10.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/26


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 599/2009

tas-7 Lulju 2009

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri provviżorji

(1)

Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (KE) Nru 193/2009 (2) (ir-“Regolament provviżorju”) li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (“USA” jew “il-pajjiż ikkonċernat”).

(2)

Fil-proċediment parallell anti-sussidju, il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (KE) Nru 194/2009 (3) imponiet dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika.

1.2.   Proċedura sussegwenti

(3)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji ta’ anti-dumping (“l-iżvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għas-sejbiet definittivi tagħha. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet provviżorji ġew immodifikati kif meħtieġ.

(4)

Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti essenzali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien hemm il-ħsieb ta’ rakkomandazzjoni tal-impożizzjoni ta’ dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw fil-USA u l-ġbir definittiv tal-ammonti żgurati permezz tad-dazju provviżorju (“żvelar finali”). Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu appelli wara dan l-iżvelar.

(5)

Il-Gvern tal-Istati Uniti (GSU) u partijiet oħra interessati esprimew id-diżappunt tagħhom bid-deċiżjoni li jingħataw biss sittax-il jum għall-kummenti dwar l-iżvelar provviżorju kif ukoll bid-deċiżjoni li ma jiġux milqugħa t-talbiet ta’ ċerti partijiet għal tiġdid raġunat ta’ żmien biex jiġu reġistrati dawn il-kummenti.

(6)

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku jistipula li l-partijiet interessati jistgħu jingħataw id-dettalji li jinsabu wara l-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti miżuri provviżorji. F’dan ir-rigward, hija prassi tal-Kummissjoni li tipprovdi l-iżvelar lill-partijiet kollha interessati fi proċediment mal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ regolament li jimponi miżuri provviżorji u li tipprovdi perjodu ta’ żmien li fih il-partijiet jistgħu jipprovdu l-kummenti dwarhom. Intużat din il-prassi f’dan il-proċediment. Għal dak li huwa l-perjodu ta’ żmien li fih il-partijiet intalbu jipprovdu kummenti, ir-Regolament bażiku ma jispeċifikax kemm żmien għandu jingħata. F’dan il-proċediment tqies li għandu jingħata perjodu ta’ sittax-il jum (wara mtawwal għal sbatax-il jum) minħabba l-kumplessità tal-proċediment u l-ħtieġa li jiġi rispettat ir-rekwiżit fl-Artikolu 11(9) tar-Regolemant bażiku anti-sussidju li l-investigazzjoni tintemm fi żmien tlettax-il xahar mill-bidu tagħha.

(7)

Wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji fil-proċediment parallell anti-sussidju, il-GSU kkumenta dwar ir-rata ta’ dazju stabbilita għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. Għal dak li huwa dazju stabbilit għall-kumpaniji tal-Istati Uniti li ma ppreżentawx ruħhom u ma kkooperawx fl-investigazzjoni, ir-rata ta’ dazju provviżorju ġiet stabbilita fuq il-livell l-iktar baxx tal-ogħla marġini ta’ sussidju jew l-ogħla marġini ta’ ħsara misjub għall-produtturi esportaturi li kooperaw fil-kampjun. L-istess metodu ġie applikat ukoll fil-proċediment ta’ anti-dumping. Ir-rata tad-dazju anti-dumping hekk stabbilita kienet skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament provviżorju (rata ta’ EUR 182,4 kull tunnellata għall-“kumpaniji l-oħra kollha”). Il-GSU jikkunsidra din ir-rata ta’ dazju bħala rata mhux ikkalkulata kif xieraq fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Il-GSU jikkunsidra li, sabiex wieħed jorbot fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, irid jiġi l-ewwel iddeterminat li parti interessata ma aċċettatx jew naqset milli tipprovdi l-“informazzjoni meħtieġa” (4). Il-GSU iżda jqis li r-rata tal-medja differenzjata kkalkulata għall-kumpaniji li jikkooperaw li ma ħadux sehem fil-kamjun għandha tiġi applikata minflok.

(8)

Bħala tweġiba għal dan ta’ min jinnota li, fl-istadju tal-bidu, il-Kummissjoni bagħtet il-formola tal-kampjuni, l-ilment u l-Avviż ta’ Bidu lill-kumpaniji elenkati fl-ilment (aktar minn 150 kumpanija). Kopja tal-formola tal-kampjuni themżet ukoll man-Note Verbale li ntbagħtet lill-Missjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-Komunitajiet Ewropej fil-bidu u dawn ġew mistiedna jibagħtuha lill-esportaturi/produtturi tal-Istati Uniti fl-Istati Uniti tal-Amerika. Barra minn hekk, Il-Bord Nazzjonali għall-Bijodiżil (“BNB”), li mill-bidu nett ta’ dan il-proċediment kien parti interessata, jirrappreżenta għadd kbir ta’ kumpaniji fl-industrija tal-bijodiżil fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(9)

L-Avviż ta’ Bidu kif ukoll l-ittra ta’ akkumpanjament mehmuża mal-formola tal-kampjuni ġibdu l-attenzjoni għall-konsegwenzi ta’ non-kooperazzjoni. Kif issemma fil-premessa (8) tar-Regolament provviżorju, aktar minn 50 kumpanija identifikaw irwieħhom fil-kuntest tal-eżerċizzju tat-teħid ta’ kampjuni u pprovdew it-tagħrif meħtieġ fi żmien il-perjodu ta’ 15-il jum. Dawn il-kumpaniji kienu responsabbli għal aktar minn 80 % tal-importazzjonijiet totali ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti tal-Amerika lejn il-Komunità.

(10)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ntalbu jipprovdu tagħrif supplimentari. B’mod partikolari, l-awtoritajiet intalbu jistiednu xi esportaturi/produtturi addizzjonali tal-bijodiżil fl-Istati Uniti tal-Amerika barra minn dawk elenkati fl-Artikolu 1 u l-Anness tar-Regolament provviżorju, li ma kinux magħrufa waqt il-bidu u qabel ma rrifjutawx li jikkooperaw (5), biex jagħrfu bil-preżenza tagħhom.

(11)

L-awtoritajiet tal-Isati Uniti pprovdew lista li fiha l-ismijiet ta’ aktar minn 100 kumpanija addizzjonali (produtturi/esportaturi) fl-Istati Uniti tal-Amerika. Ġie eżaminat jekk xi waħda mill-kumpaniji kinitx ġiet mistiedna tikkoopera fl-istadju tal-bidu tal-proċediment. L-investigazzjoni żvelat li għadd sinifikanti tal-kumpaniji fil-lista diġà ġew mistiedna jikkooperaw matul l-eżerċizzju tat-teħid ta’ kampjuni iżda kienu għażlu li ma jagħmlux dan dak iż-żmien. Fi kliem ieħor, dawn il-kumpaniji kienu jafu bil-konsegwenzi ta’ non-kooperazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(12)

Madankollu, fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji (aktar minn 40) fil-lista li ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni waqt il-bidu ta’ dan il-proċediment, ġie nnutat li t-talba lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jipprovdu dettalji dwar dawn il-kumpaniji saret wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Għalhekk ġie deċiż li jiġu miżjuda dawn il-kumpaniji mal-Anness ta’ dan ir-Regolament u tiġi applikata l-istess rata ta’ dazju għal dawn il-kumpaniji bħal dawk li kooperaw b’mod espress iżda ma ntgħażlux fil-kampjun. Dawn il-kumpaniji rċevew l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ħsieb li jiġu imposti miżuri definittivi u ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-fatt li kien hemm proposta li jiżdied isimhom fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Wara l-iżvelar finali, il-GSU laqa’ l-proposta biex jiġi applikat dazju medju differenzjat għal kumpaniji supplimentari. Madankollu, il-GSU qies li ma ngħatat l-ebda spejgazzjoni dwar għaliex kumpaniji oħra huma suġġetti għar-rata tal-“kumpaniji l-oħra kollha”. F’dan ir-rigward, ġie nnutat li għall-kumpaniji li ġew mistiedna jikkooperaw matul l-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjun, diġà ngħataw spjegazzjonijiet hawn fuq. Dwar produtturi/esportaturi possibbli tal-USA li ma kinux notifikati individwalment dwar l-investigazzjoni u lanqas ma ġew imsemmija fil-lista msemmija fil-premessa (11), l-ewwel jiġi nnutat li l-isforzi estensivi kollha kienu fuq l-inizjattiva tal-proċediment biex jiġu kkuntattjati l-kumpaniji fl-Istati Uniti li jistgħu jkunu kkonċernati minn dan il-proċediment (ara l-premessi (8) u (10) hawn fuq). Barra minn hekk, saru sforzi supplimentari wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji kif imsemmi fil-premessa (10) hawn fuq biex jiġu identifikati kumpaniji oħra li rriżultaw fiż-żieda ta’ aktar minn 40 kumpanija oħra għal-lista ta’ dawk li għalihom se japplika d-dazju tal-medja differenzjat. Tqies li dawn l-isforzi estensivi taw kull opportunità lill-kumpaniji tal-bijodiżil fl-Istati Uniti biex jippreżentaw irwieħhom. F’dan ir-rigward, ġie nnutat li l-assoċjazzjoni tal-industrija rilevanti ġiet involuta fil-proċediment mill-bidu tagħha. Għaldaqstant, tqies li r-rata tad-dazju tal-“kumpanijia l-oħra kollha” għandha tiġi applikata għall-kumpaniji li ma preżentawx irwieħhom.

(14)

Kumpanija li bagħtet tweġiba għall-formula tal-kampjuni u allura ddaħħlet fil-lista fl-Anness tar-Regolament Provviżorju talbet li l-kumpanija prinċipali tagħha tiżdied mal-lista ta’ kumpaniji fl-Anness. Din il-kumpanija wkoll talbet li l-belt fejn jinsabu ż-żewġ kumpaniji tinbidel fl-Anness biex tirrifletti sewwa l-indirizz tal-fatturi tal-kumpaniji.

(15)

Wara li ġiet eżaminata t-talba ta’ din il-kumpanija, tqies li l-kumpanija prinċipali għandha titniżżel ukoll fil-lista fl-Anness għal dan ir-Regolament kif issemma fit-tweġiba tal-kumpanija għall-formola tal-kampjuni bħala l-unika kumpanija relatata involuta fin-negozju tal-bijodiżil. Il-belt ta’ lokazzjoni għaż-żewġ kumpaniji qed tiġi riveduta wkoll.

(16)

Ta’ min jiftakar li l-investigazzjoni ta’ dumping u ta’ ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2007 sal-31 ta’ Marzu 2008 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). Fir-rigward tax-xejriet rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħsara, il-Kummissjoni analizzat id-data li tkopri l-perjodu minn Jannar 2004 sa tmiem il-PI (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.3.   Teħid ta’ kampjuni għall-produtturi tal-Komunità u produtturi esportaturi fl-Istati Uniti tal-Amerika

(17)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni ta’ produtturi esportaturi fl-Istati Uniti tal-Amerika s-sejbiet provviżorji fil-premessi (5) sa (10) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(18)

Ċerti partijiet ikkummentaw dwar ir-rappreżentattività tal-kampjun ta’ produtturi tal-Komunità. Dawn il-kummenti huma indirizzati fil-premessi (74) sa (78) hawn taħt.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott ikkonċernat

(19)

Ta’ min jiftakar li fl-avviż ta’ bidu, il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ dumping kien iddefinit bħala esteri monoalkilitiċi ta’ aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew idrotrattament, ta’ oriġini mhux fossili (magħruf komunement bħala “bijodiżil”), sew jekk f’forma pura sew f’taħlita.

(20)

L-ilment kien fih evidenza prima facie li l-bijodiżil u t-taħlitiet kollha, ta’ bijodiżil ma’ diżil minerali, prodotti fl-Istati Uniti u esportati lejn il-Komunità bi prezz ta’ dumping kienu affettwaw il-qagħda ekonomika tal-produtturi tal-bijodiżil fil-Komunità. B’konsistenza mal-karatteristiċi tal-produtturi rilevanti tal-bijodiżil tal-Istati Uniti u tas-suq domestiku, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kienet maħsuba li tkopri l-bijodiżil anki meta inkorporat fit-taħlitiet ta’ bijodiżil. Madankollu ġie kkunsidrat li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kif imsemmi fl-Avviż ta’ Bidu u fil-premessa (19) hawn fuq, jista’ jqajjem tħassib dwar liema produtturi u liema tipi ta’ prodott kien maħsub li jiġu koperti mill-investigazzjoni u liema ma kinux.

(21)

Bl-istess mod, għall-investigazzjoni dwar dumping u ħsara, b’mod partikolari biex jiġu stabbiliti l-marġini ta’ dumping u l-livelli ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara jeħtieġ li jiġu identifikati b’mod ċar it-tipi ta’ prodott li kellhom x’jaqsmu mal-investigazzjoni.

(22)

B’konformità mal-karatteristiċi tas-suq tal-Istati Uniti, il-prodott ikkonċernat kien provviżorjament iddefinit bħala esteri monoalkilitiċi ta’ aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew idrotrattament, ta’ oriġini mhux fossili, magħruf komunement bħala “bijodiżil”, sew jekk f’forma pura jew f’taħlitiet, li huma ‘l fuq minn B20. Għalhekk il-prodott ikkonċernat kopra l-bijodiżil pur (B100) u t-taħlitiet kollha li fihom aktar minn 20 % ta’ bijodiżil (“il-prodott ikkonċernat”). Dan il-limitu tqies xieraq biex jippermetti distinzjoni ċara bejn it-tipi varji ta’ taħlitiet maħsuba li jitħalltu aktar u dawk maħsuba għall-konsum dirett fis-suq tal-Istati Uniti.

(23)

L-investigazzjoni wriet li t-tipi kollha ta’ bijodiżil u l-bijodiżil fit-taħlitiet koperti minn din l-investigazzjoni, minkejja differenzi possibbli għal dik li hija materja prima użata għall-produzzjoni, jew varjanti fil-proċess ta’ produzzjoni, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi jew huma simili ħafna u jintużaw għall-istess finijiet. Il-varjazzjonijiet possibbli fil-prodott ikkonċernat ma jibdlux id-definizzjoni bażika, il-karatterisitiċi tiegħu jew il-perċezzjoni li bosta għandhom tiegħu.

(24)

Waslu stqarrijiet minn partijiet interessati dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili fejn ġew ikkontestati kemm id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kif ukoll il-prodott simili fl-istess waqt u bl-istess argumenti mingħajr ma saret ebda firda bejn il-kunċett ta’ prodott ikkonċernat u prodott simili fil-kuntest tal-proċediment.

(25)

Ta’ min jiftakar li l-kunċett tal-prodott ikkonċernat huwa regolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) sa 1(3) tar-Regolament bażiku, l-interpretazzjoni tat-terminu “prodott simili” huwa msemmi fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, l-istqarrijiet se jiġu ttrattati għalihom hawn taħt.

(26)

Waħda mill-partijiet staqsiet sa fejn taħlitiet bi proporzjoni baxx ta’ bijodiżil (eż. B21) għandhom jitqiesu li jikkwalifikaw bħala bijodiżil fuq l-istess livell mal-bijodiżil pur (B100) jew ma’ taħlitiet simili li primarjament jikkonsistu minn bijodiżil b’ammont iktar baxx ta’ diżil minerali (eż. B99). Fl-istqarrija tagħhom qalu li B100 u B99 bażikament għaddew mill-investigazzjoni u li l-kalkoli kollha ta’ dumping u ħsara saru fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ prodott. Fil-fehma tagħhom li jitwaqqaf limitu ftit ‘il fuq minn B20, jiġifieri t-taħlita ta’ livell baxx li tinbiegħ direttament lill-konsumaturi fl-Istati Uniti tal-Amerika jwassal għal definizzjoni artifiċjali tal-prodott ikkonċernat.

(27)

L-istess parti kkontestat ukoll kemm taħlita b’20 % ta’ bijodiżil tikkwalifikax bħala fjuwil tal-bijodiżil aktar minn diżil minerali li mhux inkluż fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Din il-parti kienet tal-fehma li l-UE tappoġġja l-opinjoni li għandha tinħoloq intestatura doganali ġdida (6) għall-bijodiżil fis-Sistema Armonizzata doganali (SA). Fil-fehma tagħha l-Kummissjoni wessgħet id-definizzjoni tal-prodott fil-proċediment attwali u espandiet it-tipi ta’ prodott affettwati mill-impożizzjoni tal-miżuri.

