26.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 551/2009

tal-25 ta’ Ġunju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-diterġenti, sabiex jiġu adattati l-Annessi VI u VII tiegħu (deroga għas-surfactants)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar id-diterġenti (1), b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 jiżgura l-moviment ħieles fis-suq intern tad-diterġenti, u tas-surfactants tad-deterġenti, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdi, fost oħrajn, livell għoli ta’ ħarsien ambjentali billi jistipula rekwiżiti għall-bijodegradabilità finali tas-surfactants li jintużaw fid-diterġenti.

(2)

Barra minn hekk, l-Artikoli 5, 6 u 9 tar-Regolament jipprovdu mekkaniżmu li permezz tiegħu s-surfactants li ma jissodisfawx ir-rekwiżit imsemmi hawn fuq dwar il-bijodegradabilità finali, ikunu jistgħu jingħataw deroga għall-użu f’applikazzjonijiet industrijali jew istituzzjonali speċifiċi sakemm dawk l-applikazzjonijiet ikunu jikkostitwixxu użu b’livell baxx ta’ tixrid u li r-riskju assoċjat lill-ambjent ikun żgħir meta mqabbel mal-benefiċċju soċjo-ekonomiku.

(3)

Ir-Regolament jistipula li r-riskju lill-ambjent jiġi evalwat permezz ta’ stima komplementari tar-riskju, deskritta fl-Anness IV, li ssir mill-manifattur tas-surfactant u tingħata lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għall-evalwazzjoni.

(4)

Is-surfactants li jingħataw deroga għandhom jitniżżlu fl-Anness V tar-Regolament. Dawk li ma tingħatalhomx deroga għandhom jitniżżlu fl-Anness IV tar-Regolament.

(5)

Id-derogi għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-implimentazzjoni ta’ poteri mogħtija lill-Kummissjoni (2).

(6)

Saret talba għal deroga għas-surfactant bl-isem IUPAC (3)“alcohols, Guerbet, C16-20, ethoxylated, n-butyl ether (7-8EO)”, magħruf ukoll bl-isem kummerċjali “Dehypon G 2084”, bin-numru CAS (4) 147993-59-7, għall-użu fi tliet applikazzjonijiet industrijali, li huma: il-ħasil tal-fliexken, il-ħasil fuq il-post u l-ħasil tal-metall.

(7)

It-talba għal deroga ġiet evalwata mill-awtorità kompetenti Ġermaniża skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 5 tar-Regolament. It-talba nstabet li tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet rikjesti fl-Artikolu 6. L-ewwel nett, it-tliet użi msemmija huma applikazzjonijiet b’livell ta’ tixrid baxx. It-tieni, l-applikazzjonijiet huma applikazzjonijiet industrijali speċifiċi. It-tielet, ma hemmx riskju lill-ambjent billi s-surfactant innifsu mhuwiex ta’ riskju u l-metaboliti mhumiex persistenti.

(8)

It-tliet użi msemmija tqiesu li huma applikazzjonijiet b’livell baxx ta’ tixrid fid-dawl tal-konsum annwali totali tas-surfactant u fid-dawl tal-użu esklussiv tas-surfactant f’tipi speċifiċi ta’ installazzjonijiet industrijali.

(9)

Il-konklużjoni li tikkonċerna n-nuqqas ta’ riskju lill-ambjent hija bbażata fuq il-ksib rapidu ta’ grad għoli ta’ bijodegradabilità primarja tas-surfactant u fuq il-bijodegradabilità finali tal-metaboliti tas-surfactant. Il-metaboliti, għalhekk, jissodisfaw l-istess kriterji bħal dawk is-surfactants li għalihom ir-Regolament jiggarantixxi ċirkolazzjoni ħielsa fis-suq intern.

(10)

Madankollu, il-Kumitat għall-adattament għall-progress tekniku tal-leġiżlazzjoni dwar it-tneħħija tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ fid-diterġenti, iddeċieda li jillimita d-deroga għal perjodu ta’ għaxar snin biex iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ surfactants bl-istess effettività iżda li jissodisfaw il-kriterji tal-bijodegradabilità finali u li għalhekk ma jkunux jeħtieġu deroga.

