4.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 233/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 803/2009

tas-27 ta’ Awwissu 2009

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja, u dawk kunsinjati mit-Tajwan, kemm jekk dikjarati bħala oriġinarji mit-Tajwan, kif ukoll jekk mhumiex, u li jirrevoka l-eżenzjoni mogħtija lil Chup Hsin Enterprise Co. Ltd. u Nian Hong Pipe Fittings Co. Ltd.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 11(2) u (3) u 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni, wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ u l-investigazzjonijiet preċedenti

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 584/96 (2), ġie impost dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar (“FTP” jew “il-prodott konċernat”), li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u t-Tajlandja (“l-investigazzjoni oriġinali”). Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, dawn il-miżuri ġew estiżi bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 763/2000 (3) biex ikopru ċerti importazzjonijiet tal-prodott konċernat li huma kunsinjati mit-Tajwan, ibbażati fuq is-sejbiet tal-investigazzjoni ta’ kontra l-elużjoni.

(2)

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju antidumping definittiv imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 964/2003 (4) fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tubi jew pajpijiet aċċessorji, tal-ħadid u l-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajlandja (“il-pajjiżi konċernati”), u dawk kunsinjati mit-Tajwan, kemm jekk dikjarati bħala oriġinarji mit-Tajwan, kif ukoll jekk le, skont reviżjoni ta’ skadenza mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (“l-ewwel reviżjoni ta’ skadenza”). Id-dazju antidumping fis-seħħ huwa ta’ 58,6 % għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u 58,9 % għat-Tajlandja minbarra għal Thai Benkan Co. Ltd. (0 %) u Awaji Materia Co. Ltd. (5) (7,4 %). Tliet kumpaniji Tajwaniżi, Chup Hsin Enterprise Co. Ltd, Rigid Industries Co. Ltd u Nian Hong Pipe Fittings Co. Ltd., huma eżentati mill-estensjoni tal-miżuri għat-Tajwan.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/252/KE (6) ġew aċċettati impenji minn ċerti produtturi Tajlandiżi. Fl-2004, dawn l-impenji ġew irtirati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1496/2004 (7) li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 964/2003.

(4)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-miżuri għall-prodott konċernat li joriġina fir-RPĊ ġew estiżi għal importazzjonijiet tal-istess prodott kunsinjat mill-Indoneżja bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2052/2004 (8), mis-Sri Lanka bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2053/2004 (9), u mill-Filippini bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 655/2006 (10), kemm jekk dikjarat li joriġina mill-Filippini, l-Indoneżja, u s-Sri Lanka kif ukoll jekk le.

(5)

Bħalissa hemm ukoll fis-seħħ miżuri antidumping imposti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1001/2008 (11) fuq importazzjonijiet tal-prodott konċernat mir-Repubblika tal-Korea u l-Malażja.

2.   It-talbiet għar-reviżjonijiet

(6)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (12) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq importazzjonijiet ta’ FTP li joriġinaw fir-RPĊ u t-Tajlandja, il-Kummissjoni rċeviet talba ta’ reviżjonijiet skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament bażiku.

(7)

It-talba tressqet fil-5 ta’ Marzu 2008 mill-Kumitat tad-Difiża tal-iSteel Butt-Welding Fittings Industry tal-Unjoni Ewropea (“l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon maġġuri, f’dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Komunità ta’ FTP.

(8)

It-talba skont l-Artikolu 11(2) kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’ aktarx li tirriżulta f’kontinwazzjoni jew f’rikorrenza ta’ dumping u ta’ ħsara lill-industrija Komunitarja.

(9)

It-talba skont l-Artikolu 11(3) kienet ibbażata fuq informazzjoni mogħtija mill-applikant li, fir-rigward ta’ importazzjonijiet tal-prodott konċernat mir-RPĊ, il-miżura ma għadhiex biżżejjed biex tagħmel tajjeb għad-dumping ta’ ħsara, b’mod partikolari fejn għandha x’taqsam l-estensjoni tal-miżura għal importazzjonijiet kunsinjati mit-Tajwan. L-applikant ta evidenza prima facie li l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet prodotti minn Chup Hsin Enterprise Co. Ltd, u Nian Hong Pipe Fittings Co. Ltd. mill-miżura estiża ma għadhiex iġġustifikata minħabba li dawn il-kumpaniji jidhru li huma involuti fi prattiċi ta’ elużjoni bħalma hija trażbord it-Tajwan ta’ FTP li joriġinaw fir-RPĊ.

(10)

Billi ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ reviżjoni ta’ skadenza u ta’ reviżjoni parzjali interim, limitati għall-eżenzjoni ta’ FTP prodotti minn Chup Hsin Enterprise Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) u Nian Hong Pipe Fittings Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) mill-estensjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ kkunsinjati mit-Tajwan, il-Kummissjoni nediet reviżjonijiet (13) skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament bażiku (“ir-reviżjonijiet attwali”).

3.   L-investiġazzjoni

3.1.   Il-partijiet konċernati mill-investigazzjoni

(11)

Il-Kummissjoni avżat b’mod uffiċjali lill-produtturi Komunitarji applikanti, il-produtturi Komunitarji l-oħra, il-produtturi esportaturi fil-pajjiżi konċernati, l-importaturi/il-kummerċjanti, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom magħrufa li huma konċernati, kif ukoll, lir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-pajjiżi esportaturi, dwar it-tnedija tar-reviżjoni.

(12)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil dawn il-partijiet kollha u lil dawk li introduċew ruħhom fiż-żmien stipulat fl-avviż tat-tnedija. Il-Kummissjoni tat ukoll l-opportunità lill-partijiet interessati li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-avviż tat-tnedija.

(13)

Bħala riżultat ta’ dan, it-tweġibiet tal-kwestjonarju waslu miż-żewġ produtturi esportaturi fit-Tajwan u t-tliet produtturi Komunitarji li ntagħżlu bħala kampjun kif ukoll it-tliet importaturi mhux relatati li ntagħżlu bħala kampjun fil-Komunità (ara l-premessi (14) sa (17) hawn taħt).

3.2.   Kampjunament

(14)

Fid-dawl tal-għadd apparentament għoli ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ, importaturi mhux relatati tal-prodott konċernat fil-Komunità u produtturi Komunitarji li appoġġjaw it-talba, il-kampjunament ġie previst fl-avviż tat-tnedija, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Biex tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunament huwiex neċessarju u, jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lil dawn il-partijiet biex jagħtu l-informazzjoni elenkata fl-avviż tat-tnedija fit-Taqsima 5.1.(a) (i) sa (iii) u bagħtet formoli għall-kampjunament fejn talbet informazzjoni speċifika dwar il-volum ta’ bejgħ u l-prezzijiet medji ta’ kull produttur Komunitarju, kull produttur esportatur u kull importatur konċernat.

(15)

Ma waslet l-ebda tweġiba minn l-ebda produttur esportatur Ċiniż jew Tajlandiż, u għalhekk il-kampjunament ma kienx applikabbli.

(16)

Disa’ produtturi Komunitarji wieġbu għall-formola ta’ kampjunament. Intgħażel kampjun ta’ erba’ produtturi Komunitarji bbażat fuq il-volum tal-bejgħ tagħhom fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni. Dawn il-produtturi ntalbu biex jimlew il-kwestjonarju kollu. Waħda mill-kumpaniji magħżula sussegwentement ma mlietx il-kwestjonarju kollu u għalhekk ġiet eskluża mill-kampjun. Il-kampjun finali ta’ tliet kumpaniji kien jgħodd għal aktar minn 59 % tal-produzzjoni totali tal-industrija tal-Komunità u kien jirrappreżenta 62 % tal-volum tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità.

(17)

F’dak li għandhom x’jaqsmu l-produtturi tal-prodott konċernat, disgħa wieġbu għall-formola tat-teħid tal-kampjuni. Intagħżel kampjun ta’ erba’ importaturi ibbażat fuq il-volum tal-importazzjonijiet tagħhom tal-prodotti konċernati lejn il-Komunità mill-pajjiżi konċernati matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni. Minkejja dan, waħda mill-kumpaniji sussegwentement ma mlietx il-kwestjonarju kollu u għalhekk ġiet eskluża mill-kampjun.

3.3.   L-investigazzjoni u ż-żjarat ta’ verifika

(18)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tal-kontinwazzjoni jew rikorrenza probabbli ta’ dumping u ħsara u tal-interess Komunitarju u biex tivverifika jekk l-eżenzjoni ta’ ċerti FTP prodotti mill-kumpaniji msemmija hawn fuq fil-premessa (9) mill-estensjoni tal-miżuri antidumping li hemm fis-seħħ kontra r-RPĊ għadhiex ġustifikata biex tagħmel tajjeb għad-dumping ta’ ħsara. Iż-żjarat ta’ verifika twettqu fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Il-produtturi Komunitarji meħuda bħala kampjun

Erne Fittings GmbH, Schlins, l-Awstrija, inkluża l-kumpanija realtata Siekmann Fittings, GmbH, Lohne, il-Ġermanja,

Interfit S.A., Maubeuge, Franza,

Virgilio Cena & Figli S.p.A, Brescia, l-Italja.

(b)

L-importaturi mhux relatati meħuda bħala kampjun

BSS Group plc, Leicester, Ir-Renju Unit,

Eurobridas Fittings, S.A., Zaragoza, Spanja,

Manfred Geldbach GmbH & Co., Gelsenkirchen, il-Ġermanja.

(c)

Il-produtturi esportaturi fit-Tajwan

Chup Hsin Enterprise Co. Ltd, Kaohsiung,

Nian Hong Pipe Fittings Co. Ltd, Kaohsiung.

(d)

Il-produttur fil-pajjiż analogu, l-Istati Uniti tal-Amerika

Weldbend Corporation, Argo, Illinois, l-Istati Uniti tal-Amerika.

