20.10.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 274/19 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 977/2009
tad-19 ta’ Ottubru 2009
li japprova emendi żgħar fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Boerenkaas (STG)]
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (1), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Olanda għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita msejħa “Boerenkaas”, irreġistrata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 149/2007 (2). |
(2) |
L-għan tal-applikazzjoni huwa li l-ispeċifikazzjoni tkun emendata sabiex meta l-produzzjoni tkun tal-istaġun, il-verifiki jitwettqu minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat matul il-perjodu tal-produzzjoni. F’każ li, f’impriża, il-produzzjoni ta’ kull sena tal-“Boerenkaas” ma tkunx taqbeż il-25 000 kilogramm, il-verifiki jitwettqu darbtejn fis-sena. Dawn it-tibdiliet qed ikunu proposti sabiex l-impriżi ż-żgħar ma jkollhomx iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż għall-verifiki li jkunu għoljin ferm. |
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda żgħira skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura mogħtija fl-Artikoli 8(2) u 9, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita msejħa “Boerenkaas” b’dan qed tiġi emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Fl-Anness II għal dan ir-Regolament qed tingħata speċifikazzjoni aġġornata.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2009.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(2) ĠU L 46, 16.2.2007, p. 18.
ANNESS I
L-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita msejħa “Boerenkaas” għandha tiġi emendata kif ġej:
Is-sentenzi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-punt 3.9 tal-ispeċifikazzjoni, li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti minimi u mal-proċeduri sabiex tkun ivverifikata n-natura speċifika tal-prodott:
“F’każ fejn il-produzzjoni tal-ġobon tat-tip ‘Boerenkaas’ tkun tal-istaġun, il-verifiki jitwettqu minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat matul il-perjodu tal-produzzjoni. F’każ li, f’impriża, il-produzzjoni ta’ kull sena tal-‘Boerenkaas’ ma tkunx taqbeż il-25 000 kilogramm, il-verifiki jitwettqu darbtejn fis-sena.”
ANNESS II
“3. L-ispeċifikazzjoni aġġornata tal-prodott
3.1. Isem li għandu jkun irreġistrat/ismijiet li għandhom ikunu rreġistrati (l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)
‘Boerenkaas’ (bl-Olandiż biss)
3.2. Jekk l-isem:
|
huwiex speċifiku minnu nnifsu |
|
jesprimix in-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel |
L-isem ‘Boerenkaas’ huwa marbut b’mod speċifiku ma’ prodott li jsir, b’mod tradizzjonali, fir-razzett mill-ħalib mhux ipproċessat u miksub mill-merħla tal-bidwi stess. ‘Boeren’ tfisser bdiewa, allura l-‘Boerenkaas’ huwa ġobon magħmul mill-bdiewa fl-irziezet.
3.3. Jekk l-isem hux qed jiġi rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006
|
Reġistrazzjoni bl-isem riżervat |
|
Reġistrazzjoni bl-isem mhux riżervat |
3.4. It-tip ta’ prodott [skont il-klassifika tal-Anness II]
Il-kategorija 1.3. |
Il-ġobon |
3.5. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)
Il-‘Boerenkaas’ huwa ġobon (bejn artab u) iebes magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tal-mogħoż, tan-nagħaġ jew tal-buflu. Il-kontenut tax-xaħam tal-‘Boerenkaas’ ivarja skont il-kontenut tax-xaħam tal-ħalib użat.
Il-ġobon jista’ jkun fih il-kemmun jew żrieragħ oħra, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar. Iktar ma l-ġobon ikun ilu li sar u iktar ma jkun ilu jimmatura, iktar jibbies u jinxef, u b’hekk isir ġobon iebes.
Xi eżempji tal-ismijiet tal-prodotti huma l-‘Goudse Boerenkaas’, il-‘Goudse Boerenkaas met kruiden’, l-‘Edammer Boerenkaas’, il-‘Leidse Boerenkaas’, il-‘Boerenkaas van geitenmelk’ u l-‘Boerenkaas van schapenmelk’.