(28)

Barra minn hekk, il-parti qieset li f’dak iż-żmien tal-investigazzjoni ebda limitu speċifiku ma kien jeżisti biex jiġi ddeterminat x’inhu bijodiżil għall-klassifikazzjoni fil-kodiċi Nru 3824 90 91 tan-Nomenklatura Maqgħuda (NM), il-kodiċi speċifiku maħluq mill-1 ta’ Jannar 2008 għall-bijodiżil mill-UE. Il-parti kkontestat jekk skont ir-regola 3(b) tar-regola ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Maqgħuda (7) taħlita li fiha anqas minn 50 % ta’ bijodiżil tistax xorta tikkwalifika bħala bijodiżil. Semmew ukoll li l-eżempji ta’ taħlitiet imsemmija fil-kwestjonarju tal-Kummissjoni kienu ta’ kontenut għoli ta’ bijodiżil u dan ifisser li l-prodott ikkonċernat huwa biss bijodiżil u taħlitiet li fihom livelli għolja ħafna ta’ bijodiżil.

(29)

Il-parti qalet ukoll li l-UE ma tistax tibdel id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat filwaqt li żżomm prodott simili tiegħu li huwa differenti. Huma rreferew għall-iżvelar provviżorju lill-produtturi tal-bijodiżil tal-Istati Uniti fil-kampjun li juri li l-produtturi tal-Istati Uniti fil-kampjun biegħu taħlitiet magħmula esklużivament minn bosta tipi ta’ bijodiżil. Għalhekk il-prodott ikkonċernat għandu jkun limitat għall-prodotti li fihom 100 % ta’ bijodiżil (B100), anki jekk ikun magħmul minn bijodiżil magħmul minn materja bażika differenti, jew għal taħlitiet li fihom 99 % ta’ bijodiżil (B99).

(30)

Il-parti rreferiet għal Sentenza tal-Qorti (8) reċenti dwar importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju u kkonkludiet li r-raġunament ta’ dik is-sentenza japplika wkoll għall-proċediment attwali u li l-bijodiżil li mhuwiex parti minn taħlitiet b’kontenut għoli ħafna ma jistax jiġi suġġett għall-investigazzjoni u għal miżuri billi mhuwiex il-prodott simili li għalih kien hemm sejbiet ta’ dumping u ta’ ħsara, jiġifieri prodotti li fihom biss bijodiżil (B100) jew 99 % ta’ bijodiżil (B99).

(31)

Il-partijiet ma ġabu ebda xhieda jew referenza legali li turi li l-prodott ikkonċernat ma kienx iddefinit sewwa fl-investigazzjoni attwali. Id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 1(1) sa 1(3) tar-Regolament bażiku jipprovdu gwida għal dik li hija definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-Artikolu 1(1) jistqarr li: “Dazju kontra xiri taħt il-prezz jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara.”

(32)

Kif jissemma fil-premessa (20) hawn fuq, l-ilment kien fih evidenza prima facie li l-bijodiżil u t-taħlitiet kollha, ta’ bijodiżil ma’ diżil minerali, prodotti fl-Istati Uniti u esportati lejn il-Komunità bi prezzijiet ta’ dumping kienu affettwaw il-qagħda ekonomika tal-produtturi tal-bijodiżil fil-Komunità. Il-marġini ta’ dumping u ta’ ħsara ġew iddeterminati għal kull produttur individwali fil-kampjun fuq il-bażi tat-tipi ta’ prodott li huma biegħu lis-suq tal-Komunità.

(33)

Il-partijiet ma ġabu ebda xhieda li turi li l-limitu ffissat fir-Regolament provvizorju li jwaqqaf linja li tifred prodott ikkonċernat minn prodott mhux ikkonċernat kien artifiċjali. Kif imsemmi fil-premessi (24) u (26) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni wriet li B20, u taħlitiet ta’ livell potenzjalment iktar baxx, attwalment inbiegħu direttament lill-konsumaturi fl-Istati Uniti. L-investigazzjoni wriet ukoll li s-suq għat-taħlitiet u s-suq għall-prodotti għall-konsumatur kienu swieq differenti bi klijenti differenti: suq minnhom fejn il-bijodiżil u t-taħlitiet ta’ bijodiżil kienu ddestinati għal aktar taħlit minn kummerċjanti u dawk li jħalltu u suq ieħor fejn it-taħlitiet huma ddestinati għan-netwerk ta’ distribuzzjoni u għalhekk għall-konsumaturi. Id-determinar tal-limitu għall-prodott ikkonċernat ‘il fuq minn B20 ippermetta li tinqata’ linja ċara ta’ firda u tiġi evitata l-konfużjoni bejn il-prodotti, is-swieq u l-partijiet varji fl-Istati Uniti.

(34)

Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ anti-dumping huwa komuni li kumpaniji individwali investigati ma jipproduċuwx u jbiegħu t-tipi kollha ta’ prodott inklużi fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Xi kumpaniji jistgħu jipproduċu medda limitata ħafna ta’ tipi ta’ prodott filwaqt li oħrajn jistgħu jipproduċu medda ikbar. Dan iżda ma jaffettwax id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk jitqies li t-talba li l-prodott ikkonċernat għandu jkopri biss it-tipi ta’ prodott li ġew esportati mill-produtturi tal-Istati Uniti u użati għall-kalkoli ta’ dumping u ta’ ħsara hija bla sies.

(35)

Kif imsemmi fir-Regolament provviżorju u fil-premessa (19) hawn fuq, l-investigazzjoni primarjament iffukat fuq il-bijodiżil, kemm fil-forma pura kif ukoll inkorporat f’taħlitiet. Il-miżuri ta’ anti-dumping se japplikaw għat-taħlitiet rilevanti esportati lejn is-suq tal-Komunità. Għalhekk, jitqies li l-kwistjoni dwar jekk taħlita b’20 % ta’ bijodiżil tikkwalifikax bħala fjuwil tal-bijodiżil aktar minn diżil minerali li mhux inkluż fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat mhiex rilevanti.

(36)

Irid jiġi ċċarat li s-sejbiet ta’ dumping u ħsara ta’ kull kumpanija li ġiet investigata kienu esklużivament ibbażati fuq it-tipi ta’ prodott rilevanti li ġew prodotti u mibjugħa mill-kumpanija rilevanti matul il-PI. It-talba li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat inklużi taħlitiet ‘il fuq minn B20 taffettwa bla bżonn il-produtturi tal-Istati Uniti hija bla sies u ma tistax twassal għall-konklużjoni li l-prodott ikkonċernat għandu jkun limitat għall-prodotti li fihom 100 % ta’ bijodiżil (B100) anke jekk huma magħmulin minn bijodiżil ta’ materja bażika differenti jew taħlita magħmula minn 99 % ta’ bijodiżil (B99). L-inklużjoni ta’ taħlitiet ‘il fuq minn B20 fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma kellha assolutament ebda impatt fuq is-sejbiet magħmula għal kumpaniji investigati li mhumiex jipproduċu dan it-tip ta’ prodott.

(37)

L-allegazzjoni tal-parti li r-raġunament ta’ Sentenza tal-Qorti (9) japplika ukoll għall-proċediment attwali u li l-bijodiżil li mhuwiex parti minn taħlitiet b’kontenut għoli ħafna ma jistax jiġi suġġett għall-ambitu ta’ din l-investigazzjoni hija wkoll bla sies. Tabilħaqq, għal kull kumpanija investigata, kull marġini ta’ ħsara u dumping se jaqbel eżatt mal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili li għalih ġew stabbiliti s-sejbiet ta’ dumping u ħsara, jiġifieri t-tipi ta’ prodott rilevanti li fihom il-bijodiżil li nbiegħu fis-suq domestiku u ġew esportati lejn il-Komunità minn dik il-kumpanija. Barra minn hekk, il-ġudizzju li hu invokat mill-operatur ikkonċerna verifika ta’ miżuri anti-dumping eżistenti li rriżultaw fl-estensjoni tagħhom għal prodotti oħra għajr il-prodott ikkonċernat, li mhux il-każ f’din l-investigazzjoni.

(38)

Minkejja li jitqies li l-eżempji pprovduti fi kwestjonarju maħsub biex tinġabar data għall-fini ta’ investigazzjoni ma jistgħux jintużaw biex isiru suppożizzjonijiet dwar il-konklużjoni tal-investigazzjoni, huwa xieraq li wieħed jinnota li l-Kummissjoni ma tistax tkun taf minn qabel, jiġifieri qabel ma sseħħ l-investigazzjoni tagħha fuq il-post, liema tipi ta’ prodotti se jiġu mmanifatturati u mibjugħa fis-suq domestiku tagħha u għall-esportazzjoni mill-kumpaniji kkonċernati fil-mument tat-tfassil tal-kwestjonarju. Il-prodott ikkonċernat mill-investigazzjonijiet ta’ anti-dumping jista’ jkopri medda ta’ tipi ta’ prodott differenti u l-fatt li xi wħud minnhom jistgħu ma jkunux oġġett ta’ dumping ma jwassalx biex jitħallew barra mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(39)

Abbażi tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, huwa kkonfermat li t-tipi kollha ta’ bijodiżil u l-bijodiżil fit-taħlitiet koperti minn din l-investigazzjoni, minkejja differenzi possibbli f’termini ta’ materja prima użata għall-produzzjoni, jew varjanti fil-proċess ta’ produzzjoni, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi jew simili ħafna u jintużaw għall-istess finijiet. Il-varjazzjonijiet possibbli fil-prodott ikkonċernat ma jibdlux id-definizzjoni bażika, il-karatteristiċi tiegħu jew il-perċezzjoni li bosta partijiet għandhom tiegħu.

2.2.   Prodott simili

(40)

Provviżorjament instab li l-prodotti mmanifatturati u mibjugħa fis-suq domestiku tal-Istati Uniti, li huma koperti minn din l-investigazzjoni, għandhom karatteristiċi u użi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi simili għal dawk esportati minn dan il-pajjiż lejn is-suq Komunitarju. Bl-istess mod, il-prodotti manifatturati milll-industrija tal-Komunità u mibjugħa fis-suq tal-Komunità għandhom karatteristiċi u użi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi simili meta mqabbla ma’ dawk esportati lejn il-Komunità mill-pajjiż ikkonċernat.

(41)

Għalhekk l-ebda differenzi ma nstabu bejn il-varji tipi tal-prodott ikkonċernat u l-prodotti Komunitarji simili mibjugħa fis-suq Komunitarju li jwassal għall-konklużjoni li l-prodotti mmanifatturati u mibjugħa fis-suq Komunitarju mhumiex prodott simili, bl-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi bħat-tipi tal-prodott ikkonċernat immanifatturat fl-Istati Uniti u esportat lejn il-Komunità. Għalhekk ġie konkluż li t-tipi kollha ta’ bijodiżil koperti minn din l-investigazzjoni jitqiesu simili fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

(42)

Waħda mill-partijiet stqarret li d-definizzjoni tal-prodott simili hija marbuta b’mod ikkomplikat mal-identifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat u trid tiġi stabbilita f’termini ta’ karatteristiċi fiżiċi u użu aħħari tal-prodott. Bażikament huma qalu li B20 ma jintużax għall-konsum fl-UE iżda taħlita aktar baxxa li hija B5. Għalhekk il-prodott simili kien iddefinit ħażin. Huma qalu wkoll li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma tistax tinbidel filwaqt li jinżamm prodott simili tiegħu li huwa differenti.

(43)

Kif jidher ċar fil-premessa (29) sa (35) tar-Regolament provviżorju, id-definizzjoni tal-prodott simili hija marbuta mal-identifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat u ġiet stabbilita l-aktar f’termini ta’ karatteristiċi fiżiċi tal-prodott. L-użu aħħari attwali tqies ukoll u tqies li l-limitu ta’ B20 għandu jinżamm ukoll għad-definizzjoni tal-prodott simili. F’dan il-każ, l-għadd ta’ tipi ta’ prodott koperti mill-prodott simili tnaqqas ukoll biex ikun hemm qbil mad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(44)

Għaldaqstant, it-talbiet tal-partijiet li d-definizzjoni tal-prodott simili kienet ħażina jridu jiġu miċħuda u d-definizzjoni provviżorja tal-prodott simili tista’ tiġi kkonfermata.

3.   DUMPING

3.1.   Kumment preliminari

(45)

Wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji, bosta produtturi esportaturi kif ukoll l-NBB stqarru li kellu jsir aġġustament fil-kalkoli tad-dumping biex jitħalla barra l-impatt tas-sussidju. Skont huma, li jitħalla barra l-effett tas-sussidju mogħti kemm fuq bejgħ domestiku kif ukoll fuq bejgħ għall-esportazzjoni wassal għal sottodikjarazzjoni ta’ dħul, u dan jaffettwa kemm il-valur normali għall-prodott simili kif ukoll id-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni għall-prodott ikkonċernat. B’hekk, il-valur normali kien affettwat billi t-test tal-kors normali tal-kummerċ ġie iddeterminat fuq bażi ta’ prezzijiet ta’ bejgħ li ma qiesux id-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-prodott li bbenefika mis-sussidju filwaqt li l-prezz ta’ esportazzjoni kien bl-istess mod sottodikjarat għall-istess raġuni. Dawn il-partijiet allegaw ukoll li n-nonaġġustament tas-sussidju kkostitwixxa żball ċar tal-applikazzjoni tal-Artikoli 2(4) u 2(10) tar-Regolament bażiku billi kkontribwixxa għall-użu ta’ valuri normali mibnija meta l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fil-fatt ħallew qligħ minħabba s-sussidji. Ta’ min ifakkar li skont is-sejbiet tal-investigazzjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti taw kreditu fiskali magħruf bħala blender’s credit ta’ 1 USD għal kull gallun ta’ bijodiżil pur preżenti f’taħlita ta’ bijodiżil ma’ diżil minerali.

(46)

Skont dan l-NBB stqarr li biex jiġi żgurat tqabbil ġust u simmetrija operattiva bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, il-blender’s credit għandu jiġi miżjud mhux biss mal-valur normali iżda wkoll mal-prezz ta’ esportazzjoni.

(47)

Kif spjegat fil-premessa (38) tar-Regolament provviżorju, iċ-ċirkustanzi li fihom sussidju jista’ jwassal għal aġġustament kif mistqarr mill-NBB biex jiġi evitat rimedju doppju f’każ ta’ investigazzjonijiet paralleli anti-sussidju u anti-dumping għall-istess prodott huma espressament stipulati fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku ta’ anti-sussidju li jistqarr li ebda prodott ma għandu jkun suġġett għal dazji kemm ta’ anti-dumping kif ukoll ta’ kumpens għall-fini ta’ trattament tal-istess sitwazzjoni waħda li tirriżulta mid-dumping jew mis-sussidju tal-esportazzjoni. Ċirkustanzi bħal dawn ma jirriżultawx f’dan il-każ attwali. Tabilħaqq, il-blender’s credit huwa sussidju disponibbli kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll għal dak ta’ esportazzjoni eżattament bl-istess mod u għall-istess ammont u għalhekk ma jikkostitwix sussidju ta’ esportazzjoni bit-tifsira tal-Artikolu 24(1). Dan l-NBB ma kkontestahx. Għalhekk, it-talba li l-blender’s credit għandu jiġi “aġġustat” fil-kalkoli tad-dumping tqieset bla bżonn u ġiet miċħuda.

(48)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra, li kieku jibdlu s-sejbiet provviżorji f’dan ir-rigward, il-premessi (36) sa (38) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.2.   Valur normali

(49)

Wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji, produttur esportatur ġibed l-attenzjoni għal żball fil-għadd fil-kalkolu tal-valur normali ta’ ċertu tip ta’ prodott ibbażat fuq il-prezz ta’ bejgħ domestiku. Dan l-iżball fil-għadd ġie kkorreġut.

