|
29.9.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 256/31 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 906/2009
tat-28 ta’ Settembru 2009
dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (konsorzji)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 246/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (consortia) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,
Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 246/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 81(3) tat-Trattat permezz ta’ regolament għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn kumpanniji marittimi li jikkonċernaw l-operazzjoni konġunta ta’ servizzi tat-trasport marittimu tal-linja (konsorzji), li, bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn dawn il-kumpanniji marittimi li huma partijiet fihom, jistgħu jwasslu sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jistgħu għalhekk jaqgħu taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) tat-Trattat. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni użat is-setgħa tagħha billi adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 823/2000 tad-19 ta’ April 2000 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat lil ċerti kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn kumpanniji ta’ trasport bil-baħar (konsorzji) (3), li għandu jiskadi fil-25 ta’ April 2010. Abbażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni sal-lum, wieħed jista’ jikkonkludi li għadhom validi l-ġustifikazzjonijiet għal eżenzjoni ġenerali għall-konsorzji ta’ bastimenti tal-linja. Madanakollu, ċerti tibdiliet huma meħtieġa sabiex jitneħħew ir-referenzi għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu (4) li kien jippermetti lill-kumpanniji marittimi tal-linja jiffissaw il-prezzjijiet u l-kapaċità, li iżda issa ġie mħassar. Tibdiliet huma meħtieġa wkoll biex tkun żgurata konverġenza akbar ma’ regolamenti oħra ta’ eżenzjoni ġenerali għall-kooperazzjoni orizzontali li hemm fis-seħħ filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prassi tas-suq attwali fl-industrija tal-bastimenti tal-linja. |
|
(3) |
L-akkordji ta’ konsorzju jvarjaw b’mod sinifikanti u jvarjaw minn dawk li huma ferm integrati, li jeħtieġu livell għoli ta’ investiment pereżempju minħabba x-xiri jew in-noleġġ ta’ bastimenti mill-membri tagħhom speċifikament għall-fini ta’ twaqqif tal-konsorzju u t-twaqqif ta’ ċentri ta’ operazzjonijiet konġunti, għal akkordji flessibbli ta’ tpartit ta’ slots. Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament akkordju ta’ konsorzju jikkonsisti f’akkordju wieħed jew f’sensiela ta’ akkordji separati iżda marbuta ma’ xulxin bejn kumpanniji marittimi tal-linja li abbażi tagħhom il-partijiet joperaw is-servizz konġunt. Il-forma legali tal-arranġamenti hi anqas importanti mir-realtà ekonomika sottostanti li l-partijiet jipprovdu servizz konġunt. |
|
(4) |
Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ġenerali jrid ikun limitat għal dawk l-akkordji li għalihom jista’ jiġi preżunt b’ċertezza suffiċenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat. Madanakollu, ma hemm l-ebda preżunzjoni li l-konsorzji li ma jibbenefikawx minn dan ir-Rogolament jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 8(1) tat-Trattat jew, jekk jaqgħu f’dak l-ambitu, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat. Meta jagħmlu valutazzjoni huma stess tal-kompatibbiltà tal-akkordju tagħhom mal-Artikolu 81 tat-Trattat, il-partijiet f’tali konsorzji jistgħu jikkunsidraw il-fatturi speċifiċi tas-swieq b’volumi trasportati żgħar jew sitwazzjonijiet fejn il-limitu tas-sehem mis-suq ikun inqabeż b’riżultat tal-preżenza fil-konsorzju ta’ trasportatur żgħir mingħajr riżorsi importanti u li ż-żieda tiegħu mas-sehem fis-suq globali tal-konsorzju ma tkunx sinifikanti. |
|
(5) |
Il-konsorzji, kif inhuma definiti f’dan ir-Regolament, ġeneralment jgħinu sabiex itejbu l-produttività tas-servizzi marittimi tal-linja disponibbli bis-saħħa tar-razzjonalizzazzjoni li jġibu magħhom fl-attivitajiet tal-kumpanniji membri u permezz tal-ekonomiji ta’ skala li jippermettu fl-operazzjoni ta’ bastimenti u l-użu ta’ faċilitajiet tal-port. Jgħinu wkoll sabiex jippromwovu progress tekniku u ekonomiku billi jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu użu akbar ta’ kontejners u użu aktar effiċjenti tal-kapaċità tal-bastimenti. Għall-fini li jitwaqqaf u jitmexxa servizz konġunt, fattur essenzjali inerenti fil-konsorzji huwa l-possibbiltà li jsiru aġġustamenti tal-kapaċità b’rispons għaċ-ċaqlieq fl-offerta u d-domanda. B’kuntrast, limitazzjoni mhux ġustifikata tal-kapaċità u tal-bejgħ kif ukoll l-iffissar konġunt tar-rati tal-ġarr jew l-allokazzjoni tas-suq jew tal-konsumatur aktarx li ma jġibux magħhom l-effiċjenza. Għaldaqstant, l-eżenzjoni pprovduta minn dan ir-Regolament ma tridx tapplika għall-akkordji ta’ konsorzju li jkunu jinvolvu tali attivitajiet, irrispettivament mill-qawwa tas-suq tal-partijiet. |
|
(6) |
Sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-effiċjenzi jrid jgħaddi għand l-utenti tat-trasport. L-utenti tas-servizzi marittimi pprovduti mill-konsorzji jistgħu jibbenefikaw mit-titjib fil-produttività li jistgħu jġibu magħhom il-konsorzji. Dawk il-benefiċċji jistgħu jieħdu l-forma wkoll ta’ titjib fil-frekwenza ta’ tbaħħir u waqfien fil-portijiet, jew titjib fl-iskedar kif ukoll kwalità aħjar u servizzi personalizzati permezz tal-użu ta’ bastimenti aktar moderni u tagħmir ieħor, inklużi faċilitajiet tal-port. |
|
(7) |
L-utenti jistgħu jibbenefikaw b’mod effettiv minn konsorzji biss jekk ikun hemm kompetizzjoni biżżejjed fl-oqsma li fihom joperaw il-konsorzji. Din il-kundizzjoni trid titqies li tkun ġiet sodisfatta meta konsorzju jibqa’ taħt limitu partikolari ta’ sehem fis-suq u għaldaqstant jista’ jiġi preżunt li jkun soġġett għal kompetizzjoni effettiva attwali jew potenzjali minn trasportaturi li ma jkunux jiffurmaw parti minn dak il-konsorzju. Sabiex ikun ivvalutat is-suq rilevanti, għandha tingħata konsiderazzjoni mhux biss lill-kummerċ dirett bejn il-portijiet servuti minn konsorzju iżda wkoll lil kull kompetizzjoni minn servizzi marittimi tal-linja oħra li jbaħħru minn portijiet li jistgħu jissostitwixxu dawk servuti mill-konsorzju u, fejn xieraq, lil mezzi oħra ta’ trasport. |
|
(8) |
Dan ir-Regolament ma jridx jeżenta akkordji li jkun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li mhumiex indispensabbli biex jintlaħqu l-għanijiet li jiġġustifikaw l-għoti tal-eżenzjoni. Għal dak il-għan, restrizzjonijiet anti-kompetittivi severi (restrizzjonijiet iebsa) marbuta mal-iffissar tal-prezzijiet mitluba lill-partijiet terzi, il-limitazzjoni tal-kapaċità jew tal-bejgħ u l-allokazzjoni tas-swieq jew tal-klijenti jridu jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament. Minbarra l-attivitajiet li huma espressament eżentati minn dan ir-Regolament, iridu jkunu koperti biss minn dan ir-Regolament attivitajiet anċillari li huma marbuta direttament mal-operazzjoni tal-konsorzju, li jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni tiegħu u li jkunu proporzjonati miegħu. |
|
(9) |
Il-limitu tas-sehem fis-suq u l-kundizzjonijiet l-oħra stipulati f’dan ir-Regolament, kif ukoll l-esklużjoni ta’ ċertu aġir mill-benefiċċju tiegħu, għandhom normalment jiżguraw li l-akkordji li għalihom tapplika l-eżenzjoni ġenerali ma jkunux joffru l-possibbiltà lill-kumpannija kkonċernati li jeliminaw il-kompetizzjoni f’parti sostanzjali mis-suq rilevanti kkonċernat. |
|
(10) |