3.6. Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)
Il-materja prima li tintuża tista’ tkun:
a) |
ħalib mhux ipproċessat; |
b) |
krema jew ħalib xkumat għal kollox jew b’mod parzjali miksub direttament mill-ħalib imsemmi fil-punt a; |
ċ) |
l-ilma. |
Il-ħalib li jintuża ma jridx ikun kellu trattament tas-sħana ta’ iktar minn 40 Ċ; l-attività tal-‘phosphatase’ trid tkun kompatibbli ma’ dik tal-ħalib mhux ipproċessat li jkun intuża.
Il-ħalib irid ikun ipproċessat biex isir ġobon fi żmien 40 siegħa minn x’ħin jinħaleb.
a) |
Il-kolturi tal-mikroorganiżmi li jiffurmaw l-aċidu lattiku, l-aċidu propjoniku u s-sustanzi aromatiċi (li ma jkunux ġenetikament modifikati) |
b) |
It-tâmes (skont it-tifsira tal-Artikolu 5(a) tad-Digriet dwar il-Prodotti tal-Ħalib (l-Att dwar il-Prodotti)) |
ċ) |
Il-klorur tal-kalċju |
d) |
In-nitrat tas-sodju |
e) |
Iż-żrieragħ, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar |
f) |
Il-klorur tas-sodju (permezz tat-tixrib fis-salmura) |
— |
Il-ħalib mhux ipproċessat jitbaqqat f’temperatura ta’ madwar 30 °Ċ fi żmien 40 siegħa minn meta jinħaleb. |
— |
Koltura ta’ tipi differenti ta’ batterji tal-aċidu lattiku twassal għall-aċidifikazzjoni. |
— |
Wara li parti mix-xorrox jitqatta’, jitħawwad u jitneħħa, it-taħlita tax-xorrox u tal-baqta tinħasel darba jew tnejn bil-misħun. B’hekk, it-temperatura tat-taħlita titla’ għal mhux iktar minn 37 °Ċ. |
— |
Wara li tkun ipproċessata, il-baqta titqiegħed fil-forom tal-ġobon. |
— |
Qabel il-proċess tal-ippressar, jew matulu, titpoġġa marka tal-kaseina fuq il-ġobon bl-isem ‘Boerenkaas’, u possibbilment ukoll bl-isem tat-tip tal-ħalib. |
— |
Wara l-proċessi tal-ippressar u tal-aċidifikazzjoni tul għadd ta’ sigħat, il-ġobon jitħalla jixxarrab f’taħlita tas-salmura li 18 sa 22 % minnha tkun melħ komuni (klorur tas-sodju). |
— |
Il-perjodu minimu għall-maturazzjoni fir-razzett huwa ta’ 13-il jum wara l-jum li fih ikun inbeda l-ipproċessar f’temperatura ta’ mill-inqas 12-il °Ċ. |
— |
Sabiex jikseb it-togħma sħiħa li tikkaratterizzah, il-‘Boerenkaas’ jitħalla jimmatura iktar fil-kamra tal-maturazzjoni fir-razzett jew fil-bini tan-negozjant tal-ġobon. It-tul tal-proċess tal-maturazzjoni jvarja minn għadd ta’ ġimgħat għal iktar minn sena. |
3.7. In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)
Il-‘Boerenkaas’ huwa ġobon magħmul fir-razzett mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tal-mogħoż, tan-nagħaġ jew tal-buflu. Mill-inqas nofs il-ħalib irid ikun ġej mill-merħla tal-bidwi nnifsu. Il-ħalib jista’ jinxtara minn mhux iktar minn żewġt irziezet oħra, imma l-kwantità totali mixtrija ma tistax taqbeż dik prodotta fir-razzett innifsu.