3.4.   Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni

(19)

L-investigazzjoni tal-kontinwazzjoni jew tar-rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2007 sal-31 ta’ Marzu 2008 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew il-“PIR”). L-investigazzjoni tax-xejriet rilevanti għal-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2004 sa tmiem il-PIR (il-“perjodu meqjus”).

B.   IL-PRODOTT KONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott li qed jiġi kkunsidrat

(20)

Il-prodott li għaddej minn reviżjoni huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali u fl-ewwel reviżjoni ta’ skadenza: ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet (għajr fittings fonduti, flanġijiet u fittings bil-kamin), tal-ħadid jew tal-azzar (ma jinkludix l-istainless steel), b’dijametru estern massimu ta’ 609,6 mm, tat-tip li jiġi użat għall-issaldjar jew xi użi oħra, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajlandja.

(21)

Il-PTP huma mmanifatturati essenzjalment permezz tal-qtugħ u l-iffurmar ta’ tubi u pajpijiet. Jintużaw biex jgħaqqdu t-tubi u l-pajpijiet u jistgħu jkunu ta’ għamliet differenti: liwjiet, kmiem ta’ riduzzjoni, forom ta’ “T” u tappijiet, kif ukoll qisien u gradi materjali differenti. Dawn jintużaw prinċipalment fl-industrija tal-petrokimika, tal-bini, tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, tal-bini tal-bastimenti u l-istallazzjonijiet industrijali. Meta jinbiegħu biex jintużaw fl-industrija petrokimika, l-istandard globali użat huwa l-istandard ANSI. Għal għanijiet oħra, l-aktar standard komuni użat fil-Komunità huwa l-istandard DIN.

2.   Il-prodott simili

(22)

Bħalma ġara fl-investigazzjoni oriġinali u l-ewwel reviżjoni ta’ skadenza, instab li l-FTP prodotti fil-pajjiżi konċernati, mibjugħa lokalment u/jew esportati lejn il-Komunità, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi finali bħall-prodotti mibjugħa fil-Komunità mill-produtturi Komunitarji applikanti u għalhekk jitqiesu li huma prodotti simili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA’ DUMPING

(23)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie investigat jekk l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping.

1.   Il-kummenti preliminari

(24)

Kif imsemmi hawn fuq, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kwalunkwe produttur esportatur fir-RPĊ u t-Tajlandja, din l-investigazzjoni kellha tiġi bbażata fuq informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni minn sorsi oħra, bħalma hija t-talba ta’ reviżjoni, l-Eurostat, l-istatistika tad-Dwana Ċiniża, u l-informazzjoni miġbura fil-pajjiż analogu.

2.   It-Tajlandja

(a)   Il-valur normali

(25)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Tajlandiżi, il-valur normali kien ibbażat fuq id-data mogħtija fit-talba, jiġifieri l-ispiża stmata tal-manifattura fit-Tajlandja li magħha żdied 15 % għall-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u 11 % għall-qligħ. Ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li dan il-livell ta’ qligħ għandu jaqbeż il-qligħ li normalment isir minn esportaturi jew produtturi oħra minn bejgħ ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq doemstiku tal-pajjiż tal-oriġini kif previst fl-Artikolu 2(6)(c).

(b)   Il-prezz tal-esportazzjoni

(26)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u fin-nuqqas tal-kooperazzjoni minn produtturi esportaturi Tajlandiżi, il-prezz tal-esportazzjoni ġie kkalkulat billi ntużat id-data tal-Eurostat. Dawn iċ-ċifri ġew aġġustati skont it-tipi ta’ prodott proporzjonalment għat-tunnellaġġ ta’ kull tip ta’ prodott abbażi tal-informazzjoni mogħtija fit-talba.

(c)   It-tqabbil

(27)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust il-prezz tal-esportazzjoni ġie aġġustat għat-trasport intern u bil-baħar, l-assigurazzjoni, il-kummissjonijiet u l-imballaġġ skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(d)   Il-marġini ta’ dumping

(28)

Biex tikkalkula l-marġini tad-dumping, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju bil-piż differenzjat mal-prezz medju tal-esportazzjoni lejn il-Komunità f’livell ex fabbrika u fl-istess livell tal-kummerċ, skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ maġini ta’ dumping għat-Tajlandja ta’ 17,8 %, li huwa daqs l-ammont li bih il-valur normali stabbilit qabeż il-prezz tal-esportazzjoni.

3.   Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(a)   Il-valur normali: Il-Pajjiż Analogu

(29)

Il-miżuri eżistenti jipprevedu dazju wieħed għall-pajjiż kollu fuq l-importazzjonijiet kollha fil-Komunità tal-prodott simili li joriġina fir-RPĊ. Għalhekk, il-valur normali kien iddeterminat fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba f’ekonomija tas-suq ta’ pajjiż terz (“il-pajjiż analogu”). Fl-investigazzjoni oriġinali t-Tajlandja kien il-pajjiż li ntagħżel bħala l-pajjiż analogu. Minkejja dan, l-Istati Uniti tal-Amerika kienet maħsuba bħala l-pajjiż analogu fl-avviż tat-tnedija minħabba li l-industrija tal-Komunità fit-talba tagħha għal reviżjoni indikat li bħalissa kienet għażla iktar adattata milli t-Tajlandja. Minkejja dan, saru l-isforzi kollha biex jinstabu alternattivi possibbli f’pajjiżi terzi oħra, iżda l-ebda kumpanija ma qablet li tikkoopera, minbarra kumpanija waħda fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(30)

L-għażla tal-Istati Uniti tal-Amerika, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, kienet meqjusa bħala adattata minħabba d-daqs tas-suq tagħha, il-livell tal-importazzjonijiet u l-kompetizzjoni b’saħħitha f’dan is-suq li tirriżulta minnhom. Minbarra dan, minħabba li l-ebda esportatur Tajlandiz ma kkoopera fl-investigazzjoni, tqies bħala xieraq li l-valur normali għar-RPĊ jiġi bbażat fuq id-data verifikata tal-kumpanija Amerikana li kkooperat. Bl-istess mod, ma wasal l-ebda kumment minn xi parti interessata wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tat-tnedija dwar il-proposta li jintużaw l-Istati Uniti tal-Amerika bħala pajjiż analogu. B’riżultat ta’ dan, il-valur normali ġie bbażat fuq id-data mogħtija mill-produttur fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(b)   Il-prezz tal-esportazzjoni

(31)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-esportazzjonijiet lill-Komunità, ladarba l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma kkpopera, is-sejbiet kellhom jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Il-prezz tal-esportazzjoni ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-istatistika Ċiniża tad-dwana, wara li ssegwiet l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni oriġinali. Din id-data ġiet ipparagunata ma’ data mill-Eurostat. Instabu differenzi konsiderevoli kemm fil-kwantità kif ukoll fil-prezz. Fuq il-bażi ta’ evidenza dokumentata qabel ta’ elużjoni mir-RPĊ li tindika li l-użu tad-data tal-Eurostat ma kienx preċiż biżżejjed, tqies li jkun xieraq li ma jintużawx f’din ir-reviżjoni.

(c)   It-tqabbil

(32)

Għall-għan ta’ tqabbil ġust, u skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, saret allokazzjoni dovuta fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi fir-rigward tat-trasport (trasport bil-baħar), l-ispejjeż tal-assigurazzjoni, l-ispiża tal-kreditu u l-ħlasijiet lill-intermedjaturi, li tqiesu li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezz.

(d)   Il-marġini ta’ dumping

(33)

Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju differenzjat, fuq bażi ex fabbrika tal-Istati Uniti tal-Amerika, tqabbel mal-prezz medju differenzjat tal-esportazzjoni, fuq bażi ex fabbrika taċ-Ċina, fl-istess livell tal-kummerċ. It-tqabbil ta’ hawn fuq wera l-eżistenza ta’ marġini tad-dumping ta’ 100 % għar-RPĊ.

(e)   Il-konklużjoni

(34)

L-investigazzjoni żvelat li, l-importazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi ssuktaw fil-livelli għolja ta’ dumping. L-investigazzjoni ma żvelatx xi raġuni li għaliha l-livell ta’ dumping jista’ jisparixxi jew jonqos fil-każ li kieku l-miżuri kellhom jiġu revokati. Għalhekk ġie konkluż li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li, minkejja l-livell għoli tad-dazji antidumping imposti fuq l-esportazzjonijiet tagħhom, il-volumi ta’ importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi żdiedu b’mod massiv. Madankollu, tqies xieraq li jiġi investigat ukoll jekk ikunx hemm rikorrenza ta’ dumping f’volumi miżjuda tal-esportazzjoni jekk il-miżuri eżistenti jiġu revokati.

4.   L-iżvilupp tal-importazzjonijiet jekk il-miżuri jiġu revokati

(35)

Bl-iskop tal-investigazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping, ġew ivvalutati l-fatturi li ġejjin: l-evoluzzjoni tal-esportazzjoni u/jew il-kapaċità tal-produzzjoni tal-pajjiżi konċernati, l-isfond tal-elużjoni fil-każ tar-RPĊ u l-qagħda fl-imġiba tal-esportazzjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.

5.   It-Tajlandja

(36)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kwalunkwe produttur esportatur Tajlandiż, din l-investigazzjoni kellha tiġi bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni minn sorsi oħra, jiġifieri t-talba. Il-kapaċità annwali ta’ produzzjoni Tajlandiża kienet stmata skont it-talba, għal 63 000 tunnellata, għal konsum domestiku ta’ 4 200 tunnellata biss, li tagħmel l-industrija Tajlandiża dipendenti bil-kbir fuq l-esportazzjonijiet. Il-produzzjoni annwali kienet stmata għal madwar 38 000 tunnellata. B’riżultat ta’ dan, il-kapaċità supplementari kienet stmata għal 25 000 tunnellata.

