiem.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  ĠU L 340, 23.12.2005, p. 3.