30.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/43


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1030/2009

tad-29 ta’ Ottubru 2009

li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Pecorino Romano (DPO))

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u fid-dawl tal-Artikolu 17(2) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni eżaminat it-talba tal-Italja għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Pecorino Romano”, irreġistrata bir-Regolament tal-Kummissjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/1996 (2).

(2)

L-għan tat-talba hu li temenda l-ispeċifikazzjoni billi tispeċifika l-kundizzjonijiet tat-tikkettar, sabiex il-konsumatur ikun infurmat bl-aħjar mod possibbli dwar l-oriġini tal-prodott. Tqies xieraq li l-logo reġjonali jitqiegħed maġenb dak tad-denominazzjoni ma’ qiegħ il-prodott, f’każ li ċ-ċiklu integrali tal-produzzjoni jseħħ fir-reġjun imsemmi.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda konċernata u kkonkludiet li hija ġustifikata. Billi din hija emenda minuri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr rikors għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 5, 6 u 7 tal-istess Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Pecorino Romano” hija b’dan emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Is-sommarju konsolidat bl-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni jinsab fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)   ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1.


ANNESS I

Fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini “Pecorino Romano” hija approvata l-emenda li ġejja:

“Tikkettar”

Il-parti li tirrigwarda d-deżinjazzjoni u l-preżentazzjoni tal-prodott meta jitqiegħed fis-suq, ġiet spjegata fid-dettal.

Ġie ppruvat li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-ittikkettar, partikularment id-deżinjazzjoni u l-preżentazzjoni tal-prodott meta jitqiegħed fis-suq.

Sabiex il-konsumatur ikun infurmat bl-aħjar mod possibbli dwar l-oriġini tal-prodott, ladarba l-ġobon “Pecorino Romano” jiġi prodott primarjament fir-reġjun ta’ Sardenja, huwa xieraq li t-tqegħid tal-logo reġjonali maġenb il-logo tad-denominazzjoni jiġi aċċettat, f’każ li ċ-ċiklu integrali tal-produzzjoni jseħħ fir-reġjun imsemmi.


ANNESS II

SINTEŻI

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

“PECORINO ROMANO”

Nru KE: IT-PDO-0117-0017-26.1.2006

DPO (X) IĠP ( )

Din is-sinteżi tippreżenta l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b’finijiet ta’ informazzjoni biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru

Isem:

MINISTERO DELLE POLITICHE AGRICOLE E FORESTALI

Indirizz:

Via XX Settembre 20, 00187 Roma RM, ITALIA

Tel..

+39 0646655104

Feks:

+39 0646655306

Posta elettronika:

saco7@politicheagricole.gov.it

2.   Grupp

Isem:

Consorzio per la Tutela del Formaggio Pecorino Romano

Indirizz:

Corso Umberto I 226, 08015 Macomer NU, ITALIA

Tel..

+39 078570537

Feks:

+39 078572215

Posta elettronika:

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri (X) oħrajn ( )

3.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. —

Ġobnijiet

4.   Speċifikazzjonijiet

(sinteżi tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem

“Pecorino Romano”

4.2.   Deskrizzjoni

Il-“Pecorino Romano”DPO huwa ġobon iebes u msajjar prodott esklussivament mill-ħalib frisk tan-nagħġa, li titrabba fiż-żona msemmija fil-punt 4.3. mat-tqegħid tiegħu fis-suq, ikollu għamla ċilindrika bl-uċuħ watja, b’dijametru bejn 25 u 35 ċm, u għoli bejn 25 u 40 ċm. Jiżen bejn 20 35 kg skont id-daqs tar-rota tal-ġobon. Il-qoxra hija fina lewn l-avorju jew it-tiben naturali, u kultant tkun miksija bi protezzjoni speċjali. L-għamla hija kumpatta jew kemmxejn miftuħa; mal-qatgħa jinkixef lewn pjuttost qawwi li jkanġi mill-abjad għal lewn it-tiben. It-togħma hija aromatika u kemmxejn pikkanti għal ġobon tal-mejda; pikkanti, qawwija u pjaċevoli fl-istadju avvanzat tal-maturazzjonital-ġobon għall-ħakk. Il-“Pecorino Romano” għandu aroma karatteristika. Il-kontenut xaħmi fil-materja niexfa: mhux inqas minn 36 %.

