|
28.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 313/36 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1151/2009
tas-27 ta’ Novembru 2009
li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni taż-żejt tal-ġirasol li joriġina jew li jiġi kkunsinjat mill-Ukrajna minħabba riskji ta’ kontaminazzjoni miż-żejt minerali u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/433/KE
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/433/KE tal-10 ta’ Ġunju 2008 li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ żejt tal-ġirasol li joriġina jew li jiġi kkunsinjat mill-Ukrajna minħabba riskji ta’ kontaminazzjoni miż-żejt minerali (2) ġiet adottata biex tħares is-saħħa pubblika wara s-sejbiet ta’ April 2008 ta’ livelli għolja ta’ paraffin minerali fiż-żejt tal-ġirasol mill-Ukrajna. |
|
(2) |
L-awtoritajiet Ukrajni infurmaw lis-servizzi tal-Kummissjoni bit-twaqqif ta’ sistema ta’ kontroll xierqa mfassla biex tiżgura li l-kunsinni kollha ta’ żejt tal-ġirasol maħsuba biex jiġu esportati lejn il-Komunità jiġu ċċertifikati li ma fihomx livelli ta’ żejt minerali li jagħmlu ż-żejt tal-ġirasol ħażin għall-konsum mill-bniedem. |
|
(3) |
Id-dettalji ta’ dan il-kontroll u tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni ġew valutati mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri u ġew diskussi matul il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali li ttellgħet fl-20 ta’ Ġunju 2008. Ġie konkluż li dan il-kontroll u din is-sistema ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jiġu aċċettati. |
|
(4) |
L-Uffiċċju Veterinarju u Alimentari tal-Kummissjoni Ewropea wettaq missjoni ta’ spezzjoni fl-Ukrajna mis-16 sal-24 ta’ Settembru 2008 biex jivvaluta s-sistemi ta’ kontroll fis-seħħ maħsuba biex jipprevjenu l-kontaminazzjoni biż-żejt minerali taż-żejt tal-ġirasol intiż għall-esportazzjoni lejn il-Komunità (3). It-tim ta’ spezzjoni kkonkluda li l-awtoritajiet Ukrajni implimentaw is-sistema ta’ kontroll uffiċjali l-ġdida li tipprevjeni l-preżenza ta’ żejt minerali fiż-żejt tal-ġirasol destinat għall-Komunità u li s-sistema ta’ kontroll ipprovdiet biżżejjed garanziji għal dak il-għan. Madankollu, dawn is-sejbiet urew li l-investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Ukrajni ma żvelatx l-għajn tal-kontaminazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ teħid ta’ kampjuni uffiċjali u s-segwiment sussegwenti tagħhom. |
|
(5) |
Minħabba l-livell tar-riskju u skont l-Artikolu 1 (4) tad-Deċiżjoni 2008/433/KE, l-Istati Membri kkontrollaw l-kunsinni kollha ta’ żejt tal-ġirasol li ġew mill-Ukrajna biex jivverifikaw li dawn il-kunsinni ma fihomx livell inaċċettabbli ta’ żejt minerali u li l-informazzjoni fiċ-ċertifikat rekwiżit hija preċiża. Ir-riżultati ta’ dawk il-kontrolli juru l-preċiżjoni u l-affidabbiltà tas-sistema ta’ kontroll u ċertifikazzjoni li tpoġġiet fis-seħħ mill-awtoritajiet Ukrajni. Ir-riżultati analitiċi kollha kkonfermaw il-korrettezza tal-livelli ta’ żejt minerali ddikjarati fiċ-ċertifikat. |
|
(6) |
Jixraq li jiġi stipulat li t-teħid tal-kampjuni ta’ kunsinni taż-żejt tal-ġirasol għall-preżenza ta’ żejt minerali għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-kampjuni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta’ livelli ta’ ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti tal-ikel (4) u l-istandard Internazzjonali ISO 5555:2003 dwar it-teħid tal-kampjuni tax-xaħmijiet u ż-żjut mill-annimali u l-pjanti. |
|
(7) |
Minħabba f'hekk, jixraq li l-miżuri attwali jiġu mistħarrġa. Billi l-emendi huma sostanzjali, id-dispożizzjonijiet għandhom applikazzjoni diretta u huma ta’ natura li torbot fl-intier tagħhom, id-Deċiżjoni 2008/433/KE għandha tiġi sostitwita minn dan ir-Regolament, li jista' jiġi mistħarreġ fi stadju ulterjuri abbażi tar-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri. |
|
(8) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ambitu
Dan ir-Regolament għandu japplika għaż-żejt mhux maħdum u raffinat taż-żerriegħa tal-ġirasol, li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM 1512 11 91 or tal-Kodiċi TARIC 1512 19 90 10 (minn hawn 'il hinn imsejjaħ żejt tal-ġirasol), li joriġina jew jiġi kkonsenjat mill-Ukrajna.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, “paraffin minerali” tfisser idrokarboni saturati fil-firxa C10 - C56 minn sorsi esterni minbarra l-alkani C27, C29 u C31 li jitqiesu ta’ oriġini endoġena fil-każ taż-żejt tal-ġirasol.
