16.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 499/2009

tal-11 ta' Ġunju 2009

li testendi d-dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li oriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

1.   Il-miżuri eżistenti

(1)

Wara investigazzjoni (l-“investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 (2) (ir-“Regolament oriġinali”), impona dazju definittiv tal-antidumping fuq l-importazzjoni ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom (“HPT”jew il-“prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”).

(2)

Permezz tar-Regolament Nru 684/2008 (3) il-Kunsill ikkjarifika d-definizzjoni tal-oġġett tal-investigazzjoni oriġinali.

2.   Il-Bidu Ex-Officio

(3)

Wara l-investigazzjoni oriġinali, l-evidenza li kellha l-Kummissjoni wriet li l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjoni tal-HPT oriġinati mir-RPĊ qegħdin jiġu evitati permezz ta’ attivitajiet tal-immuntar tal-HPT (il-“prodott investigat”) fit-Tajlandja.

(4)

F’termini sodi l-evidenza prima facie għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni wriet li:

saret bidla sinifikanti fir-rutina tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajlandja lejn il-Komunità wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, u ma hemmx raġuni biżżejjed jew ġustifikazzjoni għal tibdil bħal dan ħlief għall-impożizzjoni tad-dazju,

din il-bidla fir-rutina tal-kummerċ tidher li ġejja mill-attivitajiet tal-immuntar tal-HPT fit-Tajlandja,

l-effetti rimedjanti tal-miżuri eżistenti anti-dumping fuq il-prodott ikkonċernat kienu qegħdin jiddgħajjfu kemm fil-kwantità kif ukoll fil-prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mit-Tajlandja tal-HPT jidhru li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, kien hemm biżżejjed evidenza illi ż-żieda fl-importazzjoni qegħda ssir bi prezzijiet ferm inqas mill-prezz bla danni stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti,

il-prezzijiet tat-HPT kienu dumped f’paragun mal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

(5)

Wara li stabbiliet, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza prima facie għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni ex-officio, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 923/2008 (4) (ir-“Regolament ta’ bidu”) biex tiġi investigata l-allegata evażjoni tal-miżuri anti-dumping. Skont l-Artikolu 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament tal-bidu, tat ukoll istruzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana biex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-HPT li jkunu kkunsinnati mit-Tajlandja, mill-21 ta’ Settembru 2008, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriginaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le.

3.   L-investiġazzjoni

(6)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-awtoritajiet tar-RPĊ, u tat-Tajlandja, lill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ u fit-Tajlandja, l-importaturi fil-Komunità magħrufin li huma kkonċernati u l-industrija tal-Komunità bil-bidu tal-investigazzjoni. Il-kwestjonarji ntbagħtu lill-produtturi/esportaturi magħrufin fir-RPĊ u fit-Tajlandja kif ukoll lill-importaturi fil-Komunità magħrufin mill-Kummissjoni mill-investigazzjoni oriġinali u lill-partijiet li kienu ppreżentaw rwieħhom fi żmien l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ bidu. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ bidu. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u li s-sejbiet isiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(7)

Ma ntbagħtu ebda risposti għall-kwestjonarji mill-esportaturi/produtturi fit-Tajlandja, u l-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti mill-awtoritajiet Tajlandiżi. Kien hemm biss esportatur/importatur wieħed Tajlandiż tal-HPT li, skont l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni fiż-żmien tal-bidu, kien esporta l-HTP lejn il-Komunità fiż-żmien ta’ bejn l-2005 u l-PI (kif definit fil-premessa (10)) u kellu attivitajiet tal-immuntar tal-HPT fit-Tajlandja, dan ressaq li kien ġie llikwidat sa minn April 2008.

(8)

Produttur esportatur wieħed Ċiniż irrisponda għall-kwestjonarju billi ddikjara l-bejgħ tiegħu fl-esportazzjoni lejn il-KE u ammont żgħir ħafna ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn it-Tajlandja. L-awtoritajiet Ċiniżi ma bagħtu l-ebda kumment.

(9)

Fl-aħħar nett, disa’ importaturi mill-Komunità bagħtu r-risposti għall-kwestjonarju fejn irrappurtaw l-importazzjonijiet tagħhom miċ-Ċina u t-Tajlandja. Mir-risposti tagħhom, b’mod ġenerali, ġie konkluż li kien hemm żieda fl-importazzjoni mit-Tajlandja u tnaqqis f’daqqa fl-importazzjoni mir-RPĊ fl-2006, li kienet is-sena wara li daħal fis-seħħ id-dazju definittiv anti-dumping. Fis-snin ta’ wara, l-importazzjoni mir-RPĊ reġgħet żdiedet, u fl-istess ħin naqset daqsxejn l-importazzjoni mit-Tajlandja imma baqgħet f’livelli sew ogħla milli kienet fl-2005.

4.   Il-Perjodu ta’ investigazzjoni

(10)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kien bejn l-1 ta’ Settembru 2007 u l-31 ta’ Awwissu 2008 (il-“PI”). Inġabret id-dejta mill-2005 sa tmiem il-PI biex tiġi investigata l-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ u l-aspetti l-oħra stipulati fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

B.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

1.   Il-Konsiderazzjonijiet ġenerali/il-livell ta’ kooperazzjoni/il-metodoloġija

(11)

Kif intqal fil-premessa (7), l-ebda produttur/esportatur tal-HPT fit-Tajlandja ma kkoopera u pprovda d-dejta meħtieġa għall-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex il-possibbiltà li tivverifika direttament mis-sors it-tip ta’ importazzjonijiet li kienu ntbagħtu mit-Tajlandja. Għalhekk, is-sejbiet fir-rigward ta’ esportazzjonijiet ta’ HPT ikkunsinnati mit-Tajlandja lejn il-Komunità kellhom isiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li la mill-informazzjoni li ntbagħtet mir-RPĊ u l-anqas minn dik ġejja minn importaturi Komunitarji ma ppremettew lill-Kummissjoni tiddetermina n-natura ta’ dawn l-importazzjonijiet.

(12)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni twettqet billi ġie analizzat jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Komunità, jekk din il-bidla kinitx ir-riżultat ta’ xi prassi, ta’ xi proċess jew ta’ ħidma, li għaliha ma kienx hemm kawża suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew li l-effetti rimedjanti kienu qed jiddgħajfu f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet ta’ dan it-tip ta’ prodott, u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping f’paragun mal-valuri normali li kienu ġew stabbiliti qabel għal dan it-tip ta’ prodott, u jekk meħtieġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.   Il-prodott ikkonċernat u prodotti tal-istess tip

(13)

L-HTP huwa pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażis u ħajdroliks, li normalment jiġu ddikjarati bil-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 oriġinati mir-RPĊ. L-HTP huma ddefiniti bħala trakkijiet bir-roti b’dirgħajn forma ta’ furketta għat-tqandil tal-palits, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat. L-HTP huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu ieħor bħal, pereżempju, (i) li jġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (“highlifters”),(ii) li jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (“stackers”), (iii) li jerfgħu t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (“scissorlifts”) jew (iv) li jerfgħu u jiżnu t-tagħbija (“weighing trucks”).

(14)

Il-prodott investigat huwa l-pallet trucks tal-idejn (iddefinit l-istess bħall-prodott ikkonċernat) u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażis u l-ħajdroliks ikkunsinnati mit-Tajlandja (il-“prodott investigat”) kemm jekk ikun iddikjarat li joriġina mit-Tajlandja, kemm jekk ma jkunx, u normalment huwa ddikjarat bl-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat.

(15)

Mill-informazzjoni disponibbli ġie konkluż li l-HPT li huma esportati lejn il-Komunità mir-RPĊ u dawk li jkunu kkunsinnati mit-Tajlandja lejn il-Komunità għandhom bażikament l-istess karatteristiċi fiżiċi u l-istess funzjoni. Għalhekk, huma ikkunsidrati bħala prodotti simili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   Bidla fir-rutina tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità

(16)

Minħabba li ebda kumpanija Tajlandiża ma kkooperat, il-volum u l-valur tal-esportazzjoni Tajlandiża tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità kienu ddeterminati skont l-informazzjoni disponibbli, li f’dan il-każ kienet id-dejta statistika miġbura mill-Istati Membri u kkompilata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku, u dejta tal-Eurostat. Fir-rigward tad-dejta li ngħatat fir-risposti tal-importaturi mill-Komunità, l-investigazzjoni stabbiliet li n-numru ta’ esportazzjonijiet Tajlandiżi li ġew irrappurtati mill-importaturi fi ħdan il-Komunità kien jirrapreżenta biss parti żgħira mill-esportazzjoni totali mit-Tajlandja ta’ HPT matul il-PI, jiġifieri inqas minn 5 %. F’dawn iċ-ċirkostanzi, kien maħsub li l-istatistika li għandha l-Kummissjoni iżjed turi s-sitwazzjoni preċiża fir-rigward tal-volum u l-valur tal-esportazzjoni mit-Tajlandja minn dik l-infomazzjoni limitata li ngħatat mill-importaturi fi ħdan il-Komunità.

(17)

Wara li ġew imposti l-miżuri anti-dumping, l-importazzjoni tal-HPT mit-Tajlandja żdiedet minn 7 458 truck fl-2005 għal 64 706 truck fl-2007, u naqset għal 42 056 truck matul il-PI.

(18)

L-importazzjoni tal-HPT miċ-Ċina lejn il-KE żdiedet minn 240 639 truck fl-2005 għal 538 271 fl-2007 u 584 786 matul il-PI. Skont l-informazzjoni disponibbli, din iż-żieda hija prinċipalment attribwita għaż-żieda fl-esportazzjoni mill-uniku esportatur produttur li għandu r-rata ta’ dazju anti-dumping l-iżjed baxxa. Infatti, l-esportazzjoni miċ-Ċina minn din il-parti speċifika tirrappreżenta perċentaġġ kbir taż-żieda fl-importazzjoni ta’ HPT fil-KE mir-RPĊ bejn l-2005 u t-tmiem tal-PI.

(19)

B’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni msemmija hawn fuq, ġie konkluż li saret bidla fir-rutina tal-kummerċ bejn il-KE, ir-RPĊ u t-Tajlandja. L-importazzjoni mir-RPĊ baqgħet tiżdied imma dan huwa attribwit direttament għall-esportazzjoni mingħand wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali u ngħatatlu l-inqas rata ta’ dazju anti-dumping. Min-naħa l-oħra, l-importazzjoni mit-Tajlandja żdiedet b’868 % bejn l-2005 u l-2007 u stabbiliżżat ruħa matul il-PI għal żieda ta’ 564 % fir-rigward tal-2005.

(20)

B’kollox, instab li minkejja li x-xejra tal-kummerċ wriet esportazzjoni persistenti mir-RPĊ, kien hemm ukoll żieda sinifikanti fl-esportazzjoni mit-Tajlandja. Din il-persistenza, jew iż-żieda kontinwa, minkejja li kienet ħafna iżgħar bejn l-2007 u l-PI minn dik li nstabet għall-esportazzjoni mir-RPĊ fl-investigazzjoni oriġinali, tispjega ruħa mill-fatt li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjoni hija mill-kumpanija Ċiniża li għandha l-iżjed rata baxxa ta’ dazju anti-dumping. Ix-xejra tal-kummerċ fir-rigward tat-Tajlandja, min-naħa l-oħra, tista’ biss tkun spjegata bħala riżultat ta’ azzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-evażjoni tal-miżuri.

4.   Kawża insuffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika

(21)

L-importazzjoni lejn il-Komunità mit-Tajlandja bdiet tiżdied matul iż-żmien tal-ewwel investigazzjoni mmexxija mill-Komunità. Huwa mfakkar li l-awtoritajiet fit-Tajlandja kif ukoll il-produtturi/esportaturi Tajlandiżi potenzjali kienu ġew infurmati bl-investigazzjoni li hi għaddejja. Iżda ma waslet ebda evidenza li tispjega din iż-żieda sinifikanti, u l-ebda kumpanija Tajlandiża ma kkooperat fl-investigazzjoni billi rrispondiet għad-domandi tal-kwestjonarju. F’dan ir-rigward għandu jkun enfasizzat li, kif intqal fil-premessa (7) l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fi żmien il-bidu tal-investigazzjoni tat ħjiel li hemm numru sinifikanti ta’ attivitajiet tal-immuntar ta’ HPT fit-Tajlandja. Min-naħa l-oħra, ma waslet ebda evidenza li tindika li kienet qed issir produzzjoni ġenwina fit-Tajlandja tal-HTP. Għalhekk ġie konkluż, fuq bażi tal-informazzjoni disponibbli, li fl-assenza ta’ xi kawża oħra adekwata jew xi ġustifikazzjoni ekonomika fl-ambitu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-bidla fir-rutina tal-kummerċ kienet ġejja minħabba l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping fuq l-HPT li joriġinaw fir-RPĊ.