(37)

L-investigazzjoni wriet li l-ebda suq ieħor madwar id-dinja ma jista’ jassorbi din il-kapaċità disponibbli minħabba li t-Tajlandja hija diġà suġġetta għal miżuri antidumping. Dawn il-miżuri jifirxu minn 10,68 % sa 52,6 % fl-Istati Uniti tal-Amerika għal prodott li għandu ħafna inkomuni ma’ dak konċernat f’din l-investigazzjoni, limitat għal dijamentru intern ta’ 14-il pulzier. Barra dan, abbażi tal-esperjenza tal-imgħoddi u skont it-talba għal din ir-reviżjoni, jidher li teżisti sovrakapaċità enormi li tifrex mad-dinja kollha u speċjalment fl-Ażja tax-Xlokk.

(38)

Konsegwentement, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, probabbli li parti sostanzjali tal-kapaċità eċċessiva Tajlandiża tiġi diretta lejn is-suq tal-UE, fid-dawl tar-restrizzjonijiet attwali u l-livell għoli ta’ miżuri fis-seħħ fi swieq ewlenin oħra.

6.   Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(a)   Il-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

(39)

Fid-dawl tan-nuqqas tal-koperazzjoni minn produtturi esportaturi Ċiniżi, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom jagħmlu użu mill-fatti disponibbli. Minħabba li ftit informazzjoni hija magħrufa dwar l-industrija Ċiniża, il-konklużjonijiet li ġejjin jorbtu fuq l-informazzjoni miġbura fit-talba u l-istatistika tad-dwana Ċiniża. Sostenn għal dawn is-sejbiet instab ukoll fl-informazzjoni li kienet saret pubblika fil-qafas ta’ proċedimenti simili fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(40)

Skont dawn is-sorsi, il-kapaċità totali tal-produzzjoni Ċiniża għall-prodott konċernat kienet ta’ madwar 365 000 tunnellata kull sena. Il-volum anwali attwali tal-produzzjoni Ċiniża, kif stmat fit-talba, kien madwar 291 000 tunnellata. Din l-istima ġiet ibbażata fuq il-volum Ċiniż tal-esportazzjoni mad-dinja kollha mogħti mill-istatistika tad-dwana kummerċjali (madwar 70 000 tunnellata fis-sena), u fuq il-konsum domestiku stmat għal madwar 221 000 tunnellata fis-sena.

(41)

Fuq din il-bażi, il-kapaċità Ċiniża supplementari għandha tilħaq l-74 000 tunnellata li waħidha kienet kważi biżżejjed biex tforni l-konsum totali tal-UE (79 813 tunnellata).

(42)

Minħabba li r-RPĊ, bħat-Tajlandja, hija wkoll suġġetta għal miżuri antidumping li jestendu minn 35,06 % għal 182,9 % fl-Istati Uniti tal-Amerika huwa probabbli li parti sostanzjali tal-kapaċità Ċiniża eċċessiva tiġi diretta lejn is-suq tal-UE.

(43)

Il-fatt li, minkejja l-eżistenza ta’ dazji antidumping għolja (58,6 %) fis-seħħ kontra l-importazzjonijiet Ċiniżi, il-produtturi esportaturi Ċiniżi rnexxielhom iżidu sostanzjalment l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE minn 2 550 tunnellata fl-2004 għal 10 268 tunnellata fil-PIR jindika l-interess qawwi ssuktat tal-esportaturi Ċiniżi fis-suq tal-UE.

7.   L-isfond għall-elużjoni

(44)

Barra dan, l-esportaturi Ċiniżi wrew id-determinazzjoni ssuktata tagħhom għall-esportazzjoni lejn l-UE bi kwalunkwe mezz kif jixhdu l-attentati numerużi ta’ elużjoni tal-miżuri imposti permezz tar-Regolament (KE) Nru 964/2003 billi jesportaw billi jgħaddu suċċessivament mit-Tajwan, l-Indoneżja, is-Sri Lanka u l-Filippini.

(45)

Saħansitra joħroġ iktar biċ-ċar, abbażi tal-istatistika tad-dwana Ċiniża, li l-UE hija suq attraenti ħafna għall-produtturi esportaturi Ċiniżi minħabba li kisbu wħud mill-ogħla prezzijiet ta’ esportazzjoni (minkejja li huma l-oġġett ta’ dumping) meta esportaw lejn l-UE.

8.   Konklużjoni

(46)

L-investigazzjoni wriet li kemm il-produtturi esportaturi fir-RPĊ kif ukoll dawn fit-Tajlandja ssuktaw il-prassi tagħhom tad-dumping tagħhom matul il-PIR.

(47)

Iż-żewġ pajjiżi f’daqqa laħqu d-99 000 tunnellata ta’ kapaċità supplementari li kienet ikbar ferm mill-produzzjoni totali tal-Komunità matul il-PIR (86 723 tunnellata) u saħansitra ikbar mill-konsum totali tal-Komunità matul l-istess perjodu (79 813 tunnellata).

(48)

Minħabba l-fatt li r-RPĊ għandha kapaċità ta’ produzzjoni supplementari kbira ħafna disponibbli u li kenet diġà wettqet elużjoni tal-miżuri, hemm probabbiltà qawwija li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jżidu sostanzjalment l-esportazzjoniet tagħhom li huma l-oġġett ta’ dumping tal-prodott konċernat lejn il-Komunità f’każ li l-miżuri attwali jiġu revokati.

(49)

Fir-rigward tat-Tajlandja għandu jiġi nnutat li minn mindu l-kumpaniji Tajlandiżi huma orjentati lejn l-esportazzjoni u fid-dawl tal-attrazzjoni tas-suq tal-Komunità, huwa probabbli ħafna illi, jekk il-miżuri attwali jiġu revokati, dawn il-kumpaniji jerġgħu jibdew jesportaw il-prodott konċernat lis-suq tal-Komunità f’volumi sostanzjali u bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(50)

Fl-aħħar nett, qed issir referenza għall-prassi ta’ dumping minn produtturi esportaturi Ċiniżi u Tajlandiżi fis-suq tal-Istati Uniti u l-miżuri antidumping tal-Istati Uniti li ġġeddu f’Ottubru 2005.

(51)

Fil-qosor, huwa ferm probabbli li l-importazzjonijiet lejn il-Komunità mill-pajjiżi konċernati jissuktaw fi kwantitajiet sinifikanti u fi prezzijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping, jekk il-miżuri jiġu revokati.

D.   ID-DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

(52)

L-industrija Komunitarja, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku kienet magħmula minn tliet produtturi tal-Komunità li f’isimhom tressqet it-talba u li ntagħżlu wkoll fil-kampjun kif ukoll sitt produtturi tal-Komunità li appoġġjaw din it-talba. Fuq din il-bażi, l-industrija Komunitarja kienet tirrappreżenta proporzjon maġġuri tal-produzzjoni totali tal-Komunità, jiġifieri f’dan il-każ iktar minn 76 %.

E.   IL-QAGĦDA FIS-SUQ KOMUNITARJU

1.   Il-konsum fis-suq Komunitarju

(53)

Il-produzzjoni totali tal-Komunità ġiet iddeterminata fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija mid-disa’ produtturi tal-Komunità li appoġġjaw il-kwerela u l-volum stmat ta’ produzzjoni tal-produtturi tal-Komunità li ma kkooperawx mogħti fit-talba.

(54)

L-invstigazzjoni żvelat li parti konsiderevoli tal-bejgħ tal-produtturi tal-Komunità kienet saret lil bejjiegħa bl-ingrossa li min-naħa tagħhom imbagħad esportaw il-prodott konċernat ‘il barra mill-Komunità, jiġifieri dan il-bejgħ ma kienx bil-ħsieb għall-konsum fis-suq tal-Komunità. Il-volum ta’ bejgħ ta’ esportazzjoni minn dawn il-bejjigħa bl-ingrossa lil pajjiżi terzi oħra ma setax jiġi stabbilit matul l-investigazzjoni. Il-konsum viżibbli tal-Komunità ġie għalhekk stabbilit fuq il-bażi tal-volum totali ta’ produzzjoni fil-Komunità kif definit hawn fuq fil-premessa (53), u fuq il-volum tal-importazzjoni u l-esportazzjoni totali tal-Komunità tal-prodott konċernat ibbażat fuq id-data tal-Eurostat.

(55)

Fuq din il-bażi, matul il-perjodu meqjus, il-konsum Komunitarju żdied bi 28 %, minn 62 317-il tunnellata fl-2004 għal 79 813-il tunnellata matul il-PIR.

Tabella 1 –   Il-konsum Komunitarju

Il-konsum Komunitarju

2004

2005

2006

2007

PIR

Tunnellati

62 317

57 492

64 919

77 095

79 813

Indiċi (2004 = 100)

100

92

104

124

128

Xejra S/S

 

–8

12

20

4

Sors: Eurostat, talba, tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

2.   L-importazzjonijiet attwali mill-pajjiżi konċernati

(a)   Il-volum u s-sehem mis-suq

(56)

Biex jiġu stabbiliti l-volumi totali ta’ importazzjoni tal-prodott konċernat mir-RPĊ, tqies bħala xieraq li jiġu inklużi importazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi li għalihom ġew estiżi l-miżuri antidumping attwali skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, jiġifieri is-Sri Lanka, l-Indoneżja, il-Filippini u t-Tajwan (ara l-premessa (2) u (4) hawn fuq). Fil-fatt, tqies li l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi kienu fil-fatt prodotti li joriġinaw fir-RPĊ. Fuq din il-bażi, il-volum totali ta’ importazzjoni ta’ FTP mir-RPĊ u t-Tajlandja żdiedu minn 6 861 tunnellata fl-2004 għal 17 605 tunnellati matul il-PIR, jiġifieri b’157 %. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet, espressi bħala perċentwali tal-konsum Komunitarju, żdied minn 11 % fl-2004 għal 22 % fil-PIR.