Artikolu 3
Iċ-ċertifikazzjoni u n-notifikazzjoni minn qabel
1. Iż-żejt tal-ġirasol importat fil-Komunità m'għandux ikun fih iktar minn 50 mg/kg ta’ paraffin minerali.
2. Kull kunsinna ta’ żejt tal-ġirasol ippreżentata għall-importazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn ċertifikat kif jistabbilixxi l-Anness, li jiċċertifika li l-prodott ma fihx iktar minn 50 mg/kg ta’ paraffin minerali, u minn rapport analitiku, maħruġ minn laboratorju akkreditat skont l-EN ISO/IEC 17025 għall-analiżi taż-żejt minerali fiż-żejt tal-ġirasol, li jindika r-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għall-preżenza ta’ żejt minerali, il-kejl tal-inċertezza tar-riżultat analitiku, kif ukoll il-limitu tad-ditezzjoni (LOD) u l-limitu tal-kwantifikazzjoni (LOQ) tal-metodu analitiku.
3. Iċ-ċertifikat akkumpanjat minn rapport analitiku għandu jiffirmah rappreżentant awtorizzat tal-Ministeru tas-Saħħa tal-Ukrajna.
4. Kull kunsinna ta’ żejt tal-ġirasol għandha tiġi identifikata permezz ta’ kodiċi li għandha tiġi indikata fuq iċ-ċertifikat sanitarju, fuq ir-rapport analitiku li jkun fih ir-riżultati tal-kampjuni u l-analiżi, u fuq id-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-kunsinna.
5. L-analiżi msemmija fil-paragrafu 2 trid titwettaq fuq kampjun, li jittieħed skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 333/2007 u l-istandard internazzjonali ISO 5555:2003.
6. L-operaturi tan-negozji tal-għalf u l-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jinnotifikaw bil-quddiem fl-ewwel punt ta’ dħul dwar id-data u l-ħin li fihom tkun mistennija l-wasla fiżika tal-kunsinna tal-anqas jum tax-xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna.
Artikolu 4
Il-kontrolli uffiċjali
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jispezzjonaw li kull kunsinna taż-żejt tal-ġirasaol ippreżentata għall-importazzjoni tkun akkumpanjata minn ċertifikat u rapport analitiku kif jipprevedi l-Artikolu 3(2).
L-Istati Membri għandhom jieħdu kampjun u janalizzaw għall-preżenza ta’ paraffin minerali, b'għażla każwali, il-kunsinni ta’ żejt tal-ġirasol ippreżentati għall-importazzjoni fil-Komunità, biex jiżguraw li l-kunsinni ma jkunx fihom aktar minn 50 mg/kg ta’ paraffin minerali.
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-ikel u l-għalf dwar kull kunsinna li jinstab li fiha aktar minn 50 mg/kg ta’ paraffin minerali filwaqt li jqisu l-inċertezza tal-kejl.
2. Il-kontrolli uffiċjali kollha qabel l-aċċettazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità għandhom jitwettqu fi żmien 15-il jum mill-mument li l-kunsinna tkun offruta għall-importazzjoni u tkun fiżikament disponibbli għat-teħid tal-kampjuni.
Artikolu 5
Qsim ta’ kunsinna
Il-kunsinni m'għandhom jinqasmu qabel jitlestew il-kontrolli uffiċjali tal-awtorità kompetenti kif jistipula l-Artikolu 4.
Fil-każ ta’ qsim sussegwenti tal-kunsinna, kopja tad-dokumenti uffiċjali previsti fl-Artikolu 3 (2), li jridu jkunu awtentikati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jseħħ il-qsim, għandha takkumpanja kull waħda mill-partijiet tal-kunsinna sakemm dawn jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera.
Artikolu 6
Miżuri f'każ ta’ nuqqas ta’ konformità
Il-miżuri fir-rigward ta’ kunsinni ta’ żejt tal-ġirasol li mhumiex konformi għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (5).
Artikolu 7
Spejjeż
L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali inkluż it-teħid tal-kampjuni, l-analiżi, il-ħażna u kull miżura li tittieħed wara nuqqas ta’ konformità għandu jagħmel tajjeb għalihom l-operatur tan-negozju tal-għalf u l-ikel.
Artikolu 8
Revoka
Id-Deċiżjoni 2008/433/KE hija b'dan irrevokata.
Ir-referenzi għad-Deċiżjoni revokata għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Miżuri tranżitorji
Bħala deroga mill-Artikolu 3 (2), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ żejt tal-ġirasol li joriġinaw jew jiġu konsenjati mill-Ukrajna li jkunu ħallew l-Ukrajna qabel l-1 ta’ Jannar 2010, akkumpanjati miċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/433/KE.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(2) ĠU L 151, 11.6.2008, p. 55.
(3) http://ec.europa.eu/food/fvo/rep_details_en.cfm?rep_id=2080