(50)

Produttur esportatur ieħor, li ma kellux bejgħ domestiku rappreżentattiv, ikkontesta l-użu tal-medja differenzjata tal-marġini ta’ profitt ta’ produtturi esportaturi oħra suġġetti għall-investigazzjoni dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku, matul il-bini tal-valur normali. Huwa stqarr li minflok ma jsir użu mill-medja tal-marġini ta’ profitt taż-żewġ produtturi integrati li kellhom profitt fil-bejgħ domestiku tagħhom fil-PI, il-profitt medju li jintuża kellu jkun dak tal-produtturi mhux integrati. Billi l-kumpanija tikseb il-materja bażika tagħha fis-suq ġenerali, huwa stqarr li ma setax isir tqabbil maż-żewġ produtturi integrati fis-sħiħ, li skont kif stqarr ma kinux rappreżentattivi tal-kondizzjonijiet tas-suq tal-produtturi esportaturi l-oħra kollha fil-kampjun.

(51)

Din l-istqarrija ttieħdet bħala waħda valida, billi tabilħaqq wieħed jista’ jirraġuna li s-sitwazzjoni taż-żewġ produtturi integrati tista’ ma tkunx direttament paragunabbli ma’ dik taż-żewġ produtturi l-oħra fil-kampjun minħabba li huma integrati fis-sħiħ u għandhom aċċess għall-materja bażika. Iżda, is-suġġeriment li tintuża il-medja tal-marġini ta’ profitt tal-produtturi mhux integrati ma kienx possibbli billi ebda wieħed minn dawn il-produtturi ma kellu profitt fil-bejgħ domestiku tul il-PI. Għalhekk tqies xieraq, skont l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku, li minflok, il-profitt jissejjes fuq it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku li ħallew profitt tal-produtturi esportaturi kollha fil-kampjun li għandhom bejgħ domestiku. Dan il-profitt intuża mbagħad fil-bini tal-valur normali tal-produttur esportatur imsemmi.

(52)

Wara l-iżvelar finali, grupp ta’ produttur esportatur wieħed qal li l-marġni tal-qligħ użat għall-istabbiliment tal-valur normali tat-tiġi tal-prodott li ma nbigħux fis-suq domestiku fil-PI ma kienx raġjonevoli. Ġie argumentat li l-valur normali kellu jiġu stabbilit imsejjes fuq it-tipi tal-prodott li għalihom ma ġiex stabbilit valur normali u bl-applikazzjoni ta’ aġġustament għad-differenzi fiżiċi, skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku. Intqal ukoll li l-aġġustamenti magħmula fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni tad-danni kellhom jiġu applikati wkoll għall-kalkolu tal-valur normali.

(53)

F’dan ir-rigward, ġie osservat li l-għan tal-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku kien li jħaffu tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni u mhux li jiġi stabbilit valur normali. L-għan tal-aġġustament li sar fil-kalkoli tad-dannu kien li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil tal-Istati Uniti jitqabblu mal-bijodiżil prodott u mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Kif deskritt fil-premessa 46 tar-Regolament provviżorju, il-qligħ użat għall-istabbiliment tal-valur normali ġie ddeterminat skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, din it-talba tqieset li ma kinetx rraġunata u għalhekk kellha tiċċaħħad.

(54)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra fir-rigward tal-valur normali, li kieku jibdlu s-sejbiet provviżorji, il-premessi (39) sa (48) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.   Prezz ta’ esportazzjoni

(55)

Produttur esportatur ikkontesta l-kalkolu tal-marġini ta’ profitt għall-importatur relatat tiegħu fil-Komunità, u stqarr li ċerti spejjeż, bħal trasport bil-baħar u assikurazzjoni ma kinux inklużi fl-ispejjeż ta’ prodotti mibjugħa.

(56)

Din it-talba nstabet valida u l-ispiża tal-prodotti mibjugħa tal-importatur relatat ġiet riveduta abbażi tal-prezz tax-xiri tal-FOB li miegħu ġew miżjuda l-ispejjeż kollha biex inkiseb il-prodott ikkonċernat, bħal kummissjonijiet, trasport, assikurazzjoni u spejjeż amministrattivi, u dazji doganali.

(57)

L-istess produttur esportatur stqarr li r-riżultati ta’ ċerti operazzjonijiet magħluqa ta’ lqugħ (hedging) fil-livell tal-istess importatur relatat kienu assenjati ħażin fir-riżultat operattiv tal-prodott ikkonċernat, meta fil-fatt huma marbuta strettament mal-operazzjonijiet dwar ix-xiri u l-bejgħ ta’ prodott ieħor.

(58)

Il-kumpanija pprovdiet xhieda li turi li r-riżultati tal-operazzjonijiet magħluqa ta’ lqugħ kienu jirreferu esklużivament għal kuntratti individwali ta’ bejgħ dwar prodott li ma kienx il-prodott ikkonċernat u għaldaqstant ma influwenzawx l-ispejjeż ta’ SG&A marbuta mal-prodott ikkonċernat.

(59)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, billi dawn l-operazzjonijiet instabu li ma kinux relatati mal-prodott ikkonċernat ġie deċiż li dawn ir-riżultati ma jiġux inkorporati fid-determinazzjoni tal-ispejjeż ta’ SG&A tal-importatur relatat.

(60)

Wara l-iżvelar finali, grupp produttur esportatur wieħed iġġieled dwar l-esklużjoni mill-kalkoli tal-parti tal-esportazzjonijiet tal-bijodiżil tiegħu fil-Komunità li reġa’ ġie imħallat ma’ bijodiżil li ma kienx mill-Istati Uniti u mibjugħ fil-Komunità bħala taħlita taż-żewġ oriġini. Il-grupp ikklejmja li ma kienx hemm żvelar fir-Regolament bażiku jew fil-Ftehim Anti-dumping tal-Ftehim biex jippermetti għal din l-eskużjoni. F’dan ir-rigward, il-GSU ddikjara li l-Kummissjoni ma ddokumentatx u ġġustifikatx biżżejjed il-bidliet bejn id-determinazzjonai provviżorja u dik definittiva.

(61)

Fid-dawl tal-kummenti riċevuti u l-metodu alternattiv propost mill-grupp produttur esportatur ikkonċernat biex jiġi stabbilit prezz ta’ esportazzjoni afidabbli mit-taħlitiet mibjugħa mill-ġdid il-Komunità, il-Kummissjoni evalwat mill-ġdid l-iffissar tal-prezz ta’ esportazzjoni. Il-metodu mressaq mill-grupp ma setax jiġi segwit peress li ma identifikax individwalment il-prezz ta’ esportazzjoni rilevanti mill-komponenti tal-bijodiżil importat tat-taħlita li wara ġiet mibjugħa mill-ġdid fis-suq Komunitarju. Madankollu, skont il-metodoloġija applikata fil-kalkolu tad-dannu, il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid tat-taħlita mibjugħa fis-suq Komunitarju ġie stabbilit għall-ekwivalenti tal-materja bażika taż-żerriegħa tal-kolza u l-prezz ta’ esportazzjoni tal-prodott kif joħroġ mill-fabbrika ġie stabbilit fuq dik il-bażi, billi tnaqqsu l-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(62)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-prezz ta’ esportazzjoni, li kieku jibdlu s-sejbiet provviżorji, il-premessi (49) sa (50) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.4.   Paragun

(63)

Żewġ produtturi esportaturi kkontestaw l-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku fir-rigward ta’ spejjeż ta’ trasport, amministrazzjoni u ħażna li seħħu bejn il-post tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni u l-port minn fejn tgħabba biex jinbiegħ il-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, wieħed mill-produtturi esportaturi stqarr li fil-port il-prodott jitlef l-identità individwali tiegħu billi jitħallat ma’ materjal ieħor u li għalhekk l-ispejjeż imsemmija hawn fuq ma għandhomx jitqiesu li huma marbuta direttament mal-bejgħ.

(64)

Ta’ min jenfasizza li mill-kalkolu tal-marġini ta’ dumping tqies biss il-bijodiżil prodott mill-produtturi esportaturi investigati, kemm jekk pur kemm jekk imħallat. Għalhekk ma jitqiesx bħala validu li tħallew barra ċerti spejjeż li seħħu wara l-produzzjoni tal-prodott ta’ bażi B 100. Għaldaqstant dawn l-ispejjeż għandhom jitnaqqsu biex il-prezz ta’ esportazzjoni tal-bijodiżil kollu lill-partijiet mhux relatati prodott mill-produtturi esportaturi stess, kemm jekk pur kemm jekk imħallat, jinġieb lura għal-livell ta’ kif joħroġ il-prodott mill-fabbrika. Il-fatt li t-trasport tal-bijodiżil iseħħ mill-fabbrika sa port barra mill-fabbrika ma jfissirx li l-parti prodotta mill-produttur stess mit-taħlita aħħarija ma kinitx se tiġi soġġetta għal spejjeż ta’ trasport, amministrazzjoni u ħażna.

(65)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-paragun, li kieku jibdlu s-sejbiet provviżorji, il-premessi (51) sa (53) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.5.   Marġini ta’ dumping

(66)

Il-marġini ta’ dumping definittivi, espressi bћala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, huma dawn li ġejjin:

Kumpanija

Marġini ta’ dumping definittiv

Archer Daniels Midland Company (ADM)

10,1  %

Cargill Inc.

de minimis

Green Earth Fuels of Houston LLC

88,4  %

Imperium Renewables Inc.

29,5  %

Peter Cremer North America LP

39,2  %

World Energy Alternatives LLC

52,3  %

Kumpaniji li qed jikkooperaw li mhux parti mill-kampjun

33,5  %

(67)

Fid-dawl tat-tibdiliet fil-marġini ta’ dumping tal-kumpaniji fil-kampjun, il-medja differenzjata tal-marġini ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun ġiet ikkalkolata mill-ġdid skont il-metodoloġija deskritta fil-premessa (56) tar-Regolament provviżorju. Kif jidher hawn fuq, din ġiet iffissata għal 33,5 % tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas.

(68)

Il-bażi għall-iffissar ta’ marġini ta’ dumping għall-pajjiż kollu ġiet stabbilita fil-premessa (57) tar-Regolament provviżorju. Fuq l-istess bażi, il-marġini ta’ dumping mal-pajjiż kollu ġie ffissat b’mod definit għal 39,2 %.

4.   INDUSTRIJA KOMUNITARJA

4.1.   Produzzjoni u pożizzjoni Komunitarja

(69)

Partijiet interessata kkontestat l-esklużjoni mill-valutazzjoni tal-produzzjoni totali tal-Komunità tal-grupp ta’ produtturi relatati ma’ produttur esportatur fl-Istati Uniti msemmi fil-premessa (60) tar-Regolament provviżorju fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Hija sostniet li d-denominatur korrett biex jiġi stabbilit l-appoġġ għall-ilment għandu jinżamm għal madwar 5 400 elf tunnellata u mhux jitnaqqas għal bejn 4 200 sa 4 600 elf tunnellata kif sar fl-istadju provviżorju.

(70)

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku għall-valutazzjoni tal-pożizzjoni jew l-appoġġ għall-investigazzjoni huma l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Bħala tagħrif, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Anti-Dumping (FAD) dwar id-definizzjoni tal-industrija domestika jinsabu fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Minn dawn id-dispożizzjonijiet, huwa ċar li d-definizzjoni tal-produzzjoni domestika biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni għandha ssir b’mod konġunt u hija suġġetta għall-istess rekwiżiti bħal dawk għad-definizzjoni tal-industrija domestika. Ikun xi jkun il-każ din it-talba mhijiex b’tali mod li tbiddel il-konklużjoni li l-investigazzjoni kellha l-appoġġ ta’ proporzjoni ewlieni tal-produzzjoni tal-Komunità. Anki jekk id-denominatur kellu jinżamm fuq 5 400 elf tunnellata, l-appoġġ għall-investigazzjoni jkun ogħla minn 50 %, jiġifieri sew ogħla mir-rekwiżiti tar-Regolament bażiku.

(71)

L-istess parti interessata sostniet li fid-dawl tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili li huwa l-bijodiżil kemm pur kif ukoll f’taħlitiet li fihom aktar minn 20 % ta’ bijodiżil (B20), l-industrija tal-Komunità u l-produzzjoni tal-Komunità jridu jkunu magħmula mill-kumpaniji kollha tal-Komunità li jipproduċu l-bijodiżil u taħlitiet ’il fuq minn B20. Hija stqarret li mhemmx evidenza li minn ressaq l-ilment jew il-Kummissjoni fittxet li tinkludi dawn il-kumpaniji fil-produzzjoni totali jew iddeterminat li dawn il-produtturi kienu favur l-ilment.

(72)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li ċ-ċifra totali ta’ produzzjoni tal-Komunità li tidher fil-premessa (60) tar-Regolament provviżorju tabilħaqq tieħu inkonsiderazzjoni l-volum ta’ produzzjoni ta’ bijodiżil f’taħlitiet ‘il fuq minn B20. Jista’ jiġi ċċarat aktar li skont l-informazzjoni disponibbli, il-produzzjoni fil-Komunità ta’ taħlitiet li fihom bejn 21 % (B21) u 99 % (B99) ta’ bijodiżil kienet limitata ħafna matul il-PI. L-unika produzzjoni ta’ taħlitiet f’din il-firxa kienet ikkonċentrata fuq taħlitiet ta’ B30 u ma kinitx taqbeż 60 000 tunnellata għal dak li huwa kontenut ta’ bijodiżil. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet kuntatt ma’ produtturi magħrufa tal-B30 wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji u t-tweġibiet li waslu minn tnejn mill-produtturi juru li huma favur l-ilment.

(73)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra, il-premessi (59) sa (61) tar-Regolament provviżorju dwar id-definizzjoni ta’ produzzjoni tal-Komunità, industrija tal-Komunità u pożizzjoni huma b’dan ikkonfermati.

4.2.   Teħid ta’ kampjuni

(74)

Waħda mill-partijiet sostniet li r-rendiment ta’ produttur tal-Komunità fil-kampjun li naqas milli jikkoopera fl-investigazzjoni kien tajjeb ħafna u kellu jitqies fil-valutazzjoni tal-ħsara lill-industrija tal-Komunità. Ġie mistqarr li dan il-produttur ma ġarrabx ħsara matul il-PI u li għandhom jintużaw l-aqwa fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, il-parti ssuġġeriet, li tintuża d-data finanzjarja ta’ dan il-produttur disponibbli għal kulħadd għall-2007 u l-2008, għall-eżami ta’ ħsara lill-industrija tal-Komunità.

(75)

Hija prassi komuni f’investigazzjonijiet ta’ anti-dumping li l-Kummissjoni teskludi produtturi li naqsu milli jikkooperaw għall-fini tal-istima ta’ ħsara u li ma tużax fatti disponibbli bi qbil mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Id-data dwar il-ħsara tkopri perjodu estiż ta’ erba’ snin u mhux possibbli li tinkiseb l-informazzjoni kollha meħtieġa fuq bażi ta’ sorsi pubbliċi biex jiġu stabbiliti l-indikaturi kollha ta’ ħsara għall-perjodu kollu. F’dan il-każ partikolari, l-imsemmi produttur tal-Komunità tħalla barra mill-investigazzjoni billi naqas li jipprovdi informazzjoni kompluta u rilevanti għas-snin 2004 sa 2006 u pprovda biss informazzjoni parzjali għall-2007 u l-PI. L-użu tal-informazzjoni pubblika għall-attività ta’ dan il-produttur fil-bijodiżil għall-2007 u l-2008 ma kienx jippermetti li tinkiseb data għall-fatturi kollha ta’ ħsara u għas-snin kollha tal-perjodu kkunsidrat. Dan kien jgħawweġ ix-xejriet li huma rilevanti għall-istima ta’ ħsara.

(76)

Barra minn hekk, li kieku nżamm l-imsemmi produttur fil-kampjun ma kinitx tkun possibbli l-istima ta’ kemm sar bejgħ bi prezz baxx għat-totalità kollha tal-bejgħ tal-produtturi fil-kampjun billi l-kumpanija msemmija ma pprovdietx lista bil-bejgħ tagħha fid-dettall skont it-tip ta’ prodott għall-PI. Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li bil-maqlub ta’ dak li stqarret il-parti interessata, ir-rendiment finanzjarju tal-produttur imsemmi, għal dik li hija kapaċità ta’ qligħ, kif intwera fid-data disponibbli għall-pubbliku kien sew taħt il-medja tal-kapaċità ta’ qligħ stabbilita għall-produtturi tal-Komunità li kkooperaw fil-kampjun kif jidher fit-Tabella 7 tar-Regolament provviżorju. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, it-talba magħmula minn din il-parti ma setgħetx tintlaqa’.