Tabella 2 –   L-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati

Importazzjonijiet (tunnellati)

2004

2005

2006

2007

PIR

Ir-RPĊ inklużi s-Sri Lanka, l-Indoneżja, il-Filippini, u t-Tajwan

6 083

6 705

10 621

15 326

16 004

Sehem mis-suq

10  %

12  %

16  %

20  %

20  %

It-Tajlandja

778

558

1 623

1 700

1 601

Sehem mis-suq

1  %

1  %

2  %

2  %

2  %

Total għall-pajjiżi konċernati

6 861

7 263

12 244

17 026

17 605

Sehem mis-suq

11  %

13  %

19  %

22  %

22  %

Sors: Eurostat

(b)   Il-prezz tal-importazzjonijiet u t-twaqqigħ fil-prezz

(57)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ u t-Tajlandja, il-prezz tal-esportazzjoni ġie bbażat fuq id-data tal-Eurostat. Għar-raġunijiet stipulati hawn fuq fil-premessa (56), il-prezz medju tal-esportazzjoni mir-RPĊ kien ibbażat ukoll fuq il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni mis-Sri Lanka, l-Indoneżja u l-Filippini, jiġifieri l-pajjiżi li għalihom ġew estiżi l-miżuri minħabba prassi ta’ elużjoni. Fuq din il-bażi, matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezz medju tal-esportazzjoni tal-prodott konċernat mir-RPĊ, inkluża l-elużjoni, żdied bi 17 % minn 997 EUR/tunnellata għal 1 169 EUR/tunnellata, mit-Tajlandja b’69 % minn 1 223 EUR/tunnellata għal 2 067 EUR/tunnellata u mit-Tajwan bi 22 % minn 1 412 EUR/tunnellata għal 1 718 EUR/tunnellata. B’mod ġenerali, il-prezz medju tal-prodott mill-pajjiżi konċernati inkluż it-Tajwan żdied minn EUR 1 137 fl-2004 għal EUR 1 479 fil-PIR, jiġifieri bi 30 %. Matul l-istess perjodu, l-ispiża tal-produzzjoni żdiedet b’mod konsiderevoli minħabba ż-żieda fil-prezz tal-materja prima bażika, jiġifieri t-tubu tal-azzar.

(58)

Tqabbil bejn il-prezzijiet ex fabbrika tal-produtturi tal-Komunità li ttieħdu bħala kampjun mal-prezzijiet tal-Eurostat aġġustat kif xieraq, wera twaqqigħ tal-prezz fuq bażi medja għar-RPĊ ta’ 54,8 %, għat-Tajlandja ta’ 20 % u għat-Tajwan 33,5 %.

3.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(59)

Id-dazji antidumping huma fis-seħħ fuq importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea u l-Malażja; l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi naqsu għal livell baxx ħafna matul il-perjodu meqjus (jiġifieri inqas minn 1 % tal-konsum tal-Komunità) kif rappurtat mill-Eurostat.

(60)

Il-volumi totali ta’ importazzjoni ta’ FTP minn pajjiżi terzi minbarra dawk imsemmija fil-premessa preċedenti żdiedu minn 4 679 tunnellata fl-2004 għal 10 563 tunnellata fl-aħħar tal-PIR, jiġifieri b’126 %. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet laħaq it-13 % tal-konsum tal-Komunità. Dan ifisser żieda ta’ 76 % fil-perjodu meqjus minn 8 % għal 13 %.

Tabella 3 –   L-importazzjonijiet u s-sehem mis-suq ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

 

2004

2005

2006

2007

PIR

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (tunnellati)

4 679

6 134

6 795

9 993

10 563

Indiċi (2004 = 100)

100

131

145

214

226

Sehem mis-suq

8  %

11  %

10  %

13  %

13  %

Indiċi (2004 = 100)

100

142

139

173

176

Sors: L-Eurostat u tagħrif dwar is-suq mogħti mill-applikant


Tabella 4 –   L-importazzjonijiet ewlenin lejn il-Komunità

L-importazzjonijiet ewlenin minn pajjiżi terzi oħra f’tunnellati u skont il-pajjiż

2004

2005

2006

2007

PIR

L-Iżrael

78

945

1 231

2 455

3 293

It-Turkija

650

506

467

1 991

2 138

Il-Vjetnam

767

695

1 225

1 748

2 134

L-Indja

1 537

1 763

1 553

1 703

1 065

Sors: L-Eurostat u tagħrif dwar is-suq mogħti mill-applikant

4.   Il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja

4.1.   Ir-rimarka preliminari

(61)

Ix-xejriet tal-indikaturi ekonomiċi bħalma huma produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni, użu tal-kapaċità, impjieg, produttività, bejgħ, sehem mis-suq u tkabbir ġew ivvalutati fuq il-bażi tat-tagħrif miġbur mill-produtturi kollha tal-Komunità, filwaqt li x-xejriet fir-rigward ta’ prezzijiet, profittabbiltà, likwidità, kapaċità li jinkiseb il-kapital u l-investimenti, ħażniet, introjtu mill-investiment u pagi ġew ivvalutati abbażi tat-tagħrif verifikat mogħti fit-tweġiba sħiħa għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Komunità li ntgħażlu bħala kampjun.

4.2.   Data relatata mal-industrija Komunitarja komplessivament

(a)   Il-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni, u l-użu tal-kapaċità

(62)

Il-produzzjoni globali tal-industrija Komunitarja żdiedet bi 8 % matul il-perjodu meqjus, filwaqt li l-kapaċità ta’ produzzjoni żdiedet b’5 %. Matul l-istess perjodu l-użu tal-kapaċità żdiedet bi ftit. Madankollu, dan għandu jitqies fid-dawl taż-żieda ta’ 28 % fil-konsum Komunitarju.

Tabella 5 –   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2004

2005

2006

2007

PIR

Volum ta’ produzzjoni f’tunnellati

80 044

73 049

82 950

85 536

86 723

Kapaċità ta’ produzzjoni f’tunnellati

154 840

155 740

160 890

162 910

163 210

L-użu tal-kapaċità f’%

52

47

52

53

53

Sors: Eurostat, talba, tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

(b)   L-impjieg u l-produttività

(63)

Il-livell ta’ impjieg fi ħdan l-industrija Komunitarja baqa’ relattivament stabbli, minbarra fl-2005, fejn wera tnaqqis ta’ 1 % matul il-perjodu sħiħ meqjus. Il-produttività, imkejla bħala produzzjoni f’tunnellati għal kull persuna impjegata, żdiedet b’9 %.

Tabella 6 –   L-impjieg u l-produttività

 

2004

2005

2006

2007

PIR

Impjieg (il-prodott konċernat)

1 297

1 073

1 268

1 289

1 287

Produttività (tunnellati/impjegati)

62

68

65

66

67

(c)   L-ammont ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq

(64)

Il-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Komunità lill-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Komunità żdied b’4 %, minn 59 399 tunnellata fl-2004 għal 61 991 tunnellata fil-PIR. Minkejja dan, is-sehem mis-suq tal-industrija Komunitarja naqas b’mod kostanti matul il-perjodu meqjus. Għalhekk, is-sehem globali mis-suq miżmum mill-industrija tal-Komunità naqas b’21 %. Kif spjegat hawn fuq, parti konsiderevoli tal-prodotti tal-Komunità tinbiegħ għall-esportazzjoni permezz ta’ bejjiegħa bl-ingrossa. Għalhekk, is-sehem mis-suq ġie espress bħala proporzjon tal-produzzjoni Komunitarja totali meta tneħħi l-esprtazzjonijiet totali fil-konsum Komunitarju viżibbli.

Tabella 7 –   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2004

2005

2006

2007

PIR

Volum ta’ bejgħ fl-UE lil partijiet mhux relatati, f’tunnellati

59 399

51 461

57 299

60 193

61 991

Sehem mis-suq

81  %

77  %

71  %

65  %

65  %

Indiċi (2004 = 100)

100

94

87

80

79

(d)   It-tkabbir

(65)

Filwaqt li l-konsum Komunitarju kiber bi 28 % bejn l-2004 u l-PIR, it-tnaqqis ta’ 21 % fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Komunità u ż-żieda parallela fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati juru biċ-ċar li l-industrija tal-Komunità ma setgħatx tipparteċipa fit-tkabbir tas-suq.

(e)   Il-kobor tal-marġini ta’ dumping

(66)

Meta jitqies il-volum, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi konċernati, ma jistax jitqies li l-impatt fuq l-industrija Komunitarja tal-marġini effettivi tad-dumping huwa wieħed negliġibbli.

(f)   L-irkupru mill-effetti ta’ dumping

(67)

Kif muri mill-evoluzzjoni pożittiva tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi elenkati hawn fuq, fis-snin 2004 sal-bidu tal-2008, il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja rkuprat b’mod parzjali mill-effett ta’ ħsara ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li joriġinaw fil-pajjiżi konċernati.

4.3.   Data relatata biss mal-produtturi Komunitarji kampjunati

(a)   Il-ħażniet

(68)

Il-ħażniet żdiedu bi 3 % matul il-perjodu sħiħ meqjus. Il-livelli ta’ ħażniet kienu ogħla b’mod sinifikanti fl-2007 u dan kien dovut għaż-żieda fil-prezzijiet tat-tubi tal-azzar li wasslet biex il-kumpaniji jiġbru aktar ħażniet.