Għall-valutazzjoni dwar jekk il-konsorzju jkunx jissodisfa l-kundizzjoni tas-sehem fis-suq, iridu jiżdiedu l-ishma fis-suq globali tal-membri tal-konsorzju. Is-sehem fis-suq ta’ kull membru jrid jieħu inkunsiderazzjoni l-volumi globali li huwa jittrasporta fi ħdan il-konsorzju u barra minnu. F’dan l-aħħar każ, iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-volumi kollha trasportati minn membru fi ħdan konsorzju ieħor jew b’rabta ma’ kwalunkwe servizz ipprovdut individwalment mill-membru, kemm jekk dan ikun bil-bastimenti tiegħu stess jew inkella b’bastimenti ta’ parti terza skont l-arranġamenti kuntrattwali bħalma huwa n-noleġġ ta’ slots. |
|
(11) |
Barra minn hekk, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ġenerali jrid ikun soġġett għad-dritt ta’ kull membru tal-konsorzju li jirtira mill-konsorzju bil-kundizzjoni li dan jagħti preavviż fi żmien raġonevoli. Madankollu, iridu jiġu previsti perjodu ta’ preavviż itwal u perjodu inizjali ta’ permanenza obbligatorja fil-każ ta’ konsorzji ferm integrati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-investimenti akbar li jkunu saru sabiex jitwaqqfu u r-riorganizzazzjoni aktar estensiva meħtieġa fl-eventwalità li membru jitlaq. |
|
(12) |
F’każijiet partikolari li fihom l-akkordji li jaqgħu taħt dan ir-Regolament xorta jkollhom effetti inkompatibbli mal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ġenerali, abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (5). F’dak ir-rigward, l-effetti negattivi li jistgħu jinbtu mill-eżistenza ta’ rabtiet bejn il-konsorzju u/jew il-membri tiegħu u konsorzji oħra u/jew trasportaturi marittimi tal-linja fl-istess suq rilevanti huma ta’ importanza partikolari. |
|
(13) |
Barra minn hekk, fejn akkordji għandhom effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ Stat Membru, jew f’parti minnu, li għandu l-karatteristiċi ta’ suq ġeografiku distint, l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ġenerali fir-rigward ta’ dak it-territorju skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2003. |
|
(14) |
Dan ir-Regolament huwa bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat. |
|
(15) |
Minħabba li r-Regolament (KE) Nru 823/2000 wasal biex jiskadi, huwa xieraq li jiġi adottat Regolament ġdid li jġedded l-eżenzjoni ġenerali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-konsorzji biss sa fejn huma jipprovdu servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali tal-linja minn jew lejn port wieħed jew aktar tal-Komunità.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:
|
(1) |
“konsorzju” ifisser akkordju jew sensiela ta’ akkordji marbutin ma’ xulxin bejn żewġ trasportaturi li joperaw il-bastimenti jew aktar li jipprovdu servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali tal-linja esklużivament għall-ġarr ta’ merkanzija relatata ma’ rotta tal-kummerċ waħda jew aktar, bl-għan li sseħħ kooperazzjoni fl-operazzjoni konġunta ta’ servizz ta’ trasport marittimu, u li jtejjeb is-servizz li jiġi offrut individwalment minn kull wieħed mill-membri tiegħu fl-assenza tal-konsorzju, sabiex jiġu razzjonalizzati l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta’ arranġamenti tekniċi, operattivi u/jew kummerċjali; |
|
(2) |
“trasport marittimu tal-linja” ifisser it-trasport ta’ merkanzija fuq bażi regolari fuq rotta jew rotot partikolari bejn portijiet u f’konformità mal-iskedi u dati ta’ salpar reklamati minn qabel u disponibbli, anke fuq bażi okkażjonali, għal kull utent tat-trasport bi ħlas; |
|
(3) |
“l-utent tat-trasport” ifisser kull impriża (bħalma huma l-karikatur, il-kunsinnatarju jew min jibgħat il-merkanzija) li daħlet, jew għandha l-intenzjoni li tidħol, fi ftehim kuntrattwali ma’ membru ta’ konsorzju għat-trasport marittimu ta’ merkanzija; |
|
(4) |
“il-bidu tas-servizz” ifisser id-data li fiha l-ewwel bastiment isalpa biex jipprovdi s-servizz. |
KAPITOLU II
EŻENZJONIJIET
Artikolu 3
Akkordji eżentati
Skont l-Artikolu 81(3) tat-Trattat u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament, huwa b’dan iddikjarat li l-Artikolu 81(1) tat-Trattat ma għandux japplika għall-attivitajiet segwenti ta’ konsorzju:
|
(1) |
l-operazzjoni konġunta ta’ servizzi ta’ trasport marittimu tal-linja li tinkludi kwalunkwe attività segwenti:
|
|
(2) |
l-aġġustament tal-kapaċità b’rispons għaċ-ċaqliq fl-offerta u d-domanda; |
|
(3) |
l-operazzjoni konġunta jew l-użu ta’ terminals ta’ portijiet u servizzi relatati (bħalma huma servizzi ta’ tagħbija jew ħatt bil-braken jew servizzi ta’ stivar); |
|
(4) |
kull attività oħra anċillari għal dawk li saret referenza għalihom fil-punti (1), (2) u (3) li hi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, bħal:
|
Artikolu 4
Restrizzjonijiet iebsa
L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3 m’għandhiex tapplika għal konsorzju li, direttament jew indirettament, waħdu jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandu bħala oġġett:
|
(1) |
l-iffissar ta’ prezzijiet meta s-servizzi ta’ trasport marittimu tal-linja jinbiegħu lil partijiet terzi; |
|
(2) |
il-limitazzjoni tal-kapaċità jew tal-bejgħ ħlief għall-aġġustament tal-kapaċità imsemmi fl-Artikolu 3(2); |
|
(3) |
l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti. |
KAPITOLU III
KUNDIZZJONIJIET GĦALL-EŻENZJONI
Artikolu 5
Kundizzjonijiet relatati mas-sehem fis-suq
1. Sabiex il-konsorzju jikkwalifika għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3, is-sehem fis-suq ikkombinat tal-membri tal-konsorzju fis-suq rilevanti ma għandux jaqbeż 30 % ikkalkulat b’referenza għall-volum totali ta’ merkanzija ttrasportata f’tunnellati ta’ merkanzija jew units ekwivalenti ta’ 20 pied.
2. Għall-finijiet li jiġi stabbilit is-sehem fis-suq ta’ membru ta’ konsorzju l-volumi totali ta’ merkanzija ttrasportata minnu fis-suq rilevanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni irrispettivament minn jekk dawn il-volumi jiġux ittrasportati:
|
(a) |
fi ħdan il-konsorzju kkonċernat; |
|
(b) |
fi ħdan konsorzju ieħor li fih il-membru huwa parti; jew |
|
(ċ) |
barra minn konsorzju fuq il-bastimenti tal-membru jew ta’ partijiet terzi. |
3. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3 għandha tkompli tapplika jekk is-sehem fis-suq li saret referenza għalih fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinqabeż matul perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi b’mhux aktar minn wieħed minn għaxra.
4. Meta jinqabeż wieħed mil-limiti speċifikati fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tas-sena kalendarja li fiha jkun inqabeż. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż għal 12-il xahar jekk l-ammont li jkun jaqbeż il-limitu jkun dovut għall-irtirar mis-suq ta’ trasportatur li mhuwiex membru tal-konsorzju.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet oħra
Sabiex jikkwalifika għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3, konsorzju għandu jagħti lill-membri d-dritt li jirtiraw minnu mingħajr ebda penali finanzjarja jew penali oħra bħalma hu, b’mod partikolari, l-obbligu li jwaqqaf l-attività kollha ta’ trasport fis-suq jew swieq ikkonċernati, kemm jekk marbut mal-kundizzjoni li dik l-attività tista’ titkompla wara li jkun għadda perjodu stipulat u kemm jekk le. Dak id-dritt għandu jkun soġġett għal perjodu massimu ta’ preavviż ta’ sitt xhur. Madanakollu, il-konsorzju jista’ jistipula li tali preavviż jista’ jingħata biss wara perjodu inizjali ta’ massimu ta’ 24 xahar li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-akkordju jew, jekk wara din id-data, mill-bidu tas-servizz.
Fil-każ ta’ konsorzju li jkun ferm integrat il-perjodu massimu ta’ preavviż jista’ jiġi estiż għal 12-il xahar u l-konsorzju jista’ jistipula li tali preavviż jista’ jingħata biss wara perjodu inizjali ta’ massimu ta’ 36 xahar li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-akkordju jew, jekk wara din id-data, mill-bidu tas-servizz.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta’ April 2010.
Għandu japplika sal-25 ta’ April 2015.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2009.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(2) ĠU C 266, 21.10.2008, p. 1.
(3) ĠU L 100, 20.4.2000, p. 24.