1.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 792/2009

tal-31 ta’ Awwissu 2009

li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 tat-18 ta’ Settembru 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Eġew u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 192(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 142(q) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-użu ġeneralizzat tat-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri – b’mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) – id-dokumenti li jkollhom sew il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri qed ikunu dejjem aktar f’forma elettronika jew diġitizzata.

(2)

Il-Kummissjoni qawwiet l-isforzi tagħha biex tiżviluppa sistemi kompjuterizzati li jippermettulha timmaniġġa elettronikament dokumenti u proċeduri fil-proċeduri interni tal-ħidma tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet involuti fil-PAK. Fl-istess waqt, l-Istati Membri żviluppaw sistemi kompjuterizzati fil-livell nazzjonali, biex jaqdu r-rekwiżiti tal-ġestjoni konġunta tal-PAK.

(3)

F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-ħtieġa li tkun żgurata ġestjoni uniformi u armonizzata tal-PAK min-naħa ta’ dawk kollha involuti, għandu jiġi stabbilit qafas legali biex jipprovdi għar-regoli komuni applikabbli għas-sistemi tal-informazzjoni maħluqa biex l-Istati Membri u l-awtoritajiet jew il-korpi ddeżinjati minnhom skont il-PAK jinnotifikaw informazzjoni u dokumenti lill-Kummissjoni.

(4)

Biex dawn il-miri jintlaħqu effettivament, l-ambitu ta’ dan il-qafas legali għandu jkun definit, sew fir-rigward tal-leġiżlazzjoni kif ukoll tal-atturi kkonċernati.

(5)

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni, ir-Regolamenti (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 1405/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008 u (KE) Nru 73/2009, flimkien mad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħhom (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolamenti tal-PAK”) jistipulaw firxa wiesgħa ta’ obbligi fuq l-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti. Għaldaqstant, għandhom jitqiesu skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

(6)

Fir-rigward tal-atturi involuti, id-drittijiet u l-obbligi stipulati fir-Regolamenti tal-PAK, sew għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri u l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti tagħhom, jesiġu l-identifikazzjoni preċiża tal-individwi u l-awtoritajiet responsabbli għall-azzjonijiet u l-miżuri meħuda.

(7)

Ir-Regolamenti tal-PAK ġeneralment jipprovdu li l-informazzjoni għandha tingħadda elettronikament jew permezz ta’ sistema tal-informazzjoni, imma mhux neċessarjament jispeċifikaw il-prinċipji applikabbli. Biex il-konsistenza u l-ġestjoni tajba jkunu żgurati, u biex il-proċeduri għall-utenti u l-awtoritajiet responsabbli għas-sistemi jsiru aktar sempliċi, għaldaqstant ikun f’loku li jiġu stabbiliti l-prinċipji komuni applikabbli għas-sistemi tal-informazzjoni kollha implimentati.

(8)

Biex id-dokumenti jkunu rikonoxxuti bħala validi għall-finijiet tal-Kummissjoni u fl-Istati Membri, għandu jkun possibbli li l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibbiltà tad-dokumenti u tal-metadejta assoċjata jkunu ggarantiti fit-tul, għall-perjodu kollu li matulu hemm obbligu li jinżammu.

(9)

Bil-għan li tingħata din il-garanzija, l-awtoritajiet jew l-individwi awtorizzati biex jibagħtu l-komunikazzjonijiet dejjem għandhom ikunu identifikati fis-sistemi tal-informazzjoni implimentati, abbażi tas-setgħat allokati lilhom. Il-proċess ta’ identifikazzjoni jeħtieġlu jkun taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti msemmija f’kull wieħed mir-Regolamenti tal-PAK. Madankollu, f’ġieħ il-ġestjoni tajba, għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni tal-individwi awtorizzati, bi provvediment biex id-deżinjazzjoni sseħħ permezz ta’ korp waħdieni ta’ kollegament. Barra minn hekk, għandhom jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-drittijiet tal-aċċess għas-sistemi tal-informazzjoni mwaqqfa mill-Kummissjoni.