Tabella 8 –   Il-ħażniet

Ħażna tal-għeluq f’Volum

2004

2005

2006

2007

PIR

Tunnellati

7 449

7 206

7 580

8 510

7 703

Sors: Twegibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-produtturi tal-Komunità meħuda bħala kampjun

(b)   Il-prezzijiet medji tal-bejgħ

(69)

Matul il-perjodu meqjus il-prezzijiet medji ta’ bejgħ miżmuma mill-produtturi Komunitarji meħuda bħala kampjun fis-suq Komunitarju żdiedu gradwalment. Iż-żieda totali bejn l-2004 u l-PIR kienet ta’ 57 %. Din iż-żieda hija spjegata parzjalment miż-żieda fl-ispiża tal-materja prima ewlenija, it-tubi tal-azzar, u parzjalment minn bidla fl-ambitu ta’ produzzjoni ta’ żewġ produtturi Komunitarji biex jiffokaw fuq tipi speċjali aktar għaljin.

Tabella 9 –   Il-prezz medju tal-bejgħ

Il-prezz tal-bejgħ

2004

2005

2006

2007

PIR

EUR/tunnellata

1 779

2 128

2 482

2 738

2 790

Indiċi (2004 = 100)

100

120

139

154

157

Sors: Twegibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-produtturi tal-Komunità meħuda bħala kampjun

(c)   L-ispiża medja tal-produzzjoni

(70)

Matul il-perjodu meqjus l-ispiża medja tal-produzzjoni żdiedet ukoll bil-mod fil-biċċa l-kbira minħabba l-prezzijiet miżjuda tal-azzar. L-ispiża medja tal-produzzjoni żdiedet minn 1 628 EUR/tunnellata għal 2 401 EUR/tunnellata fil-PIR, jiġifieri bi 48 %.

Tabella 10 –   L-ispejjeż medji tal-produzzjoni

L-ispiża għal kull unità

2004

2005

2006

2007

PIR

EUR/tunnellata

1 628

2 059

1 998

2 040

2 401

Indiċi (2004 = 100)

100

127

123

125

148

Sors: Twegibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-produtturi tal-Komunità meħuda bħala kampjun

(d)   Il-profittabbiltà u l-likwidità

(71)

Il-profittabbiltà tal-produtturi Komunitarji meħuda bħala kampjun segwiet xejra pożittiva, b’konformità maż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ. Minkejja problemi sinifikanti fl-2004 u fl-2005, il-profittabbiltà globali laħqet id-9,1 % fil-PIR. Dan kien parzjalment dovut għal bidla fil-produzzjoni ta’ prodotti b’valur miżjud ogħla matul il-perjodu meqjus.

(72)

Kien hemm varjazzjonijiet konsiderevoli fil-likwidità bejn l-2004 u l-2006 segwiti minn żieda sinifikanti ħafna u gradwali sal-aħħar tal-perjodu meqjus.

Tabella 11 –   Il-profittabbiltà u l-likwidità

 

2004

2005

2006

2007

PIR

Il-profittabbiltà

1,8  %

1,2  %

7,2  %

10,6  %

9,1  %

Indiċi (2004 = 100)

100

70

403

598

514

Il-likwidità ((EUR ‘000)

3 320

1 425

7 577

10 100

12 308

Indiċi (2004 = 100)

100

43

228

304

371

Sors: Twegibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-produtturi tal-Komunità meħuda bħala kampjun

(e)   L-investimenti, l-introjtu mill-investimenti u l-kapaċità li jinkiseb il-kapital

(73)

Il-produtturi tal-Komunità meħuda bħala kampjun ziedu l-investimenti b’115 % matul il-perjodu meqjus. L-investimenti fil-biċċa l-kbira saru għall-iżvilupp tal-makkinarju u biex tinbena l-kapaċità aqwa ta’ loġistika biex tiżdied il-produttività.

(74)

L-introjtu mill-investimenti, espress bħala qligħ/telf tal-prodott konċernat b’rabta mal-valur nett tal-kontabbiltà tal-investimenti, segwa l-istess xejra bħall-profittabbiltà.

(75)

Matul il-perjodu kkunsidrat, ma kienet ipprovduta l-ebda evidenza lill-Kummissjoni rigward il-kapaċità mnaqqsa jew miżjuda biex jinkiseb il-kapital.

Tabella 12 –   L-investimenti u l-introjtu mill-investimenti

 

2004

2005

2006

2007

PIR

L-investimenti (EUR ‘000)

2 567

4 448

3 930

4 986

5 524

Indiċi (2004 = 100)

100

173

153

194

215

L-introjtu mill-investimenti

4  %

2  %

29  %

44  %

38  %

Sors: Twegibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-produtturi tal-Komunità meħuda bħala kampjun

5.   Il-konklużjoni dwar il-qagħda tal-industrija Komunitarja

(76)

Il-miżuri antidumping ħallew impatt pożittiv fuq il-qagħda tal-produtturi Komunitarji meħuda bħala kampjun kif muri bl-iżvilupp pożittiv tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi mill-2004 ’l hawn, matul perjodu ta’ ċiklu ekonomiku favorevoli. L-industrija Komunitarja żiedet il-volumi tagħha tal-bejgħ u l-prezzijiet. L-indikaturi ta’ ħsara bħall-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni, il-profittabbiltà, l-investimenti, l-introjtu mill-investimenti u l-produttività wrew ukoll żvilupp pożittiv. L-investimenti miżjuda maħsuba biex itejbu l-faċilitajiet ta’ produzzjoni ħallew impatt dirett fuq il-profittabbiltà tal-produtturi meħuda bħala kampjun, minkejja t-telfa sinifikanti fis-sehem mis-suq.

(77)

Minkejja dan, għandu jitqies li l-produtturi Komunitarji jeħtieġ li jippreservaw ċertu livell ta’ produzzjoni u volum ta’ bejgħ biex jassorbu l-ispejjeż fissi. Il-FTP huma prodotti permezz ta’ makkinarju speċjalizzat u mfassal apposta li huwa fattur sinifikanti tal-ispiża. Il-kumpaniji meħuda bħala kampjun kienu joperaw f’kapaċità ta’ madwar 50 % matul il-perjodu meqjus u ma setgħux iżidu l-użu tal-kapaċità tagħhom b’mod sinifikanti. Għalhekk il-profittabbiltà tibqa’ vulnerabbli għat-tnaqqis fil-produzzjoni.

(78)

Minkejja l-iżviluppi pożittivi deskritti hawn fuq, l-industrija Komunitarja tilfet parti sinifikanti mis-sehem tagħha mis-suq matul il-perjodu meqjus minn 81 % fl-2004 għal 65 % matul il-PIR. Wara l-waqa’ fil-volumi tal-bejgħ, il-produtturi Komunitarji rnexxielhom jirkupraw il-livell ta’ volum tal-bejgħ li kien diġà ntlaħaq fl-2004, filwaqt li l-konsum totali tal-Komunità żdied bi 28 % matul l-istess perjodu. Jidher ċar li l-industrija Komunitarja ma rnexxilhiex tapprofitta mit-tkabbir sinifikanti fil-konsum fil-Komunità. Barra dan, uħud mill-fatturi pożittivi huma r-riżultat tal-għejbien ta’ produttur sinifikanti tal-Komunità fir-Renju Unit, li ħadulu l-attivitajiet żewġ kumpaniji li qed jappoġġjaw din it-talba.

(79)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-introduzzjoni tal-miżuri kontra r-RPĊ u t-Tajlandja ħallew ċertu impatt pożittiv fuq il-qagħda finanzjarja tal-industrija Komunitarja li tista’ terġa’ tikseb il-profittabbiltà. Minkejja dan, għalkemm l-industrija Komunitarja rnexxielha żżid il-produzzjoni u l-volumi tagħha tal-bejgħ bi ftit, is-sehem mis-suq intilef meta d-domanda mis-suq Komunitarju żdiedet b’mod sinifikanti. Dan juri li minkejja l-investimenti li saru f’faċilitajiet moderni ta’ produzzjoni l-qagħda tal-industrija Komunitarja għadha fraġili b’mod ġenerali u dipendenti ħafna, minn naħa waħda, fuq livelli suffiċjenti tal-prezz u, min-naħa l-oħra, fuq volumi biżżejjed ta’ produzzjoni li jippermettu l-assorbiment tal-ispejjeż fissi għoljin.

F.   IL-PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TA’ ĦSARA

(80)

Biex jiġi vverifikat l-effett probabbli tal-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ, tqiesu l-elementi li ġejjin:

(81)

Il-pressjoni tal-prezz fis-suq Komunitarju jibqa’ għoli ħafna fid-dawl tal-marġini sinifikanti ta’ twaqqigħ tal-prezz misjub matul il-PIR. Filwaqt li l-ispiża tal-produzzjoni tal-produtturi Komunitarji żdiedet b’48 % matul il-perjodu (fil-biċċa l-kbira minħabba ż-żieda tal-prezz tal-materja prima, jiġifieri t-tubu tal-azzar), il-prezz medju tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati żdied biss bi 30 %.

(82)

Konsegwentement, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati żiedu s-sehem tagħhom mis-suq b’mod konsiderevoli matul il-perjodu meqjus. Dan juri li l-parti ewlenija tat-telfa tas-sehem mis-suq tal-industrija Komunitarja ħaduha l-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati li saru fi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li kienu orħos ferm mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja, minkejja d-dazji antidumping fis-seħħ.

(83)

Barra minn dan, kif imsemmi fil-premessi (40) u (36), il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni supplementari disponibbli fil-pajjiżi konċernati huma bil-qabda iktar mill-produzzjoni totali tal-Komunità matul il-PIR jew mill-konsum totali tal-Komunità matul l-istess perjodu. Għalhekk, huwa mistenni li, jekk il-miżuri jiġu revokati, kwantitajiet kbar tal-prodotti manifatturati f’dawn il-pajjiżi għandhom jippenetraw is-suq tal-Komunità. Fi swieq potenzjali oħra ta’ esportazzjoni hemm fis-seħħ miżuri antidumping għolja li jagħmlu lis-suq Komunitarju wieħed aktar faċli li jiġi ppenetrat. Barra dan, l-attentati ripetuti ta’ elużjoni tal-miżuri antidumping jikkonfermaw l-interess għoli tal-produtturi esportaturi tal-pajjiżi konċernati fis-suq tal-Komunità.

