31.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 691/2009

tat-30 ta’ Lulju 2009

li jipprovdi għall-pagamenti bil-quddiem li għandhom jitħallsu mis-16 ta’ Ottubru 2009 tal-primjum għall-prodotti tal-ħalib u l-pagament addizzjonali, il-pagament għall-medded għall-uċuħ tar-raba’ li jinħarat, pagamenti diretti skont il-miżuri stabbiliti fil-programmi tal-POSEI u l-Gżejjer tal-Eġew, l-iskema ta’ pagament uniku, il-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għar-ross, il-primjum għall-uċuh tal-proteini, il-primjums għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż, il-pagamenti taċ-ċanga u tal-vitella u l-iskema tal-pagamenti uniċi skont l-erja.

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(4)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jipprovdi li pagamenti skont skemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I għal dak ir-Regolament għandhom isiru matul il-perjodu mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara. Madankollu, l-Artikolu 29(4)(a) ta’ dak ir-Regolament jippermetti lill-Kummissjoni tipprovdi għall-pagamenti bil-quddiem.

(2)

Fl-2009, il-bdiewa bħalissa qegħdin jaffaċċaw diffikultajiet serji finanzjarji u ta’ likwidità minħabba l-prezzijiet agrikoli baxxi u l-ispejjeż tal-produzzjoni għoljin. Sabiex jiġu mgħejuna jtaffu dawn id-diffikultajiet huwa xieraq li l-bdiewa jkunu jistgħu jirċievu pagamenti bil-quddiem sa 70 % tal-iskemi ta’ appoġġ, fejn tkun tista’ ssir il-verifika meħtieġa dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, qabel ma jsir dan il-pagament bil-quddiem. L-Iskemi ta’ appoġġ ikkonċernati huma: il-primjum għall-prodotti tal-ħalib u l-pagament addizzjonali u l-pagament għall-medded għall-uċuħ tar-raba’ li jinħarat, skont it-Titolu IV, il-Kapitoli 7 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (2), il-pagamenti diretti skont il-miżuri stabbiliti fil-programmi tal-POSEI provduti fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (3) u l-pagamenti diretti skont il-miżuri stabbiliti fil-programmi tal-Gżejjer tal-Eġew provduti fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (4), l-iskema ta’ pagament uniku, il-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għar-ross, il-primjum għall-uċuh tal-proteini, il-primjums għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż, il-pagamenti taċ-ċanga u tal-vitella u l-iskema tal-pagament uniku skont l-erja provduti fit-Titolu III, it-Titolu IV, il-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1, 3, 10 u 11 u t-Titolu V, il-Kapitolu 2, rispettivament tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

(3)

Sabiex ikun żgurat li l-pagamenti jingħaddu mas-sena tal-baġit 2010, dawn għandhom isiru mis-16 ta’ Ottubru 2009. Il-verifika meħtieġa dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandha ssir xorta waħda qabel il-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem fl-interess ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

(4)

Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jħallsu, mis-16 ta’ Ottubru 2009, pagamenti bil-quddiem lill-bdiewa sa 70 % tal-pagamenti għall-applikazzjonijiet li saru fl-2009 dejjem jekk tkun tlestiet il-verifika dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għal:

(a)

primjum għall-prodotti tal-ħalib u l-pagament addizzjonali u l-pagament għall-medded għall-uċuħ tar-raba’ li jinħarat, kif imsemmi fit-Titolu IV, il-Kapitoli 7 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003;

(b)

pagamenti diretti skont il-miżuri stabbiliti fil-programmi tal-POSEI kif imsemmi fit-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 247/2006;

(ċ)

pagamenti diretti skont il-miżuri stabbiliti fil-programmi tal-Gżejjer tal-Eġew kif imsemmi fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006; u

(d)

l-iskema ta’ pagament uniku, il-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għar-ross, il-primjum għall-uċuh tal-proteini, il-primjums għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż, il-pagamenti taċ-ċanga u tal-vitella u l-iskema tal-pagament uniku skont l-erja imsemmijin fit-Titolu III, it-Titolu IV, l-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1, 3, 10 u 11 u t-Titolu V, il-Kapitolu 2, rispettivament tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.