(77)

L-istess parti stqarret li l-kampjun tal-produtturi tal-Komunità ma kienx rappreżentattiv tal-industrija tal-Komunità peress li kien ibbażat fuq produtturi ta’ bijodiżil pur (B100) u għalhekk ma inkludiex produtturi ta’ taħlitiet minn B99 sa B20 kif ukoll dawk li jħalltu l-B100.

(78)

F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar li kif jissemma fil-premessa (72) hawn fuq, il-produzzjoni tal-Komunità ta’ taħlitiet ta’ bijodiżil bejn B20 u B99 kienet limitata ħafna matul il-PI. Minħabba din il-kwantità limitata, li tirrappreżenta inqas minn 2 % tal-produzzjoni totali tal-Komunità tal-prodott simili fil-PI, wieħed jista’ jikkonkludi li l-għażla tal-kampjun li kien fil-biċċa ‘l kbira bbażat fuq l-ikbar volum ta’ produzzjoni u bejgħ ġewwa l-Komunità kienet rappreżentattiva. Fir-rigward ta’ dawk li jħalltu l-B100, dawn il-kumpaniji ma setgħux jitqiesu bħala produtturi tal-prodott simili billi huma jipproċessaw b’operazzjoni ta’ taħlit sempliċi prodott simili li diġà jeżisti. It-talba għalhekk ma ntlaqatx.

(79)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra, il-premessi (62) sa (64) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

5.   ĦSARA

(80)

Kif imsemmi fil-premessa (16) hawn fuq, l-eżami tax-xejriet li jikkonċernaw l-istima tal-ħsara kopra l-perjodu minn Jannar 2004 sa tmiem il-PI. Iżda, l-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Komunità kienet prattikament għadha tibda fl-2004. Għaldaqstant tqies li jkun aktar xieraq li ssir analiżi dwar il-ħsara possibbli u l-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Komunità bbażata fuq ix-xejriet għall-perjodu mill-2005 sal-PI (“il-perjodu analizzat”). Billi ebda parti ma kkummentat dwar dan l-approċċ, il-premessa (65) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

5.1.   Konsum Komunitarju

Tabella 1

Il-Konsum Komunitarju

2004

2005

2006

2007

PI

Tunnellati

1 936 034

3 204 504

4 968 838

6 644 042

6 608 659

Indiċi 2005=100

60

100

155

207

206

(81)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti li jistgħu jiġġustifikaw tibdil rigward il-konsum tal-Komunità kif jidher fit-tabella hawn fuq, il-premessi (66) sa (71) tar-Regolament provviżorju huma b’dan kkonfermati.

5.2.   Volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u sehem mis-suq

(82)

It-tabella ta’ hawn taħt turi t-total tal-importazzjonijiet fis-suq tal-Komunità mill-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 2

L-importazzjonijiet kollha mill-Istati Uniti

2004

2005

2006

2007

PI

Tunnellati

2 634

11 504

50 838

730 922

1 137 152

Indiċi 2005=100

23

100

442

6 354

9 885

Sehem mis-suq

0,1  %

0,4  %

1,0  %

11,0  %

17,2  %

Indiċi 2005=100

25

100

250

2 750

4 300

Sors: Statistika dwar l-esportazzjoni mill-Istati Uniti

(83)

Għall-fini tas-sejbiet definittivi nstab li produttur esportatur mill-Istati Uniti ma kienx qiegħed ibigħ il-prodotti tiegħu taħt il-prezz fis-suq tal-Komunità, għalhekk it-totali tal-volum u tal-prezz tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kellhom jiġu valutati mill-ġdid. F’dan il-każ, fl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni sabiex jiġi stabbilit d-dumping hija prassi tal-Kummissjoni li mbaghad teżamina jekk hemmx evidenza pożittiva li turi jekk il-kumpaniji kollha li ma kinux fil-kampjun kinux effettivament qed iqiegħdu l-prodotti tagħhom bi prezz ta’ dumping fis-suq Komunitarju jew le matul il-PI.

(84)

Għal dan il-għan, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni mitluba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-esportaturi li ma kkooperawx ġew investigati mill-ġdid fuq il-bażi tal-istatistika dwar l-esportazzjoni mill-Istati Uniti, it-tweġibiet tal-kwestjonarji tal-produtturi esportaturi fil-kampjun fl-Istati Uniti u t-tweġibiet tal-formoli tat-teħid ta’ kampjuni pprovduti mill-kumpaniji kollha fl-Istati Uniti li kkooperaw. Tqies li jekk il-marġini medju ta’ dumping li nstab fuq il-bażi tal-produtturi esportaturi fil-kampjun jiżdied mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni medji stabbiliti għall-produtturi esportaturi fil-kampjun misjuba li qed iwettqu dumping, jiġi stabbilit il-livell ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni mhux oġġett ta’ dumping.

(85)

Il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit għall-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun fuq il-bażi tal-istatistika dwar l-esportazzjoni mill-Istati Uniti wara li tnaqqset id-data dwar l-esportazzjonijiet li tikkonċerna l-produtturi esportaturi fil-kampjun. Il-prezz li rriżulta tqabbel imbagħad mal-prezz ta’ esportazzjoni mhux oġġett ta’ dumping.

(86)

Dan it-tqabbil ta’ prezzijiet wera li kemm i) il-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun kif ukoll ii) il-produtturi esportaturi li ma kkooperawx fl-investigazzjoni kellhom prezzijiet ta’ esportazzjoni medji li kienu fil-każijiet kollha taħt il-prezzijiet medji li mhumiex oġġett ta’ dumping stabbiliti għall-produtturi esportaturi fil-kampjun. Din kienet indikazzjoni suffiċjenti li l-importazzjonijiet mill-kumpaniji kollha li ma kinux fil-kampjun, jiġifieri dawk li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx, jistgħu jitqiesu bħala li kienu oġġett ta’ dumping.

(87)

Dwar il-kumpaniji mhux fil-kampjun, l-informazzjoni disponibbli u d-data li ntbagħtet dwar il-prezz ta’ esportazzjoni tagħhom ma wrietx li l-prezzijiet tagħhom kienu ogħla mill-prezz mhux oġġett ta’ dumping stabbilit kif spjegat fil-premessa (84) hawn fuq.

(88)

Kif imsemmi fil-premessa (83) hawn fuq, instab fl-istadju definittiv li produttur esportatur wieħed fl-Istati Uniti inkluż fil-kampjun ma kienx qiegħed ibigħ il-prodotti tiegħu bi prezz taħt il-prezz tas-suq fis-suq tal-Komunità. Skont dan, l-esportazzjonijiet tiegħu ġew esklużi mill-analiżi dwar l-iżvilupp ta’ importazzjonijiet mibjugħa bi prezz taħt il-prezz tas-suq fis-suq tal-Komunità.

(89)

Madankollu, biex tkun evitata kull possibbiltà ta’ żvelar ta’ data kummerċjali kunfidenzjali tal-imsemmi produttur, tqies xieraq għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità li ma tkunx ippreżentata data pubblikament disponibbli, bħad-data dwar l-esportazzjoni mill-Istati Uniti, bit-tħollija barra tad-data tal-esportatur li ma nstabx li kellu prodotti bi prezz ta’ dumping fis-suq Komunitarju.

(90)

Għalhekk, it-tabella ta’ hawn taħt tinkludi l-importazzjonijiet kollha ta’ bijodiżil li joriġinaw fl-Istati Uniti, li nstabu jew tqiesu li kienu oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu kkunsidrat taħt forma indiċizzata.

Tabella 3

Importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Istati Uniti

2004

2005

2006

2007

PI

Volumi indiċizzati 2005=100

100

411

5 825

9 261

Indiċi tas-sehem tas-suq 2005=100

100

265

2 810

4 490

Sors: Statistika dwar l-esportazzjoni mill-Istati Uniti u tweġibiet tal-formoli tat-teħid ta’ kampjuni ta’ kumpaniji tal-Istati Uniti li ma wettqux dumping

(91)

Iċ-ċifri l-ġodda juru li l-volumi ta’ importazzjoni mill-Istati Uniti żdiedu b’mod sinifikanti minn madwar aktar minn 10 000 tunnellata fl-2005 għal aktar minn 1 000 000 tunnellata fil-PI. Matul il-perjodu analizzat, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Istati Uniti baqgħu jżidu kontinwament is-sehem tagħhom fis-suq tal-Komunità minn madwar 0,3 % fl-2005 sa aktar minn 15 % fil-PI. Għalhekk jibqa’ li kien hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini relattivi meta mqabbla mal-konsum tal-Komunità matul dan il-perjodu.

(92)

Parti interessata stqarret li l-analiżi ta’ ħsara u kawżalità tal-proċediment ta’ anti-dumping għandha ssir fuq data differenti minn dik magħmula fil-proċediment parallell ta’ anti-sussidju. Ġie sostnut li s-sejbiet dwar id-dumping, b’mod partikolari l-bejgħ ta’ esportazzjoni lill-Komunità, huma bbażati biss fuq il-bijodiżil prodott mill-produtturi stess fil-kampjun filwaqt li s-sejbiet dwar is-sussidju huma bbażati fuq i) bijodiżil prodott minnhom stess, ii) bijodiżil prodott u mħallat u iii) bijodiżil mixtri u mħallat, esportat lejn il-Komunità.

(93)

Din it-talba qisha trid tgħid li l-proċediment ta’ anti-dumping għandu jkun dejjem ibbażat fuq data inqas wiesgħa mqabbel mal-proċediment ta’ anti-sussidju. Iżda, fl-istadju provviżorju nstab li l-esportazzjonijiet kollha tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun ta’ produtturi mill-Istati Uniti saru bi prezzijiet oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Komunità. Sejba simili saret fl-investigazzjoni dwar l-anti-sussidju. Għalhekk fiż-żewġ investigazzjonijiet l-esportazzjonijiet kollha li saru mill-Istati Uniti tqiesu li kienu oġġett ta’ dumping u sussidjati u għalhekk ġew inklużi kollha fl-analiżi ta’ ħsara u kawżalità.

(94)

Il-fatt li, kif spjegat fil-premessa (83) hawn fuq, f’istadju definittiv, kumpanija mill-Istati Uniti fil-kampjun instabet li ma kinitx qed twettaq dumping wassal issa għal diskrepanza bejn il-volum ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u l-volum ta’ importazzjonijiet sussidjati li jridu jitqiesu fl-analiżi dwar ħsara u kawżalità tal-proċedimenti. Il-volum ġenerali ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Istati Uniti ġie aġġustat biex iqies il-fatt li l-importazzjonijiet ta’ produttur esportatur wieħed fil-kampjun instabu li ma kinux dumped.

(95)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, it-talba kellha tiġi miċħuda.

(96)

Parti interessata stqarret li l-intestatura tal-HTS 3824 90 tal-istatistika dwar l-esportazzjoni mill-Istati Uniti li ntużat fir-Regolament provviżorju biex jiġu stabbiliti l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat tkopri ukoll, barra mill-bijodiżil, prodotti oħra bħal “sustanzi xaħmija li ġejjin mill-annimali jew il-ħxejjex u t-taħlitiet tagħhom”. L-analiżi tal-volum ta’ importazzjoni mill-Istati Uniti kienet għalhekk bin-nieqes. L-istess parti interessata pproponiet li minflok jintużaw ix-xejriet stabbiliti għall-produtturi investigati tal-Istati Uniti.

(97)

F’dan ir-rigward, l-ewwel ġie osservat li l-kodiċi HTS tal-Istati Uniti 3824 90 4000 intuża sabiex jiġu kkalkolati l-volumi ta’ importazzjoni li joriġinaw mill-Istati Uniti u mhux l-intestatura HTS b’sitt ċifri kklejmjata minn din il-parti.

(98)

Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li kif issemma fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju, id-data tal-Eurostat ma setgħetx tintuża għall-fini tal-istima tal-importazzjonijiet ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti minħabba li sa tmiem l-2007 ma kienx hemm kodiċi NM distint għall-klassifikazzjoni doganali ta’ dan il-prodott. Il-bijodiżil seta tabilħaqq jiġi kklassifikat taħt kodiċijiet NM varji li kellhom ukoll data dwar l-importazzjoni għal prodotti oħra. Ir-raġuni l-għala ntużat l-istatistika dwar l-esportazzjoni mill-Istati Uniti kienet li kien jidher li tkopri taħt kodiċi tariffarju wieħed l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u li l-volum ta’ prodotti oħra koperti taħt l-istess kodiċi huwa ta’ importanza mhux sinifikanti għal dawk li huma esportazzjonijiet lejn il-Komunità.

(99)

Fid-dawl tal-limitazzjonijiet għall-użu tad-data tal-Eurostat, alternattiva oħra għall-istatistika dwar l-esportazzjoni mill-Istati Uniti kienet tkun li tintuża d-data dwar l-importazzjoni fir-rapport tal-ilment. Din id-data nkisbet minn dawk li resqu l-ilment minn għejjun konfidenzjali ta’ informazzjoni dwar is-suq u għalhekk ir-rikors għal informazzjoni bħal din kien ikun suġġett għal din il-limitazzjoni. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza, il-bixriet tal-volumi ta’ importazzjoni kienu juru l-istampa li ġejja taħt forma indiċizzata:

Tabella 4

Importazzjonijiet mill-Istati Uniti

2004

2005

2006

2007

PI

Indiċizzati 2005=100

0

100

1 359

15 059

15 394

(100)

It-tqabbil tat-Tabella 4 hawn fuq mat-Tabella 2 juri li l-istima tal-Kummissjoni tal-volumi ta’ importazzjoni tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ analiżi kienet iktar konservattiva minn dik li setgħet tintuża bħala alternattiva. Barra minn hekk, din l-istampa ġenerali tal-volumi ta’ importazzjoni tat-Tabella 4 tittella’ minn data konfidenzjali li mhiex suxxettibbli għall-iżvelar filwaqt li l-istatistika mill-Istati Uniti hija informazzjoni għal kulħadd.

(101)

Il-metodu propost mill-parti interessata kellu juru din l-istampa rigward il-bixriet tal-volumi ta’ esportazzjoni fuq il-bażi tat-tagħrif miġbur mill-produtturi esportaturi investigati:

Tabella 5

Importazzjonijiet mill-Istati Uniti

2004

2005

2006

2007

PI

Indiċizzati 2005=100

16

100

461

6 180

9 005

(102)

It-tqabbil tat-Tabella 5 mat-Tabella 2 hawn fuq juri bixriet tassew simili bejn il-metodu użat mill-Kummissjoni u dak propost minn dan il-partit.

(103)

L-istess parti interessata stqarret ukoll li, peress li l-prodott ikkonċernat huwa l-bijodiżil u taħlitiet ta’ bijodiżil b’kontenut ta’ bijodiżil ogħla minn 20 %, il-volum ta’ importazzjonijiet muri fit-Tabella 2 ma jistax jikkorrelata mal-volum ta’ importazzjoni korrett tal-prodott ikkonċernat.

(104)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-investigazzjoni ma identifikatx importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat b’kontenut ta’ bijodiżil ogħla minn B20 iżda iktar baxx minn B99 matul il-PI. Fi kliem ieħor, l-investigazzjoni ma identifikat l-ebda importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li minħabba l-kontenut tal-bijodiżil baxx tagħhom ikunu ikklassifikati taħt kodiċi HTS tal-Istati Uniti differenti.

(105)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hi li l-volum ta’ importazzjoni ppreżentat fit-Tabella 2 tar-Regolament provviżorju jirrappreżenta stima affidabbli, oġġettiva u konservattiva tal-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat.

(106)

Parti interessata stqarret li l-kwantitajiet splash and dash esportati mill-Istati Uniti kellhom jiġu mifruda mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fl-Istati Uniti billi dawk tal-ewwel ma jistgħux jitqiesu bħala importazzjonijiet ta’ oriġini mill-Istati Uniti.

(107)

Barra minn hekk l-istess parti u l-GSU stqarru li bil-maqlub ta’ dak li ġie mistqarr fil-premessi (77) u (80) tar-Regolament provviżorju l-esportazzjonijiet kollha mill-Istati Uniti mhumiex meqjusa li joriġinaw fl-Istati Uniti. Ma hemm l-ebda awtorità fl-Istati Uniti li tagħmel stima jew determinazzjoni fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott partikolari għall-esportazzjoni u ma jistax wieħed jassumi li l-bijodiżil kollu li jħalli t-territorju tal-Istati Uniti huwa ta’ oriġini tal-Istati Uniti.

(108)

L-istess parti stqarret ukoll li r-regolamenti ta’ oriġini stabbiliti mill-Buro taċ-Ċensiment tal-Istati Uniti dwar id-determinazzjoni tal-oriġini tal-prodotti esportati mhumiex magħrufa sewwa fost l-industrija tal-bijodiżil u għalhekk l-esportaturi tal-bijodiżil huma u jimlew id-“Dikjarazzjoni ta’ Esportazzjoni tal-Merkanzija” (DEM) normalment jindikaw li l-prodotti esportati huma ta’ oriġini lokali.

(109)

Hija tenniet l-istqarrija tagħha magħmula fi stadju provviżorju li volumi impurtati fil-Komunità skont il-mudell splash and dash jirrappreżentaw iktar minn 40 % tal-prodott ikkonċernat esportat mill-Istati Uniti. Bħala appoġġ għall-istqarrija tagħha uzat id-data dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-Istati Uniti tal-kodiċi HTS 3824 90 4020 u 3824 90 4000, u fil-prattika stqarret li l-importazzjonijiet kollha ta’ bijodiżil fl-Istati Uniti ġew esportati mill-ġdid taħt il-mudell splash and dash lill-Komunità.

(110)

Dwar dan ta’ hawn fuq ta’ min jinnota li l-kjarifika mitluba mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti dwar il-fatt li ebda awtorità tal-Istati Uniti ma twettaq stima jew determinazzjoni tal-oriġini ta’ prodott partikolari għall-esportazzjoni tista’ tintlaqa’.

(111)

L-istqarrija li l-mudell splash and dash jirrappreżenta talinqas 40 % tal-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn il-Komunità kienet ibbażata fuq is-suppożizzjoni li l-bijodiżil kollu impurtat fl-Istati Uniti jispiċċa jiġi esportat mill-ġdid lejn il-Komunità taħt il-mudell spalsh and dash mingħajr ma jkun hemm konsum tal-volum fl-Istati Uniti jew jerġa jitħallat fl-Istati Uniti qabel l-esportazzjoni.

(112)

Iżda, id-data ppreżentata minn din il-parti wriet li fis-snin 2004 sa 2006 l-importazzjonijiet qabżu sewwa l-esportazzjonijiet u dan juri li hemm talba lokali għall-bijodiżil fl-Istati Uniti minn pajjiżi oħra. Barra minn hekk, din is-suppożizzjoni hija xi daqsxejn sempliċistika billi ma tqiesx il-kwantitajiet ta’ bijodiżil mħallta fl-Istati Uniti u esportati lejn il-Komunità fejn i) il-karatteristiċi tat-taħlita huma differenti minn dawk tal-materjali ta’ oriġini li jattribwixxi l-oriġini lill-Istati Uniti għall-prodott imħallat jew ii) taħlitiet fejn il-proporzjon tal-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti ikun dak dominanti u tattribwixxi l-oriġini tal-Istati Uniti lill-prodott imħallat sħiħ. Ta’ min ifakkar f’dan ir-rigward li, kif issemma fil-premessa (78) tal-Regolament provviżorju, il-kumpaniji tal-Istati Uniti investigati ddikjaraw li ma kienx possibbli li jiġu ddiferenzjati, fil-kwantitajiet esportati lejn il-Komunità jew mibjugħa fis-suq lokali, dawk il-kwantitajiet prodotti minnhom stess jew mis-sorsi tal-Istati Uniti jew dawk impurtati. Ta’ min jinnota wkoll li l-oriġini jidher li ġiet dikjarata b’mod korrett mill-kumpaniji tal-Istati Uniti kkonċernati billi fil-każijiet kollha kien qed isir aktar taħlit ta’ bijodiżil ta’ oriġini li mhux mill-Istati Uniti. Tabilħaqq, fil-biċċa ‘l kbira tal-każijiet il-produtturi esportaturi investigati huma kumpaniji kbar ħafna jew gruppi ta’ kumpaniji b’kumpaniji relatati fil-Komunità u huwa diffiċli li wieħed jaċċetta li ma kinux jafu bir-regoli attwali tal-Istati Uniti u tal-Komunità dwar id-determinazzjoni tal-oriġini.

(113)

Fuq il-bażi ta’ dan kollu ta’ hawn fuq, il-konkluzjoni hija li ma hemmx bażi biex jiġu identifikati b’mod ċar l-importazzjonijiet fil-Komunità taħt il-mudell splash and dash għall-perjodu kkonsidrat. Qed jitqies ukoll li ma hemmx bażi biex dawn l-esportazzjonijiet, jekk jeżistu, jiġu ttrattati bħala importazzjonijiet mhux ta’ oriġini tal-Istati Uniti.

5.3.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u bejgħ taħt il-prezz

5.3.1.   Il-prezz tal-bejgħ unitarju

(114)

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-prezz tal-bejgħ unitarju tal-importazzjonijiet kollha fis-suq tal-Komunità li joriġinaw fl-Istati Uniti matul il-perjodu kkunsidrat kif aċċertat fil-premessi (81) u (82) tar-Regolament provviżorju.

Tabella 6

L-importazzjonijiet kollha mill-Istati Uniti

2004

2005

2006

2007

PI

Prezzijiet f’EUR/tunnellata

463

575

600

596

616

Indiċi 2005=100

81

100

104

104

107

Sors: Statistika ta’ esportazzjoni mill-Istati Uniti u tweġibiet għall-kwestjonarju tal-esportaturi mill-Istati Uniti li ħadu sehem fil-kampjun

(115)

Fid-dawl tas-sejbiet definittivi dwar id-dumping, u l-fatt li kumpanija nstabet li ma kinitx qed tbiegħ il-prodotti tagħha bi prezzijiet taħt il-prezz tas-suq fis-suq tal-Komunità, il-prezzijiet tal-bejgħ unitarji tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Komunità ġew ikkalkolati għalihom u jidhru fit-tabella li ġejja.

Tabella 7

L-importazzjonijiet oġġett ta’ dumpin mill-Istati Uniti

2004

2005

2006

2007

PI

Prezzijiet f’EUR/tunnellata

463

575

608

603

615

Indiċi 2005=100

81

100

106

105

107

Sors: Statistika ta’ esportazzjoni mill-Istati Uniti u tweġibiet għall-kwestjonarju tal-esportaturi mill-Istati Uniti li ħadu sehem fil-kampjun

(116)

Il-prezzijiet medji għall-importazzjonijiet mill-Istati Uniti varjaw matul il-perjodu kkunsidrat u kumplessivament urew żieda ta’ 6 % bejn l-2005 u l-PI.

5.3.2.   Il-bejgħ taħt il-prezz

(117)

Għall-finijiet ta’ analiżi ta’ bejgħ taħt il-prezz, il-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-bejgħ li l-produtturi Komunitarji fil-kampjun żammew lill-klijenti mhux relatati fis-suq Komunitarju, aġġustati fuq livell ta’ prezzijiet tal-fabbrika, tqabblu mal-medja differenzjata tal-prezzijiet korrispondenti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Istati Uniti, stabbiliti fuq bażi ta’ CIF għall-produtturi esportaturi fl-Istati Uniti fil-kampjun li nstabu li biegħu taħt il-prezz fis-suq tal-Komunità. Ġie applikat aġġustament fejn xieraq għad-dazji doganali, għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni u għad-differenzi fil-materja bażika użata fil-produzzjoni tal-biodiżil kif deskritt fil-premessa (84) tar-Regolament provviżorju.

(118)

Ċerti produtturi esportaturi stqarru li l-aġġustament għad-differenzi fil-materja bażika kien baxx wisq għax ma jirriflettix sewwa l-valur tas-suq tad-differenzi. Huma stqarru wkoll li d-differenzi għandhom jinkisbu fuq il-bażi tal-prezzijiet għat-tipi differenti ta’ bijodiżil fis-suq tal-Komunità u kkwantifikaw din l-istqarrija b’referenza għall-kwotazzjonijiet tal-prezzijiet, ibbażati f’Antwerp bid-dazju mħallas, ippubblikati minn analista tas-suq.

(119)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-aġġustament kien ibbażat fuq id-data ġenerali vverifikata u miġbura mill-produtturi esportaturi fil-kampjun għall-azzjonijiet tagħhom fl-Istati Uniti u kien, għalhekk, ibbażat fuq is-sejbiet tal-investigazzjoni li hija l-aktar għajn ta’ informazzjoni affidabbli. Barra minn hekk, il-kwotazzjonijiet tal-prezzijiet fil-livell tal-Komunità ma kinux ikunu bażi xierqa għal dan l-aġġustament billi dawn il-livelli ta’ prezzijiet ġew influwenzati mil-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping li joriġinaw fl-Istati Uniti. Fuq din il-bażi, it-talba ma ntlaqgħetx.

(120)

L-istess produtturi esportaturi sostnew li l-aġġustament għad-differenzi fil-materja bażika għandu jiġi applikat biss għall-bejgħ tal-produtturi esportaturi fil-kampjun u mhux għall-bejgħ tal-produtturi tal-Komunità fil-kampjun billi l-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar jikkonsisti f’taħlitiet kompatibbli mal-istandards tal-Komunità.

(121)

Dan l-argument instab li kien irrilevanti billi l-għan tal-aġġustament kien li jiġu indirizzati d-differenzi fil-materja bażika u mhux xi differenzi biex jiġu sodisfatti l-istandards differenti applikabbli fil-livell tal-Komunità. It-talba għalhekk ma ntlaqgħetx.

(122)

Min ressaq l-ilment ikkontesta kemm dan l-aġġustament huwa xieraq billi sostna li kemm il-produtturi tal-Komunità kif ukoll l-esportaturi tal-Istati Uniti jużaw varjetà ta’ materja bażika u t-tnejn li huma jipproduċu varjetà ta’ taħlitiet li jinsabu fiż-żewġt iswieq u għalhekk joperaw bl-istess possibiltajiet ta’ firxa għal dik li hija għażla ta’ materja prima.

(123)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li, filwaqt li huwa minnu li kemm il-produtturi tal-Komunità kif ukoll il-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti jużaw varjetà ta’ taħlitiet ibbażati fuq materja bażika differenti, il-qsim mill-ġdid tal-materja bażika fit-taħlitiet jista’ jvarva b’mod sinifikanti minn produttur għal produttur u anki minn klijent għal klijent tal-istess produttur. Tabilħaqq, l-investigazzjoni wriet li rari ħafna nstab qbil preċiż fit-taħlitiet mibjugħa mill-produtturi tal-Komunità fil-kampjun u dawk mibjugħa mill-produtturi esportaturi fil-kampjun fis-suq tal-Komunità. Għalhekk, biex jitqiesu l-kalkoli għall-bejgħ taħt il-prezz sabiex jittieħed kont tat-tipi ta’ prodott differenti ta’ bijodiżil, tqies tabilħaqq meħtieġ li jsir l-aġġustament għad-differenzi fil-materja bażika. Għalhekk, din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(124)

Ċerti produtturi esportaturi stqarru li l-prezzijiet użati għall-kalkoli tal-marġini ta’ ħsara kienu l-prezzijiet CIF fuq il-fruntiera tal-Komunità aktar milli l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent mhux relatat. Huma stqarru li dawn il-kalkoli jridu jiġu korretti sabiex jittieħed kont tal-valur u l-kwantitajiet ta’ bejgħ lill-ewwel klijent mhux relatat.

(125)

Dan l-argument instab rilevanti għal żewġ produtturi esportaturi u l-kalkoli ta’ ħsara ġew korretti kif meħtieġ.

(126)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-marġini medju ta’ bejgħ taħt il-prezz matul il-PI, espress bħala perċentwali tal-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-fabbrika tal-industrija tal-Komunità, instab li kien bejn 18,9 % sa 31,9 %, minflokk medda ta’ bejn 18,9 % sa 33,0 % fl-istadju provviżorju.

5.4.   Qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja

(127)

Kif imsemmi fil-premessi (107) sa (110) tar-Regolament provviżorju, instab li l-industrija Komunitarja ġarrbet ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

(128)

Tabilħaqq, l-analiżi provviżorja wriet li l-prestazzjoni tal-industrija Komunitarja tjiebet fir-rigward ta’ xi indikaturi tal-volum, iżda li l-biċċa ‘l kbira tal-indikaturi marbuta mal-qagħda finanzjarja tal-industrija Komunitarja ħżienu b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Minkejja l-ħila tal-industrija Komunitarja li tiġbor il-kapital għall-investiment, il-qligħ fuq l-investimenti naqas b’mod drammatiku matul il-PI u l-kapaċità ta’ profitt naqset b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat.

(129)

Parti interessata stqarret li l-analiżi magħmula fil-premessa (93) tar-Regolament bażiku dwar it-tkabbir tal-industrija tal-Komunità kienet ħażina. B’mod partikolari, din il-parti ġabet l-argument li r-Regolament provviżorju jagħti x’tifhem li ż-żieda qawwija fit-talba għall-bijodiżil fis-suq tal-Komunità suppost kellha twassal għal żieda komparabbli fl-ishma tas-suq tal-industrija tal-Komunità, filwaqt li ma hemm ebda rabta diretta bejn iż-żieda fit-talba u s-sehem tas-suq.

(130)

L-istess parti sostniet li l-fatturi ta’ ħsara msemmija fl-istess premessa (93) tar-Regolament provviżorju, jiġifieri l-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni, il-produttività, il-bejgħ, il-politika ta’ investiment, il-qligħ fuq l-investimenti, ma jistgħux jitqiesu li ġew affettwati b’mod qawwi.

(131)

L-argument dwar in-nuqqas ta’ rabta bejn it-talba u s-sehem tas-suq intlaqa’. Iżda, xorta jibqa’ li bejn l-2006 u l-PI, is-sehem tas-suq tal-produtturi tal-Komunità kien mulitiplkat b’1,2 filwaqt li fl-istess żmien, is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu immultiplikati b’madwar 17. Din iż-żieda relattivament qawwija fis-sehem tas-suq għall-importazzjonijiet mill-Istati Uniti hija r-riżultat ta’ prezzijiet ta’ bejgħ ħafna iktar baxxi għal dawn l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti kif jidher fit-tabella 7 u l-premessa (126) hawn fuq.

(132)

Dwar l-istqarrija dwar l-istima globali tal-fatturi ta’ ħsara kollha, hemm għarfien li mhux dawn il-fatturi kollha kienu sejrin għall-agħar matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, huwa mistqarr li l-fatturi marbuta mal-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Komunità kienu tabilħaqq milquta b’mod qawwi, jiġifieri l-kapaċità ta’ profitt u l-qligħ fuq l-investiment u sa ċertu punt intlaqtet il-produttività. Dan ġej mill-fatt li l-industrija tal-Komunità kellha tadatta għall-kompetizzjoni tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti oġġett ta’ dumping u li ffissaw il-prezz, u għażlet li żżomm il-preżenza tagħhom fis-suq għad-dannu tal-kapaċità tagħha ta’ profitt, iktar milli żżomm il-kapaċità ta’ profitt askapitu tal-ishma tas-suq.

(133)

Ċerti partijiet interessati u l-GSU stqarru li l-livelli ta’ kapaċità ta’ profitt u l-qligħ fuq l-investiment għall-produtturi tal-UE fil-kampjun għadhom tajbin fl-2007 u matul il-PI, bħala valur assolut, minkejja t-tnaqqis qawwi meta mqabbel mas-snin ta’ qabel. Huma jsostnu li l-livelli tal-kapaċità ta’ profitt u l-qligħ fuq l-investiment miksuba mill-2004 sa 2006 ma kinux sostenibbli u li l-industrija tal-bijodiżil tal-UE, bħal kull industrija oħra li tkun għada titfaċċa, għaddiet minn fenomenu ta’ “boom and bust” normali matul il-perjodu kkunsidrat.

(134)

F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li xi kumpaniji tal-Istati Uniti fil-kampjun kisbu kapaċità ta’ profitt ħafna ogħla, ‘il fuq minn 30 %, f’kuntest simili ta’ suq li kien qed jiżviluppa matul il-perjodu kkunsidrat. Huwa wkoll mistqarr li t-tnaqqis fil-kapaċità ta’ profitt u l-qligħ fuq l-investiment imġarrab mill-industrija tal-Komunità kien brutali ħafna billi seħħ bejn l-2006 sal-2007, u seħħ fl-istess żmien eżatt maż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti ta’ bijodiżil.

(135)

Diversi produtturi tal-Komunità sostnew li l-qagħda tal-kumpaniji tal-Komunità mhux fil-kampjun għandha titqies fis-sħiħ fl-istima tal-ħsara, b’mod partikolari fid-dawl tal-każijiet numerużi ta’ tnaqqis fid-daqs, għeluq jew tħollija għal wara ta’ proġetti ġodda li ġew identifikati fost dawn il-kumpaniji matul il-perjodu kkunsidrat.

(136)

Mill-banda l-oħra, waħda mill-partijiet interessati sostniet li r-referenza magħmula fir-Regolament provviżorju għall-produtturi fil-Komunità mhux inklużi fil-kampjun hija irrilevanti, billi d-data mhux vverifikata minn produtturi mhux fil-kampjun ma tistax tintuża biex tiġi ppruvata l-ħsara. Din il-parti tinsisti aktar dwar data pubblika li turi li xi uħud minn dawn il-produtturi mhux fil-kampjun irendu qligħ.

(137)

Fir-rigward taż-żewġ stqarrijiet ta’ hawn fuq, ta’ min isemmi li r-Regolament provviżorju fil-premessi tiegħu (103) sa (106) jirreferi għall-qagħda tal-produtturi mhux fil-kampjun fil-Komunità bħala ħjiel supplimentari ta’ ħsara, mingħajr impatt fuq il-kalkoli tal-indikaturi ta’ ħsara u l-marġini ta’ ħsara li għaliha fil-fatt intużat informazzjoni vverifikata. Għalhekk l-istqarrija ta’ din il-parti ma ntlaqgħetx. Mill-banda l-oħra, fin-nuqqas ta’ statistika vverifikata disponibbli jew informazzjoni individwali dwar il-qagħda tal-produtturi kollha tal-UE li mhumiex fil-kampjun, mhux possibbli li ssir determinazzjoni preċiża għall-produtturi tal-Komunità bħala ħaġa waħda kif ġie ssuġġerit mill-produtturi tal-Komunità. Għalhekk din it-talba ġiet ukoll miċħuda.

(138)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar is-sejbiet provviżorji dwar il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja, il-premessi (86) sa (92) u (94) sa (106) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(139)

Il-konklużjoni li l-industrija Komunitarja ġarrbet danni materjali, kif spjegat fil-premessi (107) sa (110) tar-Regolament provviżorju, hija kkonfermata wkoll.

6.   KAWŻALITÀ

6.1.   Effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(140)

Ta’ min ifakkar li l-volumi ta’ importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-Istati Uniti tal-Amerika żdiedu b’mod sinifikanti matul il-perjodu analizzat. Kien hemm ukoll koinċidenza ċara fiż-żmien bejn iż-żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u t-tiħżin tal-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Komunità. Din ma kellhiex ħila tiffissa l-prezzijiet tagħha mal-kondizzjonijiet tas-suq u żidiet fl-ispejjeż, peress li matul il-PI l-prezzijiet tagħha kienu ogħla minn dawk tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(141)

Huwa għalhekk ikkonfermat li ż-żieda ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mill-Istati Uniti kellha impatt negattiv konsiderevoli fuq il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja matul il-PI.

6.2.   Effett ta’ fatturi oħra

6.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(142)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra li jiġġustifikaw bidla fis-sejbiet provviżorji huwa kkonfermat li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra ma setgħux ħallew aktar minn kontribut negliġibbli għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità.

6.2.2.   L-iżvilupp tat-talba

(143)

Parti interessata stqarret li anke jekk it-tnaqqis fit-talba bejn l-2007 u l-PI kien negliġibbli (0,5 %) xorta madankollu kien iġib ħsara lill-industrija tal-Komunità għaliex hija allegat li żieda ipotetika ta’ 10 % fit-talba kienet tipproduċi volum addizzjonali ta’ bejgħ ta’ 205 733 tunnellata kieku l-industrija tal-Komunità żammet l-istess sehem tas-suq ta’ 29,8 % li ġie reġistrat matul il-PI.

(144)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-istqarrijiet magħmula minn din il-parti kienu bbażati fuq suppożizzjonijiet vagi u mingħajr provi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li bejn l-2007 u l-PI is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Komunità żdied bi 2,8 punti perċentwali, dan tabilħaqq jirfed il-konklużjoni milħuqa fil-premessa (121) tar-Regolament provviżorju li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità ma tistax tiġi attribwita għat-tnaqqis ħafif fit-talba bejn l-2007 u l-PI. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar l-iżvilupp fit-talba fis-suq tal-Komunità l-premessa (121) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

6.2.3.   Deċiżjonijiet ta’ Politika Pubblika

(145)

Parti interessata tenniet l-istqarrija tagħha li d-dħul mill-ġdid tat-taxxa tal-enerġija fil-Ġermanja laqat b’mod negattiv il-qagħda ekonomika tal-produtturi tal-Komunità li jfornixxu dan is-suq billi minħabba dawn il-miżuri t-talba għall-bijodiżil B100 li tirrappreżenta tal-inqas 1,5 miljun tunnellata kienet tiġi fix-xejn. Hija sostniet ukoll, bi tweġiba għas-sejbiet tal-investigazzjoni stabbiliti fil-premessa (123) tar-Regolament provviżorju, li anki kieku d-dħul ta’ rekwiżit ta’ taħliet ta’ 4,4 % għad-diżil fis-suq tal-Ġermanja għal għanijiet ta’ trasport (B5) kellu jpatti għat-telf fil-bejgħ allegat tal-B100, il-livell tal-prezzijiet tal-B100 kienu jkunu differenti minn dawk tal-bijodiżil maħsub għat-taħlitiet tal-B5. Hija allegat li l-B100 huwa prodott biss miż-żejt tal-kolza li hija materja bażika ogħla, filwaqt li l-bijodiżil B5 ġej minn varjetà ta’ materja bażika, u għalhekk dan jolqot b’mod ħażin il-prezz medju tal-produtturi tal-Komunità.

(146)

F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet magħmula minn din il-parti, l-investigazzjoni wriet li l-volumi ta’ bejgħ tal-produtturi tal-Komunità fil-kampjun li jissupplixxu s-suq tal-Ġermanja żdiedu bi 68 % bejn l-2006 u l-PI, u dan tabilħaqq jikkonferma s-sejba provviżorja li kull telf fil-bejgħ tal-B100 kien ikkumpensat mir-rekwiżit ta’ taħliet obbligatorju. Ta’ min jinnota wkoll li d-dħul ta’ 0,09 Euro għal kull litru ta’ bijodiżil mill-1 ta’ Awwissu 2006 ma wassalx biex jiġi fix-xejn is-suq kif allegat minn din il-parti, iżda tabilħaqq il-bejgħ tal-B100 naqas b’mod sinifikanti fl-aħħar kwart tal-PI meta din it-taxxa żdiedet għal darb’oħra għal 0,15 Euro kull litru mill-1 ta’ Jannar 2008. Dwar l-effett fuq il-prezzijiet, l-allegazzjonijiet magħmula minn din il-parti kienu bla sisien billi l-bijodiżil użat għaż-żewġ tipi ta’ prodotti kellu jkun konformi mal-istess standards u dan ifisser li fiż-żewġ tipi ta’ bijodiżil setgħet tintuża l-istess taħlita ta’ materja bażika u għalhekk ma hemmx differenzjazzjoni ppruvata fil-prezz bejn iż-żewġ tipi ta’ bijodiżil. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq it-talba ma ntlaqgħetx.

(147)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar id-deċiżjonijiet ta’ politika pubblika l-premessa (124) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

6.2.4.   Kapaċità ta’ produzzjoni wieqfa tal-produtturi Komunitarji

(148)

Parti interessata, filwaqt li aċċettat li r-rati tal-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni baqgħu għolja mhux ħażin għall-produtturi tal-Komunità fil-kampjun, stqarret li l-kapaċità żejda tal-produtturi tal-Komunità fil-kampjun kienet xorta tibqa’ kawża ta’ ħsara minħabba li twassal għal spejjeż fissi ogħla li jolqtu b’mod negattiv il-kapaċità ta’ profitt. Hija stqarret ukoll li ż-żieda fil-valur nett tal-assi tal-produtturi msemmija kienet twassal għal żidiet fissi fl-ispejjeż billi d-deprezzament u l-ispejjeż finanzjarji kienu jkunu ogħla.

(149)

F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar li mill-analiżi fid-dettall tal-qsim mill-ġdid tal-ispejjeż varjabbli u fissi fl-istruttura tal-ispejjeż tal-industrija tal-Komunità ġie stabbilit li s-sehem tal-ispejjeż fissi rrappreżenta 6 % biss tal-ispejjeż ġenerali (premessa 126 tar-Regolament provviżorju). Barra minn hekk, ta’ min jinnota li din l-analiżi wriet oxxilazzjonijiet insinifikanti ta’ din il-perċentwali matul il-perjodu analizzat. Fir-rigward tal-istqarrija dwar l-effett fuq il-kapaċità ta’ profitt ikkaġunat miż-żieda netta fil-valur tal-assi, ta’ min jinnota li ż-żieda fl-ispejjeż f’termini assoluti ma twassalx awtomatikament għal żieda fil-kost ta’ produzzjoni ta’ unità billi din tal-aħħar tiddependi fuq il-volum ta’ produzzjoni li kif jidher fit-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju żdied b’rata sostenuta matul il-perjodu analizzat. Għalhekk l-ispejjeż fissi ogħla f’termini assoluti ġew attribwiti għall-volum ta’ produzzjoni ogħla li jwassal għall-qsim mill-ġdid imsemmi hawn fuq ta’ spejjeż fissi f’rabta mal-ispejjeż ġenerali. Abbażi ta’ dan l-istqarrijiet magħmula minn din il-parti interessata ma setgħux jintlaqgħu.

(150)

L-istess parti allegat li l-kapaċità ġenerali żejda tal-produtturi tal-Komunità tolqot direttament il-prezzijiet billi jkun hemm ġlieda ħarxa fost il-produtturi biex jiksbu kuntratti sa spejjeż marġinali u għalhekk, il-produtturi b’rati ta’ użu għolja riedu jkunu l-aktar aggressivi fuq il-bejgħ tagħhom biex ibigħu bi prezz orħos minn tal-kompetituri tagħhom. Biex tirfed l-istqarrija tagħha hija bagħtet dikjarazzjoni ta’ kumpanija fil-kampjun mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tas-sena 2007.

(151)

L-allegazzjonijiet, madankollu, ta’ din il-parti ma kinux mirfuda minn xi xhieda billi ebda referenza għall-ġlieda allegata ta’ prezzijiet minħabba l-kapaċità żejda ma kienet indikata f’din id-dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni kienet aktar tirreferi għaż-żieda mill-gvern Ġermaniż fit-taxxa tal-enerġija fuq il-bijodiżil B100 mill-1 ta’ Jannar 2008 li qajmet kompetizzjoni fis-suq tal-bijodiżil B5. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq it-talba ma setgħetx tintlaqa’.

(152)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar il-kapaċità wieqfa tal-produtturi tal-Komunità, il-premessi (125) sa (128) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

6.2.5.   Domanda akbar għall-materja bażika u prezzijiet li qegħdin jiżdiedu

(153)

Parti interessata u l-gvern tal-Istati Uniti stqarru li ebda wieħed mill-argumenti fil-premessi (129) sa (133) tar-Regolament provviżorju ma jindirizza l-kwistjoni li l-prezzijiet taż-żejt tas-soja, taż-żejt tal-palm u ż-żejt tal-kanola fl-Istati Uniti fiż-żminijiet kollha mill-2004 baqgħu b’mod sinifikanti iktar baxxi mill-prezzijiet taż-żejt tal-kolza fil-Komunità u dan iġib vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-bijodiżil impurtat mill-Istati Uniti.

(154)

Ta’ min ifakkar li l-investigazzjoni trid tistabbilixxi jekk l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping (f’termini ta’ prezzijiet u volum) ikkawżawx ħsara materjali lill-industrija Komunitarja jew jekk tali ħsara materjali kinitx minħabba fatturi oħrajn. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku jiddikjara li jeħtieġ li jintwera li l-livell tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jikkawża ħsara. Għalhekk sempliċement jirreferi għal differenza bejn il-livelli tal-prezzijiet, u b’hekk ma hemm l-ebda rekwiżit li jiġu analizzati l-fatturi li jolqtu l-livell ta’ dawn il-prezzijiet.

(155)

Fil-prattika, l-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija Komunitarja essenzjalment jiġi eżaminat billi jiġi stabbilit it-traħħis tal-prezzijiet taħt il-prezz normali, id-depressjoni tal-prezzijiet u s-soppressjoni tal-prezzijiet. Għal dan l-għan, jitqabblu l-prezzijiet ta’ esportazzjoni oġġett ta’ dumping u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja, u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni użati għall-kalkoli tal-ħsara f’ċerti każijiet jista’ jeħtieġu li jiġu aġġustati biex ikun hemm bażi ta’ tqabbil. Konsegwentement, l-użu ta’ aġġustamenti f’dan il-kuntest jiżgura biss li d-differenza fil-prezzijiet tiġi stabbilita fuq bażi ta’ tqabbil. Minn dan, jidher ovvju li l-prezzijiet tal-materja prima fil-pajjiż ta’ esportazzjoni ma jistgħux bħala prinċipju jitqiesu bħala fattur ta’ ħsara.

(156)

Dan ta’ hawn fuq huwa wkoll ikkonfermat mill-kliem tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, li jirreferi għal fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Il-lista tal-fatturi l-oħra magħrufa f’dan l-Artikolu ma tagħmel referenza għall-ebda fattur li jolqot il-livell tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Fi ftit kliem, jekk l-importazzjonijiet huma oġġett ta’ dumping, u anki jekk ibbenefikaw minn żvilupp favorevoli fil-prezzijiet tal-materja prima, ma jitqiesx li dan l-iżvilupp jista’ jkun fattur ieħor li jikkawża ħsara.

(157)

B’hekk, l-analiżi tal-fatturi li jolqtu l-livell tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, bħall-vantaġġ kompetittiv allegat minħabba prezzijiet iktar baxxi tal-materja prima, ma tistax tkun konklużiva u tali analiżi tmur lilhinn mir-rekwiżiti tar-Regolament bażiku.

(158)

Fi kwalunkwe każ, u mingħajr ħsara għal dan ta’ hawn fuq, ta’ min ifakkar li żieda ġenerali fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli mad-dinja kollha seħħet matul il-PI u li ż-żieda fiż-żejt tas-soja (il-materja bażika ewlenija użata mill-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat) kienet ikbar miż-żieda taż-żejt tal-kolza matul l-istess perjodu. Madankollu, dawn iż-żidiet fl-ispejjeż fl-Istati Uniti ma ġewx riflessi fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fis-suq Komunitarju li waqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja.

(159)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, it-talba magħmula minn dawn il-partijiet ma setgħetx tintlaqa.

(160)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra rigward iż-żieda fid-domanda għall-materja bażika u prezzijiet li jiżdiedu, il-premessi (129) sa (136) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

6.2.6.   Żvilupp fil-prezz tad-diżil minerali

(161)

Parti interessata tenniet l-istqarrija tagħha (ara l-premessa 134 tar-Regolament provviżorju) u ressqet argument ieħor li l-prezzijiet tad-diżil minerali jiffissaw limitu li lilhinn minnu l-produtturi tal-bijodiżil ma jkunux jistgħu jgħollu l-prezzijiet tagħhom bi qbil maż-żidiet fil-materja bażika.