(84)

Fid-dawl tal-imġiba tal-imgħoddi u dik attwali tal-prezz tal-produtturi esportaturi fil-pajjiżi konċernati huwa mistenni li l-importazzjonijiet se jkunu pprezzati f’livell baxx u b’hekk orħos ferm mill-prezzijiet tal-industrija Komunitarja. Importazzjonijiet ipprezzati f’livell baxx ċertament għandhom iħallu impatt negattiv fuq l-industrija Komunitarja li rkuprat biss minħabba li l-livelli tal-prezz setgħu jinżammu f’ċertu livell iżda li għadha vulnerabbli għal importazzjonijiet enormi u livelli ta’ prezz li huma l-oġġett ta’ dumping.

(85)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, dan x’aktarx jirriżulta f’rikorrenza ta’ ħsara lill-industrija Komunitarja kkawżata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Huwa partikolarment mistenni li l-livell tal-prezz fil-Komunità se jonqos b’mod sinifikanti u jħalli impatt qawwi negattiv fuq il-livelli ta’ qligħ tal-produtturi Komunitarji li għandu mhux biss jipperikola l-investimenti sinifikanti li saru mill-2004 ’l hawn, iżda wkoll ma jippermetti l-ebda investiment ulterjuri ieħor. Dan inevitabbilment għandu jwassal għal telfa importanti tal-impjiegi tal-industrija Komunitarja. Il-probabbiltà tar-rikorrenza tal-ħsara ġiet amplifikata dan l-aħħar fid-dawl tal-qagħda attwali kkawżata mill-attività mbattija tal-ekonomija.

G.   L-INTERESS KOMUNITARJU

1.   Id-daħla

(86)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie investigat jekk estensjoni tal-miżuri antidumping eżistenti tmurx kontra l-interessi tal-industrija Komunitarja kollha kemm hi. L-interess Komunitarju ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ stima tad-diversi interessi involuti kollha, jiġifieri dawk tal-industrija Komunitarja, tal-importaturi/tal-kummerċjanti kif ukoll tal-utenti tal-prodott konċernat.

(87)

Biex tivvaluta l-impatt li x’aktarx ikollha l-kontinwazzjoni inkella n-nuqqas ta’ kontinwazzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni talbet tagħrif mill-partijiet kollha interessati msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji ta’ kampjunament lil 62 importatur tal-prodott konċernat u rċeviet disa’ tweġibiet. Il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ erba’ kumpaniji li minnhom kien hemm tlieta li taw tweġiba għall-kwestjonarju kollu. Ma waslet l-ebda sottomissjoni mill-utenti.

(88)

Għandu jerġa’ jissemma li, fl-investigazzjoni preċedenti, l-adozzjoni tal-miżuri kienet ikkunsidrata li mhux kontra l-interess tal-Komunità. Barra minn hekk, il-fatt li l-investigazzjoni attwali hija reviżjoni, li tanalizza qagħda li fiha diġà huma stabbiliti l-miżuri antidumping jippermetti stima ta’ kwalunkwe impatt eċċessiv negattiv fuq il-partijiet konċernati mill-miżuri antidumping attwali.

(89)

Fuq din il-bażi, ġie investigat jekk minkejja l-konklużjonijiet dwar il-kontinwazzjoni ta’ dumping u l-probabbiltà ta’ rikkorrenza ta’ ħsara, kinux jeżistu raġunijiet perswassivi li jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jiġu ppreservati l-miżuri f’dan il-każ partikolari.

2.   L-interessi tal-industrija Komunitarja

(90)

L-industrija Komunitarja wriet li hija industrija strutturalment vijabbli. Dan ġie kkonfermat mill-iżvilupp pożittiv tal-qagħda ekonomika tagħha fi żmien meta ġiet stabbilita mill-ġdid kompetizzjoni effettiva wara l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping li jinsabu fis-seħħ bħalissa. Tabilħaqq, l-isforzi li saru mill-industrija Komunitarja biex tirrazzjonalizza l-produzzjoni tagħha u ssaħħaħ il-kompetittività tagħha wasslu għal qligħ raġjonevoli fl-aħħar sentejn tal-perjodu meqjus. Bl-istess mod, l-attività profittabbli ta’ esportazzjoni tal-industrija Komunitarja żviluppat b’mod pożittiv li juri li kienet kompetittiva fi swieq ta’ pajjiżi terzi (l-esportazzjonijiet tal-produtturi meħuda bħala kampjun żdiedu b’21 % matul il-perjodu meqjus).

(91)

Għar-raġunijiet deskritti fil-qosor fil-premessa (77), l-industrija Komunitarja teħtieġ li tipproduċi ċertu volum ta’ prodott standard biex tikseb ekonomiji tal-iskala u b’hekk tibqa’ kompetittiva. Għalhekk il-prodotti standard jinsabu f’kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-Tajlandja. Li kieku l-prodotti fi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping kellhom jidħlu fis-suq, l-ekonomiji tal-iskala u għalhekk il-profittabbiltà tal-operat fil-Komunità konsegwentement jiċkienu b’mod konsiderevoli. Konsekuttivament, jista’ jiġi raġjonevolment mistenni li l-industrija tal-Komunità għandha tkompli tibbenefika mill-miżuri li qegħdin imposti bħalissa. F’każ li l-miżuri ma jiġux ippreservati, probabbli l-industrija Komunitarja ssofri ħsara materjali.

3.   L-interessi tal-importaturi/il-kummerċjanti

(92)

L-ebda wieħed mill-importaturi li kkooperaw ma importa l-prodott konċernat mir-RPĊ jew mit-Tajlandja, iżda biss mit-Tajwan. L-investigazzjoni ma tat l-ebda evidenza li l-miżuri fis-seħħ affettwaw materjalment lill-importaturi. Jidher ċar li l-importaturi sabu għejun oħra ta’ forniment, kif jista’ jidher mis-sehem sinifikanti mis-suq (13 %) miżmum minn pajjiżi terzi oħra, li juri li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq Komunitarju huma żgurati.

(93)

F’dak li għandu x’jaqsam mat-Tajwan, u kif deskritt fil-qosor fil-premessi (98) sa (105), l-eżenzjoni attwali għal żewġ produtturi esportaturi ġiet ivvalutata mill-ġdid minħabba allegazzjonijiet ta’ prassi ta’ elużjoni. L-importaturi kienu kunfidenti li f’każ li tiġi revokata l-eżenzjoni ta’ dawn il-kumpaniji, huma għandu jirnexxilhom isibu għejun oħra ta’ forniment. Għalhekk, il-preservazzjoni tal-miżuri ma għandhiex tħalli effett negattiv sinifikanti fuq l-importaturi minħabba mezzi oħra ta’ forniment. Minkejja dan, għandu jiġi nnutat li jistgħu jinqalgħu xi problemi għas-suq speċjalizzat tal-prodott ta’ standard tar-Renju Unit fejn il-forniment magħruf huwa limitat għal produttur Ewropew wieħed u produttur Tajwaniż wieħed. Minkejja dan, l-effett għandu probabbilment jinħass biss fuq medda qasira ta’ żmien sakemm jinbtu għejun oħra.

(94)

Għaldaqstant, ġie konkluż li l-qagħda ekonomika tal-importaturi tal-prodott konċernat ma ġietx influwenzata b’mod negattiv sa punt sinifikanti bl-impożizzjoni tal-miżuri antidumping li jinsabu fis-seħħ bħalissa. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-importaturi ssuktaw jinnegozjaw il-prodott konċernat f’volumi sinfikanti, u saħansitra żiedu l-volum importat matul il-perjodu meqjus. Għall-istess raġunijiet, huwa wkoll improbabbli li l-kontinwazzjoni tal-miżuri twassal għal deterjorament fil-qagħda ekonomika tagħhom fil-ġejjieni.

4.   L-interessi tal-utenti

(95)

L-utenti tal-prodott konċernat huma prinċipalment l-industrija petrokimika u dik tal-bini. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil 9 utenti. L-ebda wieħed minn dawn ma kkoopera jew ippreżenta ruħu fl-investigazzjoni attwali. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom jidher li jikkonferma li l-fittings ta’ tubi jew pajpijiet jirrappreżentaw parti żgħira ħafna tal-ispejjeż totali ta’ produzzjoni u li l-miżuri fis-seħħ ma jidhrux li kkawżaw xi telf ta’ kompetittività għalihom.

5.   Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

(96)

L-investigazzjoni wriet li l-miżuri antidumping attwali ippermettew lill-industrija Komunitarja biex issir profittabbli, minkejja li din sofriet telf sinifikanti fis-sehem mis-suq minħabba l-kontinwazzjoni ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, dan jipperikola l-proċess ta’ rkupru u possibbilment iwassal għall-għejbien tal-industrija Komunitarja.

(97)

Barra minn hekk, fil-passat, jidher li l-miżuri eżistenti ma kellhom l-ebda effett negattiv sinifikanti fuq il-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-utenti u tal-importaturi. Għaldaqstant, ġie konkluż li ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri antidumping attwali.

H.   IR-REVIŻJONI INTERIM DWAR IL-KUMPANIJI TAJWANIŻI EŻENTATI

1.   L-isfond

(98)

Fl-2000, ir-Regolament (KE) Nru 763/2000 li estenda l-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ għal importazzjonijiet ikkunsinjati mit-Tajwan ta’ ċerti fittings ta’ tubi jew pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti u esportati minn Chup Hsin Enterprise Co. Ltd (“Chup Hsin”), Nian Hong Pipe Fittings Co. Ltd, (“Nian Hong”) u Rigid Industries Co., Ltd. (Kaohsiung, it-Tajwan) għaliex instab li huma ma wettqux elużjoni tal-miżuri.

