30.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 563/2009

tal-25 ta’ Ġunju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2505/96 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti awtonomi ta’ tariffi tal-Komunità għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Għal ċerti prodotti li għalihom infetħet kwota ta’ tariffa awtonoma bir-Regolament (KE) Nru 2505/96 (1), l-ammont tal-kwota stabbilit f’dak ir-Regolament huwa mfisser f’unità ta’ kejl minbarra il-piż f’tunnellati jew kilogrammi u l-valur. Fejn għal dawk il-prodotti l-ebda unità ta’ kejl supplimentari ma hija stabbilita fin-Nomeklatura Maqgħuda stabbilita fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (2), jista’ jkun hemm inċertezza fir-rigward tal-unità ta’ kejl li tintuża. Minħabba raġunijiet ta’ ċarezza u fl-interess ta’ ġestjoni tal-kwoti aħjar huwa neċessarju li tipprovdi li, sabiex isir benefiċċju mill-kwoti tat-tariffi awtonomi msemmijin, il-kwantità eżatta tal-prodotti importati għandha titniżżel “fil-Kaxxa 41: Unitajiet supplimentari” tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa bl-użu tal-unità ta’ kejl tal-ammont tal-kwota stabbilita għal dawk il-prodotti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2505/96.

(2)

Id-domanda Komunitarja għall-prodotti li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 2505/96 għandha tintlaħaq fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli. Għal dan il-għan b’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2009, kwoti ta’ tariffi tal-Komunità ġodda għandhom għalhekk jinfetħu bir-rata żero ta’ dazju għal ammonti xierqa filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fis-swieq għal dawn il-prodotti.

(3)

L-ammont tal-kwota tat-tariffi tal-Komunità awtonoma bin-numru 09.2767 mhuwiex biżżejjed biex ilaħħaq mal-ħtiġijiet tal-industrija Komunitarja. Għaldaqstant, dan l-ammont tal-kwota għandu jiżdied.

(4)

Fir-rigward tal-kwota tat-tariffi tal-Komunità awtonoma bin-numru tal-ordni 09.2806 d-deskrizzjoni tal-prodott għandha tiġi riveduta.

(5)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 2505/96 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(6)

B’kont meħud tal-importanza ekonomika ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġu invokati r-raġunijiet ta’ urġenza previsti fil-punt I(3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(7)

Billi l-kwoti tat-tariffi għandhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2009, dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-istess data u jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2505/96 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 1a

Fejn ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa fir-rigward ta’ prodott imsemmi f’dan ir-Regolament, li għalih l-ammont tal-kwota huwa espress f’unità ta’ kejl li ma tinvolvix il-piż f’tunnellati jew f’kilogrammi u l-valur, għal prodotti li għalihom l-ebda unità supplimentari ma ġiet stabbilità fin-Nomenklatura Maqgħuda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, il-kwantità eżatta tal-prodotti importati għandha tiddaħħal ‘fil-Kaxxa 41: Unitajiet supplimentari’ ta’ dik id-dikjarazzjoni bl-użu tal-unità ta’ miżura tal-ammont tal-kwota għal dawk il-prodotti stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.”

(2)

l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

għandhom jiddaħħlu l-kwoti tat-tariffi għall-prodotti msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament

(b)

b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, il-linji għall-kwoti tat-tariffi bin-numri tal-ordni 09.2767 u 09.2806 għandhom jiġu sostitwiti bil-linji msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Lulju 2009.

Madankollu, il-punt (b) tal-Artikolu 1(2) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

L. MIKO


(1)  ĠU L 345, 31.12.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.


ANNESS I

Nru tal-Ordni

Il-kodiċi tan-NM

TARIC

Deskrizzjoni

Il-perjodu tal-kwota

L-ammont tal-kwota

Il-kwota tad-dazji (%)

09.2813

ex 3920 91 00

94

Film koestruż bi tliet saffi magħmul minn butiral tal-polivinil mingħajr faxx ta’ kulur sfumat li fih bħala kontenut bil-piż 29 % jew iżjed, iżda li ma jaqbiżx il-31 % ta’ 2,2’-ethylenedioxydiethyl bis(2-ethylhexanoate) li jintuża bħala plastifikant

1.7.-31.12.

500 000 m2

0  %

09.2807

ex 3913 90 00

86

Sodju jaluronat mhux sterili

1.7.-31.12.

55 000 g

0  %

09.2815

ex 6909 19 00

70

Irfid għal katalizzaturi jew filtri, li jikkonsistu f’biċċiet porużi taċ-ċeramika, minn taħlita ta’ ossidu ta’ aluminju u titanju, b’volum totali ta’ mhux aktar minn 65 litru u mill-inqas kanal wieħed (miftuħ fuq naħa waħda jew tnejn) f’kull cm2 tal-wiċċ tas-sezzjoni trasversali

1.7.-31.12.

190 000 unitajiet

0  %


ANNESS II

Nru tal-Ordni

Il-kodiċi tan-NM

TARIC

Deskrizzjoni

Il-perjodu tal-kwota

L-ammont tal-kwota

Il-kwota tad-dazji (%)

09.2806

ex 2825 90 40

30

Trijossidu tat-tangsten, inkl.ossidu tat-tangst.blu

1.1.-31.12.

12 000 tunnellata

0  %

09.2767

ex 2910 90 00

80

Allyl glycidyl ether

1.1.-31.12.

2 500 tunnellata

0  %