(11)

Preċedentement, is-sustanzi fil-Komunità kienu ġew allokati numru EINECS jew ELINCS. Madankollu, barra minn hekk, madwar 700 sustanza li qabel kienu identifikati bħala polimeri ġew rikonoxxuti bħala non-polimeri u ngħataw numri NLP (No-Longer Polymer - Mhux Iktar Polimeru). In-numri EINECS, ELINCS u NLP issa huma magħrufa kollettivament bħala “numri KE” u l-intestaturi korrispondenti fit-tabelli fl-Anness V u VI għandhom jinbidlu biex jirriflettu n-nomenklatura l-ġdida.

(12)

L-Annessi VI u VII tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar id-Diterġenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 hu emendat kif ġej:

(1)

L-Anness V jinbidel bit-test li jidher fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(2)

L-Anness VI jinbidel bit-test li jidher fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Gurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(3)  International Union of Pure and Applied Chemistry (Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata).

(4)  Chemicals Abstracts Service (Servizz tal-Astratti Kimiċi).


ANNESS I

“ANNESS V

LISTA TA’ SURFACTANTS LI KISBU DEROGA

B’deroga mogħtija skont l-Artikoli 4-6 u skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 12(2), is-surfactants tad-diterġenti li ġejjin, li għaddew mit-testijiet stipulati fl-Anness II, iżda li m’għaddewx mit-testijiet stipulati fl-Anness III, jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw skont il-limitazzjonijiet imsemmija hawn taħt.

Isem tan-nomenklatura IUPAC

In-Numru KE

Numru CAS

Limitazzjonijiet

Alcohols, Guerbet, C16-20, ethoxylated, n-butyl ether (7-8EO)

Xejn (polimeru)

147993-59-7

Jista’ jintuża fl-applikazzjonijiet industrijali li ġejjin sas-27 ta’ Ġunju 2019:

ħasil tal-fliexken

ħasil fil-post

tindif tal-metalli

In-‘numru KE’ jfisser in-numru EINECS, ELINCS jew NLP u huwa n-numru uffiċjali tas-sustanza fl-Unjoni Ewropea.

‘EINECS’ hija l-European Inventory of Existing Commercial Chemical Substances (l-Inventarju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti). Dan l-inventarju fih il-lista definittiva tas-sustanzi kollha meqjusa li kienu fis-suq tal-Komunità fit-18 ta’ Settembru 1981. In-numru EINECS jista’ jinkiseb mill-Inventarju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti (1).

‘ELINCS’ hija l-European List of Notified Chemical Substances (il-Lista Ewropea tas-Sustanzi Kimiċi Notifikati). In-numru ELINCS jista’ jinkiseb mil-Lista Ewropea tas-Sustanzi Notifikati, kif emendata (2).

‘NLP’ tfisser No-Longer Polymer (Mhux Iktar Polimeru). It-terminu polimeru huwa definit fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). In-numru NLP jista’ jinkiseb mil-lista ta’ ‘Mhux Iktar Polimeri’, kif emendata (4).


(1)  ĠU C 146 A, 15.6.1990, p. 1.

(2)  Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2006, ISSN 1018-5593 EUR 22543 EN.

(3)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, kif korrett mill-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.

(4)  Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007, ISSN 1018-5593 EUR 20853 EN/3.”


ANNESS II

“ANNESS VI

LISTA TA’ SURFACTANTS TA’ DITERĠENTI PROJBITI JEW RISTRETTI

Is-surfactants tad-diterġenti li ġejjin ġew identifikati bħala surfactants li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament:

Isem tan-nomenklatura IUPAC

In-Numru EC

Numru CAS

Limitazzjonijiet

 

 

 

 

In-‘numru KE’ ifisser in-numru EINECS, ELINCS jew NLP u huwa n-numru uffiċjali tas-sustanza fl-Unjoni Ewropea.”