Karatteristiċi |
‘Goudse Boerenkaas’ |
‘Leidse Boerenkaas’ |
‘Edammer Boerenkaas’ |
‘Boerenkaas (van geitenmelk)’, ‘Boerenkaas (van schapenmelk)’, ‘Boerenkaas (van buffelmelk)’ |
Il-materja prima |
Ħalib tal-baqar |
Ħalib tal-baqar |
Ħalib tal-baqar |
Ħalib tal-mogħoż, ħalib tan-nagħaġ u ħalib tal-buflu |
Il-forma |
Bħall-‘Gouda’ (fil-forma ta’ ċilindru ċatt bit-truf ittundjati) |
Bħal-‘Leiden’ (fil-forma ta’ ċilindru ċatt bit-truf bil-ponta) |
Fil-forma ta’ ballun jew ta’ ħobża |
|
Il-qoxra |
Qoxra li tagħti mill-abjad għall-isfar, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon |
Qoxra ħamra, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon |
Qoxra li tagħti mill-abjad għall-isfar, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon |
Qoxra li tagħti mill-abjad għall-isfar, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon |
Il-konsistenza |
Minn sod sa artab u li jista’ jinħadem |
Minn sod sa iebes, u li jista’ jinqata’ fi bċejjeċ |
Minn artab sa sod jew iebes, u li jista’ jinqata’ fi bċejjeċ |
Minn sod sa artab u li jista’ jinħadem |
Il-formazzjoni tat-toqob |
Toqob fil-ġobon kollu, b’kull toqba jkollha dijametru ta’ 2 mm. sa madwar 15-il mm.; l-ebda qasma (li tkun itwal minn ċentimetru) |
Għadd limitat ta’ toqob żgħar li jiġu ffurmati meta jkun qed jiġi prodott il-ġobon, li jinsabu fil-ġobon kollu, b’kull toqba jkollha dijametru ta’ 1 sa 3 mm.; l-ebda qasma |
Għadd limitat ta’ toqob, li jinsabu fil-ġobon kollu, b’kull toqba jkollha dijametru ta’ 2 sa madwar 8 mm.; l-ebda qasma |
Toqob li jinsabu mqassmin bl-istess mod fil-ġobon kollu, jew inkella ġobon mingħajr toqob |
Il-pH |
pH ta’ bejn 5,20 u 5,40 wara 12-il jum |
pH ta’ bejn 5,20 u 5,30 wara 12-il jum |
pH ta’ bejn 5,20 u 5,30 wara 12-il jum |
pH ta’ bejn 5,10 u 5,30 wara 12-il jum |
Il-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa (f’perċentwal): |
Il-kontenut kollu tax-xaħam, mill-inqas 48 % |
30 % u iktar, kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ta’ iktar minn 30 % imma ta’ inqas minn 35 %; jew 35 % u iktar, kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ta’ iktar minn 35 % imma ta’ inqas minn 40 % |
40 % u iktar, kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ta’ iktar minn 40 % imma ta’ inqas minn 45 % |
mill-inqas 45 % u iktar |
Il-kontenut massimu tal-indewwa |
42.5 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat) |
45 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat) |
47 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat) |
46 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat) |
Il-kontenut tal-melħ (f’perċentwal) |
Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 4 % fil-ġobon niexef |
Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 4 % fil-ġobon niexef |
Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 5 % fil-ġobon niexef |
Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 4 % fil-ġobon niexef |
L-ingredjenti miżjuda |
Possibbilment il-kemmun, iż-żrieragħ, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar |
Il-kemmun |
Possibbilment il-kemmun |
Possibbilment iż-żrieragħ, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar |
It-tul minimu taż-żmien tal-maturazzjoni |
13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura |
13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura |
13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura |
13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura |
It-temperatura minima tal-maturazzjoni |
12-il °Ċ |
12-il °Ċ |
12-il °Ċ |
12-il °Ċ |
L-attività tal-‘phosphatase’ |
Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat |
Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat |
Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat |
Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat |
3.8. In-natura tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)
L-isem ‘Boerenkaas’ huwa marbut b’mod speċifiku ma’ prodott li jsir, b’mod tradizzjonali, fir-razzett mill-ħalib mhux ipproċessat u miksub mill-merħla tal-bidwi stess.
