16.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/6


IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 839/2009

tal-15 ta’ Settembru 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skont l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 39

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fil-31 ta’ Lulju 2008, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika Emenda għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl bit-titlu Entrati Hedged Eliġibbli, minn hawn ‘il quddiem “emendi għall-IAS 39”. L-emendi għall-IAS 39 jiċċaraw l-applikazzjoni tal-kontabilità għall-hedging tal-element tal-inflazzjoni għall-istrumenti finanzjarji u għall-kuntratti tal-opzjoni meta dawn jintużaw bħala strument tal-hedging.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-emenda għall-IAS 39 tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 505/2006 tal-14 ta’ Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta’ Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja [dwar ir-Rappurtar Finanzjarju] (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u lill-Kummissjoni taha l-parir li din hija bbilanċata kif xieraq u oġġettiva.

(4)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità IAS 39, Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi għall-IAS 39, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, mhux aktar tard, mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara t-30 ta’ Ġunju 2009.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, il-15 ta’ Settembru 2009

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1

(3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

IAS 39

Entrati Hedged Eliġibbli, Emenda għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ kkupjar għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta’ kummerċ ġust. Aktar tagħrif jinkiseb mill-IASB fl-indirizz www.iasb.org

Oġġetti Hedged Eliġibbli (Emenda għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl )

Fl-Istandard, jiżdied il-paragrafu 103G.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

103G

Entità għandha tapplika l-paragrafi AG99BA, AG99E, AG99F, AG110A u AG110B retrospettivament għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2009 jew wara, skont l-IAS 8 Politiki tal-Kontabilità, Bidliet fl-Istimi tal-Kontabilità u Żbalji. Applikazzjoni iktar bikrija hi permessa. Jekk entità tapplika Oġġetti Hedged Eliġibbli (Emenda għall-IAS 39) għal perijodi li jibdew qabel l-1 ta’ Lulju 2009, hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Fl-Appendiċi A Gwida għall-Applikazzjoni, jiżdiedu l-paragrafi AG99BA, AG99E, AG99F, AG110A u AG110B.

Oġġetti hedged (il-paragrafi 78-84)

Oġġetti li jikkwalifikaw (il-paragrafi 78-80)

AG99BA

Entità tista’ tiddenomina l-bidliet kollha fil-flussi tal-flus jew fil-valur ġust ta’ oġġett hedged f’relazzjoni ta’ hedging. Entità tista’ wkoll tiddenomina biss bidliet fil-flussi tal-flus jew fil-valur ġust ta’ oġġett hedged ‘il fuq jew ‘l isfel minn prezz speċifikat jew varjabbli ieħor (riskju fuq naħa waħda biss). Il-valur intrinsiku ta’ strument ta’ hedging għal opzjoni mixtrija (jekk wieħed jassumi li għandu l-istess termini prinċipali bħar-riskju ddenominat), iżda mhux il-valur tiegħu taż-żmien, jirrifletti riskju fuq naħa waħda f’oġġett hedged. Pereżempju, entità tista’ tiddenomina l-varjabbiltà ta’ eżiti futuri ta’ flussi ta’ flus li jirriżultaw minn żieda fil-prezz ta’ xiri previst ta’ prodott kummerċjali. F’sitwazzjoni bħal din, jiġi ddenominat biss it-telf ta’ flussi ta’ flus li jirriżulta minn żieda fil-prezz ‘il fuq mil-livell speċifikat. Ir-riskju hedged ma jinkludix il-valur taż-żmien ta’ opzjoni mixtrija peress li l-valur taż-żmien mhuwiex komponent tat-tranżazzjoni mbassra li jaffettwa l-profitt jew telf (il-paragrafu 86(b)).