(99)

Ir-reviżjoni parzjali interim attwali kienet limitata għar-reviżjoni tan-nuqqas ta’ estensjoni tad-dazji mogħtija lil Chup Hsin u Nian Hong.

(100)

Iż-żewġ kumpaniji kkooperaw f’din l-investigazzjoni billi wieġbu l-kwestjonarju tal-Kummissjoni u aċċettaw żjara ta’ verifika fuq il-post.

(101)

B’reazzjoni għad-dokument finali ta’ revelazzjoni, kumpanija waħda ddikjarat li t-tnedija tal-investigazzjoni attwali ma kenitx ġustifikata. B’mod speċifiku, il-kumpanija ddikjarat li minħabba li kienu eżenti mill-miżuri estiżi fl-2000, ma kien hemm l-ebda miżuri fis-seħħ kontrihom li kellhom jiġu riveduti. F’dan ir-rigward, il-kumpanija rreferiet għar-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-każ Beef & Rice Mexico. Dan ir-Rapport jinterpreta l-Artikolu 5.8 tal-Ftehim dwar Antidumping, bħala applikabbli għal investigazzjonijiet ġodda fejn l-esportaturi jinstabu li għandhom marġini de minimis ta’ dumping. Fil-fatt l-Artikolu 5.8 jirreferi espliċitament għal “applikazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 5.1”. Minkejja dan, fil-każ attwali, Chup Hsin u ż-żewġ kumpaniji l-oħra kienu suġġetti għal investigazzjoni ta’ kontra l-elużjoni li tnediet fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Bażiku u mhux għal investigazzjoni ġdida dwar l-antidumping. Fil-fatt, fl-2000 l-importazzjonijiet mit-Tajwan instabu li kienu qed jeludu l-miżuri imposti fuq ir-RPĊ, bl-eżenzjoni ta’ tliet kumpaniji, għar-raġunijiet li ma kenux qed jimportaw il-prodott konċernat mir-RPĊ f’dak il-waqt. Ir-Regolament bażiku ma jeskludix eżenzjoni bħal din milli tiġi riveduta fi kwalunkwe mument jekk teżisti l-evidenza ta’ elużjoni. Għalhekk, it-tnedija tar-reviżjoni attwali interim kienet tabilħaqq ġustifikata u legalment soda. Fuq din il-bażi t-talba tal-kumpanija ġiet rifjutata.

(102)

Minħabba li n-nuqqas ta’ estensjoni tad-dazji ġiet stabbilita fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni iniżjali ta’ kontra l-elużjoni, fir-reviżjoni attwali ġie investigat jekk dawk is-sejbiet kenux għadhom validi. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie investigat jekk intlaħqux il-kundizzjonijiet għall-elużjoni.

2.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(103)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ Nian Hong is-sejbiet urew li l-kumpanija importat FTP tat-tipi kollha (liwjiet, kmiem ta’ riduzzjoni, tappijiet u forom ta’ “T”) mir-RPĊ. Il-kumpanija ddikjarat li dawn l-importazzjonijiet ma kenux il-prodott konċernat iżda oġġetti kważi finalizzati. Ir-riżultat tal-investigazzjoni ma setax jikkonferma dawn id-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, instab li l-kontribut ta’ Nian Hong f’dawn l-oġġetti kien limitat għal ċanfrinatura, l-immarkar tal-logo tal-kumpanija u l-imballaġġ, li kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-ispiża totali tal-produzzjoni. Barra dan, id-dikjarazzjoni tal-importazzjoni tad-dwana Tajlandiża mir-RPĊ semmiet il-kodiċi NM tal-prodott konċernat (7307 93), jiġifieri l-prodott finalizzat.

(104)

Fir-rigward ta’ Chup Hsin, it-tweġiba tagħhom tal-kwestjonarju ma semmiet l-ebda xiri jew bejgħ mill-ġdid korrispondenti tal-FTP b’oriġini Ċiniża. Huwa biss waqt iż-żjara ta’ verifika ta’ fuq il-post li nstab li l-kumpanija impurtat FTP mir-RPĊ. L-evidenza miġbura wriet li dawk l-importazzjonijiet saru permezz ta’ kumpanija Ġappuniża. Wara ż-żjara ta’ verifika, il-kumpanija ddikjarat li l-importazzjonijiet kollha tal-FTP b’oriġini Ċiniża kineu jinbiegħu fis-suq domestiku Tajwaniż. Il-kumpanija ppreżentat data riveduta għal uħud mit-tabelli tat-tweġiba għall-kwestjonarju. Minkejja dan, il-fatt li t-tagħrif dwar l-importazzjonijiet mir-RPĊ oriġinarjament tħalla barra tqies li kien qarrieqi fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u tefa’ dubji serji dwar l-attendibbiltà tat-tagħrif imressaq kemm qabel kif ukoll wara ż-żjara ta’ verifika.

(105)

Kif imsemmi hawn fuq, ir-raġunijiet li għalihom ingħataw eżenzjoni Chup Hsin u Nian Hong kienu li ż-żewġ kumpaniji dak iż-żmien ma xtraw l-ebda FTP mir-RPĊ, li ma għadux il-każ. Fid-dawl tal-prassi ta’ elużjoni żvelata, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ hija stabbilita minħabba li l-prodotti li joriġinaw fir-RPĊ issa qed jiġu kkunsinjati minn ġo t-Tajwan anki miż-żewġ kumpaniji msemmija hawn fuq.

3.   Kawżali dovuta insuffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti

(106)

Għall-ebda waħda mill-kumpaniji ma kien hemm xi kawżali dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għall-prassi ta’ esportazzjoni mill-ġdid tal-prodotti Ċiniżi importati apparti dik tal-elużjoni tal-miżuri antidumping.

(107)

Fil-każ ta’ Nian Hong, il-prodotti kienu sempliċiment modifikati ftit u l-valur miżjud mal-prodtt konċernat kien għalhekk baxx ħafna.

(108)

Fir-rigward ta’ Chup Hsin, il-fatt li l-kumpanija naqset milli tirrapporta l-importazzjonijiet tagħha tal-prodott Ċiniż fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju tqies bħala qarrieqi min-naħa l-waħda u min-naħa l-oħra indikazzjoni li kienet konxja li kienet qed teludi l-miżuri imposti fuq fittings tat-tubi u l-pajpijiet li joriġinaw fir-RPĊ. Barra dan, abbażi tal-evidenza mogħtija miż-żewġ kunmpaniji, l-investigazzjoni stabbiliet li kien possibbli li timporta oġġetti minn pajjiż terz għal ġewwa t-Tajwan u tesportahom mill-ġdid b’ċertifikat ta’ oriġini tat-Tajwan mingħajr ma dawn jgħaddu minn kwalunkwe trasformazzjoni sostanzjali.

4.   L-imminar tal-effetti rimedjali tad-dazju f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet tal-prodotti simili

(109)

Abbażi tal-Eurostat, l-esportazzjonijiet totali mit-Tajwan lill-Komunità żdiedu b’209 % minn 2 372 tunnellata fl-2003 għal 7 335 tunnellata fil-PIR. Minkejja dan, il-volum tal-esportazzjonijiet baqa’ bejn wieħed u ieħor stabbli bejn l-2003 u l-2005, iżda żdied b’mod enormi mill-2006 sa tmiem il-PIR. Iż-żewġ kumpaniji Tajwaniżi, li waħidhom huma responsabbli għal kważi t-total tal-esportazzjoni Tajwaniża tal-prodott konċernat lill-UE matul il-PIR, żiedu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE b’206 % bejn l-2005 u l-PIR.

(110)

Il-volum tal-importazzjonijiet konċernati kienu jirrappreżentaw 9 % tal-konsum tal-Komunità, li huwa meqjus sinifikanti. Jidher għalhekk biċ-ċar li l-bidla notevoli fil-flussi tal-kummerċ imminat l-effetti rimedjali tal-miżuri f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwantitajiet importati lejn is-suq tal-Komunità.

(111)

Fir-rigward ral-prezzijiet tal-prodotti kkunsinjati mit-Tajwan, id-data tal-Eurostat uriet li l-prezzijiet medji tal-esportazzjoni ta’ importazzjonijiet mit-Tajwan matul il-PIR laħqu EUR 1 718/tunnellata, li kien inqas ferm mill-prezzijiet tal-industrija Komunitarja (– 33,5 %). Tqabbil bejn il-prezzijiet ex fabbrika tal-produtturi tal-Komunità meħuda bħala kampjun u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni ta’ Chup Hsin u Nian Hong wera bejgħ bi prezz imwaqqa’ fuq bażi medja ta’ 86,6 % u 71 % rispettivament, jiġifieri l-perċentwali li biha l-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji kienu inqas mill-prezzijiet mhux dannużi tal-industrija Komunitarja. Għalhekk, l-effetti rimedjali tad-dazju antidumping impost huma mminati f’termini ta’ prezz.

(112)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, kien konkluż li l-bidla fil-flussi kummerċjali, flimkien maż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet mit-Tajwan magħmulin bi prezzijiet irħas ħafna, imminat l-effetti rimedjali tal-miżuri antidumping kemm mil-lat ta’ kwantitajiet kif ukoll mil-lat ta’ prezzijiet tal-prodott simili.

5.   L-evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali li kienu stabbiliti minn qabel għall-prodott simili

(113)

Biex jiġi ddeterminat jekk l-evidenza tad-dumping setgħetx tinstab fir-rigward tal-prodott konċernat esportat lejn il-Komunità miż-żewġ kumpaniji Tajwaniżi matul il-PI, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew ibbażati fuq id-data tal-kumpaniji nfushom.