Sal-1874 il-ħalib kollu kien ikun ipproċessat fl-irziezet stess. Wara, bil-mod il-mod il-ħalib beda jiġi pproċessat b’mod industrijali. Il-ħalib li jintuża biex isir il-ġobon minnu beda jkun ippasturizzat fl-ewwel ftit snin tas-seklu għoxrin. Il-proċess tal-pasturizzazzjoni wassal għat-telf tan-natura tal-ġobon magħmul fil-maħleb. Fl-irziezet, kompla jintuża l-metodu tradizzjonali għall-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat.
Minħabba fl-enżimi li wieħed isib b’mod naturali fil-ħalib, jiġifieri l-‘lipase’ tal-ħalib, u l-preżenza ta’ flora tal-batterji li tidħol fil-ħalib waqt li jkun qed jinħaleb u wara, il-ġobon li jsir minn dan il-ħalib mhux ipproċessat għandu iktar togħma, li hija deskritta bħala togħma iktar sħiħa u ħafna iktar qawwija. Għal ħafna konsumaturi, dan huwa dak li jiddistingwi t-togħma tal-‘Boerenkaas’ minn dik tal-ġobon li jkun ‘sar b’mod industrijali’. Iktar ma jimmatura, iktar it-togħma tal-ġobon issir qawwija.
Fl-1982 iddaħħlu regoli ġodda bid-Deċiżjoni u d-Digriet dwar il-Prodotti tal-Ġobon abbażi tal-Att dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli. Dawn ir-regoli jkopru l-kwalità tal-ġobon, minn fejn ikun ġej il-ħalib, u l-metodu tal-produzzjoni. Il-marka nazzjonali relatata tiżgura li l-‘Boerenkaas’ huwa prodott tar-razzett, u li huwa magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat li jkun inżamm għal żmien qasir biss, u li jkun ġej, fil-biċċa l-kbira tiegħu, mill-merħla tal-bidwi nnifsu.
Din il-leġiżlazzjoni ddaħħal ukoll il-possibbiltà li wieħed juża l-ħalib tal-mogħoż, tan-nagħaġ u tal-buflu, minbarra l-ħalib tal-baqar. Tagħmilha wkoll possibbli li wieħed jagħmel il-ġobon minn ħalib mhux ipproċessat li jkun fih inqas kontenut tax-xaħam.
Dan ta’ hawn fuq juri biċ-ċar in-natura speċifika tal-materja prima użata u tal-metodu tal-produzzjoni.
3.9. Ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri sabiex tkun ivverifikata n-natura speċifika (l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)
Ir-rekwiżiti ta’ din l-ispeċifikazzjoni, kif deskritti fit-taqsima 3.6 (Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1 u fit-tabella mogħtija fit-taqsima 3.7 (In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)), japplikaw għall-‘Boerenkaas’ bħala speċjalità tradizzjonali garantita skont ir-Regolament (KE) Nru 509/2006.
Minn kull sitt ġimgħat sa tmienja, kull razzett ikun spezzjonat sabiex ikun żgurat li l-ħalib mhux ipproċessat li jintuża biex isir il-ġobon ikun frisk (li ma jkunx ilu iktar minn 40 siegħa li nħaleb) u sabiex ikun iċċekkjat l-użu tal-marka tal-kaseina. Darba fis-sena jsiru verifiki amminsitrattivi sabiex ikun ivverifikat minn liema rziezet ikun ġej il-ħalib użat. Il-verifiki tal-konformità mar-rekwiżiti tal-kompożizzjoni jkopru l-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa, il-kontenut tal-indewwa u l-kontenut tal-melħ fil-materja niexfa. Fl-istess ħin, dawn il-parametri jiġu ċċekkjati minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat (*).
Barra minn hekk, il-proċedura tal-ispezzjoni hija mfassla b’tali mod biex tiġi ċċekkjata l-konformità mal-karatteristiċi tipiċi l-oħrajn tad-diversi tipi ta’ ‘Boerenkaas’ mogħtija fit-tabella fit-taqsima 3.7. Dawn il-verifiki dwar il-karatteristiċi tipiċi jitwettqu b’mod viżwali u jitwettqu wkoll fl-istess waqt minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat.