27.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/46


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1013/2009

tas-26 ta’ Ottubru 2009

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 2535/2001 li jistipula regoli dettaljati biex ikun applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-arranġamenti tal-importazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u biex jinfetħu kwoti tat-tariffa

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikoli 134, 144(1) u 192, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 19(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001 (2) jirrikjedi li l-importaturi jindikaw uħud mill-elementi dwar il-kompożizzjoni tal-ġobnijiet, impurtati skont il-kwoti msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament, fid-dikjarazzjoni tal-importazzjoni. Konsegwentement l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-kompożizzjoni attwali ta’ wħud mill-ġobnijiet, f’każ li wħud mill-kontenuti jaqbżu dawk imsemmija fl-Anness XIII għal dak ir-Regolament. Għalkemm it-tagħrif previst f’dawn in-notifiki huwa utli, mhuwiex indispensabbli għall-ġestjoni tas-suq. Għalhekk huwa xieraq li jitħassru l-Artikolu 19(3) kif ukoll l-Anness XIII għal dak ir-Regolament, bil-għan li jiġi ssimplifikat u jittaffa l-piż amministrattiv li hemm fuq in-negozjanti u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

(2)

L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001 jipprovdi, bħala regola ġenerali, li l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għall-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ żmien bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju, jistgħu jitressqu biss mill-20 sat-30 ta’ Novembru tas-sena preċedenti, skont il-kwoti msemmija fil-Kapitolu I tat-Titolu 2. Għall-importazzjonijiet tal-butir minn New Zealand kif imsemmija fl-Artikolu 34 għal dak ir-Regolament, l-Artikolu 34a(3) jipprovdi għall-ewwel għaxart (10) ijiem ta’ Novembru għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji għall-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ żmien bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju, u l-Artikolu 35a(2) jipprovdi għal terminu ta’ żmien għall-komunikazzjoni mill-Istati Membri tal-ismijiet u l-indirizzi tal-applikanti, li jqis il-perjodu stipulat fl-Artikolu 34a(3). Bil-għan ta’ armonizzazzjoni u simplifikazzjoni, huwa xieraq li tiġi estiża r-regola ġenerali tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji għall-importazzjoni għall-kwota tal-butir minn New Zealand. L-Artikoli 34a u 35a għandhom jiġu emendati kif xieraq.

(3)

It-test tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, li bi żball tħalla barra mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2020/2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2535/2001 (3), għandu jiddaħħal mill-ġdid.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 2535/2001 għandu għalhekk jiġi emendat u kkoreġut kif xieraq.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2535/2001 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 19 jitħassar.

(2)

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 34a jinbidel b’dan li ġej:

“3.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji jistgħu jitressqu biss matul il-perjodi ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 14(1).”

(3)

L-Artikolu 35(a) huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 jinbidel bit-test li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet imressqa għal kull prodott ikkonċernat, mhux aktar tard mill-ħames jum ta’ xogħol wara t-tmiem tal-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.”

(b)

Fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-applikanti, imqassma skont in-numru tal-kwota, sa mhux aktar tard mill-ħames jum ta’ xogħol wara tmiem il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet. Din in-notifika għandha ssir bl-użu ta’ mezzi elettroniċi permezz tal-formola li l-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.”

(4)

L-Artikolu 39 jinbidel bit-test li ġej:

“Artikolu 39

1.   Bl-iskop ta’ monitoraġġ tal-kwantitajiet tal-butir minn New Zealand, għandhom jitqiesu l-kwantitajiet kollha li għalihom id-dikjarazzjonijiet tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa kienu ġew aċċettati matul il-perjodu tal-kwota konċernat.

2.   L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Jannar wara tmiem is-sena tal-kwota konċernata, bil-kwantitajiet definittivi fix-xahar u l-kwantità totali għal dik is-sena ta’ kwota tal-prodotti li għalihom id-dikjarazzjonijiet tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa kienu ġew aċċettati taħt il-kwota tat-tariffa msemmija fil-paragrafu 1 matul is-sena ta’ kwota ta’ qabel.

3.   Il-komunikazzjonijiet ta’ kull xahar għandhom isiru sal-10 tax-xahar ta’ wara dak li matulu kienu aċċettati d-dikjarazzjonijiet tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa.”

(5)

L-Anness XIII jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 341, 22.12.2001, p. 29.

(3)  ĠU L 384, 29.12.2006, p. 54.