(114)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, dawn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni kienu mqabbla mal-valur normali stabbilit minn qabel għall-prodott simili. Fir-reviżjoni preċedenti ta’ skadenza fl-2003, it-Tajlandja nstabet li kienet pajjiż b’ekonomija ta’ suq li tixbah lil dik tar-RPĊ għar-raġunijiet biex ikun stabbilit il-valur normali.

(115)

Biex ikun hemm paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret allokazzjoni dovuta fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li laqtu l-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezz. Dawn l-aġġustamenti saru skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport u ta’ kreditu abbażi tat-tagħrif miġbur waqt iż-żjarat ta’ verifika.

(116)

Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, it-tqabbil bejn il-valur medju normali differenzjat kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u medja differenzjata tal-prezzijiet tal-esportazzjoni matul l-investigazzjoni tar-reviżjoni, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas, wera li kien hemm dumping għall-importazzjonijiet ta’ fittings ta’ tubi jew pajpijiet miż-żewġ kumpaniji Tajwaniżi. Il-marġnijiet tad-dumping li nstabu, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas, kienu bejn 56,09 % għal Chup Hsin u 44,77 % għal Nian Hong.

6.   Il-konklużjoni dwar ir-reviżjoni tal-eżenzjonijiet mill-estensjoni tal-miżuri għall-importazzjonijiet mit-Tajwan

(117)

Minħabba s-sejba ta’ elużjoni msemmija hawn fuq, u skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping attwali fuq importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġinaw fir-RPĊ għandhom jiġu estiżi għal importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinjat minn Chup Hsin u Nian Hong.

7.   In-natura dejjiema taċ-ċirkustanzi mibdula

(118)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie investigat ukoll jekk kienx raġjonevoli li ċ-ċirkustanzi mibdula jitqisux bħala ta’ natura dejjiema.

(119)

Fir-rigward ta’ Nian Hong, l-investigazzjoni wriet li l-kumpanija ilha snin ma jkollha produzzjoni ġenwina u li l-esportazzjonijiet kollha lejn il-Komunità minn din il-kumpanija kienu fittings ta’ tubi u pajpijiet importati mir-RPĊ. Fid-dawl li l-produzzjoni ġenwina ilha bosta snin li waqfet, ma hemm l-ebda raġuni li tagħti x’tifhem li l-qagħda mhijiex ta’ natura dejjiema.

(120)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ Chup Hsin, kif imsemmi hawn fuq fl-inċiż (104), it-tagħrif ippreżentat tqies li mhuwiex attendibbli. Il-fatt li l-kumpanija naqset milli tirrapporta l-prodotti li hija impurtat miċ Ċina fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, huwa meqjus bħala indikazzjoni li kienet konxja mill-elużjoni u ma hemm l-ebda tagħrif li l-intenzjoni tal-kumpanija mhijiex se tissokta din il-prassi fil-ġejjieni.

(121)

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sejbiet mil-PIR jistgħu jitqiesu bħala dejjiema. Bħala konklużjoni, u skont l-Artikolu 11(3), fid-dawl tal-prassi ta’ elużjoni li nstabu għaż-żewġ produtturi esportaturi fit-Tajwan, speċifikament Chup Hsin u Nian Hong, huwa xieraq li jiġu rtirati dawn l-eżenzjonijiet mill-miżuri estiżi.

I.   MIŻURI ANTIDUMPING

(122)

Il-partijiet kollha konċernati ġew informati dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom huwa maħsub li jiġi rakkomandat li l-miżuri attwali jiġu ppreservati u l-eżenzjoni mill-estensjoni tad-dazju għall-importazzjonijiet tal-prodott konċernat prodott minn Chup Hsin u Nian Hong tiġi revokata. Huma ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar.

(123)

Wara l-iżvelar imsemmi hawn fuq, wieħed mill-produtturi esportaturi li għalih ġiet irtirata l-eżenzjoni offra impenn skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

(124)

Din l-offerta ġiet investigata u nstab li l-offerta formali saret wara l-limitu ta’ żmien stipulat biex isiru r-rappreżentazzjonijiet, b’ġustifikazzjoni insuffiċjenti għad-dewmien. L-offerta kienet allegatament ibbażata fuq il-volum tal-esportazzjonijiet matul il-PIR limitat għal produzzjoni proprja tal-kumpanija u l-produzzjoni fornuta minn sottokuntrattur fit-Tajwan, li ma għandhiex tkun soġġetta għal kwalunkwe dazju antidumping sa limitu kwantitattiv.

(125)

Minkejja dan, fid-dawl li matul l-investigazzjoni ta’ fuq il-post il-kumpanija ma rnexxilhiex tagħti prova ta’ liema parti mill-bejgħ tagħha lill-Komunità kienet ta’ produzzjoni Tajwaniża u liema kienet importata mir-RPĊ, l-argument tal-kumpanija li ċ-ċifri tal-esportazzjoni jistgħu jiġu sorveljati permezz ta’ bażijiet xierqa tad-data ma kenitx valida, minħabba li l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità jistgħu jinkludu oġġetti li joriġinaw fir-RPĊ. Flimkien ma’ dan, il-fatt li l-kumpanija naqset milli tirrapporta l-importazzjonijiet tagħha mir-RPĊ tqies li kien qarrieqi fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u jitfa’ dubji serji fuq l-attendibbiltà tat-tagħrif imressaq mill-kumpanija kemm qabel kif ukoll wara ż-żjara ta’ verifika.

(126)

Għal dawn ir-raġunijiet ta’ hawn fuq, l-impenn offrut mill-produttur konċernat ma setax jiġi aċċettat.

(127)

Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li, kif previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, id-dazji antidumping fuq importazzjonijiet ta’ fittings ta’ tubi u pajpijiet li joriġinaw mir-RPĊ u t-Tajlandja jew ikkunsinjati mit-Tajwan kif imposti mir-Regolament (KE) Nru 964/2003, għandhom jiġu ppreservati.

(128)

B’konsegwenza ta’ dan, l-estensjoni tal-miżuri għall-prodott konċernat li joriġina fir-RPĊ għal importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Indoneżja bir-Regolament (KE) Nru 2052/2004, mis-Sri Lanka bir-Regolament (KE) Nru 2053/2004, u mill-Filippini bir-Regolament (KE) Nru 655/2006, kemm jekk dikjarat li joriġina mill-Filippini, l-Indoneżja, u s-Sri Lanka kif ukoll jekk le għandha tiġi ppreservata.

(129)

L-eżenzjonijiet ta’ ċerti FTP prodotti minn Chup Hsin u Nian Hong mill-estensjoni tal-miżuri antidumping għandhom jiġu rtirati. B’konsegwenza ta’ dan, dawn il-kumpaniji għandhom ikunu soġġetti għall-istess dazju antidumping bħal produtturi fir-RPĊ skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B’dan huwa impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings ta’ tubi u pajpijiet (għajr fittings fonduti, flanġijiet u fittings bil-kamin), tal-ħadid jew tal-azzar (ma jinkludix l-istainless steel), b’dijametru estern massimu ta’ 609,6 mm, tat-tip li jiġi użat għall-issaldjar jew xi użi oħra, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja u li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 7307 93 11, ex 7307 93 19, ex 7307 99 30 u ex 7307 99 90 (il-kodiċi TARIC 7307931191, 7307931193, 7307931194, 7307931195, 7307931199, 7307931991, 7307931993, 7307931994, 7307931995, 7307931999, 7307993092, 7307993093, 7307993094, 7307993095, 7307993098, 7307999092, 7307999093, 7307999094, 7307999095, 7307999098).

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u liberu fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji ta’ hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Rata tad-dazju (%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Il-kumpaniji kollha

58,6

It-Tajlandja

Awaji Materia (It-Tajlandja) Co. Ltd. Samutprakarn

7,4

8850

 

Thai Benkan Co. Ltd. Prapadaeng - Samutprakarn

0

A118

 

Il-kumpaniji l-oħra kollha

58,9

A999

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Id-dazju antidumping definittiv impost mill-Artikolu 1 fuq importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet tal-istess fittings ikkunsinjati mit-Tajwan (kodiċi TARIC: 7307931191, 7307931991, 7307993092 u 7307999092; kodiċi addizzjonali TARIC A999), l-Indoneżja (kodiċi TARIC: 7307931193, 7307931993, 7307993093 u 7307999093), is-Sri Lanka (kodiċi TARIC: 7307931194, 7307931994, 7307993094 u 7307999094), u l-Filippini (kodiċi TARIC: 7307931195, 7307931995, 7307993095 u 7307999095), kemm jekk dikjarati li joriġinaw rispettivament fit-Tajwan, l-Indoneżja, is-Sri Lanka u l-Filippini kif ukoll jekk le, bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti minn Rigid Industries Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A099). L-eżenzjoni mill-estensjoni tad-dazju għall-importazzjonijiet tal-istess fittings prodotti minn Chup Hsin Enterprise Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A098) u Nian Hong Pipe Fittings Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A100) hija permezz ta’ dan ta’ hawnhekk revokata.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 84, 3.4.1996, p. 1.

(3)  ĠU L 94, 14.4.2000, p. 1.

(4)  ĠU L 139, 6.6.2003, p. 1.

(5)  Preċedentement Awaji Sangyo Co Ltd., ara ĠU C 152, 6.7.2007, p. 16.

(6)  ĠU L 84, 3.4.1996, p. 46.

(7)  ĠU L 275, 25.8.2004, p. 1.

(8)  ĠU L 355, 1.12.2004, p. 4.

(9)  ĠU L 355, 1.12.2004, p. 9.

(10)  ĠU L 116, 29.4.2006, p. 1.

(11)  ĠU L 275, 16.10.2008, p. 18

(12)  ĠU C 238, 10.10.2007, p. 20.

(13)  ĠU C 138, 5.6.2008, p. 42.