(10)

Fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ obbligi ta’ notifika koperti fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, is-sistemi tal-informazzjoni se jitqiegħdu gradwalment għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-obbligu li n-notifika ssir permezz ta’ dawk is-sistemi tal-informazzjoni għandu jkun applikabbli meta d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti tal-PAK jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(11)

Jeħtieġ li l-ġestjoni tad-dokumenti tkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Għal dak il-għan, għandhom japplikaw ir-regoli ġenerali stipulati bil-leġiżlazzjoni tal-Komunità, partikolarment id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (6), id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (7), ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (8), u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (9).

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti u l-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli applikabbli għan-notifika, permezz ta’ sistemi tal-informazzjoni, tal-informazzjoni u d-dokumenti (minn hawn ’il quddiem “dokumenti”) kif meħtieġa biex jaqdu l-obbligi ta’ komunikazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, skont:

ir-Regolament (KE) Nru 247/2006 u r-regoli implimentattivi tiegħu;

ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 u r-regoli implimentattivi tiegħu;

ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u r-regoli implimentattivi tiegħu;

ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 u r-regoli implimentattivi tiegħu;

ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 u r-regoli implimentattivi tiegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

“obbligu ta’ notifika” tfisser l-obbligu li l-Istati Membri jressqu dokumenti lill-Kummissjoni, kif ipprovdut fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 1;

(b)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet jew il-korpi ddeżinjati mill-Istati Membri bir-responsabbiltà li jaqdu l-obbligu ta’ notifika;

(ċ)

“awtorità responsabbli għas-sistemi tal-informazzjoni” tfisser l-awtorità, id-dipartiment, il-korp jew il-persuna li jkollu/jkollha r-responsabbiltà fil-Kummissjoni biex jivvalida/tivvalida u juża/tuża s-sistema, u li jkun/tkun identifikat/a bħala tali f’dik is-sistema;

(d)

“metadejta” tfisser id-dejta li tiddeskrivi l-kuntest, il-kontenut u l-istruttura tad-dokumenti u l-ġestjoni tagħhom maż-żmien.

KAPITOLU II

SISTEMI TAL-INFORMAZZJONI TAL-KUMMISSJONI, DRITTIJIET TAL-AĊĊESS U AWTENTIĊITÀ TAD-DOKUMENTI

Artikolu 3

Sistemi tal-informazzjoni tal-Kummissjoni

Biex jinqdew l-obbligi ta’ notifika, id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni permezz tas-sistemi tal-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “s-sistemi tal-informazzjoni”, mid-data li l-obbligu ta’ notifika korrispondenti tipprovdi għall-obbligu tal-użu ta’ dawk is-sistemi skont dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Drittijiet tal-aċċess u korp waħdieni ta’ kollegament

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex jagħtu d-drittijiet tal-aċċess u biex jiċċertifikaw l-identità ta’ dawk awtorizzati biex ikollhom aċċess għas-sistemi (minn hawn ’il quddiem “l-utenti”).

2.   Fir-rigward tal-aċċess għas-sistemi, kull Stat Membru għandu:

(a)

jiddeżinja korp waħdieni ta’ kollegament responsabbli biex:

(i)

jivvalida, għal kull sistema, id-drittijiet tal-aċċess mogħtija u aġġornati mill-awtoritajiet kompetenti u l-identità ċċertifikata tal-utenti awtorizzzati biex ikollhom aċċess għas-sistemi;

(ii)

jinnotifika lill-Kummissjoni l-awtoritajiet kompetenti u l-utenti awtorizzzati biex ikollhom aċċess għas-sistemi.

(b)

jgħarraf lill-Kummissjoni bl-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ kollegament li jkun iddeżinja.

Wara li d-drittijiet tal-aċċess ikunu ġew ivvalidati, l-awtorità responsabbli għas-sistemi tal-informazzjoni għandha tattivahom.

