29.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/18


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 681/2009

tas-27 ta' Lulju 2009

li jtemm ir-reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu tereftalat tal-polietilen li joriġina, fost l-oħrajn, fil-Malażja, filwaqt li jimponi mill-ġdid id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 (2) il-Kunsill, b’segwiment ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni ta’ skadenza, impona dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ ċertu tereftalat tal-polietilen (“PET”), li joriġinaw, inter alia, fil-Malażja. Il-miżuri fis-seħħ jikkonsistu f’rata tad-dazju ta’ 160,1 EUR/tunnellata metrika, bl-eċċezzjoni tal-kumpaniji msemmija espressament li huma suġġetti għal rati ta’ dazju individwali. Skont l-istess Regolament, id-dazji kontra d-dumping huma wkoll imposti fuq l-importazzjoni tal-PET li joriġinaw fil-Indja, fl-Indoneżja, fir-Repubblika tal-Korea, fit-Tajlandja u fit-Tajwan. Il-miżuri oriġinali kienu imposti, wara investigazzjoni (l-“investigazzjoni oriġinali”), mir-Regolament (KE) Nru 2604/2000 (3).

B.   IL-PROĊEDURA PREŻENTI

1.   It-talba għal reviżjoni

(2)

Il-Kummissjoni sussegwentement irċiviet talba biex tniedi reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament (KE) Nru 192/2007, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, mingħand Eastman Chemical (Malaysia) SDN.BHD (l-“applikant”). L-applikant allega li ma esportax ċerti tipi ta’ PET lejn il-Komunità matul il-perijodu ta’ investigazzjoni li fuqu kienu ssejsu l-miżuri kontra d-dumping, jiġifieri l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 1998 sat-30 ta’ Settembru 1999 (il-“perijodu ta’ investigazzjoni oriġinali”) u li ma huwa relatat mal-ebda produttur esportatur ta’ ċerti tipi ta’ PET li huma suġġetti għall-miżuri kontra d-dumping imsemmija hawn fuq. L-applikant allega wkoll li beda jesporta ċerti tipi ta’ PET lejn il-Komunità wara t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

2.   It-tnedija ta’ reviżjoni ta’ “esportatur ġdid”

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza prima facie mressqa mill-applikant u kkunsidratha biżżejjed biex tiġġustifika li jingħata bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija Komunitarja kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni bdiet, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008 (4), reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 rigward l-applikant.

(4)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008, id-dazju kontra d-dumping ta’ 160,1 EUR/tunnellata metrika impost mir-Regolament (KE) Nru 192/2007 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ PET manifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità mill-applikant ġie revokat. Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet tad-dwana ġew ordnati li jieħdu il-passi neċessarji biex jirreġistraw dawn l-oġġetti importati.

3.   Il-prodott ikkonċernat

(5)

Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni attwali huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri PET b’koeffiċjent ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard tal-ISO 1628-5, li jaqa’ fi ħdan il-Kodiċi NM 3907 60 20.

4.   Il-partijiet ikkonċernati

(6)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-applikant, l-industrija Komunitarja, u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur li kienet tnediet din ir-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu.

(7)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba qabel ma’ skorriet id-data tal-iskadenza ffissata għal dak il-għan. Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha hija neċessarja biex tiddetermina id-dumping, filwaqt li twettqet żjara ta’ verifika fil-kwartieri tal-applikant.

5.   Il-perijodu ta’ investigazzjoni għal reviżjoni

(8)

Il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” kopra l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2007 sat-30 ta’ Settembru 2008.

C.   IRTIRAR TAT-TALBA GĦAL REVIŻJONI TA’ “ESPORTATUR ĠDID”

(9)

Permezz ta’ ittra bid-data tat-22 ta’ April 2009 indirizzata lill-Kummissjoni, l-applikant formalment irtira t-talba tiegħu għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” bla ma provda ebda ġustifikazzjoni speċifika.

(10)

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi r-rata tad-dazju u l-marġni ta’ dumping individwali tal-applikant. Għaldaqstant ġie konkluż li l-importazzjonijiet lejn il-Komunità tal-prodotti PET b’koeffiċjent ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard tal-ISO 1628-5 li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 3907 60 20 li joriġinaw fil-Malażja u li jiġu manifatturati u jinbiegħu għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Eastman Chemical (Malaysia) SDN.BHD għandhom jkunu suġġetti għad-dazju applikabbli mal-pajjiż kollu għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fil-Malażja (160,1 EUR/tunnellata metrika) impost mir-Regolament tal-Kunsill Nru 192/2007 u li dik ir-rata ta’ dazju għandha għalhekk terġa’ tiġi imposta.

D.   IMPOSTA RETROATTIVA TAD-DAZJU KONTRA D-DUMPING

(11)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ hawn fuq, id-dazju kontra d-dumping applikabbli għal Eastman Chemical (Malaysia) SDN.BHD għandu jiġi impost retroattivament mid-data tat-tnedija tar-reviżjoni fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, li saru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008.

E.   ŻVELAR U TUL TA’ ŻMIEN TAL-MIŻURI

(12)

L-applikant u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn ġew infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġiet intiża l-impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ PET li joriġinaw, inter alia, fil-Malażja u li jiġu manifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Eastman Chemical Malaysia SDN.BHD u l-impożizzjoni retroattiva ta’ dan id-dazju fuq l-importazzjonijiet li saru suġġetti għar-reġistrazzjoni. Il-kummenti tagħhom tqiesu u ttieħdu inkonsiderazzjoni kif jixraq.

(13)

Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 192/2007 jiskadu skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Ir-reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” imnedija permezz tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008 hija b’dan terminata u d-dazju kontra d-dumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 192/2007, għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” fil-Malażja huwa b’dan impost mill-ġdid fuq l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008.

2.   Id-dazju kontra d-dumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 192/2007, għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fil-Malażja huwa b’dan impost b’effett mis-6 ta’ Novembru 2008 fuq importazzjonijiet ta’ ċertu tereftalat tal-polietilen li ġew irreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008.

3.   L-awtoritajiet tad-dwana permezz ta’ dan qed jingħataw id-direttiva li jtemmu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet mwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2008.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 59, 27.2.2007, p. 1. MT: ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 972.

(3)  ĠU L 301, 30.11.2000, p. 21.

(4)  ĠU L 296, 5.11.2008, p. 5