5.   Id-dgħajfien tal-effetti ta’ rimedju tad-dazju anti-dumping (l-Artikolu 13(1))

(22)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja dgħajfu l-effetti rimedjanti tad-dazju anti-dumping kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet.

(23)

Huwa mfakkar li l-bidla fil-fluss kummerċjali ħadet ix-xejra ta’ żieda straordinarja fl-importazzjoni mit-Tajlandja. L-ewwel nett din dgħajfet l-effetti rimedjanti tal-miżuri anti-dumping f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwantitajiet importati ġewwa s-suq tal-Komunità. Tabilħaqq, kieku l-importazzjoni lejn il-Komunità kienet ġejja mir-RPĊ flok mit-Tajlandja, aktarx li l-kwantitajiet importati kienu jkunu ħafna inqas minn dawk ġejjin mit-Tajlandja meta wieħed jikkonsidra li kien ikun hemm il-ħtieġa li wieħed iħallas, inter alia, id-dazju anti-dumping b’rati bejn is-7,6 % u s-46,7 %.

(24)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ prezzijiet tal-prodotti kkonċernati kkunsinnati mit-Tajlandja, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, kien meħtieġ li issir referenza għad-dejta tal-Eurostat, (li kienu kkonfermati mid-dejta imsemmija fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku), li kienet l-aħjar evidenza disponibbli. L-informazzjoni ppreżentata mill-importaturi Komunitarji ma kenitx meqjusa bħala affidabbli għal kollox għar-raġunijiet mogħtija fil-premessa (16). F’dan ir-rigward ġie stabbilit li matul il-PI il-prezz medju tal-importazzjoni għall-esportazzjonijiet Tajlandiżi lejn il-Komunità kien sew inqas mil-livell ta’ eliminazzjoni ta’ danni għall-prezzijiet tal-Komunità li kienu ġew stabbiliti waqt l-investigazzjoni oriġinali. F’termini iżjed konkreti, il-prezz medju tal-importazzjoni tal-esportazzjonijiet Tajlandiżi lejn il-Komunità nstab li kien 48,9 % inqas mil-livell ta’ eliminazzjoni ta’ danni għall-prezzijiet tal-Komunità li kienu ġew stabbiliti waqt l-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, l-effetti rimedjanti tad-dazju impost f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prezzijiet ddgħajfu.

(25)

Għalhekk ġie konkluż li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mit-Tajlandja dgħajfu l-effetti rimedjanti tad-dazju, kemm inkwantu l-kwantitajiet kif ukoll inkwantu l-prezzijiet.

6.   It-Test tad-Dumping (l-Artikolu 13(1))

(26)

Kif spjegat fil-premessi (7) u (16), minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, sabiex jiġi stabbilit matul il-PI jekk setgħetx tinstab prova ta’ dumping fir-rigward ta’ esportazzjonijiet mit-Tajlandja tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità, kienet użata d-dejta Eurostat fuq-livell NM skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku bħala l-bażi għat-twaqqif tal-prezzijiet tal- esportazzjoni lejn il-Komunità.

(27)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, dawn il-prezzjijiet tal-esportazzjoni ġew ipparagunati mal-valur normali stabbilit minn qabel, f’dan il-każ il-valur medju normali differenzjat li ġie stabbilit waqt l-investigazzjoni oriġinali.

(28)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni u skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, għall-iskop ta’ paragun tal-prezz ta’ esportazzjoni u l-valur normali, ġie meqjus li hu xieraq li wieħed jassumi li t-taħlita ta’ prodotti tal-merkanzija nnutata matul l-investigazzjoni preżenti kienet l-istess bħal dik fl-investigazzjoni oriġinali.