(162)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-produtturi kollha tal-Komunità kienu qed ifornixxu swieq fejn jeżistu miri ta’ taħliet obbligatorji. Barra minn hekk, il-bijodiżil kien suġġett għal tneħħija tat-taxxa fil-biċċa ‘l kbira tal-Istati Membri u dan ifisser li prezzu huwa komparabbli mal-prezz tad-diżil minerali miżjud b’fattur biex jittieħed kont tat-taxxa fuq l-enerġija li għaliha dan tal-aħħar huwa suġġett. Dan ifisser li filwaqt li wieħed jista’ jaċċetta ċerta rabta mal-prezzijiet taż-żejt, l-investigazzjoni stabbiliet li għar-raġunijiet ta’ hawn fuq il-bijodiżil jista’ tabilħaqq jinbiegħ bi prezzijiet ogħla mid-diżil minerali. Madankollu, din il-parti ma bagħtet ebda xhieda konvinċenti li turi li l-prezzijiet tad-diżil minerali li kienu f’livelli għolja ħafna fit-tieni nofs tal-PI wettqu pressjoni fuq il-prezzijiet tal-bijodiżil tal-produtturi tal-Komunità matul il-PI.

(163)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar l-iżvilupp tal-prezz tad-diżil minerali l-konklużjoni hija li dan il-fattur ma kkawżax ħsara lill-industrija tal-Komunità.

6.2.7.   L-importazzjoni tal-lokazzjoni tal-impjanti tal-bijodiżil fil-Komunità

(164)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar il-lokazzjoni tal-impjanti tal-bijodiżil fil-Komunità, il-premessi (137) sa (139) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

6.2.8.   Produtturi relatati mal-esportaturi tal-Istati Uniti

(165)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar l-impatt tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-Amerika mill-produtturi Komunitarji relatati mal-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, il-premessa (140) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

6.2.9.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

(166)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi (141) sa (143) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

7.   INTERESS KOMUNITARJU

7.1.   Industrija Komunitarja

(167)

Wara l-iżvelar provviżorju l-produtturi tal-industrija tal-Komunità approvaw is-sejbiet tal-Kummissjoni u kkonfermaw li l-miżuri jkunu fl-interess tagħhom.

(168)

Waħda mill-partijiet stqarret li l-miżuri ma kinux se jkunu fl-interess tal-industrija tal-Komunità billi l-miżuri jwasslu biex ikun hemm ċaqliq ta’ flussi fil-kummerċ, jiġifieri bidla għall-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux koperti mill-miżuri, għaliex i) l-operaturi tas-suq tal-Komunità kienu se jkomplu jeħtieġu bijodiżil irħas ibbażat fuq iż-żejt tas-soja u żejt tal-palm biex jikkomplementawh bil-bijodiżil ogħla taż-żejt tal-kolza prodott mill-industrija tal-Komunità u ii) għaliex il-bijodiżil miż-żejt tal-kolza mhux se jkun biżżejjed biex ikopri t-talba.

(169)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li filwaqt li l-materja bażika ewlenija użata mill-produtturi tal-industrija tal-Komunità huwa ż-żejt tal-kolza, l-istess produtturi ma kinux iserħu fuq din il-materja bażika biss għall-produzzjoni tagħhom ta’ bijodiżil iżda jużaw ukoll materja bażika bħaż-żejt tas-soja u ż-żejt tal-palm. Iżda, minħabba l-fatt li ta’ sikwiet il-prezz tal-materja bażika l-oħra kien ogħla mill-prezz tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-bijodiżil ibbażat fuq din il-materja bażika, il-produtturi tal-industrija tal-Komunità kienu miċħuda mill-possibilità li jużaw iż-żejt tas-soja u ż-żejt tal-palm fuq skala akbar. Huwa għalhekk mistenni li l-impożizzjoni tal-miżuri ġġib lura kundizzjonijiet normali tas-suq f’dan ir-rigward biex b’hekk il-produtturi tal-industrija tal-Komunità jkunu jistgħu jadattaw b’mod aktar effiċjenti l-produzzjoni tagħhom għat-tipi differenti ta’ bijodiżil meħtieġa fis-suq tal-Komunità. Abbażi ta’ dan it-talba ma ntlaqgħetx.

(170)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar l-interess tal-industrija tal-Komunità, il-premessi (145) sa (147) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

7.2.   Importaturi/kummerċjanti indipendenti fil-Komunità

(171)

Fin-nuqqas ta’ xi reazzjoni mill-importaturi wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji l-konklużjoni hija li l-effett tal-miżuri x’aktarx mhux se jkollu impatt materjali fuq l-importaturi/kummerċjanti.

7.3.   Utenti fil-Komunità

(172)

Fin-nuqqas ta’ xi reazzjoni mill-utenti wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, il-konklużjoni hija li d-dazji tal-antidumping x’aktarx mhux se jkollhom impatt materjali fuq l-utenti.

7.4.   Fornituri ta’ materja prima fil-Komunità

(173)

Fin-nuqqas ta’ xi reazzjoni mill-fornituri wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-premessi (154) sa (156) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

7.5.   Interessi oħrajn

(174)

Wara l-iżvelar provviżorju waħda mill-partijiet interessati stqarret li l-produtturi tal-karozzi li investew fil-produzzjoni ta’ vetturi adattati biex jużaw il-bijodiżil jistgħu ma jirnexxilhomx jaslu sal-ħsad tal-investimenti tagħhom mill-bejgħ ta’ dawn il-vetturi f’każ li l-prezzijiet tal-bijodiżil fil-Komunità jiżdiedu minħabba l-miżuri sa livelli li mhumiex kompetittivi ma’ dawk tad-diżil minerali.

(175)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-possibilità allegata minn din il-parti setgħet isseħħ ukoll fl-assenza tal-miżuri, jiġifieri l-prezzijiet tad-diżil minerali (li jiddependu fuq il-prezzijiet taż-żejt) jaqgħu għal livelli li jġibuhom aktar kompetittivi mill-bijodiżil. Għalhekk, ma jagħmilx sens li tagħti x’tifhem li l-industrija tal-karozzi għamlet investimenti mingħajr ma qieset dan il-parametru. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(176)

Wara l-iżvelar provviżorju, għaqda ta’ bdiewa tal-Komunità esprimiet l-appoġġ tagħha u wriet li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil tal-Istati Uniti ċaħdu lill-produtturi taż-żejt taż-żerriegħa tal-Komunità minn bejgħ ta’ madwar 6 miljun tunnellata ta’ żerriegħa taż-żejt, jew madwar 11 % tal-produzzjoni taż-żejt taż-żerriegħa fl-2007 u l-2008, u wasslu għal tnaqqis ta’ 90 Euro fit-tunnellata fil-valur potenzjali taż-żerriegħa tal-kolza użata għal għanijiet mhux tal-ikel. Dawn il-kummenti, li waslu tard, ma setgħux iżda jiġu vverifikati.

7.6.   Effetti li jfixklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ

(177)

Parti interessata tenniet il-kummenti tagħha dwar l-inkoerenza tal-miżuri ta’ antidumping mal-politika tal-Unjoni Ewropea biex jinġib ‘il quddiem l-użu tal-bijofjuwils. Hija żiedet li l-Unjoni Ewropea ma tistax tiddependi biss minn bijodiżil ibbażat fuq iż-żejt tal-kolza prodott fil-Komunità biex tiżviluppa s-suq tagħha tal-bijodiżil.

(178)

Filwaqt li dan il-kumment ġie indirizzat fit-taqsima 7.6 tar-Regolament provviżorju, għall-kwistjoni tal-bijodiżil miż-żejt tal-kolza msemmi minn din il-parti hemm referenza wkoll fil-premessa (169) hawn fuq.

(179)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar il-kompetizzjoni u l-effetti tat-tfixkil tal-kummerċ, il-premessi (157) sa (159) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

7.7.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

(180)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hija li ma hemm l-ebda raġuni ta’ interess kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ anti-dumping fil-każ preżenti.

8.   MIŻURI DEFINITTIVI KONTRA D-DUMPING

8.1.   Livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara

(181)

Għadd ta’ partijiet interessati u l-GSU kkuntestaw id-determinazzjoni provviżorja li profitt ta’ 15 % ikun il-marġini ta’ profitt li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli minn industrija ta’ dan it-tip taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

(182)

Waħda mill-partijiet interessati stqarret li l-marġini ta’ profitt għall-industrija tal-Komunità użat għad-determinazzjoni tal-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara għandu jiġi stabbilit fuq il-livell ta’ profitt magħmul mill-industrija tal-Komunità matul il-PI, jiġifieri 5,7 %, għaliex dan il-marġini ta’ profitt ikun fil-medda ta’ profitti magħmula għal prodotti ta’ konsum bħall-bijodiżil. Biex tirfed din l-istqarrija hija għamlet referenza għall-profitti magħmula mill-produtturi tal-Istati Uniti għall-etanol u ż-żjut mill-ħxejjex u mir-raffineriji taż-żejt.

(183)

Ta’ min jinnota li l-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara għandu jkun bbażat fuq valutazzjoni tal-profitt li l-industrija tista’ tistenna li tikseb b’mod raġonevoli fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq il-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Komunità. Għal investigazzjoni partikolari, il-profitt magħmul fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat jista’ jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli bħala l-profitt magħmul fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Tabilħaqq, f’dan il-każ speċifiku fis-snin bikrija tal-perjodu kkunsidrat (2004 sa 2006) l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti qatt ma qabżu sehem tas-suq ta’ 1 % u għalhekk jista’ b’mod raġonevoli jiġi konkluż li dawn il-perjodi kienu kkaratterizzati min-nuqqas ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Għalhekk, il-profitt medju magħmul f’dawn il-perjodi mill-industrija tal-Komunità tqies bħala bażi raġonevoli għad-determinazzjoni tal-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara filwaqt li ttieħed kont tal-ħtiġijiet li jiġi ggarantit l-investiment tal-produzzjoni ta’ din l-industrija stabbilita milhux. Barra minn hekk, u b’rabta mal-istqarrija magħmula mill-parti interessata, l-investigazzjoni wriet li l-profitti magħmula mill-produtturi esportaturi ewlenin tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-operazzjonijiet domestiċi tagħhom tal-bijodiżil kienu sew akbar mill-profitt użat għad-determinazzjoni tal-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq it-talba ma setgħetx tintlaqa.

(184)

Ċerti stqarrijiet minn kumpaniji tal-Istati Uniti dwar il-qlib tad-dazji ad valorem f’dazji ta’ ammont fiss, deskritti fil-premessa (193) hawn taħt, żvelaw li l-ammont ta’ bejgħ taħt il-prezz ad valorem kien ikkalkolat bħala l-proporzjon bejn il-bejgħ totali taħt il-prezz u l-prezz CIF aġġustat (ara l-aġġustament imsemmi fil-premessa (117)), filwaqt li kellu jintuża l-prezz CIF mhux aġġustat kif sar biex jiġi kkalkolat il-marġini ta’ dumping ad valorem. Għalhekk il-livelli ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara kollha ad valorem ġew ikkalkolati mill-ġdid għall-kumpaniji kollha tal-Istati Uniti fil-kampjun.

(185)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra wara l-iżvelar provviżorju, l-istess metodoloġija kif imsemmija fil-premessa (164) u (165) tar-Regolament provviżorju intużat biex jinkisbu l-prezzijiet li ma kkawżawx ħsara. Il-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara ġie kkalkolat bħala perċentwali tal-valur ta’ importazzjoni CIF totali mhux aġġustat.

8.2.   Forma u livell tad-dazji

(186)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju definittiv kontra d-dumping f’livell għoli biżżejjed biex titneħħa l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ dumping misjub.

(187)

Fid-dawl tal-kummenti li waslu minn ċerti partijiet interessati wara l-iżvelar provviżorju u fid-dawl tar-reviżjonijiet deskritti f’dan ir-Regolament, ċerti marġini ġew emendati.

(188)

Madankollu, fil-proċediment parallel tal-AS, dazji ta’ kontrobilanċ fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti huma imposti wkoll. Is-sussidji misjuba f’dan il-proċediment parallel mhumiex sussidji għall-esportazzjoni u huma għalhekk ikkunsidrati bħala li m’għandhomx effett fuq il-prezz għall-esportazzjoni u fuq il-marġni korrispondenti ta’ dumping. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-importazzjonijiet eżaminati inġenerali huma komuni għaż-żewġ proċedimenti, id-dazji anti-dumping jistgħu jiġu imposti flimkien mad-dazji ta’ kontrobilanċ sakemm dawn iż-żewġ dazji flimkien ma jaqbżux il-marġni tat-tneħħija ta’ ħsara (regola tal-inqas dazju).

(189)

Waħda mill-partijiet stqarret li l-Istituzzjonijiet għandhom jużaw id-diskrezzjoni tagħhom biex ma japplikawx ir-regola tal-inqas dazju f’dan ik-każ billi din mhiex ġustifikata għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

hemm medda wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet kritiċi li għandhom quddiemhom il-produtturi tal-bijodiżil fil-Komunità, mhux inklużi fil-kampjun, li ma jistgħux jiġu riflessi fil-kalkoli tal-marġini ta’ ħsara;

(b)

jinħtieġ li jiġu riflessi fid-determinazzjoni tal-miżuri l-aktar xierqa li jridu jiġu imposti l-interessi tal-industrija tal-Komunità inġenerali inklużi l-interessi tal-produtturi l-iktar dgħajfa li ġew esposti bis-sħiħ għall-kompetizzjoni mhux ġusta u ma tħellewx jilħqu d-daqs kritiku tal-operazzjonijiet u dan kien jiġġustifika l-inklużjoni tagħhom fil-kampjun;

(c)

l-investigazzjoni stabbiliet il-grad għoli tal-prassi ta’ dumping u sussidju li huma l-kawża ewlenija tal-qagħda kritika tal-produtturi tal-bijodiżil, inklużi dawk li ma setgħux jiġu inklużi fil-kampjun.

(190)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-marġini ta’ ħsara stabbilit f’din l-investigazzjoni jitqies xieraq biex titneħħa l-ħsara lill-produtturi tal-industrija tal-Komunità investigati. Billi l-investigazzjoni kkonċentrat fuq il-qagħda ta’ dawn il-produtturi mhux possibbli li ssir xi determinazzjoni preċiża għall-produtturi tal-Komunità inġenerali kif issuġerit din il-parti. Għalhekk, dawn il-konsiderazzjonijiet usa ma jippermettux lill-Istituzzjonijiet jiddevjaw mir-rekwiżit legali tal-applikazzjoni tar-regola tal-inqas dazju.

(191)

Fuq il-bażi ta’ dak ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazji anti-dumping ġew stabbiliti permezz tat-tqabbil tal-marġni tat-tneħħija tal-ħsara, il-marġni tad-dumping u r-rati ta’ dazju ta’ kontrobilanċ. Għaldaqstant, id-dazji provviżorji ta’ anti-dumping huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini ta’ ħsara

Marġini ta’ dumping

Rata tad-dazju ta’ kontrobilanċ

Rata tad-dazju anti-dumping

Archer Daniels Midland Company

54,5  %

10,1  %

35,1  %

10,1  %

Cargill Inc.

de minimis

34,5  %

0  %

Green Earth Fuels of Houston LLC

51,3  %

88,4  %

39,0  %

12,3  %

Imperium Renewables Inc.

41,6  %

29,5  %

29,1  %

12,5  %

Peter Cremer North America LP

77,2  %

39,2  %

41,0  %

36,2  %

World Energy Alternatives LLC

46,1  %

52,3  %

37,6  %

8,5  %

Kumpaniji li kkooperaw li ma ħadux sehem fil-kampjun

55,3  %

33,5  %

36,0  %

19,3  %

(192)

Fid-dawl tal-fatt li d-dazji anti-dumping se japplikaw għal taħlitiet li fihom aktar minn 20 % ta’ bijodiżil fil-piz, bħala proporzjon tal-kontenut tal-bijodiżil tagħhom, jitqies xieraq għall-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jiġu ddeterminati d-dazji bħala ammonti fissi fuq il-bażi tal-kontenut tal-bijodiżil.

(193)

Ċerti partijiet ikkontestaw il-metodoloġija użata biex jinqalbu r-rati ta’ dazju ad valorem f’dazji taħt forma ta’ ammonti fissi. Huma stqarru li l-valuri CIF li kellhom jintużaw għall-qlib ta’ dazju ad valorem f’ammont fiss kellhom ikunu l-valuri CIF proprja u mhux dawk aġġustati biex jitqiesu d-differenzi fil-materja bażika deskritti fil-premessi (83) u (84) tar-Regolament provviżorju.