Artikolu 5

Stabbiliment u notifika tad-dokumenti

1.   Id-dokumenti għandhom jiġu stabbiliti u nnotifikati skont il-proċeduri stabbiliti mis-sistemi tal-informazzjoni, bl-użu ta’ mudelli jew metodi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti permezz ta’ dawk is-sistemi tal-informazzjoni, taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u skont id-drittijiet tal-aċċess mogħtija mill-awtoritajiet inkwistjoni. Dawk il-mudelli u l-metodi għandhom ikunu emendati u jsiru disponibbli wara li l-utenti tas-sistema relatata jkunu ġew mgħarrfa bihom.

2.   F’każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, u b’mod partikolari meta s-sistema tal-informazzjoni ma tkunx qed taħdem tajjeb jew meta jkun hemm nuqqas ta’ konnessjoni dejjiema, l-Istat Membru jista’ jressaq id-dokumenti lill-Kummissjoni fil-forma ta’ kopja stampata jew b’mezzi elettroniċi alternattivi adattati. It-tali tressiq ta’ kopji stampati jew b’mezzi elettroniċi alternattivi għandu jirrikjedi avviż motivat mibgħut bil-quddiem lill-Kummissjoni fiż-żmien dovut qabel l-iskadenza tan-notifika.

Artikolu 6

Awtentiċità tad-dokumenti

L-awtentiċità ta’ dokument innotifikat jew miżmum permzz ta’ sistema tal-informazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament hija rrikonoxxuta jekk il-persuna li tkun bagħtet id-dokument tkun identifikata kif suppost u jekk id-dokument ikun ġie stabbilit u nnotifikat f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

INTEGRITÀ U LEĠĠIBBILTÀ MAŻ-ŻMIEN U PROTEZZJONI TAD-DEJTA PERSONALI

Artikolu 7

Integrità u leġġibbiltà maż-żmien

Is-sistemi tal-informazzjoni għandhom jipproteġu l-integrità tad-dokumenti nnotifikati u miżmuma.

B’mod partikolari, għandhom joffru l-garanziji li ġejjin:

(a)

għandhom jippermettu lil kull utent ikun identifikat bl-ebda ekwivoku, u għandhom jinkorporaw miżuri effikaċi ta’ kontroll tad-drittijiet tal-aċċess biex iħarsu kontra operazzjonijiet illegali, malizzjużi jew mhux awtorizzati ta’ aċċess, it-tħassir, il-bdil jew iċ-ċaqliq ta’ dokumenti, fajls, metadejta u stadji tal-proċedura;

(b)

għandhom ikunu mgħammra b’sistemi ta’ protezzjoni fiżika kontra l-intrużjonijiet u l-inċidenti ambjentali, kif ukoll b’softwer ta’ protezzjoni kontra l-attakki ċibernetiċi;

(ċ)

għandhom jipprevjenu, b’diversi mezzi, kwalunkwe tibdil mhux awtorizzat u jinkorporaw mekkaniżmi tal-integrità biex jivverifikaw jekk dokument ikunx inbidel maż-żmien;

(d)

għandhom iżommu reġistru tat-tranżazzjonjiet għal kull stadju essenzjali tal-proċedura;

(e)

għandhom jissalvagwardjaw id-dejta maħżuna f’ambjent li jkun sigur sew f’termini fiżiċi kif ukoll f’dawk tas-softwer, f’konformità mal-punt (b);

(f)

għandhom jipprovdu proċeduri affidabbli għall-konverżjoni u l-migrazzjoni tal-format biex jiggarantixxu li d-dokumenti jkunu leġġibbli u aċċessibbli matul il-perjodu kollu meħtieġ tal-ħżin;

(g)

għandu jkollhom dokumentazzjoni funzjonali u teknika ddettaljata u aġġornata biżżejjed dwar l-operat u l-karatteristiċi tas-sistema, b’tali mod li dik id-dokumentazzjoni tkun aċċessibbli f’kull waqt għall-entitajiet organizzattivi responsabbli għall-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u/jew tekniċi.

Artikolu 8

Protezzjoni tad-dejta personali

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw bla ħsara għar-Regolamenti (KE) Nru 45/2001 u (KE) Nru 1049/2001, id-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE u d-dispożizzjonijiet adottati skont dawk l-atti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.

(5)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(7)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(8)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.