Denomina ta’ oġġetti finanzjarji bħala oġġetti hedged (il-paragrafi 81 u 81 A)

AG99E

Il-paragrafu 81 jippermetti li entità tiddenomina xi ħaġa apparti mill-bidla sħiħa fil-valur ġust jew il-varjabbiltà fil-flussi ta’ flus ta’ strument finanzjarju. Pereżempju:

(a)

il-flussi ta’ flus kollha ta’ strument finanzjarju jistgħu jiġu ddenominati għal bidliet fil-flussi ta’ flus jew fil-valur ġust attribwibbli lil xi riskji (iżda mhux kollha); jew

(b)

uħud mill-flussi ta’ flus (iżda mhux kollha) ta’ strument finanzjarju jistgħu jiġu ddenominati għal bidliet fil-flussi tal-flus jew fil-valur ġust attribwibbli għar-riskji kollha jew għal uħud minnhom biss (jiġifieri “porzjon” tal-flussi ta’ flus tal-istrument finanzjarju jista’ jiġi ddenominat għal bidliet attribwibbli għar-riskji kollha jew għal uħud minnhom biss).

AG99F

Biex ikunu eliġibbli għall-kontabilità tal-hedging, ir-riskji u l-porzjonijiet iddenominati jridu jkunu komponenti identifikabbli separatament tal-istrument finanzjarju, u l-bidliet fil-flussi tal-flus jew fil-valur ġust tal-istrument finanzjarju kollu li jirriżultaw minn bidliet fir-riskji u l-porzjonijiet iddenominati jridu jkunu jistgħu jitkejlu b’mod affidabbli. Pereżempju:

(a)

għal strument finanzjarju b’rata fissa li jkun hedged għal bidliet fil-valur ġust li jkunu attribwibbli għal bidliet f’rata ta’ imgħax ħielsa mir-riskji jew ta’ referenza, ir-rata ħielsa mir-riskji jew ta’ referenza normalment titqies kemm bħala komponent identifikabbli separatament tal-istrument finanzjarju kif ukoll bħala li tista’ tiġi mkejla b’mod affidabbli.

(b)

l-inflazzjoni m’hijiex identifikabbli separatament u ma tistax titkejjel b’mod affidabbli u għalhekk ma tistax tiġi ddenominata bħala riskju jew porzjon ta’ strument finanzjarju ħlief jekk jiġu sodisfatti r-rekwiżiti f’(c).

(c)

il-porzjon ta’ inflazzjoni speċifikat kuntrattwalment tal-flussi ta’ flus ta’ bond rikonoxxut marbut mal-inflazzjoni (jekk wieħed jassumi li m’hemm ebda rekwiżit li derivat imdeffes jiġi kkontabilizzat separatament) huwa identifikabbli separatament u jista’ jiġi mkejjel b’mod affidabbli sakemm flussi oħrajn ta’ flus tal-istrument ma jkunux affettwati mill-porzjon tal-inflazzjoni.

Kontabilità għall-hedging (il-paragrafi 85-102)

Evalwazzjoni tal-effettività tal-hedge

AG110A

Il-paragrafu 74(a) jippermetti lil entità li tissepara l-valur intrinsiku u l-valur taż-żmien ta’ kuntratt ta’ opzjoni u li tiddenomina bħala l-istrument tal-hedging biss il-bidla fil-valur intrinsiku tal-kuntratt ta’ opzjoni. Tali denominazzjoni tista’ tirriżulta f’relazzjoni ta’ hedging li tkun perfettament effettiva biex jinkisbu bidliet ta’ tpaċija fil-flussi ta’ flus attribwibbli għal riskju fuq naħa waħda li jkun hedged ta’ tranżazzjoni prevista, jekk it-termini prinċipali tat-tranżazzjoni prevista u tal-istrument tal-hedging ikunu l-istess.

AG110B

Jekk entità tiddenomina opzjoni mixtrija fit-totalità tagħha bħala l-istrument ta’ hedging ta’ riskju fuq naħa waħda li jirriżulta minn tranżazzjoni prevista, ir-relazzjoni ta’ hedging ma tkunx perfettament effettiva. Dan għaliex il-primjum imħallas għall-opzjoni jinkludi l-valur taż-żmien u, kif iddikjarat fil-paragrafu AG99BA, riskju fuq naħa waħda ddenominat ma jinkludix il-valur taż-żmien ta’ opzjoni. Għalhekk, f’din is-sitwazzjoni, ma jkun hemm ebda tpaċija bejn il-flussi ta’ flus relatati mal-valur taż-żmien tal-primjum imħallas tal-opzjoni u r-riskju hedged iddenominat.