(29)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, il-paragun tal-valur medju normali differenzjat kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u l-valur medju miżjud tal-prezzijiet tal-esportazzjoni matul il-PI tal-investigazzjoni preżenti, kif stabbilit mid-dejta tal-Eurostat, irrappreżentat bħala perċentaġġ tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, wera marġini tad-dumping sinifikanti, jiġifieri 22,5 %.

(30)

Meta wieħed iqis il-marġini tad-dumping li hemm, u l-fatt li mhemmx evidenza li turi bidla sinifikanti fit-taħlita tal-prodotti esportati, huwa meqjus li hemm id-dumping f’paragun mal-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

C.   IL-MIŻURI

(31)

Minħabba s-sejbiet ta’ hawn fuq, ġie konkluż li saret l-evażjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri eżistenti anti-dumping fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ għandhom għalhekk jiġu estiżi għall-importazzjoni tal-istess prodott ikkunsinnat mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġina mit-Tajlandja kemm jekk le.

(32)

Il-miżuri li jridu jiġu estiżi għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament oriġinali għall-partijiet li ma kkooperawx, jiġifieri għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Għaldaqstant, għal dan ir-Regolament preżenti r-rata tad-dazju anti-dumping li tapplika għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, għandha tkun ta’ 46,7 %.

(33)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża tista’ tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fil-Komunità skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament ta’ bidu, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tal-HTPs ikkunsinnati mit-Tajlandja.

D.   IT-TALBIET GĦALL-EŻENZJONI

(34)

Huwa mfakkar li matul l-investigazzjoni preżenti ma nstab li kien hemm ebda esportatur/produttur Tajlandiż tal-HPT għall-Komunità fit-Tajlandja, jew ma kienx hemm wieħed li ppreżenta ruħu mal-Kummissjoni u kkoopera fil-proċediment. B’danakollu, kull esportatur/produttur Tajlandiż li hu meqjus li għandu x’jaqsam u li jikkunsidra li jagħmel talba għall-eżenzjoni mid-dazju anti-dumping estiż skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ikun meħtieġ li jimla kwestjonarju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi l-eżenzjoni hijiex iġġustifikata. Eżenzjoni ta’ din ix-xorta tista’ tingħata, pereżempju, wara li ssir valutazzjoni tas-sitwazzjoni fis-suq tal-prodott ikkonċernat, tal-kapaċità ta’ produzzjoni u tal-użu tal-kapaċità, tal-ksib u l-bejgħ u tal-probabbiltà li jitkomplew l-attivitajiet li għalihom mhemmx kawża suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika u hemm evidenza ta’ dumping. Normalment il-Kummissjoni tagħmel ukoll spezzjoni ta’ verifikazzjoni fuq il-post. It-talba tkun trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni minnufih, bl-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment xi modifikazzjoni fl-attivitajiet tal-kumpanija marbutin mal-produzzjoni u l-bejgħ.

E.   IT-TAGĦRIF

(35)

Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzali u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom il-Kunsill kellu ħsieb li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping li hemm fis-seħħ, u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw u jiġu mismugħa. Ma wasslu ebda kummenti li kienu jiġġustifikaw bidla fil-konklużjonijiet ta’ hawn fuq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju definittiv anti-dumping li japplika għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjoni ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażis u l-ħajdroliks, kif definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 684/2008, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa b’dan estiż għall-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażis u l-ħajdroliks, kif definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 684/2008, u li huma kklassifikati skont il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 (kodiċi TARIC 8427900011 u 8431200011), li jkunu kkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġinaw mit-Tajlandja, kemm jekk le.

2.   Id-dazji estiżi permezz tal-paragrafu 1 għandhom jinġabru fuq importazzjonijiet irreġistrati b’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 923/2008 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96.

3.   Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-applikant. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/090

1040 Brussell

BELGIUM

Fax (32-2) 295 65 05

2.   Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza b’deċiżjoni l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet li ma jevitawx il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-awtoritajiet tad-dwana huma b’dan ordnati li jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbiliti skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 923/2008.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 11 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

G. SLAMEČKA


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 189, 21.7.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 192, 19.7.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 252, 20.9.2008, p. 3.