(194)

Din l-istqarrija ġiet eżaminata u tabilħaqq instab li intużaw il-valuri CIF aġġustati biex jiġu maqluba d-dazji ad valorem f’dazji ta’ ammont fiss. Iżda, instab ukoll li l-istess valuri intużaw bħala bażi biex jiġi espress l-ammont ta’ bejgħ taħt il-prezz bħala dazju ad valorem. Għalhekk, kellha l-ewwel issir korrezzjoni fl-ammont tal-bejgħ taħt il-prezz bħala perċentwali tat-total proprja tal-valur CIF ta’ importazzjoni. Abbażi ta’ dan il-marġini ta’ ħsara ġew riveduti kif meħtieġ. Il-kalkolu sussegwenti tar-rati ta’ dazju b’ammont fiss, iżda, ma wera ebda differenza mir-rati ta’ dazju li jidhru fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament provviżorju billi d-dazju l-għoli ad valorem tpatta eżattament mit-tnaqqis tal-prezzijiet CIF (mill-aġġustati għal dawk proprja) użati biex jinqalbu d-dazji ad-valorem f’dazji fissi.

(195)

Ir-rati ta’ dazju kontra d-dumping ta’ kumpaniji individwali li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet waqt l-investigazzjoni rigward dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju tad-dazju nazzjonali applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”) huma għalhekk esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturati mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati mmanifatturati minn xi kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(196)

Kwalunkwe talba gћall-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ dazju ta’ anti-dumping gћal kumpaniji individwali (eż. wara bdil fl-isem tal-entità jew wara li jiġu stabbiliti entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta’ bejgћ) gћandha tiġi indirizzata minnufih lill-Kummissjoni (10) bit-tagħrif kollu rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, mal-bejgћ domestiku u ma’ dak tal-esportazzjoni u li jkunu assoċjati, pereżempju, ma’ dik il-bidla fl-isem jew ma’ dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgћ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat kif meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu minn rati ta’ dazju individwali.

(197)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kienet biħsiebha tirrakkomanda l-impożizzjoni tad-dazji definittivi kontra d-dumping. Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu appelli wara dan l-iżvelar. Il-kummenti mressqa mill-partijiet tqiesu sewwa, u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew mibdula kif meħtieġ.

(198)

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn kull produttur esportatur ġdid u l-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, imsemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandha ssir dispożizzjoni għall-medja differenzjata ta’ dazju impost fuq dawn tal-aħħar li għandha tiġi applikata għal kull esportatur ġdid li ma kienx ikun intitolat għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, billi l-Artikolu 11(4) ma japplikax fejn jintuża teħid ta’ kampjuni.

8.3.   Impenji

(199)

Ċerti produtturi esportaturi tal-Istati Uniti offrew imprenji fil-prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Hu osservat li fid-dawl tal-varjazzjonijiet sinifikanti fil-prezz tal-materja prima, il-prodott ma jitqiesx xieraq għal impenn fil-prezz fiss. F’dan il-kuntest, il-kumpaniji pproponew li l-prezzijiet għall-importazzjonijiet minimi (PIMs) kienu jingħataw indiċi regolarment b’rigward għaċ-ċaqliq fil-prezzijiet taż-żejt tal-kolza. Barra minn hekk, huma offrew PIMs għal tliet tipi biex iqisu l-vaqrjetà tal-prodott mal-importazzjoni (il-bijodiżil miksub mis-sojja, il-palma jew żejt tal-kanola) fuq il-bażi tal-koeffiċjenti tal-materja bażika stabbiliti tul il-PI.

(200)

B’rigward għall-offerti lill-produtturi esportaturi li kkooperaw, hu osservat li l-bażi biex jiġi stabbilit PIM bl-indiċi kien fuq medja bejn 7-8 % aktar baxx mill-prezz li ma jagħmilx ħsara stabbilit tul il-PI. Barra minn hekk, il-koeffiċjenti proposti biex wieħed jasal għal PIMs aġġustati għat-tipi msemmija hawn fuq ma kinux xierqa peress li kienu jikkonċernaw il-PI. Tabilħaqq, fid-dawl tal-fatt li dawn il-koeffiċjenti, li jiddependu fuq id-differenza fil-prezz bejn il-materja bażika, dejjem jiċċaqilqu, dawn il-koeffiċjenti setgħu inbidlu b’mod konsiderevoli b’rigward għall-qagħda osservata tul il-PI. Għalhekk, l-għoti ta’ indiċi propost tal-PIMs bħall-bijodiżil tas-sojja jew bijodiżil taż-żejt tal-palm fuq il-bażi taċ-ċaqliq fil-prezz taż-żejt tal-kolza tqies li ma kienx xieraq peress li kien se jissejjes fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima li kienu differenti minn dawn użati għall-produzzjoni tal-prodott esportat ikkonċernat.

(201)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, u mingħajr referenza għal kwalunkwe kwistjonijiet prattiċi oħra speċifiċi għal kumpanija rigward l-approvazzjoni tagħhom, tqies li l-impriżi, kellhom jiġu miċħuda peress li l-metodu biex jiġu ddeterminati l-PIMs ma kinux xierqa u li l-PIMs offerti ma kinux fuq livelli li jeqirdu d-dumping dannuż.

8.4.   Ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji u s-sorveljanza speċjali

(202)

Wara l-iżvelar tas-sejbiet finali, l-ilmentatur talab miżuri speċjali biex ma jsirx evitaw possibbli tal-miżuri fid-dawl tal-fatt li s-suq ikkonċernat hu suq tal-prodotti globali b’prodott funġibbli mqiegħed fis-suq permezz ta’ kanali tal-bejgħ varji.

(203)

B’kunsiderazzjoni għal dak li ntqal hawn fuq, hu tassew meqjus xieraq li jiġu sorveljati mill-qrib l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mid-destinazzjonijiet kollha sabiex titħaffef azzjoni xierqa mgħaġġla jekk il-qagħda teħtieġ dan.

(204)

Minħabba l-grad tal-marġini ta’ dumping li nstab u fid-dawl tal-livell ta’ ħsara kkaġunata lill-industrija tal-Komunità, jitqies meħtieġ li l-ammonti li nġabru permezz tad-dazju provviżorju kontra d-dumping, impost bir-Regolament provviżorju, għandhom jinġabru b’mod definittiv sal-punt li jinġabar l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Fejn id-dazji definittivi jkunu aktar baxxi mid-dazji provviżorji, l-ammonti miġbura b’mod provviżorju li jkunu ogħla mir-rata definittiva ta’ dazji kontra d-dumping għandhom jinħelsu. Fejn id-dazji definittivi huma ogħla mid-dazji provviżorji, l-ammonti assigurati fil-livell ta’ dazji provviżorji biss għandhom jinġabru b’mod definittiv.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B’dan qed jiġi impost dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjoniet ta’ esteri monoalkilitiċi aċidi xaħmija u/jew ta’ nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew permezz ta’ trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, magħrufa b’mod komuni bħala ‘bijodiżil’, f’forma pura jew f’taħlita li jkun fih bil-piż aktar minn 20 % ta’ esteri monoalkilitiċi aċidi xaħmija u/jew ta’ nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew permezz ta’ trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li bħalissa jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 1516 20 98 (kodiċi TARIC 1516209820), ex 1518 00 91 (kodiċi TARIC 1518009120), ex 1518 00 99 (kodiċi TARIC 1518009920), ex 2710 19 41 (kodiċi TARIC 2710194120), 3824 90 91, ex 3824 90 97 (kodiċi TARIC 3824909787), u li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika.

2.   Ir-rata ta’ dazju definittiv ta’ anti-dumping applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji hawn taħt għandha tkun:

Kumpanija

Rata ta’ dazju AD EUR kull tunnellata netta

Kodiċi addizjonali TARIC

Archer Daniels Midland Company, Decatur

68,6

A933

Cargill Inc., Wayzata

0

A934

Green Earth Fuels of Houston LLC, Houston

70,6

A935

Imperium Renewables Inc., Seattle

76,5

A936

Peter Cremer North America LP, Cincinnati

198,0

A937

World Energy Alternatives LLC, Boston

82,7

A939

Kumpaniji elenkati fl-Anness

115,6

ara l-Anness

Il-kumpaniji l-oħra kollha

172,2

A999

Id-dazju anti-dumping fuq it-taħlitiet għandu jkun applikabbli b’proporzjon fit-taħlita, skont il-piż, tal-kontenut totali tal-esteri monoalkilitiċi ta’ aċidi xaħmija u nafta paraffinika minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili (kontenut ta’ bijodiżil).

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

L-ammonti miġbura permezz ta’ dazji provviżorji ta’ anti-dumping skont ir-Regolament (KE) Nru 193/2009 li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 1516 20 98 (kodiċi TARIC 1516209820), ex 1518 00 91 (kodiċi TARIC 1518009120), ex 1518 00 99 (kodiċi TARIC 1518009920), ex 2710 19 41 (kodiċi TARIC 2710194120), 3824 90 91, ex 3824 90 97 (kodiċi TARIC 3824909787), u li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti miġbura ‘l fuq mill-ammont tad-dazji definittivi ta’ anti-dumping għandhom jinħelsu. Fejn id-dazji definittivi huma ogħla mid-dazji provviżorji, l-ammonti miġbura fil-livell ta’ dazji provviżorji biss għandhom jinġabru b’mod definittiv.

Artikolu 3

Fejn xi parti mill-Istati Uniti tal-Amerika tipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li ma esportatx il-merkanzija deskritta fl-Artikolu 1(1) li toriġina fl-Istati Uniti tal-Amerika matul il-perjodu tal-investigazzjoni (l-1 ta’ April 2007- l-31 ta’ Marzu 2008) li mhijiex relatata ma’ esportatur jew produttur suġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u li hija attwalment esportat il-merkanzija kkonċernata, jew li daħlet f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex tesporta kwantità sinifikanti lill-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, jista’ jemenda l-Artikolu 1(2) biex jattribwixxi lil dik il-parti d-dazju applikabbli għall-produtturi li jikkooperaw u li mhumiex parti mill-kampjun, jiġifieri EUR 115,6 għal kull tunnellata.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BORG


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1

(2)  ĠU L 67, 12.3.2009, p. 22.

(3)  ĠU L 67, 12.3.2009, p. 50.

(4)  L-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku jiddikjara: “F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżjonali jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.[…]”.

(5)  Bil-kontra ta’ dawk il-kumpaniji li rċevew formola biex jieħdu sehem fil-kampjun u ma bagħtuhiex lura.

(6)  L-intestatura numru 3826 00 li tkopri “bijodiżil u taħlitiet tiegħu, li ma fihomx jew fihom inqas minn 70 % tal-piż taż-żjut tal-petroljum jew żjut miksuba minn minerali bitumiżi”.

(7)  “Taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.”

(8)  Il-Każ T-348/05: JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat v Il-Kunsill, 10 ta’ Settembru 2008, paragrafi 61-63.

(9)  Il-Kawża T-348/05: JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat v Il-Kunsill, 10 ta’ Settembru 2008, paragrafi 61-63.

(10)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, Uffiċċju N105 04/092, 1049 Brussell, il-Belġju


ANNESS

Produtturi esportaturi tal-Istati Uniti li kkooperaw li mhumiex fil-kampjun

Isem il-Kumpanija

Belt

Kodiċi Addizzjonali TARIC

American Made Fuels, Inc.

Canton

A940

AG Processing Inc.

Omaha

A942

Alabama Clean Fuels Coalition Inc.

Birmingham

A940

Arkansas SoyEnergy Group

DeWitt

A940

Arlington Energy, LLC

Mansfield

A940

Athens Biodiesel, LLC

Athens

A940

Beacon Energy

Cleburne

A940

Biodiesel of Texas, Inc.

Denton

A940

BioDiesel One Ltd

Southington

A940

Buffalo Biodiesel, Inc

Tonawanda

A940

BullDog BioDiesel

Ellenwood

A940

Carbon Neutral Solutions, LLC

Mauldin

A940

Central Iowa Energy, LLC

Newton

A940

Chesapeake Custom Chemical Corp.

Ridgeway

A940

Community Fuels

Stockton

A940

Delta BioFuels, Inc.

Natchez

A940

Diamond Biofuels

Mazon

A940

Direct Fuels

Euless

A940

Eagle Creek Fuel Services, LLC

Baltimore

A940

Earl Fisher Bio Fuels

Chester

A940

East Fork Biodiesel, LLC

Algona

A940

ECO Solutions, LLC

Chatsworth

A940

Ecogy Biofuels, LLC

Tulsa

A940

ED & F Man Biofuels Inc.

New Orleans

A940

Freedom Biofuels, Inc.

Madison

A940

Fuel & Lube, LLC

Richmond

A940

Fuel Bio

Elizabeth

A940

FUMPA Bio Fuels

Redwood Falls

A940

Galveston Bay Biodiesel, LP (BioSelect Fuels)

Houston

A940

Geo Green Fuels, LLC

Houston

A940

Georgia Biofuels Corp.

Loganville

A940

Green River Biodiesel, Inc.

Moundville

A940

Griffin Industries, Inc.

Cold Spring

A940

High Plains Bioenergy

Guymon

A940

Huish Detergents, Inc.

Salt Lake City

A940

Incobrasa Industries, Ltd.

Gilman

A940

Independence Renewable Energy Corp.

Perdue Hill

A940

Indiana Flex Fuels

LaPorte

A940

Innovation Fuels, Inc.

Newark

A940

Iowa Renewable Energy, LLC

Washington

A940

Johann Haltermann Ltd.

Houston

A940

Lake Erie Biofuels, LLC

Erie

A940

Leland Organic Corporation

Leland

A940

Louis Dreyfus Agricultural Industries, LLC

Wilton

A940

Louis Dreyfus Claypool Holdings LLC

Claypool

A940

Memphis Biofuels, LLC

Memphis

A942

Middle Georgia Biofuels

East Dublin

A940

Middletown Biofuels, LLC

Blairsville

A940

Musket Corporation

Oklahoma City

A940

New Fuel Company

Dallas

A940

North Mississippi Biodiesel

New Albany

A940

Northern Biodiesel, Inc.

Ontario

A940

Northwest Missouri Biofuels, LLC

St. Joseph

A940

Nova Biofuels Clinton County, LLC

Clinton

A940

Nova Biosource

Senaca

A940

Organic Fuels, Ltd

Houston

A940

Owensboro Grain Company LLC

Owensboro

A940

Paseo Cargill Energy, LLC

Kansas City

A940

Peach State Labs, Inc.

Rome

A940

Perihelion Global, Inc.

Opp

A940

Philadelphia Fry-O-Diesel Inc.

Philadelphia

A940

Pinnacle Biofuels, Inc.

Crossett

A940

PK Biodiesel

Woodstock

A940

Pleasant Valley Biofuels, LLC

American Falls

A940

RBF Port Neches LLC

Houston

A940

Red Birch Energy, Inc.

Bassett

A940

Red River Biodiesel Ltd.

New Boston

A940

REG Ralston, LLC

Ralston

A940

Renewable Energy Products, LLC

Santa Fe Springs

A940

Riksch BioFuels LLC

Crawfordsville

A940

Safe Renewable Corp.

Conroe

A940

Sanimax Energy Inc.

DeForest

A940

Scott Petroleum

Itta Bena

A942

Seminole Biodiesel

Bainbridge

A940

Soy Solutions

Milford

A940

SoyMor Biodiesel, LLC

Albert Lea

A940

Sunshine BioFuels, LLC

Camilla

A940

TPA Inc.

Warren

A940

Trafigura AG

Stamford

A940

U.S. Biofuels, Inc.

Rome

A940

United Oil Company

Pittsbourgh

A940

Valco Bioenergy

Harlingen

A940

Vanguard Synfuels, LLC

Pollock

A940

Vinmar Overseas, Ltd

Houston

A938

Vitol Inc.

Houston

A940

Walsh Bio Diesel, LLC

Mauston

A940

Western Dubque Biodiesel, LLC

Farley

A940

Western Iowa Energy, LLC

Wall Lake

A940

Western Petroleum Company

Eden Prairie

A940