4.3.   Żona ġeografika

It-territorju kollu tar-reġjuni ta’ Sardenja, il-Lazio u l-provinċja ta’ Grosseto.

4.4.   Prova tal-oriġini

Kull fażi tal-proċess tal-produzzjoni tiġi kkontrollata billi għal kull waħda jiġi ddokumentat kull prodott li jiddaħħal u li joħroġ. B’dan il-mod, u permezz ta’ tniżżil f’listi speċifiċi, ġestiti mill-korp ta’ spezzjoni, ta’ min irabbi l-bhejjem, ta’ min jipproduċi l-ġobon, ta’ min jimmaturah u ta’ min jippakkjah, kif ukoll id-dikjarazzjoni permezz ta’ notifika fiż-żmien opportun lill-korp ta’ spezzjoni tal-kwantitajiet prodotti, jiżguraw it-traċċabilità tal-prodott. Il-persuni fiżiċi u legali kollha, irreġistrati fil-listi relatati, se jkunu soġġetti għal kontroll min-naħa tal-korp ta’ spezzjoni, skont l-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni u l-programm ta’ monitoraġġ korrispondenti.

4.5.   Metodu ta’ produzzjoni

Il-ħalib jista’ jkollu trattament termiku u jiġi inokulat b’kulturi ta’ fermenti tal-ħalib awtoktoni u xi drabi biż-żieda ta’ razez ġejjin miż-żona ta’ produzzjoni. Il-ħalib għandu jiqras f’temperatura bejn it-38 u l-40 °C bit-tames tal-ħaruf li ġej esklussivament minn annimali mrobbija fl-istess żona ta’ produzzjoni. Il-ħalib qares għandu jissajjar f’temperatura li tvarja bejn l-45 u t-48 C. It-tmelliħ jista’ jsir fix-xott u/jew fis-salmura. Il-maturazzjoni ddum mill-inqas ħames xhur għall-ġobon tal-mejda, u mill-inqas tmien xhur għall-ġobon għall-ħakk. Il-ġobon jista’ jkun miksi b’kisja protettiva għall-ikel ta’ lewn newtrali jew sewda. Il-produzzjoni tal-ġobon iddum minn Ottubru sa Lulju.

Il-produzzjoni tal-ħalib, dik tal-ġobon “Pecorino Romano” u l-maturazzjoni tiegħu kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ mmarkar iridu jsiru fit-territorju taż-żona indikata fil-punt 4.3.

4.6.   Rabta

F’dak li jirrigwarda l-fatturi naturali, iż-żona ta’ produzzjoni tippreżenta kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija partikulari. F’dak li jirrigwarda l-fatturi umani, huwa importanti li jiġu enfasizzati l-preżenza u t-tixrid storiku tal-ġobon fis-swieq.

4.7.   Korp ta’ Spezzjoni

Il-korp ta’ spezzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istandard EN 45011.

Isem:

OCPA

Indirizz:

Zona industriale Macomer c/o Consorzio Latte, 08015 Macomer NU, ITALIA

Tel..

+39 0785742196

Feks:

+39 0785742197

Posta elettronika:

ocpa.cert@tiscali.it

4.8.   Tikkettar

Ir-roti tal-ġobon “Pecorino Romano” huma mmarkati oriġinarjament fin-naħa t’isfel bil-matriċi ddiżinjata għal dan il-għan. Din tal-aħħar tistampa fuq ir-rota d-denominazzjoni “Pecorino Romano” u l-logo tagħha, l-inizjali tal-provinċja tal-oriġini, il-kodiċi ta’ min jipproduċi l-ġobon, ix-xahar u s-sena ta’ produzzjoni.

Il-logo tad-denominazzjoni huwa magħmul minn linja kontinwa jew bit-tikek u bl-irkejjen ittundjati li fihom ir-ras stilizzata ta’ nagħġa li qiegħda fuq il-kliem tad-denominazzjoni “Pecorino Romano”.

L-użu tal-logo reġjonali addizzjonali huwa awtorizzat. Dan jitpoġġa maġenb il-logo tad-denominazzjoni fuq it-tikketti li jitpoġġew man-naħa watja tar-rota fejn iċ-ċiklu sħiħ tal-proċess ta’ produzzjoni jsir fir-reġjun ikkonċernat.